Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022R2039

Regolament (UE) 2022/2039 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Ottubru 2022 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1303/2013 u (UE) 2021/1060 fir-rigward ta’ aktar flessibbiltà biex jiġu indirizzati l-konsegwenzi tal-aggressjoni militari tal-Federazzjoni Russa FAST (Assistenza Flessibbli għat-Territorji) — CARE

PE/48/2022/REV/1

ĠU L 275, 25.10.2022, p. 23–29 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2022/2039/oj

25.10.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 275/23


REGOLAMENT (UE) 2022/2039 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tad-19 ta’ Ottubru 2022

li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1303/2013 u (UE) 2021/1060 fir-rigward ta’ aktar flessibbiltà biex jiġu indirizzati l-konsegwenzi tal-aggressjoni militari tal-Federazzjoni Russa FAST (Assistenza Flessibbli għat-Territorji) — CARE

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 177 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkonsultaw il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,

Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

L-Istati Membri, u b’mod partikolari r-reġjuni ċentrali u tal-Lvant tal-Unjoni Ewropea, ġew affettwati serjament mill-konsegwenzi tal-aggressjoni militari tal-Federazzjoni Russa kontra l-Ukrajna, fi żmien meta l-ekonomiji tal-Istati Membri għadhom qed jirkupraw mill-impatt tal-pandemija tal-COVID-19. Waqt li qed jiffaċċjaw influss kontinwu ta’ persuni li qed jaħarbu mill-aggressjoni Russa, ħafna Stati Membri huma affettwati wkoll minn nuqqas ta’ ħaddiema, diffikultajiet fil-katina tal-provvista u prezzijiet u kostijiet tal-enerġija li qed jogħlew. Min-naħa, dan jiġġenera problemi għall-baġits pubbliċi u, min-naħa l-oħra, idewwem b’mod sostanzjali l-implimentazzjoni tal-investimenti. Tali ċirkostanzi ħolqu sitwazzjoni eċċezzjonali li jeħtieġ li tiġi indirizzata b’miżuri speċifiċi u mmirati sew, sabiex ma jkunx meħtieġ tibdil fil-limiti massimi annwali tal-qafas finanzjarju pluriennali għall-impenji u l-pagamenti stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 (2), kif ukoll biex jiġi evitat li jiddgħajjef l-irkupru ekoloġiku, diġitali u reżiljenti tal-ekonomija li għaddej bħalissa.

(2)

Bil-ħsieb li jittaffa l-piż li qed dejjem jiżdied fuq il-baġits nazzjonali, ir-Regolament (UE) 2022/562 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) għamel għadd ta’ emendi mmirati għar-Regolamenti (UE) Nru 1303/2013 (4) u (UE) Nru 223/2014 (5) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill sabiex jagħmilha aktar faċli għall-Istati Membri biex jużaw l-allokazzjoni li fadal tagħhom tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond Soċjali Ewropew (FSE) u il-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (Fund for European Aid to the Most Deprived, FEAD) taħt il-qafas finanzjarju pluriennali 2014–2020, kif ukoll biex jużaw ir-riżorsi REACT-EU biex jindirizzaw l-isfidi migratorji li jirriżultaw mill-aggressjoni militari tal-Federazzjoni Russa bl-aktar mod effettiv u rapidu possibbli.

(3)

Barra minn hekk, ir-Regolament (UE) 2022/613 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) ta aktar possibbiltajiet biex ir-riżorsi jiġu mobilizzati malajr biex ipattu għall-kostijiet baġitarji immedjati mġarrba mill-Istati Membri u stabbilixxa kost unitarju biex jiffaċilita l-finanzjament tal-ħtiġijiet bażiċi u l-appoġġ għall-persuni li qed jaħarbu mill-aggressjoni Russa u li jingħataw protezzjoni temporanja.

(4)

Madankollu, minħabba n-natura estiża tal-invażjoni Russa, speċjalment fir-rigward ta’ operazzjonijiet li jindirizzaw l-isfidi migratorji li jirriżultaw mill-aggressjoni militari tal-Federazzjoni Russa, l-Istati Membri jenħtieġ li jingħataw il-possibbiltà ta’ arranġamenti eċċezzjonali addizzjonali biex ikunu jistgħu jikkonċentraw fuq ir-rispons meħtieġ għas-sitwazzjoni soċjoekonomika mingħajr preċedent.

(5)

Minħabba l-pressjoni addizzjonali fuq il-baġits pubbliċi kkawżata mill-aggressjoni militari tal-Federazzjoni Russa, il-flessibbiltà rigward l-użu tal-FEŻR u l-FSE prevista fl-Artikolu 98(4) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 għal tali operazzjonijiet jenħtieġ li tiġi estiża biex tkopri wkoll il-Fond ta’ Koeżjoni sabiex ir-riżorsi tiegħu jkunu jistgħu jintużaw ukoll biex jappoġġaw operazzjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-FEŻR jew tal-FSE f’konformità mar-regoli applikabbli għal dawk il-Fondi. Barra minn hekk, huwa xieraq li r-rekwiżiti ta’ monitoraġġ simplifikati stabbiliti fl-Artikolu 98(4) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 jiġu estiżi għall-operazzjonijiet appoġġati mill-FSE li jindirizzaw l-isfidi migratorji, fejn dawn l-operazzjonijiet ikunu pprogrammati f’assi prijoritarju li jindirizza biss dawkn l-isfidi. Barra minn hekk, għall-prijoritajiet li jippromwovu l-integrazzjoni soċjoekonomika ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, inklużi dawk iddedikati għal operazzjonijiet li jindirizzaw l-isfidi migratorji li jirriżultaw mill-aggressjoni Russa, jenħtieġ li tiġi stabbilita l-possibbiltà ta’ rata ta’ kofinanzjament ta’ 100 % fiż-żewġ perjodi ta’ programmazzjoni, sabiex l-Istati Membri jiġu appoġġati fl-indirizzar tal-ħtiġijiet ta’ persuni spostati kemm issa kif ukoll fil-futur. Bl-istess mod, l-ammont għall-kost unitarju għall-faċilitazzjoni tal-finanzjament tal-ħtiġijiet bażiċi u l-appoġġ tar-refuġjati jenħtieġ li jiżdied filwaqt li l-applikazzjoni tiegħu tittawwal.

(6)

Barra minn hekk, jidher li l-iffissar tad-data tal-24 ta’ Frar 2022 bħala d-data ta’ eliġibbiltà fir-rigward tal-operazzjonijiet li jindirizzaw l-isfidi migratorji li jirriżultaw mill-aggressjoni militari tal-Federazzjoni Russa ma kienx biżżejjed biex jiżgura li l-operazzjonijiet rilevanti kollha li jindirizzaw dawn l-isfidi jiġu appoġġati mill-Fondi. Għalhekk ikun xieraq li, b’mod eċċezzjonali, l-għażla ta’ tali operazzjonijiet tkun tista’ ssir qabel l-approvazzjoni ta’ emenda ta’ programm relatat filwaqt li n-nefqa għal tali operazzjonijiet li jkunu tlestew fiżikament jew ikunu ġew implimentati bis-sħiħ tkun eliġibbli - u dawn il-flessibbiltajiet jiġu estiżi wkoll għal operazzjonijiet appoġġati mill-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS) li jindirizzaw il-konsegwenzi fuq is-settur tas-sajd u tal-akkwakultura li jirriżultaw mill-aggressjoni Russa. Barra minn hekk, b’kunsiderazzjoni tal-finanzjament limitat disponibbli fir-reġjuni l-aktar affettwati, jenħtieġ li jkun possibbli li tali operazzjonijiet jiġu appoġġati lil hinn mil-limiti taż-żona tal-programm fi ħdan Stat Membru partikolari, peress li s-sitwazzjoni tal-persuni li qed jaħarbu mill-aggressjoni Russa u li jiċċaqilqu fi ħdan u bejn l-Istati Membri hija ta’ sfida għall-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-Unjoni kollha kemm hi. Għaldaqstant, tali operazzjonijiet jenħtieġ li jkunu eliġibbli irrispettivament minn fejn jiġu implimentati fi ħdan Stat Membru partikolari, peress li l-post fejn jinsabu fl-aħħar mill-aħħar mhuwiex kriterju deċiżiv meta jiġu indirizzati l-bżonnijiet immedjati.

(7)

Barra minn hekk, minħabba li l-piż li jinsab fuq spallejn l-awtoritajiet lokali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex jiġu indirizzati l-isfidi migratorji li jirriżultaw mill-aggressjoni militari tal-Federazzjoni Russahuwa kbir, jenħtieġ jitwarrab il-livell minimu ta’ appoġġ ta’ 30 % għal tali korpi fil-kuntest tar-riżorsi li jintużaw biex jappoġġaw operazzjonijiet fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-FEŻR jew tal-FSE f’konformità mal--Artikolu 98(4), l-ewwel u t-tieni subparagrafi, tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013.

(8)

Bil-ħsieb li jittaffa l-piż amministrattiv fuq l-Istati Membri biex iqisu l-ħtiġijiet li qed jevolvu u l-konformità mal-allokazzjonijiet finanzjarji fi programm operazzjonali, jenħtieġ li jitneħħa r-rekwiżit taħt il-perjodu ta’ programmazzjoni ta’ bejn l-2014 u l-2020 għal emenda formali ta’ programm fir-rigward ta’ trasferimenti bejn l-objettivi tematiċi fi prijorità tal-istess Fond u kategorija ta’ reġjun.

(9)

Fl-aħħar nett, sabiex jiġi ottimizzat l-użu tal-allokazzjonijiet ta’ bejn l-2014 u l-2020 fil-kuntest tal-għeluq tal-programmi taħt il-perjodu ta’ programmazzjoni ta’ bejn l-2014 u l-2020, il-limitu tal-flessibbiltà bejn il-prijoritajiet għall-kalkolu tal-bilanċ finali tal-kontribuzzjoni mill-Fondi jenħtieġ li jiżdied.

(10)

Jenħtieġ li jiġu previsti wkoll ċerti flessibbiltajiet biex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni bla preċedent fil-qafas legali li jirregola l-programmi taħt il-perjodu ta’ programmazzjoni ta’ bejn l-2021 u l-2027. Għal darb’ oħra bil-ħsieb li jittaffa l-piż fuq il-baġits nazzjonali, il-pagamenti ta’ prefinanzjament għall-programmi taħt il-mira tal-Investiment għall-impjiegi u t-tkabbir għandhom jiżdiedu. Barra minn hekk, minħabba l-isfidi kkawżati mill-ispostament ta’ persuni u r-risponsi integrati meħtieġa mill-Istati Membri, meta Stat Membru jalloka prijorità taħt wieħed mill-programmi ta’ koeżjoni tiegħu ta’ bejn l-2021 u l-2027 biex jappoġġa operazzjonijiet li jippromwovu l-integrazzjoni soċjoekonomika ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, jenħtieġ li tkun possibbli rata ta’ kofinanzjament sa 100 % għal dik il-prijorità, sat-30 ta’ Ġunju 2024, dment li livell xieraq ta’ appoġġ jiġi dirett lejn l-awtoritajiet lokali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li joperaw f’komunitajiet lokali u li l-ammont totali pprogrammat taħt dawn il-prijoritajiet fi Stat Membru ma jaqbiżx 5 % tal-allokazzjoni nazzjonali inizzjali ta’ dak l-Istat Membru mill-FEŻR u l- Fond Soċjali Ewropew Plus (ESF+) flimkien. Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li l-Istati Membri jipprogrammaw ammonti addizzjonali għal tali prijoritajiet b’rati ta’ kofinanzjament regolari. Barra minn hekk, b’kunsiderazzjoni għat-tfixkil fi tmiem il-perjodu ta’ programmazzjoni ta’ bejn l-2014 u l-2020 ikkaġunat mill-aggressjoni militari tal-Federazzjoni Russa, minbarra l-konsegwenzi dejjiema tal-pandemija COVID-19 fuq l-implimentazzjoni tal-proġetti u t-tfixkil kontinwu tal-ktajjen tal-valur, jenħtieġ li tiġi pprovduta wkoll flessibbiltà addizzjonali li tippermetti l-għoti dirett ta’ appoġġ u t-tlestija tal-operazzjonijiet li jkunu bdew jiġu implimentati f’konformità mal-qafas leġiżlattiv ta’ bejn l-2014 u l-2020 qabel id-data tal-proposta leġiżlattiva għal dan ir-Regolament, anki fejn tali operazzjonijiet ma jkunux jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Fond kkonċernat taħt il-perjodu ta’ programmazzjoni ta’ bejn l-2021 u l-2027, bl-eċċezzjoni ta’ każijiet fejn il-Fondi jkunu ntużaw skont l-Artikolu 98(4), l-ewwel u t-tieni subparagrafu, tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013. Sabiex jiġi żgurat li tali operazzjonijiet jistgħu jiġu attribwiti għat-tipi ta’ interventi, l-Anness I tar-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) jenħtieġ li jiġi aġġustat skont dan. L-appoġġ għal tali operazzjonijiet jenħtieġ li ma jaffettwax l-obbligi tal-Istati Membri li jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ konċentrazzjoni tematika u mal-miri tal-kontribuzzjoni klimatika.

(11)

Minħabba li l-objettivi ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li l-Istati Membri jingħataw assistenza għall-indirizzar tal-isfidi maħluqin mill-għadd eċċezzjonalment kbir ta’ wasliet ta’ persuni li qed jaħarbu mill-aggressjoni militari tal-Federazzjoni Russa kontra l-Ukrajna u biex jingħata appoġġ lill-Istati Membri għall-isforzi kontinwi tagħhom lejn irkupru tal-ekonomija reżiljenti mill-pandemija tal-COVID-19, ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni proposta, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi.

(12)

Għaldaqstant, ir-Regolamenti (UE) Nru 1303/2013 u (UE) 2021/1060 jenħtieġ li jiġu emendati skont dan.

(13)

Fid-dawl tal-ħtieġa li tingħata għajnuna rapida għall-baġits pubbliċi bil-għan li titħares il-kapaċità tal-Istati Membri li jsostnu l-proċess ta’ rkupru ekonomiku kif ukoll biex tkun tista’ ssir programmazzjoni malajr tad-diviżjoni f’fażijiet tal-operazzjonijiet tal-perjodu ta’ programmazzjoni ta’ bejn l-2021 u l-2027, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ b’urġenza fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi għar-Regolament (UE) Nru 1303/2013

Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 30, jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

“6.   B’deroga mill-paragrafi 1 u 2, għall-programmi appoġġati mill-FEŻR, mill-FSE jew mill-Fond ta’ Koeżjoni, l-Istat Membru jista’ jittrasferixxi allokazzjonijiet finanzjarji bejn objettivi tematiċi differenti fl-istess prijorità tal-istess Fond u kategorija ta’ reġjun tal-istess programm.

Tali trasferimenti għandhom jitqiesu bħala mhux sostanzjali u ma għandhomx jirrikjedu deċiżjoni tal-Kummissjoni li temenda l-programm. Madankollu, dawn it-trasferimenti għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti regolatorji kollha u għandhom jiġu approvati minn qabel mill-kumitat ta’ monitoraġġ. L-Istat Membru għandu jinnotifika t-tabelli finanzjarji riveduti lill-Kummissjoni.

7.   B’deroga mill-paragrafi 1 u 2, l-applikazzjoni ta’ rata ta’ kofinanzjament sa 100 % skont l-Artikolu 120(9) għal assi prijoritarju li jippromwovi l-integrazzjoni soċjoekonomika ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz li jkun ġie stabbilit fi ħdan programm, inklużi dawk dedikati għal operazzjonijiet li jindirizzaw sfidi migratorji li jirriżultaw mill-aggressjoni militari tal-Federazzjoni Russa, ma għandhiex tirrikjedi deċiżjoni tal-Kummissjoni li temenda l-programm. Il-kumitat għall-monitoraġġ għandu japprova l-emenda minn qabel. L-Istat Membru għandu jinnotifika t-tabelli finanzjarji riveduti lill-Kummissjoni.”;

(2)

fl-Artikolu 65 jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“10a.   Il-paragrafu 6 ma għandux japplika għal operazzjonijiet li jindirizzaw l-isfidi migratorji li jirriżultaw mill-aggressjoni militari tal-Federazzjoni Russa.

Il-paragrafu 6 ma għandux japplika wkoll għal operazzjonijiet appoġġati mill-FEMS li jindirizzaw il-konsegwenzi ta’ dik l-aggressjoni fuq is-settur tas-sajd u tal-akkwakultura.

B’deroga mill-Artikolu 125(3), il-punt (b), tali operazzjonijiet jistgħu jintgħażlu għall-appoġġ mill-FEŻR, mill-FSE, mill-Fond ta’ Koeżjoni jew mill-FEMS qabel l-approvazzjoni tal-programm emendat.”;

(3)

fl-Artikolu 68c, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Għall-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet li jindirizzaw l-isfidi migratorji li jirriżultaw mill-aggressjoni militari tal-Federazzjoni Russa, fin-nefqa ddikjarata fl-applikazzjonijiet għall-pagament, l-Istati Membri jistgħu jinkludu kost unitarju marbut mal-ħtiġijiet bażiċi u mal-appoġġ ta’ persuni li ngħataw protezzjoni temporanja jew protezzjoni adegwata oħra skont il-liġi nazzjonali f’konformità mad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/382 (*1) u mad-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE (*2). Dak il-kost unitarju għandu jkun ta’ EUR 100 fil-ġimgħa għal kull ġimgħa sħiħa jew parzjali li l-persuna tkun fl-Istat Membru kkonċernat. Il-kost unitarju jista’ jintuża għal massimu ta’ 26-il ġimgħa b’kollox, mid-data tal-wasla tal-persuna fl-Unjoni.

(*1)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/382 tal-4 ta’ Marzu 2022 li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati mill-Ukrajna skont it-tifsira tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/55/KE, u li għandha l-effett li tintroduċi protezzjoni temporanja, (ĠU L 71, 4.3.2022, p. 1)."

(*2)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE tal-20 ta’ Lulju 2001 dwar l-istandards minimi sabiex tingħata protezzjoni temporanja fl-eventwalità ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati u dwar il-miżuri li jippromwovu bilanċ fl-isforzi bejn l-Istati Membri meta jirċievu dawn il-persuni u li jġorru l-konsegwenzi ta’ dawn (ĠU L 212, 7.8.2001, p. 12).”;"

(4)

fl-Artikolu 70(2), jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“F’każijiet meta operazzjonijiet li jirċievu appoġġ mill-FEŻR, il-FSE jew il-Fond ta’ Koeżjoni li jindirizzaw sfidi migratorji li jirriżultaw mill-aggressjoni militari tal-Federazzjoni Russa jiġu implimentati barra ż-żona tal-programm iżda fl-Istat Membru, għandu japplika biss il-punt (d) tal-ewwel subparagrafu.”;

(5)

fl-Artikolu 70, il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   Il-paragrafi 1, 2 u 3 ma għandhomx japplikaw għall-programmi taħt l-objettiv ta’ kooperazzjoni territorjali Ewropea. Il-paragrafi 2 u 3 ma għandhomx japplikaw għal operazzjonijiet appoġġati mill-FSE, bl-eċċezzjoni tar-raba’ subparagrafu tal-paragrafu 2.”;

(6)

fl-Artikolu 96, il-paragrafu 10 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“10.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 30(5), (6) u (7), il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, li tapprova l-elementi kollha, inkluż kwalunkwe emenda futura tagħha, tal-programm operazzjonali li jaqa’ taħt dan l-Artikolu, minbarra dawk li jaqgħu taħt il-punti (b)(vi), (c)(v) u (e) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2, il-paragrafi 4 u 5, il-punti (a) u (c) tal-paragrafu 6, u l-paragrafu 7, li jibqgħu taħt ir-responsabilità tal-Istati Membri.”;

(7)

fl-Artikolu 98, il-paragrafu 4 huwa emendat kif ġej:

(a)

jiddaħħal is-subparagrafu li ġej wara l-ewwel subparagrafu:

“Barra minn hekk, tali operazzjonijiet jistgħu jiġu ffinanzjati wkoll mill-Fond ta’ Koeżjoni abbażi ta’ regoli applikabbli għall-FEŻR jew għall-FSE.”;

(b)

is-subparagrafu li ġej jiddaħħal wara t-tieni subparagrafu:

“Fejn assi prijoritarju ddedikat jużu l-possibbiltà stabbilita fl-ewwel u fit-tieni subparagrafu, mill-inqas 30 % tal-allokazzjoni finanzjarja ta’ dak l-assi prijoritarju għandu jiġi attribwit għal operazzjonijiet b’benefiċjarji li jkunu awtoritajiet lokali jew organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li joperaw f’komunitajiet lokali, jew it-tnejn li huma. L-Istati Membri għandhom jirrapportaw dwar l-issodisfar ta’ dik il-kundizzjoni fir-rapport finali ta’ implimentazzjoni meħtieġ skont l-Artikolu 50(1) u l-Artikolu 111. Fejn dik il-kundizzjoni ma tiġix issodisfata, ir-rimborż mill-Kummissjoni taħt l-assi prijoritarju kkonċernat għandu jitnaqqas proporzjonalment biex jiġi żgurat li dik il-kundizzjoni tiġi rispettata meta jiġi kkalkulat il-bilanċ finali li għandu jitħallas lill-programm.”;

(c)

it-tielet subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Meta jkun meħtieġ li d-data dwar il-parteċipanti tiġi rrapportata għal operazzjonijiet taħt l-assi prijoritarju msemmi fit-tielet subparagrafu, dik id-data għandha tkun ibbażata fuq stimi infurmati u għandha tkun limitata għall-għadd totali ta’ persuni appoġġati u l-għadd ta’ tfal taħt it-18-il sena. L-istess rekwiżiti ta’ rappurtar għandhom japplikaw ukoll għal assi prijoritarji oħra appoġġati mill-FSE li qed jappoġġaw biss operazzjonijiet li jindirizzaw sfidi migratorji li jirriżultaw mill-aggressjoni militari tal-Federazzjoni Russa.”;

(8)

fl-Artikolu 120 jiżdied il-paragrafu li ġej:

“9.   Assi prijoritarju separat li jippromwovi l-integrazzjoni soċjoekonomika ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’rata ta’ kofinanzjament sa 100 % jista’ jiġi stabbilit fi ħdan programm operazzjonali. Assi ta’ prijorità bħal dan jista’ jkun iddedikat kompletament għal operazzjonijiet li jindirizzaw sfidi migratorji li jirriżultaw mill-aggressjoni militari tal-Federazzjoni Russa, inkluż l-assi prijoritarju ddedikat imsemmi fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 98(4).”;

(9)

fl-Artikolu 130(3), l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“B’deroga mill-paragrafu 2, il-kontribuzzjoni mill-Fondi jew mill-FEMS permezz ta’ pagamenti tal-bilanċ finali għal kull prijorità għal kull Fond u għal kull kategorija ta’ reġjuni fl-aħħar sena ta’ kontabbiltà ma għandhiex taqbeż, b’aktar minn 15 %, il-kontribuzzjoni mill-Fondi jew mill-FEMS għal kull prijorità għal kull Fond u għal kull kategorija ta’ reġjuni kif stipulat fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tapprova l-programm operazzjonali.”;

Artikolu 2

Emendi għar-Regolament (UE) 2021/1060

Ir-Regolament (UE) 2021/1060 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 90(2), jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Il-prefinanzjament addizzjonali ta’ 0,5 % għandu jitħallas fl-2022 immedjatament wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament u fl-2023 għandu jitħallas prefinanzjament addizzjonali ta’ 0,5 % għall-programmi appoġġati mill-FEŻR, mill-FSE+ jew mill-Fond ta’ Koeżjoni taħt il-mira tal-Investiment għall-impjiegi u t-tkabbir. Jekk programm jiġi adottat wara l-31 ta’ Diċembru 2022, il-pagament akkont tal-2022 għandu jitħallas fis-sena tal-adozzjoni.”;

(2)

Fl-Artikolu 90(5), l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“5.   L-ammont imħallas bħala prefinanzjament għas-snin 2021 u 2022, bl-eċċezzjoni tal-prefinanzjament addizzjonali msemmi fit-tielet subparagrafu tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, għandu jiġi approvat mill-kontijiet tal-Kummissjoni kull sena. L-ammonti l-oħra kollha mħallsa bħala prefinanzjament għandhom jiġu approvati mill-kontijiet tal-Kummissjoni sa mhux aktar tard mis-sena kontabilistika finali f’konformità mal-Artikolu 100.”;

(3)

fl-Artikolu 112 jiżdied il-paragrafu li ġej:

“7.   Meta tiġi stabbilita prijorità separata fi ħdan programm biex tappoġġa operazzjonijiet li jippromwovu l-integrazzjoni soċjoekonomika ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, għandha tiġi applikata rata ta’ kofinanzjament ta’ 100 % għan-nefqa ddikjarata fl-applikazzjonijiet għal pagament sa tmiem is-sena kontabilistika li tintemm fit-30 ta’ Ġunju 2024. Wara dik id-data, għandha tapplika r-rata ta’ kofinanzjament stabbilita fil-programm skont ir-rati massimi ta’ kofinanzjament elenkati taħt il-paragrafi 3 u 4.

L-ammont totali pprogrammat taħt dawn il-prijoritajiet fi Stat Membru m’għandux jaqbeż il-5 % tal-allokazzjoni nazzjonali inizjali ta’ dak l-Istat Membru mill-FEŻR u l-FSE+ flimkien.

Il-Kummissjoni għandha tirrevedi r-rata ta’ kofinanzjament sat-30 ta’ Ġunju 2024.

Mill-inqas 30 % tal-allokazzjoni finanzjarja ta’ tali prijorità separata għandha tiġi attribwita għal operazzjonijiet b’benefiċjarji li jkunu awtoritajiet lokali jew organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li joperaw f’komunitajiet lokali. L-Istati Membri għandhom jirrapportaw dwar l-issodisfar ta’ dik il-kundizzjoni fir-rapport finali dwar il-prestazzjoni meħtieġ skont l-Artikolu 43. Fejn dik il-kundizzjoni ma tiġix issodisfata, ir-rimborż mill-Kummissjoni taħt il-prijorità kkonċernata għandu jitnaqqas proporzjonalment biex jiġi żgurat li dik il-kundizzjoni tiġi rispettata meta jiġi kkalkulat il-bilanċ finali li għandu jitħallas fil-programm.”;

(4)

jiddaħħal l-artikolu li ġej:

“Artikolu 118a

Kundizzjonijiet għal operazzjonijiet soġġetti għal implimentazzjoni f’fażijiet li ntgħażlu għall-appoġġ qabel id-29 ta’ Ġunju 2022 skont ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013

1.   Minkejja l-Artikolu 118, meta operazzjoni b’kost totali li jaqbeż il-EUR 1 000 000 ntgħażlet biex tingħata appoġġ u li bdiet qabel id-29 ta’ Ġunju 2022 skont ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 u r-Regolamenti speċifiċi dwar il-Fond (UE) Nru 1301/2013 (*3), (UE) Nru 1304/2013 (*4), (UE) Nru 1300/2013 (*5), (UE) Nru 1299/2013 (*6) u (UE) Nru 508/2014 (*7) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tali operazzjoni għandha titqies bħala eliġibbli skont dan ir-Regolament u r-Regolamenti speċifiċi għall-Fondi korrispondenti fil-perjodu ta’ programmazzjoni għal bejn l-2021 u l-2027.

B’deroga mill-Artikolu 73(1) u (2), l-awtorità ta’ ġestjoni tista’ tiddeċiedi li tagħti appoġġ dirett għal tali operazzjoni taħt dan ir-Regolament, dment li jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

L-operazzjoni jkollha żewġ fażijiet li huma identifikabbli mil-lat finanzjarju, b’sekwenzi tal-awditjar separati;

(b)

l-operazzjoni taqa’ taħt azzjonijiet ipprogrammati taħt objettiv speċifiku rilevanti u tkun attribwita għal tip ta’ intervent f’konformità mal-Anness I;

(c)

in-nefqa inkluża f’applikazzjoni għal pagament fir-rigward tal-ewwel fażi mhijiex inkluża taħt kwalunkwe applikazzjoni għal pagament b’rabta mat-tieni fażi;

(d)

l-Istat Membru jimpenja ruħu li matul il-perjodu ta’ programmazzjoni jlesti u jibda jħaddem it-tieni u l-aħħar fażi fir-rapport finali dwar l-implimentazzjoni, jew fil-kuntest tal-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd fl-aħħar rapport annwali dwar l-implimentazzjoni, ippreżentat f’konformità mal-Artikolu 141 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013.

2.   Dan l-Artikolu ma għandux japplika għal operazzjonijiet li jindirizzaw sfidi migratorji li jirriżultaw mill-aggressjoni militari tal-Federazzjoni Russa li huma appoġġati bl-użu tal-possibbiltà prevista fl-ewwel u t-tieni subparagrafi tal-Artikolu 98(4) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013.

(*3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1301/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw l-Investiment li għandu fil-mira t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1080/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 289)."

(*4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1304/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Fond Soċjali Ewropew u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1081/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 470)."

(*5)  Ir-Regolament (UE) Nru 1300/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Fond ta’ Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1084/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 281)."

(*6)  Ir-Regolament (UE) Nru 1299/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar id-dispożizzjonijiet speċifiċi għall-appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali għall-għan ta’ kooperazzjoni territorjali Ewropea (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 259)."

(*7)  Ir-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 15 ta’ Mejju 2014 dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2328/2003, (KE) Nru 861/2006, (KE) Nru 1198/2006 u (KE) Nru 791/2007 u r-Regolament (UE) Nru 1255/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 149, 20.5.2014, p. 1).”;"

(5)

fl-Anness I, il-linji li ġejjin huma miżjuda fl-aħħar tat-Tabella 1:

IL-QASAM TA’ INTERVENT (3)

Koeffiċjent għall-kalkolu ta’ appoġġ għall-objettivi tat-tibdil fil-klima

Koeffiċjent għall-kalkolu ta’ appoġġ għall-objettivi ambjentali

“Kodiċijiet oħra relatati ma’ operazzjonijiet soġġetti għal implimentazzjoni f’fażijiet skont l-Artikolu 118a

183

Il-ġestjoni tal-iskart domestiku: miżbla

0  %

100  %

184

Il-ħażna u t-trażmissjoni tal-elettriku

100  %

40  %

185

Gass naturali: ħażna, trasmissjoni u distribuzzjoni

0  %

0  %

186

Ajruporti

0  %

0  %

187

Investiment produttiv f’intrapriżi kbar marbuta ma’ ekonomija b’konsum baxx ta’ karbonju

40  %

0  %”

Artikolu 3

Dħul fis-Seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, id-19 ta’ Ottubru 2022.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

M. BEK


(1)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta’ Ottubru 2022 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2022.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2021 sa 2027 (ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 11).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2022/562 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ April 2022 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1303/2013 u (UE) Nru 223/2014 fir-rigward tal-Azzjoni ta’ Koeżjoni għar-Refuġjati fl-Ewropa (CARE) (ĠU L 109, 8.4.2022, p. 1).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 223/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2014 dwar il-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (ĠU L 72, 12.3.2014, p. 1).

(6)  Ir-Regolament (UE) 2022/613 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ April 2022 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1303/2013 u (UE) Nru 223/2014 fir-rigward ta’ żieda fil-prefinanzjament mir-riżorsi tar-REACT-EU u l-istabbiliment ta’ kost unitarju (ĠU L 115, 13.4.2022, p. 38).

(7)  Ir-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistipula dispozizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew ghall-Izvilupp Regjonali, il-Fond Socjali Ewropew Plus, il-Fond ta’ Koezjoni, il-Fond ghal Tranzizzjoni Gusta u l-Fond Ewropew ghall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u r-regoli finanzjarji ghalihom u ghall-Fond ghall-Azil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, il-Fond ghas-Sigurtà Interna u l-Istrument ghall-Appogg Finanzjarju ghall-Gestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Vizi (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 159).


Top