Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010R0568

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 568/2010 tad- 29 ta’ Ġunju 2010 li jemenda l-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 767/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-projbizzjoni mit-tqegħid fis-suq jew mill-użu għal skopijiet ta’ nutrizzjoni tal-annimali, ta’ prodotti tal-proteini miksuba minn ħmira tal-varjetà Candida kkultivata fuq n-alkani (Test b’relevanza għaż-ŻEE )

ĠU L 163, 30.6.2010, pp. 30–31 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/568/oj

30.6.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 163/30


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 568/2010

tad-29 ta’ Ġunju 2010

li jemenda l-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 767/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-projbizzjoni mit-tqegħid fis-suq jew mill-użu għal skopijiet ta’ nutrizzjoni tal-annimali, ta’ prodotti tal-proteini miksuba minn ħmira tal-varjetà Candida kkultivata fuq n-alkani

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 767/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ għalf, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 79/373/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 80/511/KEE, id-Direttivi tal-Kunsill 82/471/KEE, 83/228/KEE, 93/74/KEE, 93/113/KE u 96/25/KE u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/217/KE (1), u b’mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 767/2009 jistipula r-rekwiżiti ġenerali għas-sikurezza u t-tqegħid fis-suq tal-għalf. B’mod partikolari, fih lista ta’ materjali li t-tqegħid fis-suq jew l-użu tagħhom għal skopijiet ta’ nutrizzjoni tal-annimali huwa ristrett jew ipprojbit.

(2)

Id-Direttiva tal-Kunsill 82/471/KEE (2) u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 85/382/KEE tal-10 ta’ Lulju 1985 li ma tħallix l-użu f’materjal tal-għalf ta’ prodotti tal-proteini miksuba minn fungi Kandida ikkoltivati fuq l-n-alkani (3), jipprojbixxu t-tqegħid fis-suq u l-użu fl-għalf ta’ prodotti tal-proteini miksuba minn ħmira Candida kkultivata fuq n-alkani. Ir-raġuni għal din il-projbizzjoni hija li ċerti varjanti tal-ħmira tal-varjetà Candida kkultivati fuq n-alkani huma patoġeniċi u, f’xi ċirkostanzi, jistgħu jwasslu għal reazzjonijiet ta’ ipersensittività, u għalhekk jippreżentaw perikli potenzjali għas-saħħa tal-annimali u tal-bnedmin.

(3)

Billi la hemm żviluppi tekniċi ġodda u lanqas evidenza ġdida li tistabbilixxi li l-użu ta’ tali prodotti tal-proteini għal skopijiet ta’ nutrizzjoni tal-annimali huwa sikur, it-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ dawk il-prodotti għandu jkompli jiġi pprojbit u r-Regolament (KE) Nru 767/2009 għandu jistabbilixxi dik il-projbizzjoni.

(4)

Il-lista tal-materjali li t-tqegħid tagħhom fis-suq għal skopijiet ta’ nutrizzjoni tal-annimali huwa pprojbit, li qabel kienet prevista fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/217/KE (4), kellha tiġi inkluża fil-Kapitolu 1 tal-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 767/2009, sabiex jiġu ġġestiti r-riskji għas-sikurezza tal-għalf.

(5)

Il-punti 5 u 6 tal-Kapitolu 1 tal-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 767/2009 għandhom jiġu allinjati mad-Deċiżjoni 2004/217/KE.

(6)

Ir-Regolament (KE) Nru 767/2009 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

(7)

Fl-interess taċ-ċarezza, id-Deċiżjoni 85/382/KEE għandha tiġi mħassra.

(8)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina tal-Ikel u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-Kapitolu 1 tal-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 767/2009 huwa emendat kif ġej:

(1)

Il-punti 5 u 6 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“5.

Kull skart miksub mid-diversi fażijiet tat-trattament tal-ilma mormi urban, domestiku u industrijali, kif definit fl-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE tal-21 ta’ Mejju 1991 dwar it-trattament tal-ilma urban mormi (*1) irrispettivament minn jekk ikunx hemm ipproċessar ulterjuri ta’ dak l-iskart u irrispettivament mill-oriġini tal-ilma mormi (*2).

6.

Skart solidu urban (*3), bħall-iskart tad-djar.

(*1)   ĠU L 135, 30.5.1991, p. 40."

(*2)  Il-frażi ‘ilma mormi’ ma tirreferix għal ‘ilma għall-ipproċessar’, jiġifieri ilma minn kanen indipendenti integrat fl-ikel jew fl-industriji tal-għalf; fejn dawn il-kanen ikunu fornuti bl-ilma, ma jistax jintuża ilma għall-għalf tal-annimali ħlief jekk dan ikun tajjeb għas-saħħa u nadif kif speċifikat fl-Artikolu 4 tad-Direttiva tal-Kunsill 98/83/KE tat-3 ta’ Novembru 1998 dwar il-kwalità tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem (ĠU L 330, 5.12.1998, p. 32). Fil-każ tal-industriji tal-ħut, il-kanen ikkonċernati jistgħu jiġu fornuti wkoll b’ilma baħar nadif kif definit fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar l-iġjene tal-oġġetti tal-ikel (ĠU L 139, 30.4.2004, p. 1). L-ilma għall-ipproċessar ma jistax jintuża għan-nutrizzjoni tal-annimali ħlief jekk dan ikun fih għalf u materjal tal-ikel u jkun teknikament ħieles minn aġenti tat-tindif, diżinfettanti u sustanzi oħra mhux awtorizzati mil-leġiżlazzjoni dwar in-nutrizzjoni tal-annimali."

(*3)  Il-frażi ‘skart solidu urban’ ma tirreferix għal skart mill-ikel kif definit permezz tar-Regolament (KE) Nru 1774/2002”."

(2)

Għandu jiżdied il-punt 8 li ġej:

“8.

Il-prodotti tal-proteini miksuba minn ħmira tal-varjetà Candida kkultivata fuq n-alkani.”

Artikolu 2

Id-Deċiżjoni 85/382/KEE hija mħassra.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Settembru 2010.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Ġunju 2010.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)   ĠU L 229, 1.9.2009, p. 1.

(2)   ĠU L 213,21.7.1982, p. 8.

(3)   ĠU L 217, 14.8.1985, p. 27.

(4)   ĠU L 67, 5.3.2004, p. 31.


Top