This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32002L0090
Council Directive 2002/90/EC of 28 November 2002 defining the facilitation of unauthorised entry, transit and residence
Id-Direttiva tal-Kunsill tat-28 ta' Novembru 2002 li tiddefinixxi l-iffaċilitar ta' dħul, transitu u residenza mhux awtorizzati 2002/90/KE
Id-Direttiva tal-Kunsill tat-28 ta' Novembru 2002 li tiddefinixxi l-iffaċilitar ta' dħul, transitu u residenza mhux awtorizzati 2002/90/KE
ĠU L 328, 5.12.2002, p. 17–18
(ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)
In force
Official Journal L 328 , 05/12/2002 P. 0017 - 0018
Id-Direttiva tal-Kunsill tat-28 ta' Novembru 2002 li tiddefinixxi l-iffaċilitar ta' dħul, transitu u residenza mhux awtorizzati 2002/90/KE IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 61(a) u l-Artikolu 63(3)(b) tiegħu, Wara li kkunsidra l-inizjattiva tar-Repubblika Franċiża [1], Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2]; Billi: (1) Waħda mill-għanijiet ta' l-Unjoni Ewropea hija l-ħolqien gradwali ta' żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, li tfisser, inter alia, li immigrazzjoni illegali għandha tkun miġġielda. (2) Bħala konsegwenza, għandhom jittieħdu miżuri biex tkun miġġielda l-għajnuna lill-immigrazzjoni illegali kemm in konnessjoni mal-qsim mhux awtorizzat tal-konfini fis-sens strett u kemm għall-għan biex jinżammu networks (sistemi komplessi) li jesplojtjaw esseri umani. (3) Għal dak il-għan huwa essenzjali li jitqarrbu lejn xulxin id-disposizzjonijiet legali eżistenti, b'mod partikolari, min-naħa l-waħda, id-definizzjoni preċiża tal-ksur tal-liġi in kwestjoni u l-każijiet ta' eżenzjoni, li huwa s-suġġett ta' din id-Direttiva u, min-naħa l-oħra, regoli minimi għal pieni, obbligi ta' persuni legali u ġurisdizzjoni, li hija s-suġġett tad-Deċiżjoni qafas tal-Kunsill 2002/946/JHA tat-28 ta' Novembru 2002 dwar it-tisħiħ tal-qafas penali biex ikun impedut it-tħaffif ta' dħul, transitu u residenza mhux awtorizzati [3]. (4) L-għan ta' din id-Direttiva huwa li tipprovdi definizzjoni tat-tħaffif ta' immigrazzjoni illegali u bħala konsegwenza li tagħmel iktar effettiva l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni qafas 2002/946/JHA biex timpedixxi dik l-offiża. (5) Din id-Direttiva tissupplimenta strumenti oħra adottati biex tkun miġġielda l-immigrazzjoni illegali, impjieg illegali, ittraffikar f'esseri umani u esplojtazzjoni sesswali ta' tfal. (6) Fir-rigward ta' l-Islanda u n-Norveġja, din id-Direttiva tikkostitwixxi żvilupp ta' disposizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen fit-tifsira tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta' l-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta' dawk iż-żewġ Stati ma' l-implimentazzjoni, applikazzjoni u żvilupp ta' l-acquis ta' Schengen [4], li jaqgħu fiż-żona li jirreferi għaliha l-Artikolu 1(E) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta' Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni ta' dak il-Ftehim [5]. (7) Ir-Renju Unit u l-Irlanda qegħdin jieħdu sehem fl-adozzjoni u applikazzjoni ta' din id-Direttiva skond id-disposizzjonijiet relevanti tat-Trattati. (8) Skond l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabilixxi il-Komunita Ewropea, id-Danimarka mhix tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Direttiva u mhix marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha. Meta jitqies li din id-Direttiva tibni fuq l-acquis ta' Schengen taħt id-disposizzjonijiet tat-Titolu IV tal-Parti Tlieta tat-Trattat li jistabilixxi il-Komunita Ewropea, id-Danimarka għandha, skond l-Artikolu 5 tal-Protokoll imsemmi, tiddeċiedi f'perjodu ta' sitt xhur wara li l-Kunsill ikun adottata din id-Direttiva jekk tridx timplimentaha fil-liġi nazzjonali tagħha, ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA: Artikolu 1 Ksur tal-liġi ġenerali 1. Kull Stat Membru għandu jadotta sanzjonijiet xierqa dwar: (a) kull persuna li intenzjonalment tassisti persuna li mhix ċittadina ta' Stat Membru biex tidħol, jew taqsam fi transitu, it-territorju ta' Stat Membru bi ksur tal-liġijiet dwar id-dħul jew transitu ta' aljeni ta' l-Istat ikkonċernat; (b) kull persuna li, għal qligħ finanzjarju, intenzjonalment tassisti persuna li mhix ċittadina ta' Stat Membru biex toqgħod fit-territorju ta' Stat Membru bi ksur tal-liġijiet dwar ir-residenza ta' aljeni ta' l-Istat ikkonċernati. 2. Kull Stat Membru jista' jiddeċiedi ma jimponix sanzjonijiet fir-rigward ta' l-imġieba ddefinita fil-paragrafu 1(a) billi japplika l-liġi nazzjonali u l-prassi (prattika) tiegħu għal każijiet fejn l-għan ta' l-imġieba hu li jipprovdi assistenza umanitarja lill-persuna kkonċernata. Artikolu 2 Tixwix, parteċipazzjoni u attentat Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li s-sanzjonijiet li jirreferi għalihom l-Artikolu 1 jkunu wkoll applikabbli għal kull persuna li: (a) tkun ix-xewwiex ta', (b) tkun kompliċi fi, jew (ċ) tipprova tikkommetti ksur tal-liġi kif jirreferi għalih l-Artikolu 1(1)(a) jew (b). Artikolu 3 Sanzjonijiet Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li l-ksur tal-liġi li jirreferu għalih l-Artikoli 1 u 2 jkunu suġġetti għal sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u disswasivi. Artikolu 4 Implimentazzjoni 1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva qabel il-5 ta' Diċembru 2004. Għandhom minnufih jinformaw b'dan lill-Kummissjoni. Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b'referenza bħal din fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi dwar kif issir riferenza bħal din għandhom ikunu preskritti mill-Istati Membri. 2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni it-test tad-disposizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert b'din id-Direttiva, flimkien ma' tabella li turi kif id-disposizzjonijiet ta' din id-Direttiva jikkorrispondu mad-disposizzjonijiet nazzjonali adottati. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri l-oħra bihom. Artikolu 5 Revoka L-Artikolu 27(1) tal-Konvenzjoni ta' Schengen ta' l-1990 għandu jkun irrevokat mill-5 ta' Diċembru 2004. Fejn Stat Membru jimplimenta din id-Direttiva skond l-Artikolu 4(1) qabel dik id-data, id-disposizzjoni msemmija għandha tieqaf milli tapplika għal dak l-Istat Membru mid-data ta' implimentazzjoni. Artikolu 6 Dħul fis-seħħ Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-ġurnata tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal- Komunitajiet Ewropej. Artikolu 7 Destinatarji Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri skond it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea. Magħmula fi Brussel, fit-28 ta' Novembru 2002. Għall-Kunsill Il-President B. Haarder [1] ĠU C 253, ta' l-4.9.2000, p. 1. [2] ĠU C 276, ta' l-1.10.2001, p. 244. [3] ĠU L 328, tal-5.12.2002, p. 1. [4] ĠU L 176, 10.07.99, p. 36. [5] ĠU L 176, 10.07.99, p. 31. --------------------------------------------------