EUR-Lex Πρόσβαση στο δίκαιο της Ευρωπαϊκής Ένωσης

Επιστροφή στην αρχική σελίδα του EUR-Lex

Το έγγραφο αυτό έχει ληφθεί από τον ιστότοπο EUR-Lex

Έγγραφο 22023D1019

Deċiżjoni Nru 4/2023 tal-Kumitat għall-Kummerċ tas-26 ta’ April 2023 dwar ir-Regoli ta’ Proċedura tiegħu [2023/1019]

PUB/2023/530

ĠU L 136, 24.5.2023, σ. 95 έως 99 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Νομικό καθεστώς του εγγράφου Ισχύει

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/1019/oj

24.5.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 136/95


DEĊIŻJONI Nru 4/2023 TAL-KUMITAT GĦALL-KUMMERĊ

tas-26 ta’ April 2023

dwar ir-Regoli ta’ Proċedura tiegħu [2023/1019]

IL-KUMITAT GĦALL-KUMMERĊ,

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Singapore (il-“Ftehim”), u b’mod partikolari l-Artikolu 16.1, il-paragrafu 4, il-punt (f), tiegħu,

Billi skont l-Artikolu 16.1, il-paragrafu 4(f) tal-Ftehim, il-Kumitat għall-Kummerċ jista’ jadotta r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu stess.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

1.

Ir-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat għall-Kummerċ huma stabbiliti fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

2.

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fis-26 ta’ April 2023,

Għall-Kumitat għall-Kummerċ

Il-Kopresidenti

Il-Viċi President Eżekuttiv u Kummissarju għall-Kummerċ tal-Kummissjoni Ewropea

Valdis DOMBROVSKIS

Il-Ministru responsabbli għar-Relazzjonijiet Kummerċjali tar-Repubblika ta’ Singapore

S ISWARAN


ANNESS

IR-REGOLI TA’ PROĊEDURA TAL-KUMITAT GĦALL-KUMMERĊ STABBILITI MILL-ARTIKOLU 16.1 TAL-FTEHIM TA’ KUMMERĊ ĦIELES BEJN L-UNJONI EWROPEA, MINN NAĦA WAĦDA, U R-REPUBBLIKA TA’ SINGAPORE, MIN-NAĦA L-OĦRA

REGOLA 1

Rwol u Isem tal-Kumitat għall-Kummerċ

1.   Il-Kumitat għall-Kummerċ stabbilit bis-saħħa tal-Artikolu 16.1 tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Singapore (il-“Ftehim”) huwa responsabbli għall-kwistjonijiet kollha msemmijin fl-Artikolu 16.1 tal-Ftehim.

2.   Il-Kumitat imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jissemma fid-dokumenti tal-Kumitat, inklużi d-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet, bħala l-Kumitat għall-Kummerċ.

REGOLA 2

Kompożizzjoni u Kopresidenza

1.   Skont l-Artikolu 16.1 tal-Ftehim, il-Kumitat għall-Kummerċ għandu jinkludi rappreżentanti tal-Unjoni Ewropea u tar-Repubblika ta’ Singapore u għandu jkun kopresedut mill-Membru tal-Kummissjoni Ewropea responsabbli għall-Kummerċ u l-Ministru għall-Kummerċ u l-Industrija ta’ Singapore, jew id-delegati rispettivi tagħhom.

2.   Kull Parti għandha tinnotifika lill-Parti l-oħra bl-isem, il-pożizzjoni u d-dettalji ta’ kuntatt tal-uffiċjal delegat inkarigat biex jikkopresedi l-Kumitat għall-Kummerċ għal dik il-Parti. Dak l-uffiċjal delegat jitqies li jkollu l-awtorizzazzjoni li jirrappreżenta lill-Parti sad-data li fiha l-Parti tkun innotifikat lill-Parti l-oħra li tkun ħatret Kopresident ġdid.

REGOLA 3

Segretarjat

1.   L-uffiċjali mid-dipartiment inkarigat mill-Kummerċ għal kull Parti għandhom jaġixxu bħala s-Segretarjat tal-Kumitat għall-Kummerċ.

2.   Kull Parti għandha tinnotifika lill-Parti l-oħra bl-isem, il-pożizzjoni u d-dettalji ta’ kuntatt tal-uffiċjal li jkun il-membru tas-Segretarjat tal-Kumitat għall-Kummerċ għal dik il-Parti. Dak l-uffiċjal jitqies li jkompli jaġixxi bħala membru tas-Segretarjat għall-Parti sad-data li fiha l-Parti tkun innotifikat lill-Parti l-oħra li tkun ħatret membru ġdid.

REGOLA 4

Laqgħat

1.   F’konformità mal-Artikolu 16.1 tal-Ftehim, il-Kumitat għall-Kummerċ għandu jiltaqa’ kull sentejn jew mingħajr dewmien żejjed fuq talba ta’ waħda mill-Partijiet.

2.   Il-laqgħat għandhom isiru f’data u f’ħin maqbulin alternattivament fi Brussell u f’Singapore, sakemm ma jkunx maqbul mod ieħor mill-Kopresidenti.

3.   Il-laqgħat għandhom jissejħu mill-Kopresident tal-Parti li tkun qed tospita l-laqgħa.

4.   Laqgħa tista’ ssir bi preżenza fiżika, b’vidjokonferenza, jew bi kwalunkwe mezz ieħor.

REGOLA 5

Delegazzjonijiet

Qabel kull laqgħa, kull membru tas-Segretarjat tal-Kumitat għall-Kummerċ għal kull Parti għandu jinforma lill-membru l-ieħor bil-kompożizzjoni maħsuba tad-delegazzjonijiet tal-parti rispettiva tagħhom. Il-listi għandhom jispeċifikaw l-isem u l-funzjoni ta’ kull membru tad-delegazzjoni.

REGOLA 6

Aġenda tal-laqgħat

1.   Mill-inqas 15-il jum qabel il-laqgħa, is-Segretarju tal-Kumitat għall-Kummerċ għandu jfassal aġenda proviżorja għal kull laqgħa fuq il-bażi ta’ proposta magħmula mill-Parti li tkun qed tospita l-laqgħa. Il-Parti l-oħra għandu jkollha l-opportunità li tipprovdi kummenti.

2.   L-aġenda għandha tiġi adottata mill-Kumitat għall-Kummerċ fil-bidu ta’ kull laqgħa. Il-punti li ma jidhrux fuq l-aġenda proviżorja jistgħu jitqiegħdu fuq l-aġenda bi qbil reċiproku.

REGOLA 7

Stedina tal-esperti

Il-Kopresidenti tal-Kumitat għall-Kummerċ jistgħu, bi ftehim reċiproku, jistiednu esperti indipendenti biex jattendu l-laqgħat tal-Kumitat għall-Kummerċ sabiex jipprovdu informazzjoni dwar suġġetti speċifiċi u biss għall-partijiet tal-laqgħa fejn jiġu diskussi suġġetti speċifiċi bħal dawn.

REGOLA 8

Minuti

1.   L-abbozz tal-minuti ta’ kull laqgħa għandu jitħejja mill-membru tas-Segretarjat tal-Parti li tkun qed tospita l-laqgħa fi żmien 21 jum minn tmiem il-laqgħa, sakemm il-Kopresidenti ma jiddeċidux mod ieħor. L-abbozz tal-minuti għandu jintbagħat għall-kummenti lill-membru tas-Segretarjat tal-Parti l-oħra.

2.   Meta dawn ir-regoli ta’ prċedura japplikaw għal-laqgħat tal-kumitati speċjalizzati, il-minuti tal-laqgħat tal-kumitat speċjalizzat għandhom ikunu disponibbli għal kwalunkwe laqgħa sussegwenti tal-Kumitat għall-Kummerċ.

3.   Il-minuti għandhom, bħala regola ġenerali, jiddeskrivu fil-qosor kull punt fl-aġenda, u meta japplika jispeċifikaw:

(a)

id-dokumenti kollha ppreżentati lill-Kumitat għall-Kummerċ;

(b)

kwalunkwe dikjarazzjoni li wieħed mill-Kopresidenti tal-Kumitat għall-Kummerċ ikun talab li tiddaħħal fil-minuti; u

(c)

id-deċiżjonijiet meħuda, ir-rakkomandazzjonijiet magħmula, id-dikjarazzjonijiet maqbula u l-konklużjonijiet adottati dwar punti speċifiċi.

4.   Il-minuti għandhom jinkludu lista tad-deċiżjonijiet kollha li jkun ħa l-Kumitat għall-Kummerċ bil-proċedura bil-miktub skont ir-Regola 9.2 mill-aħħar laqgħa tal-Kumitat.

5.   Anness mal-minuti għandu jinkludi wkoll lista tal-ismijiet u t-titli tal-individwi kollha li attendew il-laqgħa tal-Kumitat għall-Kummerċ u f’liema kapaċità attendewha.

6.   Is-Segretarjat għandu jaġġusta l-abbozz tal-minuti fuq il-bażi tal-kummenti rċevuti, u l-abbozz tal-minuti, kif rivedut, għandu jiġi approvat mill-Partijiet fi żmien 30 jum mid-data tal-laqgħa, jew minn xi data oħra maqbula mill-Kopresidenti. Ladarba approvati, is-Segretarjat għandu jħejji żewġ verżjonijiet oriġinali tal-minuti, u l-Partijiet għandhom jirċievu verżjoni oriġinali waħda tal-minuti.

REGOLA 9

Deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.   Il-Kumitat għall-Kummerċ jista’ jadotta deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet fir-rigward ta’ kull kwistjoni, meta l-Ftehim jipprevedi hekk. Il-Kumitat għall-Kummerċ għandu jadotta deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet bi qbil reċiproku, kif previst fl-Artikolu 16.4 tal-Ftehim.

2.   Fil-perjodu ta’ bejn il-laqgħat, il-Kumitat għall-Kummerċ jista’ jadotta deċiżjonijiet jew rakkomandazzjonijiet permezz tal-proċedura bil-miktub.

3.   Għal dik il-fini, it-test ta’ abbozz ta’ deċiżjoni jew rakkomandazzjoni għandu jiġi ppreżentat bil-miktub minn Kopresident lill-Kopresident l-ieħor fil-lingwa ta’ ħidma tal-Kumitat għall-Kummerċ. Il-Parti l-oħra għandu jkollha xahar, jew kwalunkwe perjodu itwal ta’ żmien speċifikat mill-Parti li qed tagħmel il-proposta, biex tesprimi l-aċċettazzjoni tagħha tal-abbozz ta’ deċiżjoni jew rakkomandazzjoni. L-abbozzi ta’ deċiżjonijiet jew rakkomandazzjonijiet għandhom jitqiesu bħala adottati ladarba l-Parti l-oħra tesprimi l-aċċettazzjoni tagħha fil-perjodu ta’ żmien speċifikat mill-Parti li qed tagħmel il-proposta u l-adozzjoni tagħhom għandha tiġi mniżżla fil-minuti tal-laqgħa tal-Kumitat għall-Kummerċ skont ir-Regola 8(4). Jekk il-Parti l-oħra ma tesprimix l-aċċettazzjoni tagħha, id-deċiżjoni jew rakkomandazzjoni proposta għandha tiġi diskussa u tista’ tiġi adottata fil-laqgħa ta’ wara tal-Kunsill għall-Kummerċ.

4.   Meta, skont il-Ftehim, il-Kumitat għall-Kummerċ ikollu s-setgħa li jadotta deċiżjonijiet jew rakkomandazzjonijiet, dawn l-atti għandhom jingħataw it-titolu ta’ “Deċiżjoni” jew “Rakkomandazzjoni” rispettivament. Is-Segretarjat tal-Kumitat għall-Kummerċ għandu jagħti numru tas-serje, progressiv, id-data tal-adozzjoni u deskrizzjoni tas-suġġett tagħha lil kull deċiżjoni jew rakkomandazzjoni. Kull deċiżjoni u rakkomandazzjoni għandha tipprovdi d-data tad-dħul fis-seħħ jew id-data tal-bidu tal-operar tagħha, skont il-każ.

5.   Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet adottati mill-Kumitat għall-Kummerċ għandhom isiru f’żewġ kopji, awtentikati mill-Kopresidenti u trażmessi lil kull Parti.

REGOLA 10

Trasparenza

1.   Sakemm fil-Ftehim ma jiġix speċifikat mod ieħor jew il-Partijiet ma jiddeċidux mod ieħor, il-laqgħat tal-Kumitat għall-Kummerċ ma għandhomx ikunu miftuħa għall-pubbliku.

2.   Kull Parti tista’ tiddeċiedi dwar il-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat għall-Kummerċ fil-pubblikazzjoni uffiċjali rispettiva tagħha jew online.

3.   Meta Parti tippreżenta informazzjoni lill-Kumitat għall-Kummerċ li tkun meqjusa kunfidenzjali skont il-liġijiet u r-regolamenti ta’ dik il-Parti, il-Parti l-oħra għandha tittratta dik l-informazzjoni bħala kunfidenzjali, sakemm il-Parti li tkun ippreżentatha ma taqbilx li jsir mod ieħor.

4.   Kull Parti tista’ tippubblika fi kwalunkwe mezz xieraq l-aġenda ffinalizzata bejn il-Partijiet qabel il-laqgħa tal-Kumitat għall-Kummerċ, u l-minuti konġunti approvati mfassla skont ir-Regola 8.

5.   Il-pubblikazzjoni tad-dokumenti msemmija fil-paragrafi 2 sa 4 għandha ssir f’konformità mar-regoli applikabbli tal-protezzjoni tad-data ta’ kull Parti.

REGOLA 11

Lingwi

1.   Il-lingwa operattiva tal-Kumitat għall-Kummerċ għandha tkun l-Ingliż.

2.   Il-Kumitat għall-Kummerċ għandu jadotta deċiżjonijiet li jikkonċernaw l-emenda jew l-interpretazzjoni tal-Ftehim. L-Artikolu 16.21 tal-Ftehim japplika mutatis mutandis għad-deċiżjonijiet tal-Kumitat għall-Kummerċ li jemendaw jew jinterpretaw il-Ftehim. Id-deċiżjonijiet l-oħrajn kollha tal-Kumitat għall-Kummerċ, inkluż dik li permezz tagħha qed jiġu adottati dawn ir-regoli ta’ proċedura, għandhom jiġu adottati fil-lingwa operattiva msemmija fil-paragrafu 1.

3.   Kull Parti għandha tkun responsabbli għat-traduzzjoni ta’ deċiżjonijiet u dokumenti oħrajn fil-lingwa/i uffiċjali tagħha, jekk meħtieġ skont din ir-Regola, u għandha tkopri l-ispejjeż assoċjati ma’ tali traduzzjonijiet.

REGOLA 12

Spejjeż

1.   Kull Parti għandha tkopri kwalunkwe spejjeż li ġġarrab b’riżultat tas-sehem tagħha fil-laqgħat tal-Kumitat għall-Kummerċ, b’mod partikolari fir-rigward tal-persunal, l-ivvjaġġar u n-nefqa għas-, u fir-rigward tal-ispejjeż relatati ma’ vidjokonferenzi jew telekonferenzi, il-posta u t-telekomunikazzjonijiet.

2.   L-ispejjeż b’rabta mal-organizzazzjoni tal-laqgħat u mar-riproduzzjoni tad-dokumenti għandha titħallas mill-Parti li tkun qiegħda tospita l-laqgħa.

REGOLA 13

Kumitati Speċjalizzati u korpi oħrajn

1.   Kumitati Speċjalizzati jistgħu jiġu stabbiliti skont l-Artikolu 16.1 tal-Ftehim bl-għan li jittrattaw il-kwistjonijiet kollha delegati lilhom mill-Kumitat għall-Kummerċ.

2.   Skont l-Artikolu 16.1 u 16.2 tal-Ftehim, il-Kumitat għall-Kummerċ għandu jissorvelja l-ħidma tal-kumitati speċjalizzati kollha u korpi oħrajn stabbiliti skont il-Ftehim.

3.   Il-Kumitat għall-Kummerċ għandu jiġi infurmat bil-miktub bil-punti ta’ kuntatt maħtura mill-Kumitati Speċjalizzati jew minn korpi oħrajn stabbiliti skont il-Ftehim. Il-korrispondenza, id-dokumenti u l-komunikazzjoni rilevanti kollha bejn il-punti ta’ kuntatt ta’ kull Kumitat Speċjalizzat rigward l-implimentazzjoni tal-Ftehim għandhom jingħaddew lis-Segretarjat tal-Kumitat għall-Kummerċ simultanjament.

4.   Skont l-Artikolu 16.2 tal-Ftehim, il-Kumitati Speċjalizzati għandhom jirrapportaw lill-Kumitat għall-Kummerċ dwar ir-riżultati u l-konklużjonijiet ta’ kull waħda mil-laqgħat tagħhom.

5.   Sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor minn kull Kumitat Speċjalizzat, dawn ir-Regoli ta’ Proċedura għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-kumitati speċjalizzati u korpi oħrajn stabbiliti skont il-Ftehim.

REGOLA 14

Emendi għar-Regoli ta’ Proċedura

Dawn ir-Regoli ta’ Proċedura jistgħu jiġu emendati bil-miktub permezz ta’deċiżjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ f’konformità mar-Regola 9.


Επάνω