This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32002R2322
Council Regulation No 2322/2002 (Euratom) of 5 November 2002 concerning the rules for the participation of undertakings, research centres and universities in the implementation of the sixth framework programme of the European Atomic Energy Community (2002 to 2006)
Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2322/2002 (Euratom) tal-5 ta’ Novembru 2002 dwar ir-regoli għall-parteċipazzjoni ta’ impriżi, ċentri ta’ riċerka u universitajiet fl-implimentazzjoni tas-sitt programm qafas tal-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika (2002 sa 2006)
Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2322/2002 (Euratom) tal-5 ta’ Novembru 2002 dwar ir-regoli għall-parteċipazzjoni ta’ impriżi, ċentri ta’ riċerka u universitajiet fl-implimentazzjoni tas-sitt programm qafas tal-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika (2002 sa 2006)
ĠU L 355, 30.12.2002, p. 35–44
(ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL)
No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2006
Official Journal L 355 , 30/12/2002 P. 0035 - 0044
Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2322/2002 (Euratom) tal-5 ta’ Novembru 2002 dwar ir-regoli għall-parteċipazzjoni ta’ impriżi, ċentri ta’ riċerka u universitajiet fl-implimentazzjoni tas-sitt programm qafas tal-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika (2002 sa 2006) IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika, u partikolarment l-Artikolu 7 miġjub fih, Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kommissjoni [1], Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2], Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali [3], Billi: (1) Is-sitt programm qafas tal-Komunità Ewropea dwar Enerġija Atomika (Euratom) għal attivitajiet ta’ riċerka nukleari u ta’ taħriġ, li jikkontribbwixxi wkoll għall-ħolqien ta’ Erja Ewropea ta’ Riċerka (2002 sa 2006) (is-sitt "programm qafas") ġie adottat mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/668/Euratom [4]. Ir-regoli għal parteċipazzjoni finanzjarja mill-Komunità jeħtieġu li jiġu supplimentati minn dispożizzjonijiet li għandhom jiġu preskritti bi qbil ma’ l-Artikolu 7 tat-Trattat.; (2) Dawk id-dispożizzjonijiet għandhom jidħlu ġo qafas koerenti u trasparenti li jqis totalment l-għanijiet u l-karatteristiċi ta’ l-istrumenti definiti fl-Anness III mal-programm speċifiku (Euratom) għar-riċerka u t-taħriġ dwar enerġija nukleari, adottat mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/837/Euratom [5], sabiex tiġi garantita l-implimentazzjoni l-aktar effiċjenti possibbli. (3) Ir-regoli għall-parteċipazzjoni ta’ impriżi, ċentri ta’ riċerka u universitajiet għandhom iqisu n-natura tar-riċerka (inkluż demostrazzjoni) u attivitajiet ta’ taħriġ fil-qasam ta’ enerġija nukleari. Jistgħu, madanakollu, ivarjaw, skond jekk parteċipant huwiex ibbażat fi Stat Membru, fi Stat assoċjat, jekk pajjiż kandidat jew le, jew f’pajjiż terz, u skond l-istruttura legali tiegħu, jiġifieri jekk tkun organizzazzjoni nazzjonali, organizzazzjoni internazzjonali, ta’ interess Ewropew jew le, jew assoċjazzjoni iffurmata minn parteċipanti. (4) F’konformità mas-sitt programm qafas, il-parteċipazzjoni ta’ entitajiet legali minn pajjiżi terzi għandha tiġi prevista f’linja ma’ l-għanijiet ta’ koperazzjoni internazzjonali, partikolarment kif inkwadrat fl-Artikolu 101 tat-Trattat. (5) Organizzazzjonijiet internazzjonali li huma dedikati għall-iżvilupp ta’ koperazzjoni fil-qasam ta’ riċerka fl-Ewropa u li fil-biċċa’ l kbira huma magħmula minn Stati Membri jew Stati assoċjati jikkontribbwixxu għall-ħolqien ta’ Erja Ewropea ta’ Riċerka. Għandhom għalhekk jiġu nkoraġġiti biex jipparteċipaw fis-sitt programm qafas. (6) Attivitajiet skond is-sitt programm qafas għandhom jiġu kondotti b’konformità ma’ prinċipji etiċi, inklużi dawk riflessi fil-Kapitolu ta’ Drittijiet Fondamentali ta’ l-Unjoni Ewropea, u għandhom iħabirku biex itejbu tagħrif għal u djalogu mas-soċjeta kif ukoll biex iżidu r-rwol tan-nisa fir-riċerka. (7) Iċ-Ċentru Konġunt ta’ Riċerka jieħu parti f’riċerka indiretta u f’azzjonijiet ta’ żvilupp teknoloġiku fuq l-istess bażi bħal entitajiet legali stabbiliti fi Stat Membru. (8) Attivitajiet skond is-sitt programm qafas għandhom jikkonformaw ma’ l-interessi finanzjarji tal-Komunità u għandhom jissalvagwardjaw dawk l-interessi. Ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni għall-implimentazzjoni tal-programm qafas u l-programmi speċifiċi tiegħu tinkludi wkoll aspetti finanzjarji li jinħolqu minnhom, ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT: IL-KAPITOLU I DISPOSIZZJONIJIET INTRODUTTORJI Artikolu 1 Suġġett Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli għall-parteċipazzjoni ta’ impriżi, ċentri ta’ riċerka u universitajiet ta’ riċerka mwettqa skond is-sitt programm qafas tal-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika għal attivitajiet ta’ riċerka u ta’ taħriġ, jikkontribbwixxi wkoll għall-ħolqien ta’ il-qasam Ewropea ta’ Riċerka (2002 sa 2006) (minn issa ’l quddiem riferita bħala "s-sitt programm qafas"). Artikolu 2 Id-definizzjonijiet Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament: 1. "Attività R u TD" tfisser waħda mill-attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp teknoloġiku, inkluż attivitajiet ta’ demostrazzjoni, u attivitajiet ta’ taħriġ, deskritti fl-Annessi I u III fis-sitt programm qafas; 2. "azzjoni diretta" tfisser attività R u TD midħula għaliha miċ-Ċentru Konġunt ta’ Riċerka (minn issa’ l quddiem riferit bħala ĊKR) fl-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet assenjati lilu skond is-sitt programm qafas; 3. "azzjoni indiretta" tfisser attività R u TD midħula għaliha minn parteċipant wieħed jew aktar permezz ta’ strument tas-sitt programm qafas; 4. "strumenti" jfissru l-mekkaniżmi għal intervent indirett Komunitarju kif preskritt fl-Anness III mal-programm speċifiku (Euratom) għal riċerka u taħriġ dwar enerġija nukleari; 5. "kuntratt" ifisser ftehim ta’ għotja bejn il-Komunità u l-parteċipanti li jikkonċerna t-twettieq ta’ azzjoni indiretta li tistabbilixxi drittijiet u obbligazzjonijiet bejn il-Komunità u l-parteċipanti mill-banda waħda, u bejn il-parteċipanti f’ dik l-azzjoni indiretta, mill-banda l-oħra; 6. "ftehim ta’ consortium" ifisser ftehim li jikkonkludu bejniethom il-parteċipanti f’azzjoni indiretta għall-implimentazzjoni tiegħu. Ftehim bħal dan m’għandux jaffettwa obbligazzjonijiet tal-parteċipanti lejn il-Komunità u lejn xulxin li jinħolqu minn dan ir-Regolament jew mill-kuntratt; 7. "parteċipant" ifisser entità legali li tikkontribbwixxi għal azzjoni indiretta u li għandha drittijiet u obbligazzjonijiet rigward il-Komunità skond it-termini ta’ dan ir-Regolament jew skond il-kuntratt; 8. "entità legali" tfisser xi persuna naturali, jew xi persuna legali maħluqa skond il-liġi nazzjonali tal-post ta’ l-istabbiliment tiegħu, skond il-liġi tal-Komunità jew il-liġi internazzjonali, b’personalita legali u intitolati għal drittijiet u obbligazzjonijiet ta’ kull tip f’isimha stess; 9. "consortium" tfisser il-parteċipanti kollha fl-istess azzjoni indiretta; 10. "kordinatur" ifisser il-parteċipant maħtur minn parteċipanti fl-istess azzjoni indiretta u aċċettat mill-Kummissjoni, li jkollu obbligazzjonijiet speċifiċi addizzjonali li jinħolqu minn dan ir-Regolament u l-kuntratt; 11. "organizzazzjoni internazzjonali" tfisser xi entità legali li tinħoloq minn assoċjazzjoni ta’ Stati, oħra għajr il-Komunità, stabbilita fuq il-bażi ta’ trattat jew att simili, li jkollha istituzzjonijiet komuni u xi personalita legali internazzjonali distinta minn dak ta’ l-Istati Membri tagħha; 12. "organizzazzjoni ta’ interess Ewropew internazzjonali" tfisser organizzazzjoni internazzjonali, li maġġoranza tal-membri tagħha huma Stati Membri tal-Komunità Ewropea jew Stati assoċjati, u li l-għan prinċipali tagħha hija li tippromwovi koperazzjoni Ewropea xjentifika u tekonoloġika; 13. "pajjiż kandidat assoċjat" ifisser Stat assoċjat konoxxut mill-Komunità bħala kandidat għas-sħubija fl-Unjoni Ewropea; 14. "Stat assoċjat" ifisser Stat li huwa parti minn ftehim internazzjonali mal-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika, skond it-termini jew fuq il-bażi ta’ dak li jagħmel kontribuzzjoni finanzjarja għas-sitt programm qafas jew parti minnu; 15. "pajjiż terz" ifisser Stat li la huwa Stat Membru u lanqas Stat assoċjat; 16. "Gruppi (Gruppament) ta’ l-Interess Ekonomiku Ewropew (GIEE)" ifissru xi entità legali stabbilita skond ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2137/85 [6]; 17. "estimi" ifissru pjan finanzjarju li jistma r-risorsi u l-ispiża meħtieġa biex titwettaq azzjoni indiretta; 18. "irregolarita" tfisser xi ksur ta’ dispożizzjoni ta’ liġi Komunitarja jew xi ksur ta’ obbligazzjoni kontrattwali li jirrisulta minn azzjoni jew tħollija barra minn entità legali li għandha, jew jista’ jkollha, l-effett li tippreġudika l-estimi ġenerali tal-Unjoni Ewropea jew estimi mmexxija minnha permezz ta’ spiża mhux ġustifikata; 19. "għerf fis-sengħa li diġà teżisti" ifisser it-tagħrif li huwa miżmum minn parteċipanti qabel il-konklużjoni tal-kuntratt jew akkwistat parallel mieħgu, kif ukoll copyrights jew drittijiet li jappartjenu għal tagħrif bħal dan wara applikazzjonijiet għal, jew il-ħruġ ta’, patentijiet, disinji, varjetajiet ta’ pjanti, ċertifikati supplimentari ta’ protezzjoni jew forom simili ta’ protezzjoni; 20. "għerf" ifisser ir-riżultat, inkluż it-tagħrif, kemm jekk jista’ jiġi protett u kemm jekk le, li huwa miġbur minn azzjonijiet direttu u azzjonijiet indiretti, kif ukoll copyrights jew drittijiet li jappartjenu għal tagħrif bħal dan li jsegwi applikazzjonijiet għal, jew il-ħruġ ta’, patentijiet, disinji, varjetajiet ta’ pjanti, ċertifikati supplimentari ta’ protezzjoni jew forom simili ta’ protezzjoni; 21. "disseminazzjoni" tfisser l-iżvelar ta’ tagħrif minn xi mezzi xierqa oħra għajr pubblikazzjoni li jirrisulta mill-formalitajiet għall-protezzjoni ta’ tagħrif; 22. "użu" ifisser l-utilizzazzjoni diretta jew indiretta ta’ tagħrif f’ attivitajiet ta’ riċerka jew għall-iżvilupp, il-ħolqien u l-bejgħ fis-suq ta’ prodott jew proċess jew għall-ħolqien u l-provvista ta’ servizz; 23. "programm tax-xogħol" ifisser pjan imfassal mill-Kummissjoni għall-implimentazzjoni ta’ programm speċifiku; 24. "programm konġunt ta’ attivitajiet" ifisser l-azzjonijiet meħuda mill-parteċipanti li huma meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ xibka ta’ eċċellenza; 25. "pjan ta’ implimentazzjoni" ifisser l-azzjonijiet kollha minn parteċipanti fi proġett integrat; 26. "korp pubbliku" ifisser korp ta’ settur pubbliku jew entità legali irregolati minn liġi privata b’missjoni ta’ servizz pubbliku li jipprovdi garanziji finanzjarji. Artikolu 3 Indipendenza 1. Żewġ entitajiet legali għandhom ikunu indipendenti minn xulxin għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament fejn ma hemm l-ebda relazzjoni ta’ kontroll bejniethom. Relazzjoni ta’ kontroll għandha teżisti fejn entità legali waħda tikkontrolla direttament jew indirettament lill-ieħor jew entità legali waħda hija taħt l-istess kontroll dirett jew indirett bħall-ieħor. Kontroll jista’ jirrisulta partikolarment minn: (a) żamma diretta jew indiretta ta’ aktar minn 50 % tal-valur nominali tal-kapital ta’ l-ishma maħruġ f’ entità legali, jew ta’ maġġoranza ta’ drittijiet ta’ votazzjoni ta’ l-azzjonisti (shareholders) jew assoċjati ta’ dik l-entità; (b) żamma diretta jew indiretta fil-fatt jew bil-liġi ta’ poteri ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet f’ entità legali. 2. Żamma diretta jew indiretta ta’ aktar minn 50 % tal-valur nominali tal-kapital ta’ l-ishma maħruġ f’ entità legali jew ta’ maġġoranza ta’ drittijiet ta’ votazzjoni ta’ l-azzjonisti (shareholders) jew assoċjati ta’ l-entità msemmija minn korporazzjonijiet ta’ investimenti pubbliċi, investituri istituzzjonali jew kumpaniji ta’ venture-capital u fondi, m’għandux fih innifsu jikkostitwixxi relazzjoni ta’ kontroll. 3. Pussess jew sorveljanza ta’ entitajiet legali mill-istess korp pubbliku m’għandhomx fihom innifshom joħloq relazzjoni ta’ kontroll bejniethom. IL-KAPITOLU II PARTEĊIPAZZJONI F’AZZJONIJIET INDIRETTI Artikolu 4 Skop u prinċipji ġenerali 1. Ir-regoli dikjarati f’dan il-Kapitolu jgħoddu għall-parteċipazzjoni ta’ entitajiet legali f’azzjonijiet indiretti. Japplikaw mingħajr preġudizzju għal regoli speċifiċi għal attivitajiet ta’ R u TD skond il-qasam ta’ prijorità tat-tema "Riċerka dwar l-enerġija ta’ fużjoni" tal-programm speċifiku (Euratom)_għal riċerka u taħriġ dwar enerġija nukleari dijarati fil-Kapitolu III. 2. Xi entità legali li tipparteċipa f’ azzjoni indiretta tista’ terċievi kontribuzzjoni finanzjarja Komunitarja bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 6 u 7. 3. Xi entità legali stabbilita fi Stat assoċjat tista’ tipparteċipa f’azzjonijiet indiretti fuq l-istess livell u għandha jkollha l-istess drittijiet u obbligazzjonijiet bħal entità legali stabbilita fi Stat Membru, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 5. 4. Iċ-ĊRK tista’ tipparteċipa f’azzjonijiet indiretti fuq l-istess livell u għandu jkollha l-istess drittijiet u obbligazzjonijiet bħal entità legali stabbilita fi Stat Membru. 5. Kull organizzazzjoni internazzjonali ta’ interess Ewropej tista’ tipparteċipa f’azzjonijiet indiretti fuq l-istess livell u għandu jkollha l-istess drittijiet u obbligazzjonijiet bħal entità legali stabbilita fi Stat Membru skond il-ftehim mal-kwartieri ġenerali tagħha. 6. Il-programmi tax-xogħol jistgħu jispeċifikaw u jirrestrinġu l-parteċipazzjoni ta’ entitajiet legali f’azzjoni indiretta skond l-attività u t-tip tagħhom, u skond l-istrument allokat u jqisu għanijiet speċifiċi tas-sitt programm qafas. Artikolu 5 Numri minimi ta’ parteċipanti u l-post ta’ stabbiliment tagħhom 1. Il-programmi tax-xogħol għandhom jispeċifikaw in-numru minimu ta’ parteċipanti meħtieġ għal kull azzjoni indiretta u anke l-post ta’ stabbiliment tagħhom, skond in-natura ta’ l-istrument u l-għanijiet ta’ l-attività ta’ R u TD. 2. Għal xbieki ta’ eċċellenza u proġetti integrati, in-numru minimu ta’ parteċipanti m’għandux ikun ta’ anqas minn tliet entitajiet legali indipendenti stabbiliti fi tliet Stati Membri differentijew Stati assoċjati, li minnhom mill-inqas tnejn għandhom ikunu Stati Membri jew pajjiżi kandidati assoċjati. 3. Azzjonijiet speċifiċi ta’ appoġġ u azzjonijiet favur risorsi umani u mobilita, minbarra għal xbieki ta’ taħriġ ta’ riċerka, jistgħu jiġu mwettqa minn entità legali waħda. Meta l-programm tax-xogħol jistabbilixxi numru minimu li huwa aktar minn jew ugwali għal żewġ entitajiet legali stabbiliti fl-istess numru ta’ Stati Membri jew Stati assoċjati, dan in-numru għandu jiġi fissat skond il-kondizzjonjiet provvduti fil-paragrafu 4. 4. Għal strumenti oħra għajr dawk koperti minn paragrafi 2 u 3, in-numru minimu ta’ parteċipanti m’għandux ikun ta’ anqas minn żewġ entitajiet legali indipendenti stabbiliti fi żewġ Stati Membri differenti jew Stati assoċjati, li minnhom mill-inqas wieħed għandu jkun Stat Membru jew pajjiż kandidat assoċjat. 5. GIEE jew xi entità legali stabbilita fi Stat Membru jew Stat assoċjat skond il-liġi nazzjonali tiegħu li huwa magħmul minn entitajiet legali indipendenti li jilħqu l-kriterji ta’ dan ir-Regolament tista’ tkun l-uniku parteċipant f’azzjoni indiretta, basta iżda li l-kompostizzjon tagħha hija skond il-kondizzjonjiet fissati skond id-dispożizzjonijiet ta’ paragrafu 1 sa 4. Artikolu 6 Parteċipazzjoni minn entitajiet legali minn pajjiżi terzi 1. Bla ħsara għal restrizzjonijiet oħra li jistgħu jiġu speċifikati fil-programm tax-xogħol tal-programm speċifiku, kull entità legali stabbilita f’pajjiż terz tista’ tipparteċipa f’attivitajiet ta’ R u TD,’ l fuq min-numru minimu ta’ parteċipanti fissati skond it-termini ta’ l-Artikolu 5, jekk parteċipazzjoni bħal din hija provvduta skond attività ta’ R u TD jew jekk ikun meħtieġ għat-twettieq ta’ l-azzjoni indiretta. 2. Kull entità legali stabbilita f’pajjiż terz tista’ terċievi kontribuzzjoni finanzjarja Komunitarja, jekk issir dispożizzjoni għal dan skond l-attività ta’ R u TD jew jekk ikun essenzjali għat-twettieq ta’ l-azzjoni indiretta. Artikolu 7 Parteċipazzjoni minn organizzazzjonijiet internazzjonali Kull organizzazzjoni internazzjonali oħra għajr l-organizzazzjonijiet internazzjonali ta’ interess Ewropew riferiti fl-Artikolu 4(5) jistgħu jieħdu parti f’attivitajiet ta’ R u TD, bla ħsara għall-kondizzjonijiet dikjarati fl-Artikolu 6. Artikolu 8 Kondizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ kompetenza u risorsi tekniċi 1. Parteċipanti għandhom ikollhom l-għerf u l-kompetenza teknika meħtieġa biex iwettqu l-azzjoni indiretta. 2. Fil-waqt ta’ meta jippreżentaw il-proposta tagħhom, parteċipanti għandhom ikollhom ir-risorsi potenzjali meħtieġa biex iwettqu l-azzjoni indiretta, u għandhom ikunu jistgħu jispeċifikaw is-sors rilevanti ta’ dawk il-fondi magħmula disponibbli minn partijiet terzi, inklużi awtoritajiet pubbliċi. Waqt li jipprogressa x-xogħol, parteċipanti għandu jkollhom ir-risorsi kif u meta meħtieġa biex iwettqu l-azzjoni indiretta. Ir-risorsi meħtieġa biex titwettaq l-azzjoni indiretta jinftiehmu li huma risorsi umani, infrastruttura, risorsi finanzjarji u, jekk ikun meħtieġ, propjeta tanġibbli u risorsi oħra magħmula disponibbli minn parti terza fuq il-bażi ta’ rabta minn qabel. Artikolu 9 Sottomissjoni ta’ proposti għal azzjonijiet indiretti 1. Proposti għal azzjonijiet indiretti għandhom jiġu sottomessi skond it-termini ta’ sejħiet għal proposti. Dawn it-termini għandhom jiġu dikjarati fil-programmi tax-xogħol. Sejħiet għal proposti jistgħu jinvolvu proċedura ta’ evalwazzjoni f’żewġ stadji. F’dan il-każ, wara evalwazzjoni posittiva ta’ proposta imfassla fl-ewwel stadju, dawk konċernati li jipproponu għandhom jintalbu li jissottomettu proposta kompluta fit-tieni stadju. 2. Paragrafu 1 m’għandux japplika għal: (a) azzjonijiet speċifiċi ta’ appoġġ għall-attivitajiet ta’ l-entitajiet legali identifikati fil-programm tax-xogħol; (b) azzjonijiet speċifiċi ta’ appoġġ li jikkonsistu minn xiri jew servizz regolat permezz tat-termini applikabbli għal proċeduri ta’ akkwisti pubbliċi; (ċ) azzjonijiet speċifiċi ta’ appoġġ b’karatteristiċi partikolari u valur għall-għanijiet u l-kontenut xjentifiku u teknoloġiku tal-programm speċifiku, li għalih applikazzjonijiet ta’ għotja jistgħu jiġu sottomessi lill-Kummissjoni jekk jiġu provvduti fil-programm tax-xogħol tal-programm speċifiku u fejn talba bħal din ma taqax fl-iskop ta’ sejħa miftuħa għal proposti; (d) azzjonijiet speċifiċi ta’ appoġġ koperti mill-Artikolu 11. 3. Il-Kummissjoni tista’ toħroġ sejħiet għal espressjonijiet ta’ interess sabiex tiġi assistita fl-identifikar ta’ għanijiet u ħtiġijiet preċiżi li jistgħu jiġu nklużi fil-programmi tax-xogħol u fis-sejħiet għal proposti. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għal kull deċiżjoni sosegwenti adottata mill-Kummissjoni li għandha x’taqsam ma’ l-evalwazzjoni u l-għażla ta’ proposti għal azzjonijiet indiretti. 4. Sejħiet għal espressjonijiet ta’ interess u sejħiet għal proposti għandhom jiġu pubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u għandhom jingħataw ukoll il-pubbliċita l-aktar wiesa’ possibbli, partikolarment permezz ta’ l-użu tal-paġni ta’ l-Internet tas-sitt programm qafas u permezz ta’ kanali speċifiċi ta’ tagħrif bħal ma huma l-punti ta’ kuntatt nazzjonali dikjarati mill-Istati Membri u mill- Istati assoċjati. Artikolu 10 Evalwazzjoni u għażla ta’ proposti għal azzjonijiet indiretti 1. Il-proposti għal azzjonijiet indiretti koperti fl-Artikolu 9(1) u l-Artikolu 9(2)(ċ) għandhom jiġu evalwati skond il-kriterji li ġejjin, fejn applikabbli: (a) eċċellenza xjentifika u teknoloġika u d-digriet ta’ innovazzjoni; (b) l-abilita li titwettaq l-azzjoni indiretta b’mod li jirnexxi u li tiżgura t-tmexxija effiċjenti tagħha, stmata f’termini ta’ risorsi u kompetenzi u inkluż arranġamenti ta’ organizzazzjoni preskritti mill-parteċipanti; (ċ) rilevanza għall-għanijiet tal-programm speċifiku; (d) valur miżjud Ewropew, massa kritika ta’ risorsi mobilizzati u kontribuzzjoni għal politika tal-Komunità; (e) kwalita tal-pjan għall-użu u t-tixrid ta’ l-għerf, potenzjal għall-promozzjoni ta’ innovazzjoni u pjan ċar għat-tmexxija ta’ propjeta intellettwali. 2. Fl-applikazzjoni tal-paragrafu 1(d), għandhom jitqiesu wkoll il-kriterji li ġejjin: (a) għal xbieki ta’ eċċellenza, l-iskop u l-grad ta’ l-isforz biex tinkiseb l-integrazzjoni u l-kapaċita tax-xibka biex tippromwovi eċċellenza lil hinn mis-sħubija tagħha, kif ukoll il-prospetti ta’ integrazzjoni li sservi tal-kapaċitajiet ta’ riċerka u r-risorsi tagħhom wara t-tmien tal-perjodu kopert mill-kontribuzzjoni finanzjarja Komunitarja; (b) għal proġetti integrati, l-iskala ta’ ambizzjoni ta’ l-għanijiet u l-kapaċita tar-risorsi biex jagħmlu kontribuzzjoni sinifikanti lejn ir-rinfurzar ta’ kompetittivita jew biex jissolvew problemi ta’ soċjeta; (ċ) għal inizjattivi integrati li għandhom x’jaqsmu ma’ l-infrastruttura, il-prospetti ta’ l-inizjattivi li jkomplu fuq skond fit-tul wara l-perjodu kopert mill-kontribuzzjoni finanzjarja Komunitarja. 3. Fl-applikazzjoni tal-paragrafu 1 u 2, jistgħu jitqiesu wkoll il-kriterji addizzjonali li ġejjin: (a) sinerġiji b’edukazzjoni fil-livelli kollha; (b) il-prontezza u l-kapaċita għal ħidma ma’ atturi lil hinn mill-Komunità ta’ riċerka u mal-pubbliku kollu bħala wieħed, biex igħinnu fit-tixrid ta’ għarfien u għerf u biex jinkixfu l-implikazzjonijiet societal aktar wiesgħa tax-xogħol propost; (ċ) attivitajiet biex jiżdied ir-rwol tan-nisa fir-riċerka. 4. Sejħiet għal proposti għandhom jistabbilixxu, skond it-tip ta’ strumenti allokati jew l-għanijiet ta’ l-attività ta’ R u TD, kif il-kriterji dikjarati fil-paragrafu 1 għandhom jiġu applikati mill-Kummissjoni. Dawn il-kriterji, u dawk ta’ paragrafi 2 u 3, jistgħu jiġu speċifikati jew kumplimentati fil-programm tax-xogħol, partikolarmet biex iqisu l-kontribuzzjoni tal-proposti għal azzjonijiet indiretti biex itejbu tagħrif għal u djalogu mas-soċjeta u biex jippromwovu l-kompetitivita ta’ IŻM. 5. M’għandhiex tintgħażel proposta għal azzjoni indiretta li tikser prinċipji etiċi fondamentali jew li ma twettaqx il-kondizzjonijiet dikjarati fil-programm tax-xogħol jew fis-sejħiet għal proposti. Proposta bħal din tista’ tiġi eskluża mill-proċeduri ta’ evalwazzjoni u ta’ għażla f’ kull ħin. Kull parteċipant li kkommetta irregolarita fil-implimetazzjoni ta’ azzjoni indiretta jista’ jiġi eskluż mill-proċedura ta’ evalwazzjoni u ta’ għażla f’kull ħin, fil-waqt li jingħata każ mistħoqq lill-prinċipju ta’ proporzjonalita. 6. Il-Kummissjoni għandha tevalwa l-proposti flimkien ma’ l-assistenza ta’ esperti indipendenti maħtura skond l-Artikolu 11. Għal xi azzjonijiet speċifiċi ta’ appoġġ, partikolarment dawk koperti mill-Artikolu 9(2), esperti indipendenti għandhom jinħatru biss jekk il-Kummissjoni tħoss li huwa xieraq. Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-lista ta’ l-esperti magħżula. Il-proposti kollha sottomessi għal azzjonijiet indiretti għandhom jiġu trattati b’ mod kunfidenzjali mill-Kummissjoni, li għandha tiżgura li l-prinċipju ta’ kunfidenzjalita huwa miżmum fil-proċeduri kollha u li esperti indipendenti huma marbuta b’dan. Minbarra jekk speċifikat mod ieħor fis-sejħa għal proposti, proposti m’għandhomx jiġu evalwati b’mod anonimu. 7. Proposti għal azzjonijiet indiretti għandhom jintgħażlu fuq il-bażi ta’ riżultati ta’ evalwazzjoni u wara li jiġu kunsidrati l-fondi disponibbli tal-Komunità. Il-Kummissjoni għandha tadotta u tippubblika linji ta’ gwida li jfasslu dispożizzjonijiet dettaljati għal proċeduri ta’ evalwazzjoni u ta’ għażla. Artikolu 11 Ħatra ta’ esperti indipendenti 1. Il-Kummissjoni għandha tinnomina esperti indipendenti biex jassistu fl-evalwazzjoni meħtieġa skond is-sitt programm qafas u l-programm speċifiku, u anke għall-assistenza riferita fl-Artikolu 10(6)_u t-tieni sottoparagrafu ta’ l-Artikolu 18(1). Tista’, b’żieda ma’ dan, twaqqaf gruppi ta’ esperti indipendenti biex jagħtu parir dwar l-implimentazzjoni tal-politika ta’ riċerka tal-Komunità. 2. Il-Kummissjoni għandha taħtar l-esperti indipendenti skond waħda mill-proċeduri li ġejjin: (a) l-esperti indipendenti maħtura mill-Kummissjoni għall-evalwazzjonijiet provvduti fl-Artikoli 5 u 6 tas-sitt programm qafas u l-Artikolu 7(2) tal-programm speċifiku għandhom ikunu individwi ta’ kariga għolja mill-oqsma ta’ xjenza, industrija jew politika b’esperjenza sinifikanti fir-riċerka, politika ta’ riċerka jew tmexxija ta’ programm ta’ riċerka f’livell nazzjonali jew internazzjonali; (b) l-esperti indipendenti maħtura mill-Kummissjoni biex jassistu fl-evalwazzjoni ta’ proposti għal xbieki ta’ eċċellenza u proġetti integrati u fil-monitorjar tal-proġetti magħżula u mwettqa għandhom ikunu individwi mill-oqsma ta’ xjenza, industrija u/jew esperjenza fil-qasam ta’ innovazzjoni u anke bl-aktar livell għoli ta’ għerf u li huma awtoritajiet magħrufa internazzjonalment fil-qasam speċjalizzata rilevanti; (ċ) l-esperti indipendenti maħtura mill-Kummissjoni biex jiffurmaw il-gruppi riferiti fit-tieni sottoparagrafu ta’ paragrafu 1 għandhom ikunu professjonisti magħrufa għall-għerf, abbilitajiet u esperjenza ta’ livell għoli tagħhom fil-qasam jew rigward il-kwistjonijiet li għandu jitratta l-grupp; (d) għal każijiet oħra għajr dawk koperti mill-punti (a), (b) u (ċ), u sabiex iqisu b’ mod bilanċjat id-diversi operaturi fis-settur ta’ riċerka, il-Kummissjoni għandha taħtar esperti indipendenti b’abbilitajiet u għerf xieraq għax-xogħlijiet assenjati lilhom. Għal dan l-iskop, għandha sserraħ fuq sejħiet għal applikazzjonijiet minn individwi jew sejħiet indirizzati lejn istituzzjonijiet ta’ riċerka bil-ħsieb li jiġu stabbiliti listi ta’ kandidati xierqa, jew tista’, jekk tħoss li huwa xieraq, tagħżel xi individwu bl-abbilitajiet xierqa li mhumiex fil-listi. 3. Meta taħtar espert indipendenti, il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-espert mhuwiex iffaċċjat b’ conflict of interests rigward il-materja dwar liema huwa meħtieġ li jagħti opinjoni. Għal dan l-iskop, il-Kummissjoni għandha tirrikjedi li esperti jiffirmaw dikjarazzjoni li turi li ma hemm l-ebda conflict of interest fil-waqt tal-ħatra tagħhom u jagħmlu impenn li jgħarrfu lill-Kummissjoni jekk jinħoloq wieħed fil-kors tad-dmirijiet tagħhom. Artikolu 12 Kuntratti u ftehim ta’ conso rtium 1. Il-Kummissjoni għandha tikkonkludi kuntratt għal kull proposta magħżula għal azzjoni indiretta. Dan il-kuntratt għandu jitfassal skond id-dispożizzjonijiet tas-sitt programm qafas, u skond dan ir-Regolament, waqt li jitqiesu l-karatteristiċi ta’ l-istrumenti varji konċernati. Il-Kummissjoni, wara li tikkonferixxi ma partijiet interessati mill-Istati Membru u l-Istati assoċjati, se tħejji kuntratt mudell biex tiffaċilita t-tfassil ta’ kuntratti. 2. Il-kuntratt għandu jistabbilixxi d-drittijiet u l-obbligazzjonijiet ta’ parteċipanti skond dan ir-Regolament, u partikolarment id-dispożizzjonijiet għall-monitorjar xjentifiku, teknoloġiku u finanzjarju ta’ l-azzjoni indiretta, għall-aġġornament ta’ l-għanijiet tiegħu, għal tibdil fis-sħubija tal-consortium, għall-pagament tal-kontribuzzjoni finanzjarja Komunitarja u, jekk ikun applikabbli, kondizzjonijiet għall-eliġibilita ta’ xi spiża meħtieġa. Il-kuntratt għandu jistabbilixxi regoli għat-tixrid u l-użu ta’ tagħrif u riżultati skond it-Titolu II, Kapitolu 2 tat-Trattat. Il-kuntratt, li għandu jiġi konkluż bejn il-Kummissjoni u l-parteċipanti kollha f’azzjoni indiretta, għandu jidħol fis-seħħ mal-firma mill-Kummissjoni u l-kordinatur. Il-parteċipanti l-oħra identifikati fil-kuntratt għandhom jissieħbu miegħu skond it-termini tiegħu u jgawdu mid-drittijiet u jġorru l-obbligazzjonijiet tal-parteċipanti. Kull parteċipant li jingħaqad ma’ azzjoni indiretta kontinwa għandu jissieħeb fil-kuntratt u jgawdi mid-drittijiet u jġorr l-obbligazzjonijiet ta’ parteċipanti lejn il-Komunità. 3. Sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunità, penali xierqa għandhom jiġu nklużi fil-kuntratti, kif definit, fosthom, fir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Kommunitajiet Ewropej [7]. 4. Parteċipanti f’azzjoni indiretta għandhom jikkonkludu ftehim ta’ consortium, minbarra jekk speċifikat mod ieħor fis-sejħa għal proposti. Il-Kummissjoni għandha tippubblika linji ta’ gwida li ma jorbtux dwar punti li jistgħu jiġu ndirizzati mill-ftehim tal-consortium, bħalma huma: (a) l-organizzazzjoni interna tal-consortium; (b) arranġamenti intellettwali ta’ drittijiet ta’ propjeta; (ċ) ftehim dwar kwistjonijiet interni, li jappartjenu għall-ftehim tal-consortium. Għal dan l-iskop il-Kummissjoni għandha tikkonferixxi ma partijiet interessati mill-Istati Membri u l-Istati assoċjati. Artikolu 13 Eżekuzzjoni ta’ azzjonijiet indiretti 1. Il-consortium għandu jimplimenta l-azzjoni indiretta u għandu jieħu l-passi meħtieġa u miżuri raġunevoli għal dan l-iskop. Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità għandha titħallas lill-kordinatur. Il-kordinatur għandu jammistra l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità rigward l-allokazzjoni tiegħu bejn parteċipanti u attivitajiet bi qbil mal-kuntratt u ma’ deċiżjonijiet meħuda mill-consortium skond il-proċeduri interni stabbiliti fil-ftehim tal-consortium. Parteċipanti għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni b’xi avveniment, inkluż il-modifikazzjoni tal-ftehim tal-consortium, li jista’ jaffettwa l-implimentazzjoni ta’ l-azzjoni indiretta u d-drittijiet tal-Komunità. 2. Implimentazzjoni teknika ta’ l-azzjoni indiretta għandha tkun ir-responsabbiltà kollettiva tal-parteċipanti. Kull parteċipant għandu jkun obbligat li juża’ l-kontribuzzjoni finanzjarja Komunitarja f’proporzjon mas-sehem tagħhom fil-proġett sa massimu tal-pagament totali li jkunu rċevew. Jekk parteċipant jikser il-kuntratt u jekk il-consortium ma jagħmilx tajjeb għal dan il-ksur, il-Kummissjoni tista’, meta jkun falla kull tentativ ieħor u jekk l-approċċi l-oħra kollha jkunu ġew studjati, iżżomm lill-parteċipanti responsabbli skond il-kondizzjonijiet li ġejjin: (a) indipendentement ta’ l-azzjoni xierqa li għandha tieħu kontra l-parteċipant li qed jonqos, il-Kummissjoni għandha tirrikjedi lill-parteċipanti li jibqgħu li jimplimentaw l-azzjoni indiretta; (b) jekk l-implimentazzjoni tkun impossibbli jew jekk il-parteċipanti li jibqgħu jirrifjutaw li jikkonformaw mas-sottoparagrafu (a), il-Kummissjoni tista’ ttemm il-kuntratt u tirkupra l-kontribuzzjoni finanzjarja Komunitarja. Meta tkun qegħda tinvestiga l-iżvantaġġ finanzjarju, il-Kummissjoni għandha tqis ix-xogħol li jkun diġà sar u r-riżultati miksuba, b’hekk tkun qed tistabbilixxi d-dejn; (ċ) rigward il-parti mid-dejn stabbilit skond il-punt (b) li huwa dovut mill-parteċipant li jkun naqas, il-Kummissjoni għandha tqassamha fost il-parteċipanti li jibqgħu, fuq il-bażi tas-sehem ta’ kull parteċipant ta’ spejjeż aċċettati u sa’ l-ammont tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità li kull parteċipant huwa ntitolat li jerċievi. Fejn parteċipant huwa organizzazzjoni internazzjonali, korp pubbliku jew entità legali li l-parteċipazzjoni tagħha fl-azzjoni indiretta hija garantita minn Stat Membru jew Stat assoċjat, dak il-parteċipant għandu jkun responsabbli waħdu mid-dejn tiegħu stess u m’għandux iġorr id-dejn ta’ xi parteċipant ieħor. 3. Il-paragrafu 2 m’għandux japplika għal azzjonijiet indiretti implimentati permezz ta’ strumenti bħal ma huma azzjonijiet biex jippromwovu u jiżviluppaw risorsi umani u mobilita u, meta ġustifikati kif xieraq, azzjonijiet speċifiċi ta’ appoġġ. 4. Il-kordinatur għandu jżomm kontijiet biex jagħmilha possibbli li jistabbilixxi f’kull waqt liema proporzjon tal-fondi tal-Komunità tkun ġiet allokata lil kull parteċipant għall-għanijiet tal-proġett. Għandha tikkomunika dak it-tagħrif lill-Kummissjoni kull sena. 5. Meta diversi entitajiet legali jkunu gruppati f’ entità legali komuni li taġixxi bħala parteċipant waħdieni bi qbil ma’ l-Artikolu 5(5), dik l-entità legali għandha tieħu d-dmirijiet dikjarati f’paragrafi 1 u 2. Il-lijabilita tal-membri tagħha għandha tiġi definita bi qbil mal-liġi li fuqha ġiet stabbilita din l-entità legali komuni. Artikolu 14 Kontribuzzjoni finanzjarja Komunitarja 1. Skond l-Anness III mas-sitt programm qafas u fil-limiti tal-qafas tal-Komunità għal għajnuna Statali għal riċerka u żvilupp [8], il-kontribuzzjoni finanzjarja Komunitarja tista’ tieħu l-forom li ġejjin: (a) għal xbieki ta’ eċċellenza, għandha tieħu l-forma ta’ għotja fissata għal integrazzjoni fuq il-bażi ta’ programm konġunt ta’ attivitajiet. L-ammont ta’ dik l-għotja għandu jiġi kalkolat filwaqt li jitqies il-grad ta’ integrazzjoni, in-numru ta’ riċerkaturi li l-parteċipanti kollha għandhom il-ħsieb li jintegraw, il-karatteristiċi tal-qasam ta’ riċerka konċernata u l-programmi konġunti ta’ attivitajiet. Għandu jiġi wżat biex jikkomplimenta r-risorsi allokati mill-parteċipanti sabiex iwettqu l-programm konġunt ta’ attivitajiet. Din l-għotja għandha titħallas fuq il-bażi ta’ riżultati, li jsegwu l-eżekuzzjoni kontinwa tal-programm konġunt ta’ attivitajiet, u fuq kondizzjoni li l-ispejjeż tiegħu, li għandhom jiġu ċertifikati minn awditur estern, jew fil każ ta’ korpi pubbliċi, uffiċjali pubbliku kompetenti, huma akbar mill-għotja nnifisha; (b) għal xi azzjonijiet li jippromwovi risorsi umani u mobilita u xi azzjonijiet speċifiċi ta’ appoġġ minbarra għall-azzjonijiet indiretti koperti mill-Artikolu 9(2)(b), tista’ tieħu l-forma ta’ ħlas f’somma waħda; (ċ) għal proġetti integrati u l-istrumenti l-oħra, minbarra għal dawk koperti mill-punti (a) u (b) u azzjonijiet indiretti koperti mill-Artikolu 9(2)(b), għandha tieħu l-forma ta’ għotja lill-estimi, kalkolata bħala l-persentaġġ ta’ l-estimi stabbilit mill-parteċipanti biex iwettqu l-azzjoni indiretta, adattata skond it-tip ta’ attività u bil-mudell ta’ l-ispiża meqjus mill-parteċipant konċernat. L-ispejjeż meħtieġa biex tiġi mplimentata l-azzjoni indiretta għandhom jiġu ċertifikati minn awditur estern jew, fil-każ ta’ korpi pubbliċi, uffiċjal pubbliku kompetenti. 2. Spejjeż eliġibbli għandhom jiġu definiti skond l-ewwel sottoparagrafu ta’ l-Artikolu 12(2) u għandhom jilħqu l-kondizzjonijiet li ġejjin: (a) għandhom ikunu attwali, ekonomiċi u meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ l-azzjoni indiretta; (b) għandhom jiġu stabbiliti bi qbil mal-prinċipji tas-soltu ta’ kontijiet tal-parteċipanti individwali; (ċ) għandhom jiġu reġistrati fil-kontijiet tal-parteċipanti; jew, fil-każ tar-risorsi ta’ partijiet terzi riferiti fl-aħħar sottoparagrafu ta’ l-Artikolu 8(2), fid-dokumenti finanzjarji korrespondenti ta’ dawk il-partijiet terzi; (d) għandhom ikunu esklużi minn taxxi indiretti, dazji u imgħax u ma għandhomx joħolqu qligħ. Bħala deroga mill-prinċipju attwali ta’ l-ispiża u mal-ftehim tal-parteċipanti, il-kuntratt jista’ jippreskrivi rati medji ta’ parteċipazzjoni finanzjarja Komunitarja skond it-tip ta’ nefqa jew somom f’daqqa mħejjija minn qabel, kif ukoll valur skond l-attività li għandu jkun mqarreb lejn (approssimat) l-ispejjeż prevvisti. 3. Spejjeż għat-tmexxija tal-consortium għandhom jiġu rimburzati sa 100 % ta’ l-ispejjeż miġrura u għandhom jinkludu l-ispiża ta’ ċertifikati ta’ reviżjoni. F’dan il-każ, entitajiet legali li jipparteċipaw fl-azzjoni indiretta fuq bażi ta’ spiża addizzjonali jistgħu jippretendu l-ispejjeż kollha miġrura għat-tmexxija, safejn u sakemm ikunu jistgħu jipproduċu xhieda dettaljata tagħhom. Il-kuntratti għandhom jipprekrivu persentaġġ massimu ta’ spejjeż ta’ tmexxija rigward il-kontribuzzjoni tal-Komunità. Sehem ta’ mhux aktar minn 7 % għandu jiġi riservat għal spejjeż ta’ tmexxija mill-consortium. Artikolu 15 Tibdil fis-sħubija tal-consortium 1. Consortium jista’ jimmodifika l-isħubija tiegħu fuq l-inizjattiva tiegħu stess u jista’ partikolarment jestendiha sabiex tinkludi xi entità legali li tikkontribbwixxi għall-implimentazzjoni ta’ l-azzjoni indiretta. Il-consortium għandu jgħarraf lill-Kummissjoni b’xi bidla fis-sħubija tiegħu, li tista’ toġġezzjona fi żmien sitt ġimgħat minn meta tiġi mgħarrfa. Parteċipanti ġodda għandhom jissieħbu mal-kuntratt skond it-termini ta’ l-Artikolu 12(2). 2. Il-programm konġunt ta’ attivitajiet għal xibka ta’ eċċellenza jew il-pjan ta’ l-implimentazzjoni għal proġett integrat għandhom jispeċifikaw liema tibdil fis-sħubija tal-consortium għandhom jirrikjedu l-pubblikazzjoni minn qabel ta’ sejħa kompetittiva. Il-consortium għandha tippubblika s-sejħa kompetittiva u tippubblikaha b’ mod wiesgħa permezz ta’ appoġġ speċifiku ta’ tagħrif, partikolarment sites ta’ l-Internet fis-sitt programm qafas, l-istampa speċjalizzatau fuljetti. Il-consortium għandu jevalwa offerti fid-dawl tal-kriterji li jirregolaw l-evalwazzjoni u l-għażla ta’ l-azzjoni indiretta, definiti skond it-termini ta’ l-Artikolu 10(4) u (5), u ma’ l-assistenza ta’ esperti indipendenti maħtura mill-consortium fuq il-bażi tal-kriterji deskritti fl-Artikolu 11(2)(b). Modifikazzjoni sussegwenti tal-consortium għandha ssegwi l-proċedura stabbilita fit-tieni sottoparagrafu ta’ paragrafu 1. Artikolu 16 Kontribuzzjoni finanzjarja addizzjonali Il-Kummissjoni tista’ żżid il-kontribuzzjoni finanzjarja Komunitarja għal azzjoni indiretta li diġà qed isseħħ sabiex tespandi l-iskop tagħha biex tkopri attivitajiet ġodda li jistgħu jinvolvu parteċipanti ġodda. Għandha tagħmel dan fil-każ ta’ l-azzjonijiet indiretti riferiti fl-Artikoli 9(1) u 9(2)(ċ) permezz ta’ sejħa għal proposti supplimentarji, li l-Kummissjoni għandha tippubblika skond l-Artikolu 9(4) u li jistgħu jiġu ristretti, jekk ikun meħtieġ, għal azzjonijiet indiretti li diġà qegħdin iseħħu. Il-Kummissjoni għandha tevalwa u tagħżel proposti bħal dawn bi qbil ma’ l-Artikolu 10. Artikolu 17 Attivitajiet tal-consortium favur partijiet terzi Jekk il-kuntratt jipprovdi li l-consortium jidħol għall-attivitajiet kollha jew xi wħud minnhom favur partijiet terzi, il-consortium għandu jiżgura li dan isir pubbliku kif suppost, bi qbil, fejn applikabbli, mal-kuntratt. Il-consortium għandu jevalwa u jagħżel xi applikazzjoni rċevuta minn partijiet terzi bi qbil mal-prinċipji ta’ trasparenza, ekwità u imparzjalità u anke mat-termini tal-kuntratt. Artikolu 18 Reviżjonijiet ta’ monitorjar xjentifiku, teknoloġiċiku u finanzjarju 1. L-azzjonijiet indiretti li għalihom tikkontribbwixxi l-Komunità għandhom jiġu evalwati perjodikalment mill-Kummissjoni fuq il-bażi ta’ rapporti ta’ progress li se jkopru wkoll l-implimentazzjoni tal-pjan għall-użu jew it-tixrid ta’ għerf, sottomess mill-parteċipanti skond it-termini tal-kuntratt. Fil-monitorjar tax-xbieki ta’ eċċellenza, il-proġetti integrati u, fejn meħtieġ, azzjonijiet oħra indiretti, il-Kummissjoni għandha tiġi assistita minn esperti indipendenti maħtura skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 11(2). Il-Kummissjoni għandha tiżgura li t-tagħrif kollu, li terċievi fuq għerf tas-sengħa diġà eżistenti u fuq għerf mistenni jew akkwistat matul il-kors ta’ azzjoni indiretta, hija trattata b’kufidenzjalita. 2. Skond il-kuntratt, il-Kummissjoni għandha tieħu kull pass utili biex tiżgura li l-għanijiet ta’ l-azzjoni indiretta huma miksuba b’qies xieraq ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunità. Il-Kummissjoni tista’, fejn meħtieġ fl-interess ta’ dawn l-interessi, taġġusta l-kontribuzzjoni finanzjarja Komunitarja jew tissospendi l-azzjoni indiretta jekk it-termini ta’ dan ir-Regolament jew tal-kuntratt ikunu nkisru. 3. Il-Kummissjoni, jew xi rappreżentant awtorizzat minnha, għandha jkollha d-dritt li twettaq reviżjonijiet xjentifiċi, teknoloġiċi u finanzjarji fuq il-parteċipanti, sabiex tiżgura li l-azzjoni indiretta qegħda ssir jew saret skond il-kondizzjonijiet pretesi u skond it-termini tal-kuntratt. Il-kuntratt għandu jispeċifika l-kondizzjonijiet skond liema l-parteċipanti jistgħu joġġezzjonaw għal reviżjoni teknoloġika ta’ l-użu u t-tixrid ta’ l-għerf li qed jitwettaq minn ċerti rappreżentanti tal-Kummissjoni. 4. Skond l-Artikolu 160Ċ tat-Trattat, il-Qorti ta’ Awdituri jistgħu jivverifikaw l-użu tal-kontribuzzjoni finanzjarja Komunitarja. Artikolu 19 Tagħrif disponibbli għall-Istati Membri u Stati assoċjati Il-Kummissjoni għandha tagħmel disponibbli lil xi Stat Membru jew Stat assoċjat, mat-talba, it-tagħrif utili tagħha dwar għerf li jinħoloq minn xogħol li jitwettaq f’azzjoni indiretta basta iżda li tagħrif bħal dan huwa rilevanti għal politika pubblika, għajr jekk il-parteċipanti jipprovdu każ raġunat kontra dan. Taħt l-ebda ċirkostanza ma għandha disponibbilta bħal din titrasferixxi xi drittijiet jew obbligazzjonijiet tal-Kummissjoni u l-parteċipanti, f’termini ta’ drittijiet intellettwali ta’ propjeta, lil Stati Membri jew Stati assoċjati li jirċievu tagħrif bħal dan. Minbarra meta tagħrif ġenerali bħal dan isir pubbliku jew isir disponibbli mill-parteċipanti jew ikun ġie komunikat mingħajr restrizzjonijiet ta’ kunfidenzjalita, l-Istati Membri u Stati assoċjati għandhom jikkonformaw ma’ l-obbligazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar kunfidenzjalita kif stabbilit minn dan ir-Regolament. Artikolu 20 Protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunità Il-Kummissjoni għandha tiżgura li, meta azzjonijiet indiretti jiġu mplimentati, l-interessi finanzjarji tal-Komunità huma protetti minn spezzjonijiet effettivi u minn miżuri deterrenti u, jekk jinkixfu irregolaritajiet, permezz ta’ penali li huma effettivi, proporzjonati u diżwassivi, skond ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 u (KE, Euratom) Nru 2185/96 [9] u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 [10]. IL-KAPITOLU III REGOLI SPEĊIFIĊI GĦAL PARTEĊIPAZZJONI F’ATTIVITAJIET TA’ R U TD SKOND IL-QASAM TA’ PRIJORITÀ TAT-TEMA "RIĊERKA DWAR L-ENERĠIJA TA’ FUŻJONI" Artikolu 21 Skop Ir-regoli dikjarati f’dan il-Kapitolu japplikaw għal attivitajiet ta’ R u TD skond il-qasam ta’ prijorità tat-tema "Riċerka dwar l-enerġija ta’ fużjoni". Fil-każ ta’ xi konflitt bejn ir-regoli dikjarati f’dan il-Kapitolu u dawk dikjarati fil-Kapitoli II u III, ir-regoli dikjarati f’dan il-Kapitolu għandha japplikaw. Artikolu 22 Proċeduri Attivitajiet ta’ R u TD skond il-qasam ta’ prijorità tat-tema "Riċerka dwar l-enerġija ta’ fużjoni" jistgħu jiġu mplimentati fuq il-bażi ta’ proċeduri dikjarati fil-qafas-ijiet li ġejjin: (a) kuntratti ta’ assoċjazzjoni ma’ Stati Membri, Stati assoċjati, jew entitajiet legali stabbiliti f’dawk l-Istati; (b) il-Ftehim ta’ Żvilupp ta’ Fużjoni Ewropew (FŻFE); (ċ) xi ftehim multilaterali ieħor konkluż mill-Komunità ma’ entitajiet legali assoċjati; (d) entitajiet legali li jistgħu jitwaqqfu wara li l-kumitat konsultattiv għall-programm ta’ fużjoni riferit fl-Artikolu 6(2) tal-programm speċifiku (Euratom) għal riċerka u taħriġ dwar enerġija nukleari jkun ta’ l-opinjoni tiegħu; (e) kuntratti oħra ta’ tul ta’ żmien limitat b’entitajiet legali mhux assoċjati stabbiliti fl-Istati Membri jew Stati assoċjati; (f) kull ftehim internazzjonali li għandu x’jaqsam ma’ koperazzjoni ma’ pajjiżi terzi, jew xi entità legali li tista’ tiġi stabbilita minn ftehim bħal dan. Artikolu 23 Kontribuzzjoni finanzjarja Komunitarja 1. Il-kuntratti ta’ assoċjazzjoni riferiti fl-Artikolu 22(a) u kuntratti ta’ tul ta’ żmien limitat riferit fl-Artikolu 22(e) għandhom jistabbilixxu r-regoli li għandhom x’jaqsmu mal-kontribuzzjoni finanzjarja Komunitarja lejn l-attivitajiet li jkopru. Ir-rata ta’ bażi annwali għall-kontribuzzjoni finanzjarja Komunitarja m’għandhiex teċċedi l-20 % aktar mis-sitt programm qafas. 2. Wara konsultazzjoni mal-kumitat konsultattiv għall-programm ta’ fużjoni riferit fl-Artikolu 6(2) tal-programm speċifiku (Euratom) għal riċerka u taħriġ dwar enerġija nukleari, il-Kummissjoni tista’ tiffinanzja: (a) b’rata uniformi li ma taqbiżx l-40 %: (i) in-nefqa relatata mal-kapital ta’ proġetti definiti speċifikament li għalihom status ta’ prijorità tkun ġiet mogħtija mill-kumitat konsultattiv; status ta’ prijorità jikkonċentra fuq azzjonijiet ta’ rilevanza diretta għal Next Step/ITER, minbarra fil-każ ta’ proġetti li jkunu diġà ngħataw status ta’ prijorità matul programmi ta’ qafas aktar kmieni; (ii) in-nefqa għal parteċipazzjoni fi proġetti definiti speċifikament li jżidu l-koperazzjoni bejn xulxin bejn assoċjazzjonijiet, li tinħoloq minn kuntratti ta’ assoċjazzjoni riferiti fl-Artikolu 22, sa saqaf annwali fl-appoġġ tal-Komunità ta’ EUR 100000 kull assoċjazzjoni; (b) attivitajiet multilaterali definiti speċifikament mwettqa skond il-Ftehim ta’ Żvilupp ta’ Fużjoni Ewropew jew minn xi entità legali stabbilita għal dan il-għan, inkluż akkwisti. 3. Fil-każ taż proġetti u attivitajiet li jirċievu kontribuzzjoni finanzjarja ’l fuq mir-rata bażi annwali riferita fit-tieni sottoparagrafu ta’ paragrafu 1, l-entitajiet legali kollha riferiti fl-Artikolu 22(a), (b), (ċ), (d) u (e) għandhom ikollhom id-dritt li jieħdu parti fl-esperimenti mwettqa fuq it-tagħmir konċernat. 4. Il-kontribuzzjoni finanzjarja Komunitarja għal attivitajiet mwettqa fil-qafas ta’ koperazzjoni internazzjonali riferit fl-Artikolu 22(f) għandha tiġi definita fiha jew minn xi entità legali stabbilita minnha. Il-Komunità, flimkien ma’ entitajiet legali assoċjati fil-progamm, tista’ toħloq xi entità legali xierqa biex tmexxi l-parteċipazzjoni tagħha u l-kontribuzzjoni finanzjarja tagħha għal ftehim bħal dan. Artikolu 24 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. Dan ir-Regolament għandu jkun jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussell, il-5 Novembru 2002. Għall-Kunsill Il-President T. Pedersen [1] ĠU C 103, E tat-30.4.2002, p. 331, [2] Opinjoni mogħtija fit-3 ta’ Lulju 2002 (għadha mhix pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). [3] Opinjoni mogħtija fis-17 ta’ Lulju 2002 (għadha mhix pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). [4] ĠU L 232, tad-29.8.2002, p. 34. [5] ĠU L 294, tad-29.10.2002, p. 74. [6] ĠU L 199, tal-31.7.1985, p. 1. [7] ĠU L 312, tat-23.12.1995, p. 1. [8] ĠU C 45, tas-17.2.1996, p. 5. [9] Ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta’ Novembru 1996 li jirrigwarda l-kontrolli u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropew kontra l-frodi u irregolaritajiet oħra (ĠU L 292, tal-15.11.1996, p. 2). [10] Ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 tal-25 ta’ Mejju 1999 li jirrigwarda l-investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OCAF) (ĠU L 136, tal-31.5.1999, p. 8). --------------------------------------------------