Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012R0547

    Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 547/2012 tal- 25 ta’ Ġunju 2012 li jimplimenta d-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti tal-ekodisinn għall-pompi tal-ilma Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 165, 26.6.2012, p. 28–36 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 09/01/2017

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/547/oj

    26.6.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 165/28


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 547/2012

    tal-25 ta’ Ġunju 2012

    li jimplimenta d-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti tal-ekodisinn għall-pompi tal-ilma

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva°2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għall-iffissar ta’ rekwiżiti għall-ekodisinn għal prodotti relatati mal-enerġija (1), u b’mod partikolari l-Artikolu°15(1) tagħha,

    Wara li kkonsultat il-Forum tal-Konsultazzjoni dwar l-Ekodisinn,

    Billi:

    (1)

    Skont id-Direttiva 2009/125/KE, il-Kummissjoni għandha tiffissa r-rekwiżiti ta’ ekodisinn għal prodotti li jużaw l-enerġija li jirrappreżentaw volumi sinifikanti ta’ bejgħ u kummerċ, li għandhom impatt ambjentali sinifikanti u li jippreżentaw potenzjal sinifikanti għal titjib f’termini tal-impatt ambjentali tagħhom mingħajr ma jinvolvu spejjeż eċċessivi.

    (2)

    L-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2009/125/KE jipprovdi li skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 19(3) u l-kriterji stipulati fl-Artikolu 15(2), u wara konsultazzjoni mal-Forum ta’ Konsultazzjoni, il-Kummissjoni tintroduċi, kif xieraq, miżuri implimentattivi għal prodotti li jużaw sistemi b’muturi tal-elettriku, bħall-pompi tal-ilma.

    (3)

    Il-pompi tal-ilma li jiffurmaw partijiet ta’ sistemi b’muturi tal-elettriku huma essenzjali f’diversi proċessi tal-ippumpjar. Il-potenzjal totali għal titjib kosteffikaċi tal-effiċjenza enerġetika ta’ dawn is-sistemi ta’ ppumpjar huwa ta’ madwar 20 % għal 30 %. Għalkemm l-iffrankar jista’ jinkiseb l-aktar permezz tal-muturi, wieħed mill-fatturi li jikkontribwixxu għal titjib bħal dan huwa l-użu ta’ pompi effiċjenti fl-użu tal-enerġija. Għaldaqstant, il-pompi tal-ilma huma prodott ta’ prijorità li għalih għandhom ikunu stabbiliti rekwiżiti tal-ekodisinn.

    (4)

    Is-sistemi ta’ muturi tal-elettriku jinkludu għadd ta’ prodotti li jużaw l-enerġija, bħal muturi, trażmissjonijiet, pompi jew fannijiet. Il-pompi tal-ilma huma wieħed minn dawn il-prodotti. Ir-rekwiżiti minimi huma stabbiliti għall-muturi f’miżura separata, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 640/2009 (2) Konsegwentement, dan ir-Regolament jistabbilixi biss rekwiżiti minimi għall-prestazzjoni idrawlika ta’ pompi tal-ilma mingħajr il-mutur.

    (5)

    Ħafna pompi huma integrati fi prodotti oħra mingħajr ma jitqegħdu fis-suq separatament. Sabiex jintlaħaq il-potenzjal kollu tal-iffrankar kosteffikaċi tal-enerġija, il-pompi tal-ilma li huma integrati fi prodotti oħra għandhom ikunu suġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament.

    (6)

    Il-Kummissjoni wettqet studju ta’ tħejjija biex tanalizza l-aspetti tekniċi, ambjentali u ekonomiċi tal-pompi tal-ilma. L-istudju ġie żviluppat flimkien mal-partijiet interessati mill-Unjoni u l-pajjiżi terzi, u r-riżultati tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku.

    (7)

    L-istudju ta’ tħejjija juri li fis-suq tal-Unjoni Ewropea jitqiegħdu pompi tal-ilma fi kwantitajiet kbar. Il-konsum tal-enerġija tagħhom fil-fażi tal-użu huwa l-iktar aspett ambjentali sinifikanti tal-fażijiet kollha taċ-ċiklu tal-ħajja, bil-konsum annwali tal-elettriku tagħhom jammonta għal 109TWh fl-2005, li jikkorrispondi għal 50Mt f’emissjonijiet tas-CO2 Jekk ma jittieħdux miżuri sabiex jiġi limitat dan il-konsum, huwa previst li l-konsum tal-enerġija se jiżdied għal 136 TWh fl-2020. Ġie konkluż li l-konsum tal-elettriku fil-fażi tal-użu jista’ jitnaqqas b’mod sinifikanti.

    (8)

    L-istudju ta’ tħejjija juri li l-konsum tal-elettriku fil-fażi tal-użu huwa l-uniku parametru ta’ ekodisinn sinifikanti relatat mad-disinn tal-prodott kif imsemmi fl-Anness I, il-Parti 1, tad-Direttiva 2009/125/KE.

    (9)

    It-tnaqqis tal-konsum tal-elettriku fil-fażi tal-użu tal-pompi tal-ilma għandu jseħħ bl-użu ta’ teknoloġiji eżistenti, kosteffikaċi u mhux brevettati li jistgħu jnaqqsu l-ispejjeż totali kkombinati tax-xiri u tat-tħaddim tagħhom.

    (10)

    Ir-rekwiżiti ta’ ekodisinn għandhom jarmonizzaw ir-rekwiżiti tal-konsum tal-enerġija għall-pompi tal-ilma fl-Unjoni Ewropea, u b’hekk jikkontribwixxu għall-funzjonament tas-suq intern u għat-titjib fil-prestazzjoni ambjentali ta’ dawn il-prodotti.

    (11)

    Għandu jingħata qafas ta’ żmien xieraq lill-manifatturi sabiex jiddisinjaw mill-ġdid il-prodotti. Iż-żmien għal din l-introduzzjoni għandu jkun tali li jiġu evitati l-impatti negattivi fuq il-funzjonalitajiet tal-pompi tal-ilma u li jqis l-impatt fuq l-ispejjeż għall-manifatturi, b’mod partikolari l-impriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju, filwaqt li jiġi żgurat l-ilħuq f’waqtu tal-għanijiet ta’ dan ir-Regolament.

    (12)

    Il-konsum tal-enerġija għandu jiġi determinat permezz ta’ metodi ta’ kejl affidabbli, preċiżi u riproduċibbli, li jqisu l-metodi ta’ kejl l-aktar żviluppati rikonoxxuti inkluż, fejn dawn huma disponibbli, standards armonizzati adottati mill-korpijiet ta’ standardazzjoni Ewropej, kif imniżżla fl-Anness I għad-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informazzjoni (3).

    (13)

    Dan ir-Regolament għandu jżid il-penetrazzjoni fis-suq ta’ teknoloġiji li jtejbu l-impatt ambjentali tul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-pompi tal-ilma, li għandu jwassal għal iffrankar stmat fl-enerġija ta’ 3,3 TWh sal-2020, imqabbel max-xenarju fejn ma tittieħed l-ebda miżura.

    (14)

    Skont l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2009/125/KE, dan ir-Regolament għandu jispeċifika l-proċeduri applikabbli għall-valutazzjoni tal-konformità.

    (15)

    Sabiex jiffaċilitaw il-kontrolli tal-konformità, il-manifatturi għandhom jipprovdu informazzjoni fid-dokumentazzjoni teknika msemmija fl-Annessi IV u V għad-Direttiva 2009/125/KE.

    (16)

    Sabiex jiġi llimitat iktar l-impatt ambjentali tal-pompi tal-ilma, il-manifatturi tagħhom għandhom jipprovdu informazzjoni rilevanti fuq iż-żarmar, ir-riċiklaġġ u r-rimi fl-aħħar tal-ħajja ta’ dawn il-pompi.

    (17)

    Għandhom jiġu identifikati punti ta’ referenza għat-teknoloġiji b’effiċjenza enerġetika għolja li huma attwalment disponibbli. Dan għandu jgħin sabiex jiġu żgurati d-disponibbiltà wiesgħa u l-aċċessibbiltà faċli għall-informazzjoni, partikolarment għall-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju, u dan għandu jiffaċilita aktar l-integrazzjoni tal-aqwa teknoloġiji disponibbli għat-tnaqqis fil-konsum tal-enerġija.

    (18)

    Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2009/125/KE,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

    1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-rekwiżiti ta’ ekodisinn għat-tqegħid fis-suq ta’ pompi tal-ilma rotodinamiċi li jintużaw għall-ippumpjar ta’ ilma nadif, inkluż fejn dawn ikunu integrati fi prodotti oħra.

    2.   Dan ir-Regolament ma għandux japplika għal:

    (a)

    pompi tal-ilma ddisinjati speċifikament għall-ippumpjar ta’ ilma nadif b’temperaturi ta’ inqas minn – 10 °C jew ogħla minn 120 °C, minbarra fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ informazzjoni tal-Anness II, il-punti 2(11) sa 2(13);

    (b)

    pompi tal-ilma ddisinjati biss għal applikazzjonijiet tat-tifi tan-nar;

    (c)

    pompi tal-ilma ta’ spostament;

    (d)

    pompi tal-ilma li jipprajmjaw ruħhom awtomatikament (self-priming).

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    Minbarra d-definizzjonijiet stipulati fid-Direttiva 2009/125/KE, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (1)

    pompa tal-ilma” hija l-parti idrawlika ta’ tagħmir li tmexxi l-ilma nadif permezz ta’ azzjoni fiżika jew mekkanika u għandha wieħed minn dawn id-disinni li ġejjin:

    Pompa bi fluss assjali u bil-berings tagħha (end suction own bearing — ESOB);

    Pompa monoblokk orizzontali (end suction closed coupled — ESCC);

    Pompa monoblokk inlinja (end suction closed coupled inline — ESCCi);

    Pompa b’diversi stadji bi fluss vertikali (vertical multistage — MS-V);

    Pompa sommerġibbli b’diversi stadji (submersible multistage — MSS);

    (2)

    Pompa tal-ilma bi fluss assjali — End suction water pump” pompa tal-ilma rotodinamika, bi fluss assjali, bi stadju wieħed, glanded, iddisinjata għal pressjonijiet sa 16 bar, b’veloċità speċifika ns li tvarja bejn 6 u 80 rpm, fluss nominali minimu ta’ 6 m3/h (1,667·10–3 m3/s), b’potenza massima tax-xaft ta’ 150 kW, head massima ta’ 90 m b’veloċità nominali ta’ 1 450 rpm u head massima ta’ 140 m b’veloċità nominali ta’ 2 900 rpm;

    (3)

    Fluss nominali” tfisser il-head u l-fluss li l-manifattur se jiggarantixxi taħt kundizzjonijiet ta’ tħaddim normali;

    (4)

    Glanded” tfisser ġonta ssiġillata tax-xaft bejn l-impulsur fil-korp tal-pompa u l-mutur. Il-komponent tal-mutur tat-trażmissjoni jibqa’ niexef;

    (5)

    Pompa tal-ilma bi fluss assjali u bil-berings tagħha — End suction own bearing water pump” (ESOB) tfisser pompa tal-ilma bi fluss assjali u bil-berings tagħha;

    (6)

    Pompa tal-ilma monoblokk orizzontali — End suction close coupled water pump” (ESCC) tfisser pompa tal-ilma bi fluss assjali li x-xaft tal-mutur tagħha huwa estiż i jservi wkoll bħala x-xaft tal-pompa;

    (7)

    Pompa tal-ilma monoblokk inlinja — End suction close coupled inline water pump” (ESCCi) tfisser pompa tal-ilma fejn id-dħul tal-ilma tal-pompa jinsab fuq l-istess livell tal-ħruġ tal-ilma tal-pompa;

    (8)

    Pompa tal-ilma b’diversi stadji bi fluss vertikali — Vertical multistage water pump” (MS-V) tfisser pompa tal-ilma rotodinamika, glanded, b’diversi stadji (i > 1) fejn l-impulsuri huma mmuntati fuq xaft vertikali li jdur, li huwa ddisinjat biex jiflaħ għal pressjoni sa 25 bar, b’veloċità nominali ta’ 2 900 rpm u fluss massimu ta’ 100 m3/h (27,78·10–3 m3/s);

    (9)

    Pompa tal-ilma sommerġibbli b’diversi stadji — Submersible multistage water pump” (MSS) tfisser pompa tal-ilma rotodinamika b’diversi stadji (i > 1) b’dijametru nominali fuq in-naħa ta’ barra ta’ 4 pulzieri (10,16 cm) jew 6 pulzieri (15,24 cm) maħsuba biex titħaddem ġo borehole b’veloċità nominali ta’ 2 900 rpm u b’temperatura li tvarja bejn 0 °C u 90 °C;

    (10)

    pompa tal-ilma rotodinamika” tfisser pompa tal-ilma li tmexxi l-ilma nadif permezz ta’ forzi idrodinamiċi;

    (11)

    pompa tal-ilma ta’ spostament” tfisser pompa tal-ilma li tmexxi l-ilma nadif billi tiġbor volum ta’ ilma nadif u tisforza dan il-volum lejn il-ħruġ tal-pompa;

    (12)

    pompa li tipprajmja ruħha awtomatikament — self-priming water pump” tfisser pompa tal-ilma li tmexxi l-ilma nadif u li tista’ tibda taħdem u/jew topera anke meta tkun mimlija bi ftit ilma biss;

    (13)

    ilma nadif” tfisser ilma b’kontenut massimu ta’ sustanzi solidi u mhux assorbenti ta’ 0,25 kg/m3, u b’kontenut massimu ta’ sustanzi solidi maħlula ta’ 50 kg/m3 sakemm il-kontenut totali tal-gass fl-ilma ma jaqbiżx il-volum ta’ saturazzjoni. Ma għandu jkun ikkunsidrat ebda adittiv li huwa meħtieġ biex ikun evitat l-iffriżar tal-ilma b’temperatura ta’ sa – 10 °C.

    Id-definizzjonijiet għall-fini tal-Annessi II sa V huma stipulati fl-Anness I.

    Artikolu 3

    Rekwiżiti tal-ekodisinn

    Ir-rekwiżiti ta’ effiċjenza minimi kif ukoll rekwiżiti ta’ informazzjoni għall-pompi tal-ilma rotodinamiċi huma stipulati fl-Anness II.

    Kull rekwiżit tal-ekodisinn għandu jkun applikabbli skont din l-iskeda ta’ żmien:

    (1)

    mill-1 ta’ Jannar 2013, il-pompi tal-ilma għandu jkollhom effiċjenza minima kif definit fl-Anness II, il-punt 1 (a);

    (2)

    mill-1 ta’ Jannar 2015, il-pompi tal-ilma għandu jkollhom effiċjenza minima kif definit fl-Anness II, il-punt 1 (b);

    (3)

    mill-1 ta’ Jannar 2013, l-informazzjoni dwar il-pompi tal-ilma għandha tkun konformi mar-rekwiżiti stipulati fl-Anness II, il-punt 2.

    Il-konformità mar-rekwiżiti tal-ekodisinn għandha titkejjel u tiġi kkalkulata skont ir-rekwiżiti stipulati fl-Anness III.

    Ma huwa meħtieġ ebda rekwiżit ta’ ekodisinn fir-rigward ta’ parametri oħra ta’ ekodisinn imsemmija fl-Anness I, il-Parti 1, għad-Direttiva 2009/125/KE.

    Artikolu 4

    Valutazzjoni tal-konformità

    Il-proċedura tal-valutazzjoni tal-konformità msemmija fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2009/125/KE għandha tkun is-sistema interna tal-kontroll tad-disinn stipulata fl-Anness IV għal dik id-Direttiva jew is-sistema tal-ġestjoni għall-valutazzjoni tal-konformità stabbilita fl-Anness V għal dik id-Direttiva.

    Artikolu 5

    Proċedura ta’ verifika għall-finijiet ta’ sorveljanza tas-suq

    Meta jwettqu l-kontrolli ta’ sorveljanza tas-suq imsemmija fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/125/KE għar-rekwiżiti tal-ekodisinn stipulati fl-Anness II għal dan ir-Regolament, l-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom jużaw il-proċedura ta’ verifika stipulata fl-Anness IV għal dan ir-Regolament.

    Artikolu 6

    Punti ta’ referenza indikattivi

    Il-punti ta’ referenza indikattivi għall-pompi tal-ilma bl-aħjar prestazzjoni disponibbli fis-suq meta dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ huma stipulati fl-Anness V.

    Artikolu 7

    Reviżjoni

    Il-Kummissjoni għandha tirrevedi dan ir-Regolament fid-dawl tal-progress teknoloġiku u tippreżenta r-riżultat ta’ din ir-reviżjoni lill-Forum tal-Konsultazzjoni sa mhux iktar tard minn erba’ snin wara d-dħul fis-seħħ tiegħu. Ir-reviżjoni għandha l-għan li tadotta approċċ estiż tal-prodott.

    Il-Kummissjoni għandha tirrevedi t-tolleranzi użati fil-metodoloġija għall-kalkolu tal-effiċjenza enerġetika qabel l-1 ta’ Jannar 2014.

    Artikolu 8

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Ġunju 2012.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU L 285, 31.10.2009, p. 10.

    (2)  ĠU L 191, 23.7.2009, p. 26.

    (3)  ĠU L 204, 21.7.1998, p. 37.


    ANNESS I

    Definizzjonijiet applikabbli għall-fini tal-Annessi II sa V

    Għall-fini tal-Annessi II sa V, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (1)

    Impulsur” tfisser komponent li jdur ta’ pompa rotodinamika li jitrasferixxi l-enerġija għall-ilma;

    (2)

    Impulsur sħiħ” tfisser impulsur li għandu d-dijametru massimu li għalih, fil-katalgi ta’ manifattur ta’ pompa tal-ilma, jingħataw il-karatteristiċi ta’ prestazzjoni skont id-daqs tal-pompa;

    (3)

    Veloċità speċifika” (ns) tfisser valur dimensjonali li jikkaratteristika l-forma tal-impulsur tal-pompa skont il-head, il-fluss u l-veloċità (n):

    Formula [min–1]

    Fejn:

    Head” (H) tfisser iż-żieda fl-enerġija idrawlika tal-ilma f’metri [m], li l-pompa tal-ilma tipproduċi f’punt speċifiku tal-operat;

    Veloċità rotazzjonali” (n) tfisser l-għadd ta’ dawriet li x-xaft idur kull minuta [rpm];

    Fluss” (Q) tfisser il-volum tar-rata tal-fluss [m3/s] ta’ ilma li jiċċirkola fil-pompa tal-ilma;

    Stadju” (i) tfisser l-għadd ta’ impulsuri inserje fil-pompa tal-ilma;

    Il-punt tal-aħjar effiċjenza” (BEP) tfisser il-punt tat-tħaddim tal-pompa tal-ilma li fih l-effiċjenza idrawlika tal-pompa tkun massima meta mkejla b’ilma kiesaħ nadif;

    (4)

    Effiċjenza idrawlika tal-pompa” (η) tfisser il-proporzjon bejn il-potenza mekkanika trasferita lil-likwidu meta jgħaddi mill-pompa tal-ilma u l-potenza mekkanika tal-input trażmessa lill-pompa fuq ix-xaft tagħha;

    (5)

    Ilma kiesaħ nadif” tfisser ilma nadif li għandu jintuża għall-ittestjar tal-pompa, b’viskożità kinematika massima ta’ 1,5 × 10–6 m2/s, b’densità massima ta’ 1 050 kg/m3 u b’temperatura massima ta’ 40 °C;

    (6)

    Part load” (PL) tfisser il-punt tal-operat tal-pompa tal-ilma fil-livell ta’ 75 % tal-fluss fil-BEP;

    (7)

    Over load” (OL) tfisser il-punt tal-operat tal-pompa tal-ilma fil-livell ta’ 110 % tal-fluss fil-BEP;

    (8)

    Indiċi tal-Effiċjenza Minima” (MEI) tfisser l-unità ta’ skala mingħajr dimensjoni għall-effiċjenza idrawlika tal-pompa fil-BEP, PL u OL;

    (9)

    C” tfisser valur kostanti għal kull tip speċifiku ta’ pompa tal-ilma li jikkwantifika d-differenzi fl-effiċjenza għal tipi differenti ta’ pompi.


    ANNESS II

    Rekwiżiti tal-ekodisinn għall-pompi tal-ilma

    1.   REKWIŻITI TAL-EFFIĊJENZA

    (a)

    Mill-1 ta’ Jannar 2013, il-pompi tal-ilma għandu jkollhom effiċjenza minima:

    fil-punt tal-aħjar effiċjenza (BEP) ta’ mill-inqas (ηΒΕΡ) min requ, meta mkejjel skont l-Anness III u kkalkolat bil-valur C għal MEI = 0,1, skont l-Anness III;

    fil-part load (PL) ta’ mill-inqas (ηΡL) min requ, meta mkejjel skont l-Anness III u kkalkolat bil-valur C għal MEI = 0,1, skont l-Anness III;

    effiċjenza minima fl-over load (OL) ta’ mill-inqas (ηΟL) min requ, meta mkejjel skont l-Anness III u kkalkolat bil-valur C għal MEI = 0,1, skont l-Anness III;

    (b)

    Mill-1 ta’ Jannar 2015, il-pompi tal-ilma għandu jkollhom:

    effiċjenza minima fil-punt tal-aħjar effiċjenza (BEP) ta’ mill-inqas (ηΒΕΡ) min requ, meta mkejjel skont l-Anness III u kkalkolat bil-valur C għal MEI = 0,4, skont l-Anness III;

    effiċjenza minima fil-part load (PL) ta’ mill-inqas (ηΡL) min requ, meta mkejjel skont l-Anness III u kkalkolat bil-valur C għal MEI = 0,4, skont l-Anness III;

    effiċjenza minima fl-over load (OL) ta’ mill-inqas (ηΟL) min requ, meta mkejjel skont l-Anness III u kkalkolat bil-valur C għal MEI = 0,4, skont l-Anness III.

    2.   REKWIŻITI TAL-INFORMAZZJONI DWAR IL-PRODOTT

    Mill-1 ta’ Jannar 2013, l-informazzjoni dwar il-pompi tal-ilma imsemmija fl-Artikolu 1 u stipulati fil-punti (1) sa (15) għandha tintwera b’mod viżibbli fuq:

    (a)

    id-dokumentazzjoni teknika tal-pompi tal-ilma;

    (b)

    siti tal-Internet b’aċċess mingħajr ħlas, tal-manifatturi tal-pompi tal-ilma.

    L-informazzjoni għandha tkun ipprovduta fl-ordni indikata fil-punti (1) sa (15). L-informazzjoni msemmija fil-punti (1) u (3) sa (6) għandha tkun immarkata b’mod li ma titħassarx fuq jew qrib il-pjanċja tal-klassifikazzjoni tal-pompa tal-ilma.

    (1)

    Indiċi tal-effiċjenza minima: MEI ≥ [x,xx];

    (2)

    Test standard: Il-punt ta’ referenza għall-iktar pompi tal-ilma effiċjenti huwa MEI ≥ 0,70’, jew, alternattivament, l-indikazzjoni “Punt ta’ Referenza MEI ≥ 0,70”;

    (3)

    Is-sena tal-manifattura;

    (4)

    L-isem tal-manifattur jew it-trejdmark, in-numru ta’ reġistrazzjoni kummerċjali u l-post tal-manifattura;

    (5)

    Identifikatur tat-tip u d-daqs tal-prodott;

    (6)

    Effiċjenza idrawlika tal-pompa (%) bimpulsur mirqum [xx,x], jew alternattivament, l-indikazzjoni [–.-];

    (7)

    Il-kurvi ta’ prestazzjoni tal-pompa, inklużi karatteristiċi tal-effiċjenza;

    (8)

    Test standard: “L-effiċjenza ta’ pompa b’impulsur mirqum hija ġeneralment iktar baxxa minn dik ta’ pompa b’impulsur ta’ dijametru sħiħ (jiġifieri mhux mirqum). It-tirqim tal-impulsur jadatta l-pompa għal punt fiss ta’ funzjonament, li jwassal għal inqas konsum ta’ enerġija. L-indiċi tal-effiċjenza minima (MEI) huwa bbażat fuq id-dijametru ta’ “impulsur ta’ dijametru sħiħ”;

    (9)

    Test standard: “It-tħaddim ta’ din il-pompa tal-ilma li jkollha punti varjabbli ta’ funzjonament jista’ jkun iktar effiċjenti u ekonomiku meta jkun ikkontrollat, per eżempju, bl-użu ta’ trażmissjoni b’veloċità varjabbli li tadatta l-funzjonament tal-pompa għas-sistema”;

    (10)

    Informazzjoni rilevanti għaż-żarmar, ir-riċiklaġġ, jew ir-rimi fit-tmiem tal-ħajja tal-pompa;

    (11)

    Test standard għall-pompi tal-ilma ddisinjati biss għall-ippumpjar ta’ ilma nadif b’temperaturi ta’ inqas minn – 10 °C: “Ddisinjati għal użu biss btemperaturi tainqas minn – 10 °C”;

    (12)

    Test standard għall-pompi tal-ilma ddisinjati biss għall-ippumpjar ta’ ilma nadif f’temperaturi ogħla minn 120 °C: “Ddisinjati għal użu biss ftemperaturi ogħla minn 120 °C”;

    (13)

    Għal pompi ddisinjati speċifikament għall-ippumpjar tal-ilma nadif b’temperaturi ta’ inqas minn – 10 jew ogħla minn 120 °C, il-manifattur għandu jiddeskrivi l-parametri tekniċi rilevanti u l-karatteristiċi użati;

    (14)

    Test standard: “informazzjoni dwar l-effiċjenza ta’ referenza hija disponibbli fuq [www.xxxxxxxxx.xxx]”;

    (15)

    Il-graff tal-effiċjenza ta’ referenza għal MEI = 0,7 abbażi tal-mudell tal-pompa huwa indikat fil-Grafika1. Graffs simili tal-effiċjenza għandhom ikunu pprovduti għal MEI = 0,4.

    Grafika

    Eżempju ta’ graff tal-effiċjenza ta’ referenza għall-ESOB 2900

    Image

    Tista’ tingħata aktar informazzjoni li tista’ tiġi kkumplimentata minn graffs, grafiki jew simboli.


    ANNESS III

    Kejl u kalkoli

    Għall-finijiet tal-konformità u tal-verifika tal-konformità mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament, il-kejl u l-kalkoli għandhom isiru permezz ta’ standards armonizzati li n-numru ta’ referenza tagħhom ġie ppubblikat għal dak il-għan f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jew metodu affidabbli, akkurat u riproduċibbli ieħor, li jqis il-metodi l-aktar avvanzati ġeneralment rikonoxxuti, u li rriżultati tagħhom jitqiesu li għandhom livell baxx ta’ inċertezza. Huma għandhom jissodisfaw dawn il-parametri tekniċi:

    L-effiċjenza idrawlika tal-pompa kif definita fl-Anness I hija mkejla bil-head u l-fluss li jikkorrispondu għall-punt tal-aħjar effiċjenza (BEP), part load (PL) u over load (OL) għad-dijametru b’full impulsur b’ilma kiesaħ nadif.

    Il-formola għall-kalkolu tal-effiċjenza minima meħtieġa fil-punt tal-aħjar effiċjenza (BEP) hija kif ġej:Formula

    Fejn,

    x = ln (ns); y = ln (Q) u ln = logaritmu naturali (natural logarithm) u Q = fluss f’ [m3/h]; ns = veloċità speċifika (specific speed) f’ [min–1]; C = il-valur indikat fit-Tabella.

    Il-valur ta’ C jiddependi fuq it-tip ta’ pompa u l-veloċità nominali, u anke l-valur MEI.

    Tabella

    Indiċi tal-effiċjenza minima (MEI) u l-valur C korrisondenti, skont it-tip u l-veloċità tal-pompa

    C-value għall-MEI

    CPumpType,rpm

    MEI = 0,10

    MEI = 0,40

    C (ESOB, 1 450 )

    132,58

    128,07

    C (ESOB, 2 900 )

    135,60

    130,27

    C (ESCC, 1 450 )

    132,74

    128,46

    C (ESCC, 2 900 )

    135,93

    130,77

    C (ESCCI, 1 450 )

    136,67

    132,30

    C (ESCCI, 2 900 )

    139,45

    133,69

    C (MS-V, 2 900 )

    138,19

    133,95

    C (MSS, 2 900 )

    134,31

    128,79

    Ir-rekwiżiti għall-kundizzjonijiet part load (PL) u over load (OL) huma stabbiliti f’livelli ftit aktar baxxi minn dawk għal fluss ta’ 100 % (ηΒΕΡ).

    L-effiċjenzi kollha huma bbażati fuq impulsur sħiħ (mhux mirqum). Pompi tal-ilma b’diversi stadji bi fluss vertikali għandhom ikunu ttestjati b’verżjoni ta’ tliet (3) stadji (i = 3). Pompi tal-ilma sommerġibbli b’diversi stadji għandhom ikunu ttestjati b’verżjoni ta’ disa’ (9) stadji (i = 9). Jekk dan l-għadd ta’ stadji ma jeżistix fost il-varjetà speċifika tal-prodott, għandu jintgħażel sabiex ikun ittestjat l-ogħla għadd li jmiss ta’ stadji fil-varjetà tal-prodott.


    ANNESS IV

    Proċedura ta’ verifika għall-finijiet ta’ sorveljanza tas-suq

    Fit-twettiq tal-kontrolli tas-sorveljanza tas-suq imsemmija fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/125/KE, l-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom japplikaw il-proċedura ta’ verifika li ġejja għar-rekwiżiti stipulati fl-Anness II.

    1.

    L-awtoritajiet tal-Istat Membru għandhom jittestjaw unità unika waħda għal kull mudell u għandhom jipprovdu l-informazzjoni dwar ir-riżultati tal-ittestjar lill-awtoritajiet ta’ Stati Membri oħra;

    2.

    Il-mudell għandu jitqies li jikkonforma mad-dispożizzjonijiet stipulati f’dan ir-Regolament, jekk l-effiċjenza idrawlika tal-pompa mkejla f’kull waħda mill-kundizzjonijiet BEP, PL u OL (ηΒΕΡ, ηΡL, ηΟL) ma tvarjax b’iktar minn 5 % taħt il-valuri stipulati fl-Anness II.

    3.

    Jekk ir-riżultat imsemmi fil-punt 2 ma jintlaħaqx, l-awtorità ta’ sorveljanza tas-suq għandha tittestja b’mod aleatorju tliet unitajiet addizzjonali u tipprovdi informazzjoni dwar ir-riżultati tal-ittestjar lill-awtoritajiet ta’ Stati Membri oħra u lill-Kummissjoni Ewropea.

    4.

    Il-mudell għandu jitqies li jikkonforma mad-dispożizzjonijiet stipulati f’dan ir-Regolament, jekk il-pompa tgħaddi mit-tliet testijiet separati li ġejjin, jekk:

    il-medja aritmetika tal-BEP (ηΒΕΡ) tat-tliet unitajiet ma tvarjax b’iktar minn 5 % taħt il-valuri stipulati fl-Anness II u;

    il-medja aritmetika tal-PL (ηΡL) tat-tliet unitajiet ma tvarjax b’iktar minn 5 % taħt il-valuri stipulati fl-Anness II u;

    il-medja aritmetika tal-OL (ηΟL) tat-tliet unitajiet ma tvarjax b’iktar minn 5 % taħt il-valuri stipulati fl-Anness II.

    5.

    Jekk ir-riżultati msemmija fil-punti 4 ma jintlaħqux, il-mudell għandu jitqies bħala mhux konformi ma’ dan ir-Regolament.

    Għall-fini ta’ konformità u verifika tal-konformità mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom japplikaw il-proċeduri msemmija fl-Anness III ta’ dan ir-Regolament u l-istandards armonizzati li n-numri ta’ referenza tagħhom ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jew permezz ta’ metodi oħra ta’ kejl u kalkolu affidabbli, preċiżi u riproduċibbli, li jqisu l-metodi ta’ kejl l-aktar reċenti u avvanzati ġeneralment rikonoxxibbli u li jipproduċu riżultati meqjusa li għandhom livell baxx ta’ inċertezza.


    ANNESS V

    Punti ta’ referenza indikattivi msemmija fl-Artikolu 6

    Fiż-żmien tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, il-punt ta’ referenza indikattiv għall-aħjar teknoloġija disponibbli fis-suq għall-pompi tal-ilma huwa indiċi ta’ effiċjenza minima (MEI) ≥ 0,70.


    Top