Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32002D0499

    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Ġunju, 2002, li tawtorizza li jkun hemm derogi għal ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE dwar pjanti ta’ Chamaecyparis Spach, Juniperus L. u Pinus L., imċekknin b’mod naturali jew artifiċjal u li għandhom l-oriġini tagħhom fir-Repubblika tal-Korea [notifikata bid-dokument numru K(2002) 2251]

    ĠU L 168, 27.6.2002, p. 53–57 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

    Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 27/10/2010

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2002/499/oj

    32002D0499



    Official Journal L 168 , 27/06/2002 P. 0053 - 0057


    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

    tas-26 ta’ Ġunju, 2002,

    li tawtorizza li jkun hemm derogi għal ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE dwar pjanti ta’ Chamaecyparis Spach, Juniperus L. u Pinus L., imċekknin b’mod naturali jew artifiċjal u li għandhom l-oriġini tagħhom fir-Repubblika tal-Korea

    [notifikata bid-dokument numru K(2002) 2251]

    (2002/499/KE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE tat-8 ta’ Mejju, 2000, dwar miżuri protettivi kontra d-dħul fil-Komunità ta’ organiżmi li jagħmlu ħsara lil pjanti jew lil prodotti ta’ pjanti u kontra t-tixrid tagħhom fil-Komunità [1], kif l-aħħar emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2002/36/KE [2], u partikolarment l-Artiklu 15 (1) tagħha,

    wara li kkunsidrat it-talba magħmula mir-Renju Unit,

    Billi:

    (1) Skond id-Direttiva 2000/29/KE, pjanti ta’ Chamaecyparis Spach, Juniperus L. u Pinus L., ħlief għal frott u żrieragħ, li jkollhom l-oriġini tagħhom f’pajjiż mhux Ewropew, m’għandhomx bħala regola jitħallew jiddaħħlu fil-Komunità. Iżda d-Direttiva 2000/29/KE tippermetti li jkun hemm derogi għal din ir-regola, bil-kondizzjoni li jkun aċċertat li ma jkunx hemm riskju li jidħlu organiżmi li jagħmlu ħsara.

    (2) Wara missjoni mill-Uffiċju ta’ l-Ikel u tal-Veterinarju tal-Kummissjoni u bdil ta’ tagħrif bejn il-Kummissjoni u r-Repubblika tal-Korea, il-Kummissjoni stabbiliet li, skond it-tagħrif li għandha, m’hemmx riskju li jinxterdu organiżmi li jagħmlu ħsara bl-importazzjoni ta’ pjanti ta’ Chamaecyparis Spach, Juniperus L.u Pinus L., imċekkna b’mod naturali jew artifiċjali, sakemm jitħarsu kondizzjonijiet speċifiċi.

    (3) Għandha għalhekk tkun awtorizzata deroga għal ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 200/29/KE għal żmien limitat, soġġetta għal kondizzjonijiet speċifiċi.

    (4) L-awtorizzazzjoni skond din id-Deċiżjoni għandha tintemm jekk ikun stabbilit li l-kondizzjonijiet speċifiċi ma jkunux biżżejjed biex ma jħallux li jiddaħħlu organiżmi li jagħmlu ħsara jew li ma jkunux tħarsu.

    (5) Il-miżuri msemmija f’din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar is-Saħħa tal-Pjanti,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-Istati membri huma b’dan awtorizzati li jipprovdu għal derogi għall-Artikolu 4, tad-Direttiva 2000/29/KE dwar il-projbizzjonijiet imsemmija f’punt I tat-Taqsima A ta’ l-Anness III ta’ dik id-Direttiva għall-pjanti ta’ Chamaecyparis Spach, Juniperus L. u Pinus L., ħlief għal frott u żrieragħ, li għandhom l-oriġini tagħhom fir-Repubblika tal-Korea.

    Sabiex jikkwalifikaw għal dawn id-derogi, pjanti ta’ Chamaecyparis Spach, Juniperus L. u Pinus L., ħlief għal frott u żrieragħ, għandhom jissodisfaw, minbarra l-ħtiġijiet stabbiliti fl-Anness I, fl-Anness II u f’punt 43 tas-Sezzjoni I ta’ l-Anness IV tad-Direttiva 2000/29/KE, il-kondizzjonijiet imsemmija fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    L-Istati membri għandhom jgħaddu lill-Kummissjoni u lill-Istati membri l-oħra, qabel l-1 ta’ Awwissu, 2005, it-tagħrif dwar il-kwantitajiet li jkunu ġew importati qabel dik id-data, skond din id-Deċiżjoni, kif ukoll rapport tekniku dettaljat dwar l-eżamijiet u/jew testijiet magħmula fuq dawn il-pjanti matul iż-żmien ta’ kwarantina msemmi fil-punt 10 ta’ l-Anness.

    Kull Stat Membru, barra l-Istat importatur, li fih ikunu ddaħħlu l-pjanti, għandu wkoll jgħaddi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra, qabel l-1 ta’ Awwissu, 2005, rapport tekniku dettaljat ta’ l-eżamijiet u/jew testijiet magħmula fuq dawn il-pjanti mdaħħla qabel dik id-data matul iż-żmien ta’ kwarantina msemmija fil-punt 10 ta’ l-Anness.

    Artiklu 3

    L-Istati membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra bil-każijiet kollha ta’ kunsinni mdaħħla fit-territorju tagħhom skond din id-Deċiżjoni li wara jkunu nstabu li ma kinux skond il-kondizzjonijiet imsemmija hawnhekk.

    Artiklu 4

    L-Istati membri jistgħu japplikaw id-derogi msemmija fl-Artikolu 1 għall-pjanti ta’ Pinus u Chamaecyparis importati fil-Komunità matul il-ż-żmien bejn l-1 ta’ Ġunju, 2004 u l-31 ta’ Diċembru, 2005, u għall-pjanti ta’ Juniperus importati fil-Komunità matul iż-żmien bejn l-1 ta’ Novembru, 2004 u l-31 ta’ Marzu, 2005.

    Artikolu 5

    Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Lulju, 2002.

    Artikolu 6

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussel, 26 ta’ Ġunju, 2002.

    Għall-Kummissjoni

    David Byrne

    Membru tal-Kummissjoni

    [1] ĠU L 169, ta’ l-10.7.2000, p. 1.

    [2] ĠU L 116 ta’ tat-3.5.2002, p. 16.

    --------------------------------------------------

    L-ANNESS

    Kondizzjonijiet speċifiċi li japplikaw għal pjanti li għandhom l-oriġini tagħhom fir-Repubblika tal-Korea, li jgawdu mid-deroga msemmija fl-Artikolu 1 ta’ din id-Deċiżjoni.

    1. Il-pjanti għandhom ikunu pjanti mċekknin b’mod naturali jew artifiċjali tal-ġeneru Chamaecyparis Spach, tal-ġeneru Juniperus L. jew fil-każ tal-ġeneru Pinus L., ikunu jew kollha mill-ispeċi Pinus parviflora Sieb. & Zucc. (Pinus pentaphylla Mayr) jew mill-ispeċi mlaqqma b’riżoma ta’ l-ispeċi Pinus minbarra l-Pinus parviflora Sieb. & Zucc. Fil-każ ta’ l-aħħar, ir-riżoma ma jkollhiex rimi.

    2. L-għadd totali ta’ pjanti m’għandux ikun iktar mill-kwantitajiet li jkunu ġew stabbiliti mill-Istat Membru importatur, meqjusa l-faċilitajiet ta’ kwarantina li jkunu disponibbli.

    3. Qabel ma jkunu esportati lejn il-Komunità Ewropea, il-pjanti għandhom ikunu ġew imkabbrin, miżmumin u mħarrġin għal mill-inqas sentejn konsekuttivi f’imxietel reġistrati uffiċjalment, li jkunu soġġetti għal sistema ta’ kontroll b’superviżjoni uffiċjali. Il-listi annwali ta’ l-imxietel reġistrati għandhom ikunu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Marzu, 2004. Dawn il-listi għandhom jintbagħtu minnufih lill-Istati Membri. Huma għandhom jinkludu l-għadd ta’ pjanti mkabbrin f’kull waħda minn dawn l-imxietel, sakemm jitqiesu li jkunu tajbin biex jintbagħtu lejn il-Komunità, taħt il-kondizzjonijiet imsemmija f’din id-Deċiżjoni.

    4. Dwar il-pjanti ta’ Juniperus, dawk tal-ġeneru Chaenomeles Lindl., Crataegus L., Cydonia Mill, Juniperus L., Malus Mill., Photinia Ldl. u Pyrus L., li jkunu ġew imkabbrin matul is-sentejn qabel ma jintbagħtu fl-imxietel imsemmija hawn fuq ta’ pjanti mċekknin b’mod naturali jew artifiċjali jew fil-qrib tagħhom, dawn għandhom ikunu ġew spezzjonati uffiċjalment mill-inqas sitt darbiet fis-sena f’intervalli xierqa biex ikun magħruf jekk ikunx hemm organiżmi li jagħmlu ħsara. Dwar il-pjanti Chamaecyparis u Pinus, il-pjanti tal-ġeneru Chamaecyparis Spach u tal-ġeneru Pinus L., imkabbrin fl-imxietel imsemmija hawn fuq ta’ pjanti mċekknin b’mod naturali jew artifiċjali jew fil-qrib tagħhom, għandhom ikunu ġew spezzjonati uffiċjalment mill-inqas sitt darbiet fis-sena f’intervalli xierqa biex isir magħruf jekk kienx hemm organiżmi li jagħmlu ħsara.

    L-organiżmi li jagħmlu ħsara huma:

    (a) pjanti Juniperus:

    - Aschistonyx eppoi Inouye,

    - Gymnosporangium asiaticum Miyabe ex Yamada u G. yamadae Miyabe ex Yamada,

    - Oligonychus perditus Pritchard et Baker,

    - Popillia japonica Newman,

    - kull organiżmu ieħor li jagħmel ħsara u li mhux magħruf li jinsab fil-Komunità;

    (b) pjanti Chamaecyparis:

    - Popillia japonica Newman,

    - kull organiżmu ieħor li jagħmel ħsara u li mhux magħruf li jinsab fil-Komunità;

    (ċ) pjanti Pinus:

    - Bursaphelenchus xylophilus (Steiner & Buehrer) Nickle et al.,

    - Cercoseptoria pini-densiflorae (Hori & Nambu) Deighton,

    - Coleosporium phellodendri Komr.,

    - Coleosporium asterum (Dietel) Sydow,

    - Coleosporium eupatorii Arthur,

    - Cronartium quercuum (Berk.) Miyabe ex Shirai,

    - Dendrolimus spectabilis Butler,

    - Monochamus spp. (non européen),

    - Popillia japonica Newman,

    - Thecodiplosis japonensis Uchida & Inouye,

    - kull organiżmu ieħor li jagħmel ħsara u li mhux magħruf li jinsab fil-Komunità.

    Il-pjanti għandhom ikunu nstabu ħielsa, waqt dawn l-ispezzjonijiet, mill-organiżmi msemmija hawn fuq li jagħmlu ħsara. Pjanti mpestati għandhom jitneħħew. Il-pjanti li jibqa’ għandhom ikunu ttrattati sewwa.

    5. Kull sejba ta’ organiżmi li jagħmlu ħsara msemmija fil-punt 4 waqt l-ispezzjonijiet magħmula skond il-punt 4 għandha tkun reġistrata uffiċjalment, u r-reġistru għandu jkun għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni, fuq talba tagħha. Kull sejba ta’ kull xorta ta’ organiżmi li jagħmlu ħsara msemmija fil-punt 4 tiskwalifika l-mixtla mill-istatus imsemmi fil-punt 3. Il-Kummissjoni għandha tkun mgħarrfa b’dan minnufih. F’dan il-każ, ir-reġistrazzjoni tista’ tiġġedded biss fis-sena ta’ wara.

    6. Il-pjanti maħsuba għall-Komunità għandhom mill-inqas matul il-perjodu msemmi fil-punt 3:

    (a) jitħawlu, għall-inqas matul l-istess perjodu, fi qsari fuq xkafef ta’ mhux inqas minn ħamsin ċentimetru ’l fuq mill-art jew fuq paviment li minnu ma jgħaddux nematodi, miżmum tajjeb u ħieles mit-trab;

    (b) ikunu nstabu ħielsa, waqt l-ispezzjonijiet imsemmija fil-punt 4, minn organiżmi li jagħmlu ħsara msemmija fil-punt 4 u li ma jkunux milquta mill-miżuri msemmija fil-punt 5;

    (ċ) jekk huma tal-ġeneru Pinus L. u fil-każ li jkunu tlaqqmu b’riżoma ta’ l-ispeċi Pinus li mhix Pinus parviflora Sieb. & Zucc., ikollhom riżoma li tkun ġejja minn għejun magħrufa uffiċjalment bħala ta’ materjal b’saħħtu;

    (d) jintgħarfu b’marka magħmula għal kull pjanta għaliha nfisha u notifikata lill-organizzazzjoni uffiċjali għall-ħarsien tal-pjanti tar-Repubblika tal-Korea, biex tkun tista’ tingħaraf il-mixtla reġistrata u s-sena tat-tħawwil fi qsari.

    7. l-organizzazzjoni uffiċjali għall-ħarsien tal-pjanti tar-Repubblika tal-Korea għandha tassigura l-identità tal-pjanti minn meta jinħarġu mill-mixtla sakemm jitgħabbew għall-esportazzjoni, billi jkunu ssiġillati l-mezzi tat-trasport jew mezzi oħra xierqa.

    8. Il-pjanti u l-koltura li jikbru fiha jew magħha (minn hawn ’l quddiem imsejħa "il-materjal") għandu jkollhom magħhom ċertifikat fitosanitarju maħruġ fir-Repubblika tal-Korea skond l-Artiklu 7 tad-Direttiva 2000/29/KE, imsejjes fuq l-eżami msemmi fl-Artiklu 6 ta’ dik id-Direttiva, dwar il-kondizzjonijiet stabbiliti hemmhekk, partikolarment li ma jkunx hemm organiżmi li jagħmlu ħsara, kif ukoll il-ħtiġijiet imsemmija fil-punti minn 1 sa 7.

    Iċ-ċertifikat għandu juri:

    (a) l-isem jew l-ismijiet tal-mixtla jew l-imxietel reġistrati;

    (b) il-marki msemmija fil-punt 6, safejn dawn jgħinu biex ikunu identifikati l-mixtla reġistrata u s-sena tat-tħawwil fi qsari;

    (ċ) dettalji dwar l-aħħar trattament mogħti qabel it-tluq;

    (d) taħt "Dikjarazzjoni Addizzjonali", il-kliem "Din il-kunsinna hija skond il-kondizzjonijiet tad-Deċiżjoni 2002/499/KE".

    9. Qabel ma l-materjal jiddaħħal fi Stat Membru, l-importatur għandu jgħarraf bil-quddiem bid-dħul lill-korpi uffiċjali responsabbli msemmija fid-Direttiva 2000/29/KE, fl-Istati Membri interessati, billi juri:

    (a) it-tip ta’ materjal;

    (b) il-kwantità;

    (ċ) id-data dikjarata ta’ l-importazzjoni;

    (d) il-post approvat uffiċjalment fejn il-pjanti, wara li jiddaħħlu, ikunu ser jinżammu matul il-kwarantina, kif imsemmi fil-punt 10.

    L-importaturi għandhom ikunu mgħarrfa uffiċjalment, qabel ma jiddaħħal il-materjal, bil-kundizzjonijiet imsemmija fil-punti minn 1 sa 12.

    10. Qabel ma jkun rilaxxjat, il-materjal, wara li jiddaħħal, għandu jmur kwarantina uffiċjali għal perjodu ta’ mhux anqas minn tlett xhur ta’ tkabbir veġitattiv mill-ġdid għall-pjanti Pinus u Chamaecyparis, u għal perjodu li jinkludi l-istaġun ta’ tkabbir veġittativ mill-ġdid, mill-1 ta’ April sat-30 ta’ Ġunju, għall-pjanti Juniperus, u għandu jinstab ħieles, matul il-perjodu ta’ kwarantina, minn kull organiżmu li jagħmel ħsara. Għandha tingħata attenzjoni partikolari biex għal kull pjanta tinżamm il-marka msemmija fil-punt 6 (d).

    11. Il-kwarantina msemmija fil-punt 10 għandha:

    (a) tkun sorveljata mill-korpi uffiċjali responsabbli ta’ l-Istat Membru interessat u mħaddma minn persunal approvat u mħarreġ, bl-għajnuna, jekk jista’ jkun, ta’ l-esperti msemmija fl-Artikolu 21 tad-Direttiva 2000/29/KE, skond il-proċedura stabbilita hemmhekk;

    (b) issir f’post approvat uffiċjalment, mgħammar b’faċilitajiet xierqa biżżejjed biex jilqgħu kontra l-organiżmi li jagħmlu ħsara u biex iżommu l-materjal b’mod li jitneħħa kull riskju li jixterdu l-organiżmi li jagħmlu ħsara;

    (ċ) issir għal kull parti tal-materjal:

    (i) permezz ta’ eżami viżwali mal-wasla u, wara, f’intervalli regolari skond it-tip ta’ materjal u l-istat ta’ żvilupp matul il-perjodu ta’ kwarantina, għal organiżmi li jagħmlu ħsara jew għal sintomi ta’ kull organiżmu li jagħmel ħsara;

    (ii) permezz ta’ testijiet xierqa għal sintomi misjuba waqt l-eżami viżwali biex ikunu identifikati l-organiżmi li jagħmlu ħsara u li jkunu l-kawża ta’ sintomi bħal dawn.

    12. Kull kunsinna li jkollha materjal, li wara li jiddaħħal, ma jkunx instab ħieles matul il-kwarantina msemmija fil-punt 10, minn organiżmi li jagħmlu ħsara, għandha tinqered minnufih taħt superviżjoni uffiċjali.

    13. Stati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra b’kull kontaminazzjoni minn organiżmi li jagħmlu ħsara li tkun ġiet ikkonfermata matul il-kwarantina msemmija fil-punt 10. F’dan il-każ, il-mixtla Koreana konċernata tkun skwalifikata mill-istatus imsemmi fil-punt 3. Il-Kummissjoni għandha tgħarraf minnufih b’dan lill-awtorità Koreana.

    14. Kull materjal li jkun soġġett għall-kwarantina msemmija fil-punt 10 fl-Istat Membru importatur, li jinstab li jkun ħieles, matul dak il-perjodu ta’ kwarantina, minn organiżmi li jagħmlu ħsara u li jkun inżamm taħt kondizzjonijiet xierqa, jista’ jitmexxa fil-Komunità biss meta jinħareġ passaport tal-pjanti msemmi fl-Artiklu 10 tad-Direttiva 2000/29/KE, skond id-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dik id-Direttiva, u dan jitwaħħal mal-materjal, mal-pakketti tiegħu jew mal-vetturi li jġorru l-materjal.

    Il-passaport tal-pjanti msemmi fl-ewwel sub-paragrafu għandu juri l-isem tal-pajjiż ta’ oriġini.

    --------------------------------------------------

    Top