Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32004D0014

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Diċembru 2003 li temenda t-tielet subparagrafu (Kriterji bażiċi għall-eżami ta' applikazzjonijiet) tal-Parti V ta' l-Istruzzjonijiet Konsulari Komuni

ĠU L 5, 9.1.2004, pp. 74–75 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 04/04/2010; Impliċitament imħassar minn 32009R0810

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2004/14(1)/oj

32004D0014



Official Journal L 005 , 09/01/2004 P. 0074 - 0075


Id-Deċiżjoni tal-Kunsill

tat-22 ta' Diċembru 2003

li temenda t-tielet subparagrafu (Kriterji bażiċi għall-eżami ta' applikazzjonijiet) tal-Parti V ta' l-Istruzzjonijiet Konsulari Komuni

(2004/14/KE)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 789/2001 ta' l-24 ta' April 2001 li jirriServa għall-Kunsill poteri (setgħat) ta' implimentazzjoni rigward ċerti dispożizzjonijiet iddettaljati u proċeduri prattiċi biex ikunu eżaminati applikazzjonijiet għal viża [1],

Wara li kunsidra l-inizjattiva tar-Repubblika Taljana,

Billi:

(1) Il-Kunsilli Ewropej ta' Tampere, Laeken, Sivilja u Tessaloniki talbu lill-Istati Membri biex jiżviluppaw aktar il-politika ta' viża komuni tagħhom u jgħaġġlu l-koperazzjoni konsulari lokali bejn ir-rappreżentazzjonijiet tagħhom f'pajjiżi terzi.

(2) Analiżi tad-data dwar l-immigrazzjoni illegali wriet li viżas għal terminu qasir (turiżmu, kummerċ, studju, xogħol jew żjarat tal-familja) huma dawk użati l-aktar ta' spiss għall-għan ta' dħul b'mod regolari fit-territorju tal-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni ta' Schengen u mbagħad isir l-isparixxar meta l-viża tiskadi.

(3) Biex ikun stmat ir-riskju ta' immigrazzjoni, jidher meħtieġ li titgħaġġel iktar il-koperazzjoni konsulari lokali fl-iddeterminar liema dokumenti supplimentari u/jew adizzjonali għandhom ikunu rekwiżiti għal ħruġ ta' viżas u fir-rigward ta' l-adozzjoni ta' mekkaniżmi komuni biex ikunu skoperti dokumenti foloz jew iffalsifikati b'mod iktar effettiv.

(4) Fost il-fatturi varji li fuqhom l-istima ta' riskju ta' immigrazzjoni għandha tkun ibbażata, r-riżultat ta' l-intervista li għaliha l-applikant għall-viża jkun issuġġettat mill-missjoni diplomatika jew il-post (uffiċċju) konsulari hija wkoll ta' importanza fundamentali.

(5) Missjonijiet diplomatiċi u postijiet (uffiċċji) konsulari għandhom għalhekk ikunu f'pożizzjoni li jeżerċitaw b'mod iktar effettiv il-poteri (setgħat) li jippossjedu biex jistmaw riskju ta' immigrazzjoni.

(6) Skond Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, mehmuż mat-Trattat ta' l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, d-Danimarka mhix tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni, u mhix marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha. Billi din id-Deċiżjoni żżid ma' (tibni fuq) l-acquis ta' Schengen taħt id-dispożizzjonijiet tat-Titolu IV il-Parti Tlieta tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, d-Danimarka għandha, skond Artikolu 5 tal-Protokoll imsemmi, tiddeċiedi fi żmien perjodu ta' sitt xhur wara li l-Kunsill ikun adotta din id-Deċiżjoni jekk għandhiex tittrasponiha fil-liġi nazzjonali tagħha jew le.

(7) Rigward l-Islanda u n-Norveġja, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen fit-tifsira tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta' l-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni taż-żewġ Stati ma' l-implimentazzjoni, applikazzjoni u żvilupp ta' l-acquis ta' Schengen [2], li taqa' fiż-żona li jirreferi għaliha Artikolu 1, il-punt A tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE [3] dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni ta' dak il-Ftehim.

(8) Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen li fih ir-Renju Unit ma jieħux sehem, skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-19 ta' Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq biex tieħu sehem f'xi dispożizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen [4]; ir-Renju Unit mhux għalhekk qiegħed jieħu sehem fl-adozzjoni tagħha u mhux marbut biha jew suġġett għall-applikazzjoni tagħha.

(9) Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen li fih l-Irlanda ma tieħux sehem, skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta' Frar 2002 dwar it-talba ta' l-Irlanda biex tieħu sehem f'xi wħud mid-dispożizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen [5]; l-Irlanda għalhekk m'hix tieħu sehem fl-adozzjoni tagħha u mhix marbuta jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(10) Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi att li jżid ma' (jibni fuq) l-acquis ta' Schengen jew li hu b'xi mod ieħor konness miegħu fit-tifsira ta' Artikolu 3(2) ta' l-Att ta' Adeżjoni ta' l-2003,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

It-tielet subparagrafu (Kriterji bażiċi għall-eżami ta' l-applikazzjonijiet) tal-Parti V ta' l-Istituzzjonijiet Konsulari Komuni għandu jkun issostitwit b'li ġej:

"Il-missjoni diplomatika jew il-post (uffiċċju) konsulari għandu jassumi responsabbilta sħiħa fl-istima jekk hemmx riskju ta' immigrazzjoni. L-għan ta' l-eżaminar ta' applikazzjonijiet huwa li jiskopri dawk l-applikanti li jkunu qegħdin jippruvaw jemigraw lejn l-Istati Membri u jistabbilixxu ruħhom hemm, billi jużaw raġunijiet bħal turiżmu, kummerċ, studju, xogħol jew żjarat tal-familja bħala pretest. Għalhekk, huwa meħtieġ li wieħed ikun b'mod partikolari viġilanti meta jittratta ma' "kategoriji ta' riskju", persuni bla xogħol, dawk li m'għandhomx qligħ regolari, eċċ. Għall-istess għan, tingħata importanza fundamentali lill-intervista li ssir lill-applikant biex ikun iddeterminat l-għan tal-vjaġġ. Dokumentazzjoni addizzjonali ta' appoġġ, maqbula jekk possibbli permezz ta' koperazzjoni konsulari lokali, tista' wkoll tkun rekwiżita. Il-missjoni diplomatika jew il-post (uffiċċju) konsulari għandhom anki jinqdew bil-koperazzjoni konsulari lokali biex itejbu l-kapaċita li jiskopru dokumenti foloz jew iffalsifikati sottomessi b'appoġġ ta' xi applikazzjonijiet ta' viżas. Jekk hemm xi dubju dwar l-awtentiċita tal-karti u dokumenti ta' appoġġ issottomessi, inkluż dubju dwar il-veraċita tal-kontenut tagħhom, jew fuq kemm ikunu fdati (fuq il-kredibilita ta') l-istqarrijiet miġbura matul l-intervista, l-missjoni diplomatika jew il-post (uffiċċju) konsulari m'għandhomx joħorġu l-viża."

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mid-data tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri skond it-Trattat li jitabbilixxi l-Komunità Ewropea.

Magħmula fi Brussel, fit-22 ta' Diċembru 2003.

Għall-Kunsill

Il-President

A. Matteoli

[1] ĠU L 116, 26.04.01, p. 2.

[2] ĠU L 176, 10.07.99, p. 36.

[3] ĠU L 176, 10.07.99, p. 31.

[4] ĠU L 131, 01.06.00, p. 43.

[5] ĠU L 64, 07.03.02, p. 20.

--------------------------------------------------

Top