Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011L0043

    Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2011/43/UE tat- 13 ta’ April 2011 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE biex jiġi inkluż il-kubrit tal-ġir bħala sustanza attiva u li temenda d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/941/KE Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 100, 14.4.2011, p. 39–42 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir_impl/2011/43/oj

    14.4.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 100/39


    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI 2011/43/UE

    tat-13 ta’ April 2011

    li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE biex jiġi inkluż il-kubrit tal-ġir bħala sustanza attiva u li temenda d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/941/KE

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tagħha,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 1112/2002 (2) u (KE) Nru 2229/2004 (3) jistipulaw ir-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-raba’ stadju tal-programm ta’ ħidma msemmi fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414/KEE u jistabbilixxu lista ta’ sustanzi attivi li għandhom jiġu evalwati, bl-għan li possibbilment jiġu inklużi fl-Anness I mad-Direttiva 91/414/KEE. Dik il-lista kienet tinkludi il-ġir tal-kubrit.

    (2)

    Skont l-Artikolu 24e tar-Regolament (KE) Nru 2229/2004 l-applikant irtira l-appoġġ tiegħu għall-inklużjoni tas-sustanza attiva fl-Anness I mad-Direttiva 91/414/KEE fi żmien xahrejn minn meta rċieva l-abbozz tar-rapport tal-evalwazzjoni. B’riżultat ta’ dan, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/941/KE tat-8 ta’ Diċembru 2008 dwar in-noninklużjoni ta’ ċerti sustanzi attivi fl-Anness I mad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE u l-irtirar ta’ awtorizzazzjonijiet għal prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom dawn is-sustanzi (4) kienet adottata għan-noninklużjoni tal-ġir tal-kubrit.

    (3)

    Skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 91/414/KEE in-notifikant oriġinali (minn hawn ‘il quddiem “l-applikant”) ressaq applikazzjoni ġdida fejn talab l-applikazzjoni tal-proċedura aċċellerata stipulata fl-Artikoli minn 14 sa 19 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 33/2008 tas-17 ta’ Jannar 2008 li jistipula regoli dettaljati għall-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE fir-rigward ta’ proċedura regolari u aċċellerata għall-valutazzjoni ta’ sustanzi attivi li kienu jagħmlu parti mill-programm ta’ ħidma msemmi fl-Artikolu 8(2) ta’ dik id-Direttiva iżda li ma ġewx inklużi fl-Anness I tagħha (5)

    (4)

    L-applikazzjoni ġiet imressqa lil Spanja, li kienet maħtura bħala Stat Membru relatur bir-Regolament (KE) Nru 2229/2004. Il-perjodu ta’ żmien għall-proċedura aċċellerata ġie rrispetat. L-ispeċifikazzjoni tas-sustanza attiva u l-użi sostnuti huma l-istess kif kien is-suġġett tad-Deċiżjoni 2008/941/KE. Dik l-applikazzjoni tikkonforma wkoll mal-bqija tar-rekwiżiti sostantivi u proċedurali tal-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 33/2008.

    (5)

    Spanja vvalutat id-dejta addizzjonali mressqa mill-applikant u ppreparat rapport addizzjonali. Hija kkomunikat ir-rapport lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (minn hawn ‘il quddiem “l-Awtorità”) u lill-Kummissjoni fl-14 ta’ Frar 2010. L-Awtorità kkomunikat ir-rapport addizzjonali għall-kummenti tagħhom, lill-Istati Membri l-oħra u lill-applikant, u bagħtet il-kummenti li kienu waslulha lill-Kummissjoni. Skont l-Artikolu 20(1) tar-Regolament (KE) Nru 33/2008 u fuq talba tal-Kummissjoni, l-Awtorità ressqet il-konklużjoni tagħha dwar il-kubrit tal-ġir lill-Kummissjoni fit-28 ta’ Ottubru 2010 (6). L-abbozz tar-rapport ta’ valutazzjoni, ir-rapport addizzjonali u l-konklużjoni tal-Awtorità ġew riveduti mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni fil-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali, u ġew iffinalizzati fil-11 ta’ Marzu 2011 fil-format tar-rapport ta’ reviżjoni tal-Kummissjoni għall-kubrit tal-ġir.

    (6)

    Ħareġ ċar minn diversi eżamijiet li saru li l-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-kubrit tal-ġir huma mistennija jissodisfaw, b’mod ġenerali, ir-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 5(1) (a) u (b) tad-Direttiva 91/414/KEE, b’mod partikolari dwar l-użi tagħhom li ġew eżaminati u mniżżla fid-dettall fir-rapport ta’ reviżjoni tal-Kummissjoni. Għaldaqstant, huwa xieraq li l-kubrit tal-ġir jiġi inkluż fl-Anness I biex ikun żgurat li fl-Istati Membri kollha jkunu jistgħu jingħataw l-awtorizzazzjonijiet tal-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom din is-sustanza attiva skont id-dispożizzjonijiet ta’ dik id-Direttiva.

    (7)

    Għandu jitħalla jgħaddi perjodu raġonevoli qabel ma sustanza attiva tiġi inkluża fl-Anness I sabiex l-Istati Membri u l-partijiet interessati jkunu jistgħu jippreparaw irwieħhom sabiex jissodisfaw ir-rekwiżiti l-ġodda li jirriżultaw mill-inklużjoni.

    (8)

    Mingħajr ħsara għall-obbligazzjonijiet stipulati fid-Direttiva 91/414/KEE bħala konsegwenza tal-inklużjoni tas-sustanzi attivi fl-Anness I, l-Istati Membri għandhom jingħataw perjodu ta’ sitt xhur wara l-inklużjoni biex jirrevedu l-awtorizzazzjonijiet eżistenti ta’ prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom il-kubrit tal-ġir biex jaċċertaw li r-rekwiżiti stipulati fid-Direttiva 91/414/KEE, b’mod partikolari fl-Artikolu 13 tagħha u l-kondizzjonijiet rilevanti stipulati fl-Anness I, ikunu sodisfatti. L-Istati Membri għandhom jimmodifikaw, ibiddlu jew jirtiraw, skont kif ikun meħtieġ, l-awtorizzazzjonijiet eżistenti, skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/414/KEE. B’deroga mill-iskadenza msemmija hawn fuq, għandu jiġi pprovdut perjodu itwal għas-sottomissjoni u l-valutazzjoni tal-fajl sħiħ tal-Anness III ta’ kull prodott għall-ħarsien tal-pjanti għal kull użu maħsub skont il-prinċipji uniformi stabbiliti fid-Direttiva 91/414/KEE.

    (9)

    L-esperjenza miksuba minn inklużjonijiet preċedenti fl-Anness I mad-Direttiva 91/414/KEE ta’ sustanzi attivi vvalutati fil-qafas tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3600/92 tal-11 ta’ Diċembru 1992 li jistabbilixxi r-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tal-ewwel stadju tal-programm ta’ ħidma msemmi fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE li jittratta dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (7), uriet li jistgħu jinħolqu diffikultajiet fl-interpretazzjoni tal-obbligi ta’ dawk li għandhom taħt idejhom l-awtorizzazzjonijiet eżistenti b’rabta mal-aċċess għad-dejta. Għalhekk, sabiex jiġu evitati aktar diffikultajiet, jidher li huwa meħtieġ li l-obbligi tal-Istati Membri jiġu ċċarati, speċjalment l-obbligu li jkun verifikat li d-detentur ta’ awtorizzazzjoni juri li għandu aċċess għal fajl li jissodisfa r-rekwiżiti tal-Anness II ma’ dik id-Direttiva. Madankollu, din il-kjarifika ma timponi l-ebda obbligi ġodda fuq l-Istati Membri jew fuq id-detenturi tal-awtorizzazzjonijiet, meta mqabbla mad-direttivi li jemendaw l-Anness I li ġew adottati s’issa.

    (10)

    Għaldaqstant, huwa xieraq li d-Direttiva 91/414/KEE tiġi emendata skont dan.

    (11)

    Id-Deċiżjoni 2008/941/KE tistipula n-noninklużjoni tal-kubrit tal-ġir u l-irtirar tal-awtorizzazzjoni ta’ prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom din is-sustanza sal-31 ta’ Diċembru 2011. Jeħtieġ li titħassar il-linja dwar il-kubrit tal-ġir fl-Anness ma’ din id-Deċiżjoni.

    (12)

    Huwa għalhekk xieraq li d-Deċiżjoni 2008/941/KE tiġi emendata skont dan.

    (13)

    Il-miżuri stipulati f’din id-Direttiva huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

    ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

    Artikolu 1

    L-Anness I mad-Direttiva 91/414/KEE għandu jiġi emendat kif stipulat fl-Anness ma’ din id-Direttiva.

    Artikolu 2

    Il-linja dwar il-kubrit tal-ġir fl-Anness mad-Deċiżjoni 2008/941/KE għandha titħassar.

    Artikolu 3

    Sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Novembru 2011 l-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet, kif ukoll tabella ta’ korrelazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva lill-Kummissjoni.

    Huma għandhom japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet mill-1 ta’ Diċembru 2011.

    Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati b’din ir-referenza fil-ħin tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir din ir-referenza.

    Artikolu 4

    1.   B’mod konformi mad-Direttiva 91/414/KEE, l-Istati Membri għandhom, fejn meħtieġ, jemendaw jew jirtiraw awtorizzazzjonijiet eżistenti għall-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom il-kubrit tal-ġir bħala sustanza attiva sat-30 ta’ Novembru 2011.

    Sa dik id-data huma għandhom, b’mod partikolari, jivverifikaw li l-kondizzjonijiet fl-Anness I tad-Direttiva li tikkonċerna l-kubrit tal-ġir ikunu ntlaħqu, bl-eċċezzjoni ta’ dawk identifikati fil-parti B tal-annotazzjoni li tikkonċerna din is-sustanza attiva, u li d-detentur tal-awtorizzazzjoni jkollu f’idejh, jew li jkollu aċċess għall-fajl li jissodisfa l-kondizzjonijiet tal-Anness II ma’ din id-Direttiva skont il-kondizzjonijiet tal-Artikolu 13 ta’ din id-Direttiva.

    2.   B’deroga mill-paragrafu 1, għal kull prodott awtorizzat għall-ħarsien tal-pjanti li fih il-kubrit tal-ġir bħala l-unika sustanza attiva jew inkella bħala waħda minn bosta sustanzi attivi li lkoll kienu elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE sa mhux aktar tard mit-30 ta’ April 2011, l-Istati Membri għandhom jevalwaw mill-ġdid il-prodott skont il-prinċipji uniformi previsti fl-Anness VI tad-Direttiva 91/414/KEE, fuq il-bażi ta’ fajl li jissodisfa r-rekwiżiti tal-Anness III ta’ din id-Direttiva u billi titqies il-parti B tal-entrata fl-Anness I ta’ din id-Direttiva li tikkonċerna l-kubrit tal-ġir. Fuq il-bażi ta’ dik l-evalwazzjoni, huma għandhom jistabbilixxu jekk il-prodott jissodisfax il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1)(b), (c), (d) u (e) tad-Direttiva 91/414/KEE.

    Wara li ssir din id-determinazzjoni l-Istati Membri għandhom:

    (a)

    fil-każ ta’ prodott li jkun fih il-kubrit tal-ġir bħala l-unika sustanza attiva, fejn meħtieġ, jemendaw jew jirtiraw l-awtorizzazzjoni sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Mejju 2015; jew

    (b)

    fil-każ ta’ prodott li jkun fih il-kubrit tal-ġir bħala wieħed minn bosta sustanzi attivi, jemendaw jew jirtiraw l-awtorizzazzjoni, fejn meħtieġ, sal-31 ta’ Mejju 2015 jew sad-data ffissata għal din l-emenda jew dan l-iritrar fid-Direttiva jew id-Direttivi rispettivi li żiedu s-sustanza jew is-sustanzi rilevanti fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE, skont liema minnhom tkun l-aktar reċenti.

    Artikolu 5

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Ġunju 2011.

    Artikolu 6

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ April 2011.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1.

    (2)  ĠU L 168, 27.6.2002, p. 14.

    (3)  ĠU L 379, 24.12.2004, p. 13.

    (4)  ĠU L 335, 13.12.2008, p. 91.

    (5)  ĠU L 15, 18.1.2008, p. 5.

    (6)  L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel; Konklużjoni dwar ir-reviżjoni inter pares tal-valutazzjoni tar-riskju għall-pestiċidi tas-sustanza attiva kubrit tal-ġir. EFSA Journal 2010; 8(11):1890. [45pp].doi:10.2903/j.efsa.2010.1890. Disponibbli onlajn fuq: www.efsa.europa.eu.

    (7)  ĠU L 366, 15.12.1992, p. 10.


    ANNESS

    L-annotazzjoni li ġejja għandha tiżdied fl-aħħar tat-tabella fl-Anness I mad-Direttiva 91/414/KE.

    Nru

    Isem Komuni, Numri ta’ Identifikazzjoni

    Isem tal-IUPAC

    Purità (1)

    Dħul fis-seħħ

    Skadenza tal-inklużjoni

    Dispożizzjonijiet speċifiċi

    “349

    Kubrit tal-ġir

    Nru tal-CAS: 1344 - 81 - 6

    Nru CIPAC: 17

    Polisulfat tal-kalċju

    ≥ 290 g/kg

    L-1 ta’ Ġunju 2011

    Fil-31 ta’ Mejju 2021.

    PARTI A

    L-użi bħala fungiċida biss jistgħu jiġu awtorizzati.

    PARTI B

    Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi tal-Anness VI, għandhom jiġu kkunsidrati l-konklużjonijiet tar-rapport ta’ reviżjoni dwar il-kubrit tal-ġir, u b'mod partikolari l-Appendiċi I u II tiegħu, kif iffinalizzat mill-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali fil-11 ta’ Marzu 2011.

    F'din il-valutazzjoni ġenerali l-Istati Membri għandhom joqogħdu partikolarment attenti għal dan li ġej:

    is-sigurtà tal-operatur, u għandu jkun żgurat li l-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni jinkludu miżuri protettivi xierqa;

    għall-protezzjoni tal-organiżmi akwatiċi u artropodi li mhumiex fil-mira, u għandhom jiżguraw li l-kundizzjonijiet tal-użu jinkludu l-miżuri xierqa għal kontra r-riskji.”


    (1)  Aktar dettalji dwar l-identità u l-ispeċifikazzjoni tas-sustanza attiva jinsabu fir-rapport ta’ reviżjoni.


    Top