EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CN0349

Kawża C-349/16: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa min-Nederlandstalige Rechtbank van eerste aanleg Brussel (il-Belġju) fl-24 ta’ Ġunju 2016 – T.KUP SAS vs Belgische Staat

ĠU C 335, 12.9.2016, p. 35–35 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

12.9.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 335/35


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa min-Nederlandstalige Rechtbank van eerste aanleg Brussel (il-Belġju) fl-24 ta’ Ġunju 2016 – T.KUP SAS vs Belgische Staat

(Kawża C-349/16)

(2016/C 335/47)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Nederlandstalige Rechtbank van eerste aanleg Brussel

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: T.KUP SAS

Konvenut: Belgische Staat

Domandi preliminari

1)

Fid-dawl tal-ksur tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament bażiku antidumping (1), ir-Regolament Nru 1294/2009 (2) huwa invalidu fir-rigward ta’ importatur bħal dak inkwistjoni meta, minkejja l-fatt li kien jaqbel li jiġi eżaminat numru maniġġabbli ta’ wieħed u għoxrin importatur, fl-eżami mill-ġdid tagħha l-Kummissjoni użat sistema ta’ teħid ta’ kampjuni, liema sistema barra minn hekk kienet tirrigwarda biss tmien importaturi?

2)

Fid-dawl tal-ksur tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku antidumping, ir-Regolament Nru 1294/2009 huwa invalidu fir-rigward ta’ importatur bħal dak inkwistjoni sa fejn, fl-eżami mill-ġdid tagħha, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti l-provi ppreżentati billi fit-teħid ta’ kampjuni hija inkludiet ħames importaturi kbar fil-konfront ta’ tliet importaturi żgħar biss u billi ħadet prinċiplament inkunsiderazzjoni, barra minn hekk, data ppreżentata minn dawk il-ħames importaturi kbar?

3)

Fid-dawl tal-ksur tal-Artikolu 2 u tal-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku antidumping jew tal-Artikolu 11(2), (5) u (9) ta’ dan l-istess regolament, ir-Regolament Nru 1294/2009 huwa invalidu fir-rigward ta’ importatur bħal dak inkwistjoni, meta fl-eżami mill-ġdid tagħha l-Kummissjoni kellha elementi insuffiċjenti sabiex tiddetermina li għad hemm importazzjoni suġġetta għal dumping u li minnha jirriżulta dannu?

4)

Fid-dawl tal-ksur tal-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku antidumping, ir-Regolament Nru 1294/2009 huwa invalidu fir-rigward ta’ importatur, bħal dak inkwistjoni, meta fl-eżami mill-ġdid tagħha l-Kummissjoni teħtieġ li jkun hemm elementi speċjali li jindikaw li l-estensjoni tikkostitwixxi oneru sproporzjonat għal importatur?


(1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96, tat-22 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 10, p. 45).

(2)  Regolament ta’ Implimentazzjoni (KE) Nru 1294/2009 tal-Kunsill, tat-22 ta’ Diċembru 2009, li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ ċertu xedd tas-saqajn bil-parti ta’ fuq tal-ġilda li ġej mill-Vjetnam u li joriġina fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, kif estiż għal importazzjonijiet ta’ ċertu tipi ta’ xedd tas-saqajn bil-parti ta’ fuq tal-ġilda kkunsinnati mill-Makaw SAR, sew jekk dikjarati li joriġinaw fil-Makaw SAR sew jekk le, wara reviżjoni tal-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 (ĠU 2009, L 352, p. 1)


Top