Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020D0135

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/135 tat-30 ta’ Jannar 2020 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

XT/21105/2018/REV/3

ĠU L 29, 31.1.2020, p. 1–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2020/135/oj

Related international agreement

31.1.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 29/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/135

tat-30 ta’ Jannar 2020

dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 50(2),

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew,

Billi:

(1)

Fil-21 ta’ Ottubru 2019, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (UE) 2019/1750 (1), li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2019/274 (2) dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika ("il-Ftehim”).

(2)

Jenħtieġ li l-Ftehim jiġi approvat f’isem l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika.

(3)

Kwalunkwe referenza għall-Unjoni f’din id-deċiżjoni għandha tinftiehem bħala li tinkludi lill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika.

(4)

Fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim, il-mandati tal-membri kollha tal-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-Unjoni li kienu nominati, maħtura jew eletti b’rabta mas-sħubija tar-Renju Unit fl-Unjoni jintemmu awtomatikament bħala riżultat tal-ħruġ.

(5)

Huwa xieraq li jiġu definiti l-modalitajiet tar-rappreżentanza tal-Unjoni fil-Kumitat Konġunt u l-kumitati speċjalizzati stabbiliti bil-Ftehim. Il-Kummissjoni, kif previst fl-Artikolu 17(1) TUE, għandha tirrappreżenta lill-Unjoni u għandha tesprimi l-pożizzjonijiet tal-Unjoni kif stabbiliti mill-Kunsill f’konformità mat-Trattati. Il-Kunsill għandu jeżerċita l-funzjonalitajiet tiegħu tat-tfassil ta’ politika u ta’ koordinazzjoni kif previst fl-Artikolu 16(1) TUE billi jistabbilixxi l-pożizzjonijiet li għandhom jittieħdu f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt u fil-kumitati speċjalizzati. Barra minn hekk, fejn il-Kumitat Konġunt jiġi biex jadotta atti li jkollhom effetti legali, il-pożizzjonijiet li għandhom jittieħdu f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt għandhom jiġu stabbiliti f’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Sitt xhur qabel ma jsir applikabbli l-Artikolu 5 tal-Protokoll dwar l-Irlanda/Irlanda ta’ Fuq għall-Ftehim dwar il-Ħruġ, issir reviżjoni, b’kont meħud tas-sitwazzjoni ġdida li b’hekk tirriżulta, tal-modalitajiet għall-parteċipazzjoni tal-Istati Membri fil-laqgħat tal-Kumitat Konġunt u l-kumitati speċjalizzati.

(6)

Huwa mfakkar li fil-minuti tal-Kunsill Ewropew tal-25 ta’ Novembru 2018 ġew inklużi diversi dikjarazzjonijiet. Skont id-Dikjarazzjoni rigward il-Ftehim dwar il-Ħruġ u d-Dikjarazzjoni Politika, fejn il-pożizzjoni tal-Unjoni li għandha tittieħed fil-Kumitat Konġunt tkun relatata mal-estensjoni tal-perijodu tat-transizzjoni, il-Kunsill ser jaġixxi f’konformità mal-linji gwida tal-Kunsill Ewropew, u kwalunkwe deċiżjoni dwar l-estensjoni tal-perijodu tat-transizzjoni ser tqis l-issodisfar tal-obbligi mir-Renju Unit skont il-Ftehim, inklużi l-Protokolli tiegħu. Fil-minuti tal-Kunsill Ewropew imsemmija hawn fuq, ġew inklużi żewġ dikjarazzjonijiet oħra tal-Kunsill Ewropew u tal-Kummissjoni: dikjarazzjoni interpretattiva dwar l-Artikolu 184 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ u dikjarazzjoni dwar l-ambitu territorjali tal-ftehimiet futuri.

(7)

Fejn l-Unjoni tiġi biex tieħu pożizzjoni fil-Kumitat Konġunt, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jirrispettaw id-Dikjarazzjonijiet inklużi fil-minuti tal-Kunsill Ewropew tal-25 ta’ Novembru 2018.

(8)

Il-Parlament Ewropew għandu jiġi informat minnufih u b’mod sħiħ, kif previst fl-Artikolu 218(10) TFUE, fuq il-bażi ta’ modalitajiet prattiċi ta’ kooperazzjoni li jippermettuh jeżerċita b’mod sħiħ il-prerogattivi tiegħu f’konformità mat-Trattati.

(9)

Kull meta l-Unjoni tkun obbligata li taġixxi sabiex tikkonforma mad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim, tali azzjoni għandha tittieħed f’konformità mad-dispożizzjonijiet tat-Trattati, filwaqt li jiġu rispettati l-limiti tas-setgħat mogħtija lil kull istituzzjoni. Għalhekk, hija l-Kummissjoni li għandha tipprovdi lir-Renju Unit l-informazzjoni jew in-notifiki meħtieġa mill-Ftehim, ħlief fejn il-Ftehim jirreferi għal istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji speċifiċi oħra tal-Unjoni, li għandha tikkonsulta mar-Renju Unit dwar kwistjonijiet speċifiċi, u li għandha tistieden rappreżentanti tar-Renju Unit biex jattendu laqgħat internazzjonali ta’ konsultazzjoni jew ta’ negozjati, bħala parti mid-delegazzjoni tal-Unjoni. Hija wkoll il-Kummissjoni li għandha tirrappreżenta lill-Unjoni quddiem il-bord tal-arbitraġġ fejn tkun tressqet tilwima għall-arbitraġġ skont l-Artikolu 170 tal-Ftehim. Fl-osservanza tad-dmir ta’ kooperazzjoni leali msemmi fl-Artikolu 4(3) TUE, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-Kunsill bil-quddiem, pereżempju billi tippreżentalu l-linji prinċipali tal-osservazzjonijiet maħsuba li jitressqu f’isem l-Unjoni lill-bord tal-arbitraġġ u tieħu kont tal-kummenti li jkunu saru mill-Kunsill. Huwa għal din l-istess raġuni li hija l-Kummissjoni li għandha tilħaq qbil mar-Renju Unit dwar arranġamenti amministrattivi bħal dawk imsemmija fl-Artikolu 134 tal-Ftehim.

(10)

Fid-dikjarazzjoni tagħha għall-minuti tal-laqgħa tal-Kunsill tad-29 ta’ Jannar 2018, il-Kummissjoni indikat li ser toħroġ, wara li tikkonsulta mal-Kunsill, dokument ta’ gwida dwar l-applikazzjoni konsistenti tal-Artikolu 128(5) tal-Ftehim.

(11)

Skont l-Artikolu 129(4) tal-Ftehim, matul il-perijodu ta’ transizzjoni, ir-Renju Unit jista’ jinnegozja, jiffirma u jirratifika ftehimiet internazzjonali li jidħol għalihom fil-kapaċità tiegħu stess fl-oqsma ta’ kompetenza esklużiva tal-Unjoni dment li dawk il-ftehimiet ma jidħlux fis-seħħ jew ma jkunux japplikaw matul il-perijodu ta’ transizzjoni, sakemm ma jkunux awtorizzati mill-Unjoni. Huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti l-kondizzjonijiet u l-proċedura għall-għoti ta’ tali awtorizzazzjonijiet. Minħabba s-sinifikat politiku tad-deċiżjonijiet li jagħtu tali awtorizzazzjonijiet, huwa xieraq li l-Kunsill jingħata s-setgħa li jadotta tali awtorizzazzjonijiet permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, filwaqt li jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni.

(12)

Il-Ftehim jindirizza, fi protokolli separati, is-sitwazzjonijiet speċifiċi ħafna tal-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq, tal-Arei ta’ Bażi Sovrana tar-Renju Unit f’Ċipru u ta’ Ġibiltà. Minħabba l-ħtieġa possibbli li l-Irlanda, ir-Repubblika ta’ Ċipru u r-Renju ta’ Spanja, rispettivament, jidħlu f’tali ftehimiet bilaterali mar-Renju Unit kif jista’ jkun meħtieġ għall-funzjonament tajjeb tal-arranġamenti previsti f’dawk il-protokolli speċifiċi, huwa neċessarju li jiġu stabbiliti l-kondizzjonijiet u l-proċedura għall-awtorizzazzjoni tal-Istat Membru rispettiv biex jinnegozja u jikkonkludi tali ftehimiet bilaterali fejn dawn jirrigwardaw oqsma ta’ kompetenza esklużiva tal-Unjoni. Minħabba s-sinifikat politiku ta’ deċiżjonijiet li jagħtu tali awtorizzazzjonijiet, huwa xieraq li l-Kunsill jingħata s-setgħa li jadotta tali awtorizzazzjonijiet permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, filwaqt li jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni.

(13)

Skont l-Artikolu 18(1) u (4) tal-Ftehim, l-Istati Membri ospitanti għandhom joħorġu liċ-ċittadini tar-Renju Unit, lill-membri tal-familja rispettivi tagħhom u lil persuni oħra li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Titolu II tat-Tieni Parti tal-Ftehim dokument li jattesta l-istatus ta’ residenza tagħhom f’konformità mal-Ftehim. Skont l-Artikolu 26 tal-Ftehim, l-Istat Membru tal-impjieg għandu joħroġ liċ-ċittadini tar-Renju Unit li għandhom drittijiet bħala ħaddiema tal-fruntiera taħt il-Ftehim dokument li jiċċertifika l-istatus tagħhom ta’ ħaddiema tal-fruntiera taħt il-Ftehim. Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi fi ħdan l-Unjoni għall-implimentazzjoni ta’ dawk id-dispożizzjonijiet, bl-għanijiet li jiġi ffaċilitat ir-rikonoxximent ta’ tali dokumenti, b’mod partikolari mill-awtoritajiet tal-kontroll tal-fruntieri, u li jiġu prevenuti l-falsifikazzjoni u l-kontraffazzjoni permezz ta’ karatteristiċi ta’ sigurtà ta’ livell għoli, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni biex tistabbilixxi l-perijodu ta’ validità, il-format ta’ tali dokumenti u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għal tali dokumenti, kif ukoll id-dikjarazzjoni komuni li d-dokumenti maħruġa taħt l-Artikoli 18 u 26 tal-Ftehim ikunu meħtieġa li jkollhom, b’mod partikolari li dawn kienu maħruġa f’konformità mal-Ftehim. Dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). Għal dan il-għan, il-Kummissjoni għandha tiġi megħjuna mill-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1683/95 (4). Jekk ikun neċessarju, tali atti ta’ implimentazzjoni jistgħu jinkludu miżuri adatti għall-prevenzjoni tal-kontraffazzjoni u l-falsifikazzjoni ta’ tali dokumenti. F’tali każ, dawn għandhom jitqiegħu għad-dispożizzjoni biss tal-korpi nominati mill-Istati Membri biex ikunu responsabbli għall-istampar u tal-persuni debitament awtorizzati minn Stat Membru jew mill-Kummissjoni. Tali atti ta’ implimentazzjoni għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe arranġament speċjali li l-Irlanda tista’, bis-saħħa tal-Ftehim, tagħmel mar-Renju Unit relatat mal-moviment ta’ persuni fiż-Żona Komuni għall-Ivjaġġar.

(14)

F’konformità mal-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, l-Artikolu 50 TUE japplika għall-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika.

(15)

Kif previst fl-Artikolu 50(4) TUE, ir-Renju Unit ma ħax sehem fid-diskussjonijiet tal-Kunsill li jikkonċernaw din id-Deċiżjoni u lanqas fl-adozzjoni tagħha,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika.

It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Kwalunkwe referenza għall-Unjoni f’din id-Deċiżjoni għandha tinftiehem bħala li tinkludi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika.

Artikolu 2

1.   Il-Kummissjoni għandha tirrappreżenta lill-Unjoni fil-Kumitat Konġunt u l-kumitati speċjalizzati previsti fl-Artikoli 164 u 165 tal-Ftehim, kif ukoll fi kwalunkwe kumitat speċjalizzat ieħor li jista’ jiġi stabbilit f’konformità mal-punt (b) tal-Artikolu 164(5) tal-Ftehim.

Stat Membru wieħed jew aktar jistgħu jitolbu li r-rappreżentant tal-Kummissjoni jkun akkumpanjat, bħala parti mid-delegazzjoni tal-Unjoni, minn rappreżentant ta’ dak l-Istat Membru jew ta’ dawk l-Istati Membri f’laqgħa tal-Kumitat Konġunt jew ta’ kumitat speċjalizzat fil-każ li xi materji partikolari li jkollhom jiġu indirizzati f’dik il-laqgħa jkunu ta’ interess speċifiku għal dak l-Istat Membru jew għal dawk l-Istati Membri. B’mod partikolari, l-Irlanda, ir-Repubblika ta’ Ċipru u r-Renju ta’ Spanja, rispettivament, jistgħu jitolbu li r-rappreżentant tal-Kummissjoni jkun akkumpanjat minn:

(a)

rappreżentant tal-Irlanda, fil-laqgħat tal-Kumitat dwar kwistjonijiet relatati mal-implimentazzjoni tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq fejn dawk il-kwistjonijiet ikunu speċifiċi għall-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq;

(b)

rappreżentant tar-Repubblika ta’ Ċipru, fil-laqgħat tal-Kumitat dwar kwistjonijiet relatati mal-implimentazzjoni tal-Protokoll relatat mal-Arei ta’ Bażi Sovrana f’Ċipru;

(c)

rappreżentant tar-Renju ta’ Spanja, fil-laqgħat tal-Kumitat dwar kwistjonijiet relatati mal-implimentazzjoni tal-Protokoll dwar Ġibiltà.

2.   Sabiex il-Kunsill ikun f’pożizzjoni li jeżerċita b’mod sħiħ il-funzjonijiet tiegħu ta’ tfassil ta’ politika, ta’ koordinazzjoni u ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet f’konformità mat-Trattati, b’mod partikolari billi jistabbilixxi l-pożizzjonijiet li għandhom jittieħdu f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt u fil-kumitati speċjalizzati, il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-Kunsill jirċievi l-informazzjoni u d-dokumenti kollha relatati ma’ kwalunkwe laqgħa tal-Kumitat Konġunt, ma’ kwalunkwe laqgħa ta’ kumitat speċjalizzat jew ma’ kwalunkwe att li għandu jiġi adottat bi proċedura bil-miktub f’biżżejjed żmien qabel dik il-laqgħa jew l-użu ta’ dik il-proċedura bil-miktub.

Il-Kunsill għandu wkoll jiġi informat fil-ħin dwar id-diskussjonijiet u l-eżitu tal-laqgħat tal-Kumitat Konġunt, il-laqgħat tal-kumitati speċjalizzati u l-proċedura bil-miktub, u għandu jirċievi l-abbozz ta’ minuti u d-dokumenti kollha relatati ma’ tali laqgħat jew proċedura bil-miktub.

3.   Il-Parlament Ewropew għandu jitqiegħed f’pożizzjoni li jeżerċita b’mod sħiħ il-prerogattivi istituzzjonali tiegħu matul il-proċess kollu f’konformità mat-Trattati.

4.   Matul l-ewwel ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim, il-Kummissjoni għandha tirrapporta kull sena lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tal-Ftehim, b’mod partikolari tat-Tieni Parti tiegħu.

Artikolu 3

1.   Il-Kunsill jista’ jawtorizza lir-Renju Unit biex jesprimi l-kunsens tiegħu, fil-kapaċità tiegħu stess, li jkun marbut minn ftehim internazzjonali maħsub biex jidħol fis-seħħ jew jiġi applikat matul il-perijodu ta’ transizzjoni, f’qasam ta’ kompetenza esklużiva tal-Unjoni. Tali awtorizzazzjoni tista’ tingħata biss jekk:

(a)

ir-Renju Unit ikun wera interess speċifiku fil-ftehim internazzjonali inkwistjoni li jkun diġà ser jidħol fis-seħħ jew jibda japplika matul il-perijodu ta’ transizzjoni;

(b)

il-ftehim internazzjonali inkwistjoni jkun kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni applikabbli għar-Renju Unit u fir-Renju Unit f’konformità mal-Artikolu 127 tal-Ftehim u jkun kompatibbli mal-obbligi msemmija fl-Artikolu 129(1) tal-Ftehim; u

(c)

id-dħul fis-seħħ jew l-applikazzjoni tal-ftehim internazzjonali inkwistjoni matul il-perijodu ta’ transizzjoni la jpoġġu f’riskju l-ilħuq ta’ xi objettiv tal-azzjoni esterna tal-Unjoni fil-qasam ikkonċernat u lanqas b’xi mod ieħor ikunu ta’ preġudizzju għall-interessi tal-Unjoni.

2.   Awtorizzazzjoni mogħtija skont il-paragrafu 1 tista’ tkun kondizzjonali fuq l-inklużjoni fil-ftehim inkwistjoni, jew fuq it-tneħħija minn dak il-ftehim, ta’ kwalunkwe dispożizzjoni jew tista’ tkun kondizzjonali fuq is-sospensjoni tal-applikazzjoni ta’ kwalunkwe dispożizzjoni ta’ dak il-ftehim, fejn meħtieġ biex tiġi żgurata l-konsistenza mal-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1.

3.   Ir-Renju Unit għandu jinnotifika lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tiegħu li jesprimi l-kunsens tiegħu, fil-kapaċità tiegħu stess, li jkun marbut minn ftehim internazzjonali maħsub biex jidħol fis-seħħ jew jiġi applikat matul il-perijodu ta’ transizzjoni, f’qasam ta’ kompetenza esklużiva tal-Unjoni. Il-Kummissjoni għandha minnufih tinforma lill-Kunsill bi kwalunkwe notifika mir-Renju Unit dwar l-intenzjoni tar-Renju Unit li jesprimi l-kunsens tiegħu, fil-kapaċità tiegħu stess, sabiex ikun marbut mill-ftehim internazzjonali inkwistjoni.

4.   Il-Kunsill għandu jadotta d-deċiżjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, fuq proposta mill-Kummissjoni. Il-proposta tal-Kummissjoni għandha tinkludi valutazzjoni dwar jekk il-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 humiex sodisfatti. Jekk l-informazzjoni provduta mir-Renju Unit ma tkunx biżżejjed għall-valutazzjoni, il-Kummissjoni tista’ titlob informazzjoni addizzjonali.

5.   Il-Kunsill għandu jinforma lill-Parlament Ewropew b’kull deċiżjoni meħuda skont il-paragrafu 1.

Artikolu 4

1.   Fuq talba debitament ġustifikata mill-Irlanda, mir-Repubblika ta’ Ċipru jew mir-Renju ta’ Spanja, rispettivament, il-Kunsill jista’ jawtorizza lil dawk l-Istati Membri biex jinnegozjaw ftehimiet bilaterali mar-Renju Unit f’oqsma ta’ kompetenza esklużiva tal-Unjoni. Tali awtorizzazzjoni tista’ tingħata biss jekk:

(a)

l-Istat Membru kkonċernat ikun ipprovda informazzjoni li turi li l-ftehim inkwistjoni huwa meħtieġ għall-funzjonament tajjeb tal-arranġamenti stabbiliti, rispettivament, fil-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq, fil-Protokoll dwar l-Arei ta’ Bażi Sovrana tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq f’Ċipru u l-Protokoll dwar Ġibiltà, u li l-ftehim inkwistjoni jikkonforma mal-prinċipji u l-objettivi tal-Ftehim;

(b)

fuq il-bażi tal-informazzjoni provduta mill-Istat Membru, ikun jidher li l-ftehim previst huwa kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni; u

(c)

il-ftehim previst la jpoġġi f’riskju l-ilħuq ta’ objettiv tal-azzjoni esterna tal-Unjoni fil-qasam ikkonċernat u lanqas b’xi mod ieħor ikun ta’ preġudizzju għall-interessi tal-Unjoni.

2.   Awtorizzazzjoni mogħtija skont il-paragrafu 1 tista’ tkun kondizzjonali fuq l-inklużjoni fil-ftehim inkwistjoni, jew fuq it-tneħħija minn dak il-ftehim, ta’ kwalunkwe dispożizzjoni jew tista’ tkun kondizzjonali fuq is-sospensjoni tal-applikazzjoni ta’ kwalunkwe dispożizzjoni ta’ dak il-ftehim, fejn meħtieġ biex tiġi żgurata l-konsistenza mal-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1.

3.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jinnotifika lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tiegħu li jidħol f’negozjati mar-Renju Unit. Il-Kummissjoni għandha minnufih tinforma lill-Kunsill dwar dan. L-Istat Membru kkonċernat għandu jipprovdi lill-Kummissjoni bl-informazzjoni kollha meħtieġa biex tevalwa jekk il-kondizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 1 humiex sodisfatti.

4.   Il-Kummissjoni għandha tiġi mistiedna mill-Istat Membru kkonċernat biex issegwi n-negozjati mill-qrib.

5.   Qabel l-iffirmar tal-ftehim bilaterali, l-Istat Membru kkonċernat għandu jinnotifika lill-Kummissjoni dwar l-eżitu tan-negozjati u għandu jibgħat it-test tal-ftehim prospettiv lill-Kummissjoni li għandha mill-ewwel tgħarraf lill-Kunsill. L-Istat Membru kkonċernat jista’ biss jesprimi l-kunsens tiegħu li jintrabat bil-ftehim bilaterali inkwistjoni jekk il-Kunsill ikun awtorizzah jagħmel dan.

6.   Il-Kunsill għandu jadotta d-deċiżjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 5 permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, fuq proposta mill-Kummissjoni.

Il-proposta tal-Kummissjoni għandha tinkludi valutazzjoni dwar jekk il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 u msemmija fil-paragrafu 2 humiex sodisfatti. Jekk l-informazzjoni provduta mill-Istat Membru kkonċernat ma tkunx biżżejjed għall-valutazzjoni, il-Kummissjoni tista’ titlob informazzjoni addizzjonali.

7.   Meta l-Kunsill jagħti awtorizzazzjoni skont il-paragrafi 1 u 5, l-Istat Membru kkonċernat għandu jinnotifika lill-Kummissjoni bid-dħul fis-seħħ tal-ftehim bilaterali kkonċernat u bi kwalunkwe bidla sussegwenti li tikkonċerna l-istatus ta’ dak il-ftehim.

8.   Il-Kunsill għandu jinforma lill-Parlament Ewropew dwar kwalunkwe deċiżjoni meħuda skont il-paragrafi 1 u 5.

Artikolu 5

Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-perijodu ta’ validità, il-format u l-karatteristiċi ta’ sigurtà tad-dokumenti li l-Istati Membri għandhom joħorġu skont l-Artikolu 18(1) u (4) u l-Artikolu 26 tal-Ftehim u d-dikjarazzjoni komuni li għandha tidher f’tali dokumenti. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 6 ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 6

1.   Il-Kummissjoni għandha tiġi megħjuna mi ll-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 1683/95 għall-adozzjoni ta’ atti ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 5 ta’ din id-Deċiżjoni.

Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 7

Il-President tal-Kunsill għandu, f’isem l-Unjoni, jagħti n-notifika prevista fl-Artikolu 185 tal-Ftehim.

Artikolu 8

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Jannar 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

A. METELKO-ZGOMBIĆ


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/1750 tal-21 ta’ Ottubru 2019 li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/274 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU L 274I, 28.10.2019, p. 1).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/274 tal-11 ta’ Jannar 2019 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU L 47I, 19.2.2019, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1683/95 tad-29 ta’ Mejju 1995 li jistabbilixxi format uniformi għall-viża (ĠU L 164, 14.7.1995, p. 1).


Top