Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Is-sigurtà ta’ vapuri ro-ro tal-passiġġieri u inġenji ta’ veloċità għolja għall-passiġġieri

Is-sigurtà ta’ vapuri ro-ro tal-passiġġieri u inġenji ta’ veloċità għolja għall-passiġġieri

 

SOMMARJU TA’:

Id-Direttiva (UE) 2017/2110 dwar sistema ta’ spezzjonijiet għall-operazzjoni bla periklu ta’ vapuri ro-ro tal-passiġġieri u inġenji ta’ veloċità għolja għall-passiġġieri f’servizz regolari

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

Din tistipula regoli għal sistema ta’ spezzjonijiet u operazzjoni bla periklu ta’ vapuri ro-ro tal-passiġġieri u inġenji ta’ veloċità għolja għall-passiġġieri f’servizz regolari.

PUNTI EWLENIN

Kamp ta’ applikazzjoni u definizzjonijiet

Id-Direttiva tapplika għal dawn li ġejjin, li jġorru 12-il passiġġier jew aktar:

  • vapuri ro-ro tal-passiġġieri, definiti bħala vapuri mgħammra għal vetturi tat-triq jew tal-ferrovija biex jitilgħu u jinżlu mill-bastimenti meta jkunu fil-port;
  • vapuri ta’ veloċità għolja għall-passiġġieri, definiti bħala inġenji b’kapaċità ta’ veloċità massima ta’ mill-inqas 3.7 x v0.1667 f’metri fis-sekonda, (fejn v = l-ispostament tal-inġenji f’metri kubiċi), iżda li jeskludu inġenji tat-tip aliskaf;
  • servizz regolari huwa meta l-inġenju jopera bejn l-istess 2 portijiet jew aktar, jew serje ta’ vjaġġi minn u lejn l-istess port mingħajr waqfiet intermedji, għal skeda ta’ żmien ippubblikata; jew b’sensiela ta’ qsim regolari jew frekwenti sistematiku.

Spezzjonijiet

Il-pajjiżi tal-UE għandhom jagħmlu spezzjonijiet kif ġej:

  • spezzjoni ta’ qabel il-bidu qabel inġenju jitpoġġa f’servizz regolari;
  • spezzjonijiet sussegwenti kull 12-il xahar;
  • spezzjonijiet ta’ servizz regolari 4-8 xhur wara spezzjonijiet annwali;
  • spezzjonijiet wara tiswijiet kbar jew modifika, jew meta jkun hemm bidla fil-maniġment.

L-ispezzjonijiet għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti statutorji tal-pajjiż tal-UE kkonċernat, u jkopru s-subdiviżjoni u l-istabbiltà, il-makkinarju u l-installazzjonijiet elettriċi, it-tagħbija u l-istabbiltà, il-protezzjoni kontra n-nirien, l-għadd massimu ta’ passiġġieri, l-apparat tas-salvataġġ u l-ġarr ta’ oġġetti perikolużi, ir-radjukomunikazzjonijiet u n-navigazzjoni.

Tiġi vverifikata l-konformità ma’ dawn li ġejjin:

  • hemm disponibbli informazzjoni għall-kaptan dwar sistemi ta’ gwida għan-navigazzjoni bbażati fuq il-kosta;
  • jitpoġġa elenku bl-arranġamenti ta’ xogħol abbord il-vapur inkluż skeda tas-servizz fuq il-baħar u fil-port; u s-sigħat massimi ta’ xogħol jew is-sigħat minimi ta’ mistrieħ meħtieġa għal dawk li joqogħdu għassa;
  • il-kaptan ma jinżammx milli jieħu kwalunkwe deċiżjoni meħtieġa għan-navigazzjoni u operazzjoni mingħajr periklu, b’mod partikolari f’maltemp kbir u f’ibħra qawwijin;
  • il-kaptan iżomm rekord tal-attivitajiet u tal-inċidenti tan-navigazzjoni li huma ta’ importanza għas-sikurezza;
  • kull ħsara fil-bibien tal-qoxra u kull nuqqas fl-imblukkar tal-bibien, għandha tiġi indirizzata minnufih;
  • ikun disponibbli pjan aġġornat tal-vjaġġ qabel it-tluq;
  • tingħata informazzjoni ġenerali dwar is-servizzi u l-assistenza disponibbli għall-persuni anzjani u għall-persuni b’diżabbiltà abbord.

Il-lista ta’ kontroll tal-ispezzjoni tinkludi wkoll:

  • l-istartjar tal-ġeneratur ta’ emerġenza;
  • dawl ta’ emerġenza;
  • enerġija ta’ emerġenza għar-radji;
  • sistema li biha jiġi indirizzat il-pubbliku;
  • taħriġ kontra n-nirien, inkluż dimostrazzjoni tal-ħila li jintuża lbies ta’ dawk inkarigati mit-tifi tan-nar;
  • it-tħaddim tal-pompa tan-nar ta’ emerġenza b’żewġ manki mqabbdin mal-linja maġġuri tan-nar li tkun qiegħda titħaddem;
  • l-ittestjar tal-kontrolli ta’ waqfien remot f’każ ta’ emerġenza għall-provvista ta’ karburanti għall-bojlers, magni ewlenin u awżiljari, u għall-fannijiet tal-ventilazzjoni;
  • l-ittestjar tal-kontrolli għall-għeluq ta’ regolaturi tal-arja għan-nar;
  • l-ittestjar ta’ sistemi ta’ detezzjoni tan-nar u ta’ allarm;
  • l-ittestjar tal-għeluq tal-bibien li jirreżistu n-nar;
  • it-tħaddim ta’ pompi tas-sentina;
  • l-għeluq lokali u remot ta’ bibien tal-paratija li ma jidħolx ilma minnhom;
  • id-dimostrazzjoni li l-membri tal-ekwipaġġ ewlenin jafu dwar il-pjan ta’ kontroll ta’ ħsara,
  • it-tnedija u l-irkupru ta’ mill-inqas dgħajsa waħda tas-salvataġġ u ta’ dgħajsa waħda tas-sopravivenza, l-ittestjar tal-propulsjoni u tat-tmun;
  • il-verifika li d-dgħajjes tas-sopravivenza u d-dgħajjes tas-salvataġġ jikkorrispondu għall-inventarju,
  • l-ittestjar tal-apparat li jidderieġi kif ukoll l-apparat awżiljarju li jidderieġi.

​​​​​​Għandu jkun hemm ukoll evidenza li l-ekwipaġġ irċieva taħriġ fi:

  • kontroll ta’ folol;
  • taħriġ tas-sikurezza għall-persunal li jipprovdi assistenza diretta ta’ sikurezza lill-passiġġieri, b’mod partikolari lil persuni anzjani u b’diżabbiltà, f’emerġenza; u
  • ġestjoni ta’ kriżijiet u l-imġiba tal-bniedem.

Dawn li ġejjin jiġu verifikati waqt spezzjonijiet f’servizz regolari:

  • informazzjoni dwar il-passiġġieri;
  • informazzjoni dwar tagħbija u stabbiltà;
  • “sigurtà għal proċeduri” tat-tbaħħir;
  • avviżi tas-sikurezza;
  • entrati fil-ġurnal ta’ abbord;
  • oġġetti perikolużi;
  • irbit ta’ vetturi tat-trasport tal-merkanzija;
  • gverti tal-vetturi;
  • għeluq ta’ bibien li ma jidħolx ilma minnhom;
  • għassa għan-nar;
  • komunikazzjonijiet f’emerġenza;
  • lingwa komuni tax-xogħol bejn il-membri tal-ekwipaġġ;
  • tagħmir ta’ sikurezza;
  • apparat tan-navigazzjoni u tar-radju;
  • dawl supplimentari ta’ emerġenza;
  • mezzi ta’ evakwazzjoni;
  • indafa fil-kamra tal-magna;
  • rimi ta’ żibel;
  • manutenzjoni ppjanata;
  • meta jsir vjaġġ.

Rettifika tan-nuqqasijiet

L-ispettur ifassal rapport, b’kopja li tmur għand il-kaptan tal-vapur. Il-pajjiżi tal-UE għandhom jiżguraw li kull nuqqas jiġi rettifikat. Il-kumpaniji għandhom id-dritt ta’ appell. Fejn in-nuqqasijiet ikunu perikolużi b’mod ċar għas-saħħa jew għas-sikurezza jew joħolqu periklu immedjat għas-saħħa jew għall-ħajja, l-inġenju jiġi soġġett għal ordni ta’ projbizzjoni tat-tluq sakemm in-nuqqas ikun ġie rrettifikat u l-periklu kollu evitat.

Spejjeż

Fejn l-ispezzjonijiet jikkonfermaw nuqqasijiet li jwasslu għal projbizzjoni tat-tluq, l-ispejjeż kollha relatati mal-ispezzjonijiet ser ikunu r-responsabbiltà tal-operatur.

MINN META BDIET TAPPLIKA DIN ID-DIRETTIVA?

Din daħlet fis-seħħ fl-20 ta’ Diċembru 2017. Il-pajjiżi tal-UE għandhom sal-21 ta’ Diċembru 2019 biex jittrasponu din il-leġiżlazzjoni fil-liġi nazzjonali u biex japplikawha wara dan.

SFOND

Id-Direttiva tissostitwixxi u tħassar id-Direttiva 1999/35/KE. Din temenda wkoll id-Direttiva 2009/16/KE dwar il-kontroll tal-Istat tal-port, billi testendi l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.

Ara wkoll:

DOKUMENT EWLIENI

Id-Direttiva (UE) 2017/2110 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Novembru 2017 dwar sistema ta’ spezzjonijiet għall-operazzjoni bla periklu ta’ vapuri ro-ro tal-passiġġieri u inġenji ta’ veloċità għolja għall-passiġġieri f’servizz regolari u li temenda d-Direttiva 2009/16/KE u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 1999/35/KE (ĠU L 315, 30.11.2017, pp. 61-77)

DOKUMENT RELATAT

Id-Direttiva 2009/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-kontroll tal-Istat tal-Port (ĠU L 131, 28.5.2009, pp. 57-100)

L-emendi suċċessivi għad-Direttiva 2009/16/KE ġew inkorporati fid-dokument oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata hija ta’ valur dokumentarju biss.

l-aħħar aġġornament 22.05.2019

Top