Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017R2168

    Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/2168 tal-20 ta' Settembru 2017 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 589/2008 dwar l-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni għall-bajd tat-tiġieġ li jitrabba barra meta t-tiġieġ ikollhom aċċess limitat għal barra

    C/2017/6214

    ĠU L 306, 22.11.2017, p. 6–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 27/11/2023; Impliċitament imħassar minn 32023R2465

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2017/2168/oj

    22.11.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 306/6


    REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/2168

    tal-20 ta' Settembru 2017

    li jemenda r-Regolament (KE) Nru 589/2008 dwar l-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni għall-bajd tat-tiġieġ li jitrabba barra meta t-tiġieġ ikollhom aċċess limitat għal barra

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 75(2) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 589/2008 (2) jistabbilixxi t-termini tal-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 (3) f'dak li jikkonċerna n-normi tat-tqegħid fuq is-suq applikabbli għall-bajd. B'mod partikolari, il-punt 1 tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 589/2008 jistabbilixxi r-rekwiżiti minimi għall-“bajd tat-tiġieġ li jitrabba barra”.

    (2)

    Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 ħa post ir-Regolament (KE) Nru 1234/2007 u jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta atti delegati f'dan ir-rigward skont l-Artikolu 227 tiegħu.

    (3)

    Il-punt 1(a) tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 589/2008 jipprevedi perjodu ta' deroga mill-kummerċjalizzazzjoni tal-bajd tat-tiġieġ “li jitrabba barra” f'każijiet ta' aċċess limitat għal barra minħabba restrizzjonijiet adottati skont id-dritt tal-Unjoni, inklużi r-restrizzjonijiet veterinarji biex iħarsu s-saħħa pubblika u s-saħħa tal-annimali, iżda għal perjodu ta' mhux aktar minn 12-il ġimgħa. Wara t-tifqigħat serji tal-influwenza avjarja fl-Unjoni, jidher li hemm bżonn ikun previst perjodu itwal ta' deroga u li jiġu kjarifikati aktar ir-regoli biex dawn jiġu implimentati b'mod armonizzat fl-Unjoni, b'mod partikolari rigward il-bidu tal-perjodu tad-deroga.

    (4)

    Għalhekk, l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 589/2008 jenħtieġ jiġi emendat skont dan.

    (5)

    Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni immedjata ta' dawn il-miżuri, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 589/2008 jinbidel bit-test stabbilit fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, l-20 ta' Settembru 2017.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

    (2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 589/2008 tat-23 ta' Ġunju 2008 dwar it-termini tal-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 f'dak li jikkonċerna n-normi tat-tqegħid fuq is-suq applikabbli għall-bajd (ĠU L 163, 24.6.2008, p. 6).

    (3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta' Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1).


    ANNESS

    Rekwiżiti minimi li jridu jiġu ssodisfati mis-sistemi ta' produzzjoni għall-metodi differenti ta' trobbija tat-tiġieġ tal-bajd

    1.

    Il-“bajd tat-tiġieġ li jitrabba barra” irid ikun prodott f'farms li jissodisfaw tal-anqas il-kundizzjonijiet iffissati fl-Artikolu 4 tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/74/KE (1).

    B'mod partikolari jridu jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    matul il-ġurnata, it-tiġieġ irid ikollhom aċċess kontinwu għal barra. Madankollu, dan ir-rekwiżit ma jeskludix li l-produttur jillimita l-aċċess għal dan l-ispazju għal perjodu ta' żmien limitat filgħodu, skont il-prattika tajba tal-agrikoltura, u partikolarment il-prattika tajba tat-trobbija tal-annimali.

    Jekk il-miżuri adottati skont id-dritt tal-Unjoni jeżiġu limitu fl-aċċess tat-tiġieġ għal barra biex titħares is-saħħa pubblika u s-saħħa tal-annimali, minkejja dik ir-restrizzjoni, il-bajd jista' jitqiegħed fis-suq bħala “li jitrabba barra” sakemm it-tiġieġ tal-bajd ma kellhomx l-aċċess tagħhom għal barra limitat għal perjodu kontinwu ta' aktar minn 16-il ġimgħa. Dak il-perjodu massimu għandu jibda mid-data meta effettivament beda jiġi limitat l-aċċess għal barra tal-grupp tat-tiġieġ inkwistjoni li ġie ffurmat fl-istess żmien.

    (b)

    l-ispazju fuq barra tat-tiġieġ irid ikun, fil-parti l-kbira, miksi bil-veġetazzjoni u ma jista' jintuża għall-ebda użu ieħor għajr għal ġonna tal-frott, imsaġar jew mergħat tal-bhejjem, u diment li dan l-użu tal-aħħar ikunu awtorizzawh l-awtoritajiet kompetenti;

    (c)

    id-densità tal-popolazzjoni tal-ispazju fuq barra fl-ebda mument ma tista' taqbeż l-2 500 tiġieġa għal kull ettaru ta' art li tkun għad-dispożizzjoni tat-tiġieġ, jew tiġieġa għal kull 4 metri kwadri. Madankollu, jekk kull tiġieġa jkollha minimu ta' 10 metri kwadri u ssir rotazzjoni biex it-tiġieġ ikollhom aċċess liberu għal kull spazju matul il-ħajja kollha tal-qatgħa, kull reċint utilizzat irid jiggarantixxi fi kwalunkwe ħin tal-anqas 2,5 metri kwadri għal kull tiġieġa;

    (d)

    l-ispazju fuq barra ma jistax ikun estiż lil hinn minn raġġ ta' 150 metru mill-eqreb fetħa fil-binja. Madankollu, hija awtorizzata estensjoni sa 350 metru mill-eqreb fetħa fil-binja dejjem jekk fl-ispazju fuq barra jkun hemm biżżejjed postijiet tal-kenn kif stipulat fl-Artikolu 4(1)(3)(b)(ii) tad-Direttiva 1999/74/KE imqassmin b'mod uniformi, b'mill-anqas erba' postijiet tal-kenn f'kull ettaru.

    2.

    Il-“bajd tat-tiġieġ imrobbi mal-art” irid ikun prodott fl-istabbilimenti tat-trobbija li jissodisfaw tal-anqas il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 1999/74/KE.

    3.

    Il-“bajd tat-tiġieġ imrobbija fil-gaġeġ” irid ikun prodott fl-istabbilimenti tat-trobbija li jissodisfaw tal-anqas:

    (a)

    il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 1999/74/KE sal-31 ta' Diċembru 2011; jew

    (b)

    il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 1999/74/KE.

    4.

    L-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw id-derogi għall-punti 1 u 2 ta' dan l-Anness għall-istabbilimenti ta' anqas minn 350 tiġieġa tal-bajd jew tat-tiġieġ tal-bajd għat-trobbija f'dak li jikkonċerna l-obbligi stipulati fit-tieni frażi tal-punti 1(d), 1(e), 2, 3(a)(i) u 3(b)(i) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 1999/74/KE.


    (1)  Id-Direttiva tal-Kunsill 1999/74/KE tad-19 ta' Lulju 1999 li tistabilixxi standards minimi għall-ħarsien ta' tiġieġ li jbid (ĠU L 203, 3.8.1999, p. 53).


    Top