This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32003D0100
2003/100/EC: Commission Decision of 13 February 2003 laying down minimum requirements for the establishment of breeding programmes for resistance to transmissible spongiform encephalopathies in sheep (Text with EEA relevance) (notified under document number C(2003) 498)
Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Tat-13 ta' Frar 2003 li tippreskrivi r-rekwiżiti minimi għall-istabbiliment ta' programmi ta' tnissil għar-reżistenza għall-enċefalopatiji sponġiformi trasmissibbli fin-nagħaġ (innotifikata taħt id-dokument numru K(2003) 498)Test b'rilevanza għaż-ŻEE
Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Tat-13 ta' Frar 2003 li tippreskrivi r-rekwiżiti minimi għall-istabbiliment ta' programmi ta' tnissil għar-reżistenza għall-enċefalopatiji sponġiformi trasmissibbli fin-nagħaġ (innotifikata taħt id-dokument numru K(2003) 498)Test b'rilevanza għaż-ŻEE
ĠU L 41, 14.2.2003, pp. 41–45
(ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO)
No longer in force, Date of end of validity: 16/07/2007; Imħassar b' 32007R0727
Official Journal L 041 , 14/02/2003 P. 0041 - 0045
Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Tat-13 ta' Frar 2003 li tippreskrivi r-rekwiżiti minimi għall-istabbiliment ta' programmi ta' tnissil għar-reżistenza għall-enċefalopatiji sponġiformi trasmissibbli fin-nagħaġ (innotifikata taħt id-dokument numru K(2003) 498) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE) (2003/100/KE) IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ, Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2001 li jippreskrivi regoli għall-prevenzjoni, kontroll u qerda ta' ċerti enċefalopatiji sponġiformi trasmissibbli [1], kif l-aħħar emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1494/2002 [2], u b'md partikolari l-Artikolu 23 tiegħu, Billi: (1) Scrapie (Ħakk?) toħloq problema kbira ta' saħħa ta' l-annimali fil-populazzjoni ovina u kaprina tal-Komunità. (2) M'hemmx metodu dijanjostiku ta' rutina legalment validu biex issir distinzjoni bejn l-enċefalopatija sponġiformi Bovina (ta' l-ifrat) (BSE) u l-infezzjoni ta' scrapie f'annimali ovini u kaprini. L-infezzjoni BSE ma kenitx ippruvata li teżisti f'annimali ovini u kaprini taħt kondizzjonijiet naturali. Madankollu, hemm xi inċertezza jekk BSE setgħetx tinfetta l-populazzjoni ovina u kaprina u tistax għadha preżenti f'dik il-popOlazzjoni. Għalhekk infezzjonjiet minn enċefalopatija sponġiformi trasmessibbli (EST) f'annimali ovini u kaprini joħolqu wkoll riskju potenzJali għas-saħħa pubblika. (3) Ir-riċerka wriet li ċerti ġenotipi ta' proteina ta' prion jagħtu reżistenza għal scrapie. L-evidenza sa llum tindika li reżistenza għal BSE ddeterminata ġenetikament b'mod simili teżisti fin-nagħaġ meta mogħtija oralment l-infezzjoni BSE taħt kondizzjonijiet sperimentali. (4) L-opinjoni tal-Kumitat Xjentfiku Direttiv (KXD) ta' l-4 u 5 ta' April 2002 dwar sigurezza ta' sorsi ta' materjali għal ruminanti żgħar ippreskriviet linji gwida għall-punti prinċipali ta' tnissil għal reżistenza għall-EST f''nagħaġ. Il-KXD iqis li programm tali għandu jkun immirat lejn popolazzjonijiet f'riskju jew f'żoni ta' riskju. (5) Rekwiżit wieħed għall-programm ta' tnissil tali huwa approssimazzjoni tal-frekwenza ta' nagħaġ ARR/ARR għal kull nisel importanti. Biex tinkiseb din l-informazzjoni, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/1003/KE [3] introduċiet survey tan-nisel tan-nagħaġ fl-Istati Membri. (6) Għandu jkun possibbli li ssir deroga mir-rekwiżit li jkun stabbilit programm ta' tnissil skond din id-Deċiżjoni għal ċerti nisel b'livell naturali baxx ta' reżistenza u għal nisel lokali indiġenu għaż-żona u f'periklu li jintilef għall-biedja kif jirreferi għalihom ir-Regolament (KE) Nru 445/2002 tas-26 ta' Frar 2002 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applkikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/1999 dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG) [4]. (7) Fl-opinjoni tiegħu, il-KXD irrakkomanda l-istabbiliment taċ-ċertifikazzjoni ta' merħliet b'riskju negliġibbli ta' scrapie/BSE. Waħda mill-għażliet irrakkomandati hija ċ-ċertifikazzjoni ta' merħliet ibbażata fuq reżistenza ġenetika sħiħa għall-ESTi flimkien ma' ttestjar regolari għall-EST. (8) Il-KXD irrakkomanda lista komprensiva ta' tessuti f'annima ovini u kaprini li jistgħu jitqiesu li joħolqu riskju għas-saħħa umana u ta' l-annimali fil-każ li BSE tkun ikkonfermata jew meqjusa probabbli. Madankollu, l-opinjoni qieset li dawn it-tessuti m'għandhomx joħolqu riskju sinifikanti meta jkun dderivati minn annimali reżistenti u semi-reżistenti taħt l-età ta' 18 u 6 xhur rispettivament. Huwa xieraq li jkun promoss l-iżvilupp ta' merħliet iċċertifikati skond dawn il-linji. (9) Il-Kummissjoni għandha tipproponi lill-Kunsill u l-Parlament emenda għar-Regolament (KE) Nru 999/2001 biex jipprovdi bażi legali f'dak ir-Regolament għall-miżuri kkontenuti f'din id-Deċiżjoni. Sadanittant, huwa xieraq li tkun adottata din id-Deċiżjoni bħala miżura transizzjonali. (10) Il-miżuri li tipprovdi għalihom din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina ta' l-Ikel u s-Saħħa ta' l-Annimali, ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI: Artikolu 1 Definizzjonijiet Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni id-definizjonijiet miġjuba fl-Anness I mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/1003/KE għandhom japplikaw. Artikolu 2 Programm ta' tnissil għal reżistenza għall-EST f'nagħaġ ta' razza pura 1. Sa l-1 ta' Jannar 2004, fuq il-bażi tar-riżultat tas-survey li tipprovdi għalih id-Deċiżjoni 2002/1003/KE, kull Stat Membru għandu jintroduċi programm ta' tnissil biex jagħżel għal reżistenza għall-ESTi f'kull waħda min-nagħaġ tiegħu razez li huma nattivi, jew li jifformaw populazzjoni sinifikanti fit-territorju tiegħu. Ir-rekwiżiti minimi għal programm tali għandhom ikunu dawk miġjuba fl-Anness I. 2. L-Istat Membru jista' jiddeċiedi li partiċipazzjoni minn sidien l-imrieħel fil-programmi ta' tnissil li jirreferi għalihom il-paragrafu 1 għandha tkun volontarja sa l-1 April 2005. Madankollu, wara dik id-data, għandha tkun ħaġa obbligatorja għall-imrieħel kollha ta' mertu ġenetiku għoli li jipparteċipaw fil-programm ta' tnissil. Artikolu 3 Derogi 1. Stati Membri jistgħu jingħataw deroga mir-rekwiżit li jistabbilixxu programm ta' tnissil kif ipprovdut fl-Artikolu 2: - fuq il-bażi ta' programm nazzjonali ta' kontroll ta' scrapie ssottomess u approvat skond il-punt (b) tal-Parti I tal-Kapitolu A ta' l-Anness VIII għar-Regolament (KE) Nru 999/2001, li jinkludi mmonitorjar attiv kontinwu ta' annimali ovini u kaprini li jmutu fir-razzett fl-imrieħel kollha fl-Istat Membru, jew - meta l-Kummissjoni tkun irrikonoxxiet li t-territorju tagħha bħala liberu minn scrapie skond il-punt (ċ) tal-Parti I tal-Kapitolu A ta' l-Anness VIII mar-Regolament (KE) Nru 999/2001, ibbażat fuq survey statistika konklużiva. 2. Id-deroga li jipprovdi għaliha l-paragrafu 1 għandha tkun adottata skond il-proċedura li jirreferi għaliha l-Artikolu 24(2) tar-Regolament (KE) Nru 999/2001. Artikolu 4 Qafas biex ikun irrikonoxxut l-istatus ta' reżistenti għall-EST ta' ċerti mrieħel ta' nagħaġ 1. Sa l-1 ta' Jannar 2004, kull Stat Membru għandu jistabbilixxi qafas għar-rikonoxximent ta' l-istatus ta' reżistenti għall-EST ta' ċerti mrieħel ta' nagħaġ. Dan il-qafas għandu jsegwi l-kriterji miġjuba fl-Anness II. 2. Ir-rikonoxximent ta' l-istatus ta' reżistenti għall-EST ta' merħla taħt il-qafas li jipprovdi għalih il-paragrafu 1 m'għandux jitqies bħala kriterju meħtieġ biex tkun eskluża l-preżenza ta' EST f'dik il-merħla. Artikolu 5 Rapporti li għandhom ikunu pprovduti lill-Kummissjoni mill-Istati Membri Stati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni r-rapporti li ġejjin: (a) rapport dwar ir-rekwiżiti għall-programmi ta' tnissil tagħhom kif ipprovdut fl-Artikolu 2 sa l-1 ta' April 2004; (b) rapport annwali tal-progress għandu jkun ipprovdut għall-ewwel darba sa l-1 ta' April 2005, tal-progress li sar fil-programmi ta' tnissil. Artikolu 6 Sommarju tar-rapporti mill-Kummissjoni lill-Istati Membri Il-Kummmissjoni għandha tippreżenta lill-Istati Membri sommarju tar-rapporti li tirċievi taħt l-Artikolu 5, fi żmien tliet xhur mit-terminu ta' żmien għall-irċevuta tar-rapporti. Artikolu 7 Reviżjoni Ir-rekwiżiti ta' din id-Deċiżjoni għandhom ikunu rriveduti: (a) fuq il-bażi tar-rapporti li jirreferi għalihom l-Artikolu 5, (b) fir-rigward ta' razez li dwarhom intwera effett ġeneriku negattiv serju matul il-kors tal-programm ta' tnissil, (ċ) f'kull każ qabel l-1 ta' April 2005, biex tittieħed konsiderazzjoni ta' kull parir xjentifiku ġdid. Artikolu 8 Destinatarji Dan id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri. Magħmula fi Brussel, fit-13 ta' Frar 2003. Għall-Kummissjoni David Byrne Membru tal-Kummissjoni [1] ĠU L 147, tal-31.5.2001, pġ. 1. [2] ĠU L 225, tat-28.8.2002, pġ. 3. [3] ĠU L 349, ta’ l-24.12.2002, pġ. 105. [4] ĠU L 74, tal-15.3.2002, pġ. 1. -------------------------------------------------- ANNESS I REKWIŻITI MINIMI GĦAL PROGRAMM TA' TNISSIL GĦAL REŻISTENZA GĦALL-EST F'NAGĦAĠ Parti 1 – Rekwiżiti ġenerali 1. Il-programm ta' tnissil għandu jikkonċentra fuq merħliet ta' mertu ġenetiku għoli. 2. Għandha tkun stabbilita database li jkun fiha għall-inqas l-informazzjoni li ġejja: (a) l-identità, nisel u numru ta' l-annimali fl-imrieħel kollha li jipparteċipaw fil-programm ta' tnissil; (b) l-identifikazzjoni ta' l-annimali indiviwali li servew ta' kampjun taħt il-programm ta' tnissil; (ċ) ir-riżultati ta' kull test għal ġenotip. 3. Għandha tkun stabbilita sistema ta' ċertifikazzjoni uniformi li biha l-ġenotip ta' kull annimal li serva ta' kampjun taħt il-programm ta' tnissil ikun iċċertifkat b'referenza għan-numru ta' identifikazzjoni individwali tiegħu. 4. Teħid ta' kampjuni għandu jitwettaq minn personal maħtur speċifikament għal dan il-għan taħt il-programm ta' tnissil. 5. Għandhom ikunu stabbiliti sistema ta' identifikazzjoni ta' annimali u kampjuni, l-ipproċċessar ta' kampjuni u l-ħruġ tar-riżultati li timminizza l-possibbiltà ta' żball uman. L-effiċjenza ta' din is-sistema għandha tkun suġġett għall-kontroll regolari bl-addoċċ. 6. Id-determinazzjoni tal-ġenotip tad-demm u tessuti oħra miġbura għall-għanijiet tal-programm ta' tnissil għandha titwettaq f'laboratorji li kienu approvati taħt l-iskema. 7. L-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru tista' tassisti soċjetajiet ta' razez li jixtiequ jagħmlu hekk, jistabbilixxu banek ġenetiċi li jikkonsistu f'semen, ova u/jew embriji rappreżentanti ta' ġenotipi ta' proteina prion li aktarx isiru rari b'riżultat tal-programm ta' tnissil. 8. Programmi ta' tnissil għandhom jinkitbu għal kull razza, filwaqt li jitqiesu: (a) il-frekwenzi ta' l-alleli differenti ġewwa r-razza; (b) rarita tar-razza; (ċ) evitar ta' tnissil fl-istess familja jew drift ġenetiku. Part 2 – Regoli speċifiċi għal imrieħel li jipparteċipaw 1. Il-programm ta' tnissil għandu jkun immirat lejn żieda tal-frekwenza ta' l-allel ARR fil-merħla tan-nagħaġ, filwaqt li titnaqqas il-prevalenza ta' dawk l-alleli li jkunu ntwerew li kkontribwixxew għas-suxxettibilità għall-ESTi. 2. r-regoli minimi għall-imrieħel li jipparteċipaw għandhom: (a) l-annimali kollha fil-merħla li se jkunu ġenotipati għandhom ikunu individwalment identifikati bl-użu ta' mezzi siguri; (b) għandu jkun obbligatorju għall-imtaten kollha maħsuba għat-tnissil fil-merħla li jkunu ġenotipati qabel jintużaw għat-tnissil; (ċ) għandu jkun obbligatorju li jkun ibbiċċerjat jew ikkastrat (jissewwa), fi żmien sitt xur wara d-determinazzjoni tal-ġenotip tiegħu, kull annimal raġel li jġorr l-allel VRQ; kull annimali tali m'għandux iħalli l-azjenda ħlief għal-biċċerija; (d) għandu jkun ipprojbit għal annimali nisa li jkunu magħrufa li jġorru l-allel VRQ iħallu l-azjenda ħlief għall-biċċerija; (e) għandu jkun ipprojbit għall-annimali rġiel, inklużi donaturi ta' semen użat għall-inseminazzjoni artifiċjali, barra minn dawk iċċertifikati taħt il-programm, li jintużaw għat-tnissil fil-merħla. Parti 3 – Protezzjoni ta' razez u karatteristiċi tal-produzzjoni 1. Stati Membri jistgħu jiddeċiedu jagħtu deroga mir-rekwiżiti tal-punt 2(ċ) u (d) tal-Parti 2, fil-każ ta' razez: (a) li juru livell ta' l-allel ARR taħt il-25 % fis-survey li tirreferi għalih id-Deċiżjoni 2002/1003/KE; or (b) li huma fil-periklu li jintilfu għal biedja, kif jirreferi għalihom l-Artikolu 14(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 445/2002. 2. Fil-każ ta' razez li juru assenza, jew livell ta' inqas minn 10 %, ta' l-allel ARR fis-survey li tirreferi għalih id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/1003/KE, Stati Membri jistgħu jiddeċiedu jagħtu deroga mill-Partijiet 1 u 2, suġġetta għall-kondizzjoni li razez tali ikunu suġġetti għall-programmi ta' kontroll ta' scrapie. 3. Stati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bid-derogi mogħtija taħt il-punti 1 u 2 u bil-kriterji użati. -------------------------------------------------- ANNESS II IL-QAFAS GĦAR-RIKONOXXIMENT TA' L-ISTATUS TA' REŻISTENTI GĦALL-EST TA' MRIEĦEL TA' NAGĦAĠ 1. Il-qafas għandu jirrikonoxxi l-istatus ta' reżistenti għall-EST ta' mrieħel ta' nagħaġ li, kemm bħala riżultat tal-parteċipazzjoni fil-programm ta' tnissil kif jipprovdi l-Artikolu 2 kif ukoll mod ieħor, jissodisfaw ċerti kriterji. Dan ir-rikonoxximent għandu jingħata għall-inqas fuq żewġ livelli: (a) imrieħel tal-livell I għandhom ikunu mrieħel magħmula kollha kemm huma tal-ġenotip ARR/ARR; (b) imrieħel tal-livell II għandhom ikunu mrieħel li d-dixxendenti tagħhom ikunu tgħammru esklussivament minn imtaten tal-ġenotip ARR/ARR. Stati Membri jistgħu jiddeċiedu jagħtu rikonoxximent lil-livelli oħra li jixirqu r-rekwiżiti nazzjonali. 2. Għandu jitwettaq teħid ta' kampjuni bl-addoċċ ta' nagħaġ minn imrieħel reżistenti għall-EST: (a) jew fir-razzet jew fil-biċċerija biex ikun ivverifikat il-ġenotip tagħhom; (b) fil-każ ta' mrieħel tal-livell I, f'annimali ta' età ta' 'l fuq minn 18-il xahar fil-biċċerija, għal ittestjar għall-EST skond l-Anness III mar-Regolament (KE) Nru 999/2001. --------------------------------------------------