Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020D2212

    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzojni tal-Kummissjoni (UE) 2020/2212 tat-22 ta’ Diċembru 2020 li temenda l-Anness tad-Deċiżjoni 2007/453/KE fir-rigward tal-istatus tal-BSE tar-Renju Unit u d-Dipendenza tal-Kuruna ta’ Jersey (notifikata bid-dokument C(2020) 9453) (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    C/2020/9543

    ĠU L 438, 28.12.2020, p. 44–47 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2020/2212/oj

    28.12.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 438/44


    ID-DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZOJNI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/2212

    tat-22 ta’ Diċembru 2020

    li temenda l-Anness tad-Deċiżjoni 2007/453/KE fir-rigward tal-istatus tal-BSE tar-Renju Unit u d-Dipendenza tal-Kuruna ta’ Jersey

    (notifikata bid-dokument C(2020) 9453)

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 li jistabbilixxi regoli għall-prevenzjoni, kontroll u eradikazzjoni ta’ ċertu enċefalopatija sponġiformi li tinxtered (1), u b’mod partikolari t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(2) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 jipprevedi li l-Istati Membri, il-pajjiżi terzi u r-reġjuni tagħhom jridu jiġu kklassifikati skont l-istatus tal-enċefalopatija sponġiformi bovina (BSE) tagħhom f’waħda minn tliet kategoriji: riskju tal-BSE negliġibbli, riskju tal-BSE kkontrollat, u riskju tal-BSE indeterminat.

    (2)

    It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 jipprevedi li jekk l-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (OIE) tqiegħed pajjiż applikant f’waħda mit-tliet kategoriji tal-BSE, jista’ jiġi deċiż li ssir valutazzjoni mill-ġdid tal-kategorizzazzjoni tal-BSE fil-livell tal-Unjoni.

    (3)

    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/453/KE (2) telenka l-istatus tal-BSE ta’ pajjiżi jew reġjuni skont ir-riskju tal-BSE tagħhom fil-Partijiet A, B jew C tal-Anness ta’ dik id-Deċiżjoni. Il-pajjiżi u r-reġjuni elenkati fil-Parti A ta’ dak l-Anness jitqiesu li għandhom riskju negliġibbli tal-BSE, dawk elenkati fil-Parti B tiegħu jitqiesu li għandhom riskju kkontrollat tal-BSE, filwaqt li l-Parti C ta’ dak l-Anness tipprevedi li pajjiżi jew reġjuni mhux elenkati fil-Parti A jew B jridu jitqiesu li għandhom riskju indeterminat tal-BSE.

    (4)

    L-Irlanda ta’ Fuq u l-Iskozja bħalissa jaqgħu taħt il-Parti A tal-Anness tad-Deċiżjoni 2007/453/KE bħala reġjuni b’riskju negliġibbli tal-BSE, filwaqt li r-Renju Unit bl-eċċezzjoni tal-Irlanda ta’ Fuq u l-Iskozja bħalissa jaqa’ taħt il-Parti B ta’ dak l-Anness bħala pajjiż b’riskju kkontrollat tal-BSE.

    (5)

    Fit-28 ta’ Mejju 2019, matul is-Sessjoni Ġenerali tagħha, l-Assemblea Dinjija tal-OIE adottat ir-Riżoluzzjoni Nru 19 dwar ir-Rikonoxximent tal-Istatus ta’ Riskju tal-Enċefalopatija Sponġiformi Bovina tal-Membri (3), bil-għan ta’ dħul fis-seħħ fil-31 ta’ Mejju 2019. Dik ir-Riżoluzzjoni rrikonoxxiet li l-Iskozja għandha riskju kkontrollat tal-BSE. Wara valutazzjoni mill-ġdid tas-sitwazzjoni fil-livell tal-Unjoni, li tirriżulta minn dik ir-Riżoluzzjoni tal-OIE, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-istatus tal-BSE ġdid tal-OIE għall-Iskozja jenħtieġ li jiġi rifless fid-Deċiżjoni 2007/453/KE.

    (6)

    Fit-29 ta’ Mejju 2020, l-Assemblea Dinjija tad-Delegati tal-OIE adottat ir-Riżoluzzjoni Nru 11 (4) li tirrikonoxxi li Jersey għandu riskju negliġibbli tal-BSE, f’konformità mal-Kodiċi tas-Saħħa tal-Annimali Terrestri tal-OEI. Wara valutazzjoni mill-ġdid tas-sitwazzjoni fil-livell tal-Unjoni, li tirriżulta minn dik ir-Riżoluzzjoni tal-OIE, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-istatus tal-BSE ġdid tal-OIE għall-Jersey jenħtieġ li jiġi rifless fid-Deċiżjoni 2007/453/KE.

    (7)

    Ir-Renju Unit ressaq applikazzjoni lill-Kummissjoni fir-rigward tal-istatus tiegħu tal-BSE u għal dak tad-Dipendenza tal-Kuruna ta’ Jersey. Din l-applikazzjoni kienet akkumpanjata mill-informazzjoni rilevanti dwar ir-Renju Unit u dwar id-Dipendenza tal-Kuruna ta’ Jersey fir-rigward tal-kriterji u l-fatturi ta’ riskju potenzjali msemmija fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 u li huma stabbiliti fil-Kapitoli A u B tal-Anness II ta’ dak ir-Regolament. Filwaqt li titqies l-informazzjoni pprovduta mir-Renju Unit, jenħtieġ li dak il-pajjiż terz jiġi inkluż fil-Parti B tal-Anness tad-Deċiżjoni 2007/453/KE, filwaqt li d-Dipendenza tal-Kuruna ta’ Jersey jenħtieġ li tiġi inkluża fil-Parti A ta’ dak l-Anness.

    (8)

    F’konformità mal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Ftehim dwar il-Ħruġ), u b’mod partikolari l-Artikolu 5(4) tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq flimkien mal-Anness 2 ta’ dak il-Protokoll, ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 kif ukoll l-atti tal-Kummissjoni bbażati fuqu, japplikaw għar-Renju Unit u ġewwa fih fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq wara l-perjodu ta’ tranżizzjoni li hemm previst fil-Ftehim dwar il-Ħruġ. Għal dik ir-raġuni, fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni l-Irlanda ta’ Fuq biss jenħtieġ li tiġi elenkata bħala reġjun ta’ Stat Membru fil-Parti A tal-Anness tad-Deċiżjoni 2007/453/KE.

    (9)

    Għalhekk jenħtieġ li l-Anness tad-Deċiżjoni 2007/453/KE jiġi emendat skont dan.

    (10)

    Peress li l-perjodu ta’ tranżizzjoni previst fil-Ftehim dwar il-Ħruġ jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2020, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tapplika mill-1 ta’ Jannar 2021.

    (11)

    Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-Anness tad-Deċiżjoni 2007/453/KE huwa sostitwit bit-test stabbilit fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2021.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Diċembru 2020.

    Għall-Kummissjoni

    Stella KYRIAKIDES

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 147, 31.5.2001, p. 1.

    (2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/453/KE tad-29 ta’ Ġunju 2007 li tistabbilixxi l-istatus tal-BSE ta’ Stati Membri jew pajjiżi terzi jew reġjuni tagħhom skont ir-riskju tal-BSE (ĠU L 172, 30.6.2007, p. 84).

    (3)  http://www.oie.int/fileadmin/Home/eng/Animal_Health_in_the_World/docs/pdf/Resolutions/2019/A_R19_BSE_risk.pdf.

    (4)  https://www.oie.int/fileadmin/Home/eng/About_us/docs/pdf/Session/2020/A_RESO_2020.pdf


    ANNESS

    “ANNESS

    LISTA TA’ PAJJIŻI JEW REĠJUNI

    A.   Pajjiżi jew reġjuni b’riskju tal-BSE negliġibbli

    Stati Membri

    Il-Belġju

    Il-Bulgarija

    Iċ-Ċekja

    Id-Danimarka

    Il-Ġermanja

    L-Estonja

    Spanja

    Il-Kroazja

    L-Italja

    Ċipru

    Il-Latvja

    Il-Litwanja

    Il-Lussemburgu

    L-Ungerija

    Malta

    In-Netherlands

    L-Awstrija

    Il-Polonja

    Il-Portugall

    Ir-Rumanija

    Is-Slovenja

    Is-Slovakkja

    Il-Finlandja

    L-Iżvezja

    Reġjuni tal-Istati Membri (*1)

    L-Irlanda ta' Fuq

    Pajjiżi tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles

    L-Iżlanda

    Il-Liechtenstein

    In-Norveġja

    L-Iżvizzera

    Pajjiżi terzi

    L-Arġentina

    L-Awstralja

    Il-Brażil

    Iċ-Ċili

    Il-Kolombja

    Il-Costa Rica

    L-Indja

    L-Iżrael

    Il-Ġappun

    Jersey

    In-Namibja

    New Zealand

    Il-Panama

    Il-Paragwaj

    Il-Perù

    Is-Serbja (*2)

    Singapore

    L-Istati Uniti

    L-Urugwaj

    B.   Pajjiżi jew reġjuni b’riskju tal-BSE kkontrollat

    Stati Membri

    L-Irlanda

    Il-Greċja

    Franza

    Pajjiżi terzi

    Il-Kanada

    Il-Messiku

    In-Nikaragwa

    Il-Korea t'Isfel

    It-Tajwan

    Ir-Renju Unit bl-eċċezzjoni tal-Irlanda ta' Fuq

    C.   Pajjiżi jew reġjuni b’riskju tal-BSE indeterminat

    Il-pajjiżi jew ir-reġjuni li mhumiex elenkati fil-punti A jew B


    (*1)  F’konformità mal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 5(4) tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq flimkien mal-Anness 2 ta’ dak il-Protokoll, għall-iskopijiet ta’ dan l-Anness kwalunkwe referenza għall-Istati Membri tinkludi r-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq.

    (*2)  Kif imsemmi fl-Artikolu 135 tal-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika tas-Serbja, min-naħa l-oħra (ĠU L 278, 18.10.2013, p. 16)..”


    Top