EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018R1671

Regolament (UE) 2018/1671 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2018 li jemenda r-Regolament (UE) 2017/825 biex jiżdied il-pakkett finanzjarju tal-Programm ta’ Appoġġ għal Riformi Strutturali u jadatta l-objettiv ġenerali tiegħu

PE/58/2018/REV/2

ĠU L 284, 12.11.2018, p. 3–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1671/oj

12.11.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 284/3


REGOLAMENT (UE) 2018/1671 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-23 ta' Ottubru 2018

li jemenda r-Regolament (UE) 2017/825 biex jiżdied il-pakkett finanzjarju tal-Programm ta’ Appoġġ għal Riformi Strutturali u jadatta l-objettiv ġenerali tiegħu

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari t-tielet paragrafu tal-Artikolu 175 u l-Artikolu 197(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

L-Unjoni tista’ tappoġġja l-isforzi tal-Istati Membri, fuq talba tagħhom, biex ittejjeb il-kapaċità amministrattiva tagħhom għall-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

(2)

Il-Programm ta’ Appoġġ għal Riformi Strutturali (“il-Programm”) ġie stabbilit bl-objettiv li jsaħħaħ il-kapaċità tal-Istati Membri biex iħejju u jimplimentaw riformi strutturali amministrattivi u li jtejbu t-tkabbir ta’ interess għall-Unjoni, inkluż permezz ta’ provvista ta’ assistenza għall-użu effiċjenti u effettiv tal-fondi tal-Unjoni. L-appoġġ taħt il-Programm jiġi pprovdut mill-Kummissjoni fuq talba minn Stat Membru, u jista’ jkopri firxa wiesgħa ta’ oqsma ta’ politika. L-iżvilupp ta’ ekonomiji u ta’ soċjetà reżiljenti mibnija fuq strutturi ekonomiċi, soċjali u territorjali sodi, li jippermettu lill-Istati Membri jassorbu x-xokkijiet b’mod effiċjenti u jirkupraw minnhom malajr, jikkontribwixxi għall-koeżjoni ekonomika u soċjali u jiftaħ potenzjal ta’ tkabbir. Jenħtieġ li l-Istati Membri jinkoraġġixxu, skont il-qafas legali tagħhom, kontributi u involviment adatti tal-amministrazzjoni pubblika nazzjonali u reġjonali u tal-partijiet interessati. L-implimentazzjoni ta’ riformi strutturali istituzzjonali, amministrattivi u li jsostnu t-tkabbir, li huma ta’ importanza għall-Istati Membri, u s-sjieda fil-post ta’ riformi strutturali ta’ interess għall-Unjoni huma għodod importanti biex jinkisbu tali żviluppi.

(3)

Komunikazzjoni effettiva tal-azzjonijiet u tal-attivitajiet tal-Programm u tar-riżultati tagħhom fil-livelli tal-Unjoni, nazzjonali u reġjonali, skont ma jkun f’loku, hija essenzjali biex tqajjem kuxjenza dwar il-kisbiet tal-Programm, tiżgura l-viżibbiltà u biex tipprovdi informazzjoni dwar l-effetti konkreti tiegħu.

(4)

Minħabba li d-domanda għall-appoġġ tista’ tisboq il-finanzjament tal-Programm, jenħtieġ li t-talbiet jiġu pprijoritizzati, fejn xieraq, mill-Istat Membru kkonċernat matul it-talba għall-proċedura ta’ appoġġ. F’dak il-kuntest, jenħtieġ li tingħata attenzjoni għat-talbiet għall-appoġġ li jkollhom rabtiet mas-Semestru Ewropew u ma’ oqsma ta’ politika relatati mal-koeżjoni, mal-innovazzjoni, mal-impjiegi, u mat-tkabbir intelliġenti u sostenibbli. Il-Programm jenħtieġ li jikkomplementa strumenti oħra sabiex jevita d-duplikazzjoni.

(5)

Minħabba li l-Programm ma jipprovdix finanzjament lill-Istati Membri, iżda biss appoġġ tekniku, ma għandux l-għan li jieħu post jew jissostitwixxi finanzjament mill-baġits nazzjonali.

(6)

L-Istati Membri dejjem żiedu fl-użu tagħhom ta’ appoġġ taħt il-Programm, lil hinn milli kien mistenni inizjalment. Abbażi tal-valur stmat tagħhom, it-talbiet għall-appoġġ mibgħuta lill-Kummissjoni matul iċ-ċiklu tal-2017 qabżu b’mod sinifikanti l-allokazzjoni annwali disponibbli. Matul iċ-ċiklu tal-2018, il-valur stmat tat-talbiet riċevuti kien ħames darbiet ir-riżorsi finanzjarji disponibbli għal dik is-sena. Kważi l-Istati Membri kollha talbu appoġġ taħt il-Programm, u t-talbiet ġew mqassma madwar l-oqsma kollha ta’ politika koperti mill-Programm.

(7)

It-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika u soċjali permezz ta’ riformi strutturali, li jibbenefikaw lill-Unjoni u li huma konformi mal-prinċipji u l-valuri tal-Unjoni, huwa kruċjali għall-irfid tar-reżiljenza ekonomika kif ukoll għal parteċipazzjoni b’suċċess u konverġenza reali msaħħa fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja, li jiżguraw l-istabbiltà u l-prosperità tagħha fit-tul. Dan hu ta’ importanza ugwali għall-Istati Membri li l-munita tagħhom mhijiex l-euro, fit-tħejjija tagħhom sabiex jissieħbu fiż-żona tal-euro, u għall-Istati Membri taż-żona tal-euro.

(8)

Għalhekk huwa xieraq li jiġi enfasizzat fl-objettiv ġenerali tal-Programm, fi ħdan il-kontribut tiegħu lejn ir-rispons għall-isfidi ekonomiċi u soċjali, li t-titjib tal-koeżjoni ekonomika u soċjali, il-kompetittività, il-produttività, it-tkabbir sostenibbli, il-ħolqien tal-impjiegi, l-investiment u l-inklużjoni soċjali jista’ jikkontribwixxi wkoll għat-tħejjijiet għall-parteċipazzjoni futura fiż-żona tal-euro minn dawk l-Istati Membri li l-munita tagħhom mhijiex l-euro.

(9)

Bil-ħsieb tat-twettiq tal-objettivi ġenerali u speċifiċi u fi ħdan l-azzjonijiet eliġibbli li jiġu ffinanzjati mill-Programm, jenħtieġ li jiġi indikat li l-azzjonijiet u l-attivitajiet tal-Programm jistgħu jappoġġjaw ukoll riformi li jistgħu jgħinu lill-Istati Membri fit-tħejjija tagħhom biex jissieħbu fiż-żona tal-euro, fir-rispett tal-prinċipju ta’ trattament ugwali tal-Istati Membri kollha.

(10)

Sabiex tintlaħaq id-domanda dejjem tikber tal-Istati Membri għall-appoġġ, u fid-dawl tal-bżonn li tiġi appoġġjata l-implimentazzjoni ta’ riformi strutturali li huma ta’ interess għall-Unjoni, inkluż fl-Istati Membri li l-munita tagħhom mhijiex l-euro fit-tħejjija tagħhom biex jissieħbu fiż-żona tal-euro, l-allokazzjoni finanzjarja għall-Programm jenħtieġ li tiżdied għal livell suffiċjenti li jippermetti lill-Unjoni tipprovdi appoġġ li jissodisfa l-ħtiġijiet ta’ dawk l-Istati Membri li jagħmlu t-talba u li tintuża b’mod konformi ma’ ġestjoni finanzjarja soda. Jenħtieġ li dik iż-żieda ma jkollhiex effett negattiv fuq il-prijoritajiet l-oħra tal-politika ta’ koeżjoni. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Istati Membri ma jkunux obbligati jittrasferixxu l-allokazzjonijiet nazzjonali u reġjonali tagħhom minn Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej.

(11)

Sabiex jingħata appoġġ ta’ kwalità bl-inqas dewmien possibbli, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun f’qagħda li tuża parti mill-pakkett finanzjarju anki biex tkopri l-kost ta’ attivitajiet li jappoġġjaw il-Programm, bħal spejjeż relatati mal-kontroll tal-kwalità u l-monitoraġġ u l-evalwazzjoni ta’ proġetti fil-post. Dawk l-attivitajiet huma importanti biex tiġi żgurata l-effiċjenza tal-implimentazzjoni tal-proġett.

(12)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2017/825 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) jiġi emendat skont dan.

(13)

Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni immedjata tal-miżuri previsti f’dan ir-Regolament, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) 2017/825 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 4

Objettiv ġenerali

L-objettiv ġenerali tal-Programm huwa li jikkontribwixxi għal riformi istituzzjonali, amministrattivi u strutturali li jsostnu t-tkabbir fl-Istati Membri billi jipprovdi appoġġ lill-awtoritajiet nazzjonali għal miżuri maħsuba biex jirriformaw u jsaħħu l-istituzzjonijiet, il-governanza, l-amministrazzjoni pubblika, u s-setturi ekonomiċi u soċjali b’risposta għall-isfidi ekonomiċi u soċjali, bil-ħsieb li jtejbu l-koeżjoni, il-kompetittività, il-produttività, it-tkabbir sostenibbli, il-ħolqien tal-impjiegi, l-investiment u l-inklużjoni soċjali u li jikkontribwixxu għall-konverġenza reali fl-Unjoni, hekk li jista’ wkoll iħejji għall-parteċipazzjoni fiż-żona tal-euro, b’mod partikolari fil-kuntest tal-proċessi ta’ governanza ekonomika, inkluż permezz ta’ assistenza għall-użu effiċjenti, effettiv u trasparenti tal-fondi tal-Unjoni.”;

(2)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 5a

Appoġġ għat-tħejjija għal sħubija fiż-żona tal-euro

Bil-ħsieb tat-twettiq tal-objettivi stabbiliti fl-Artikoli 4 u 5, u fi ħdan l-azzjonijiet eliġibbli msemmija fl-Artikolu 6, il-Programm jista’ jiffinanzja azzjonijiet u attivitajiet ukoll b’appoġġ għal riformi li jistgħu jgħinu lill-Istati Membri fit-tħejjija tagħhom biex jissieħbu fiż-żona tal-euro.”;

(3)

L-Artikolu 10 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-Programm huwa stabbilit għal EUR 222 800 000 fi prezzijiet kurrenti.”;

(b)

fil-paragrafu 2, tiddaħħal is-sentenza li ġejja:

“L-ispejjeż jistgħu wkoll ikopru l-kosti ta’ attivitajiet ta’ appoġġ oħra bħall-kontroll tal-kwalità u l-monitoraġġ ta’ proġetti ta’ appoġġ fil-post.”.

(4)

fl-Artikolu 16(2), jiddaħħal il-punt li ġej:

“(f)

l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ appoġġ”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, it-23 ta’ Ottubru 2018.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

K. EDTSTADLER


(1)  ĠU C 237, 6.7.2018, p. 53.

(2)  ĠU C 247, 13.7.2018, p. 54.

(3)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta’ Settembru 2018 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tad-9 ta' Ottubru 2018.

(4)  Ir-Regolament (UE) 2017/825 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2017 dwar l-istabbiliment ta’ Programm ta’ Appoġġ għal Riformi Strutturali għall-perijodu mill-2017 sal-2020 u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1303/2013 u (UE) Nru 1305/2013 (ĠU L 129, 19.5.2017, p. 1).


Top