This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32009R0460
Commission Regulation (EC) No 460/2009 of 4 June 2009 amending Regulation (EC) No 1126/2008 adopting certain international accounting standards in accordance with Regulation (EC) No 1606/2002 of the European Parliament and of the Council as regards International Financial Reporting Interpretations Committee’s (IFRIC) Interpretation 16 (Text with EEA relevance)
Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 460/2009 tal- 4 ta’ Ġunju 2009 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1126/2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-Interpretazzjoni 16 tal-Kumitat Internazzjonali għall-Interpretazzjonijiet dwar ir-Rapportaġġ Finanzjarju (IFRIC) (Test b’relevanza għaż-ŻEE)
Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 460/2009 tal- 4 ta’ Ġunju 2009 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1126/2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-Interpretazzjoni 16 tal-Kumitat Internazzjonali għall-Interpretazzjonijiet dwar ir-Rapportaġġ Finanzjarju (IFRIC) (Test b’relevanza għaż-ŻEE)
ĠU L 139, 5.6.2009, p. 6–14
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(HR)
No longer in force, Date of end of validity: 15/10/2023; Impliċitament imħassar minn 32023R1803
5.6.2009 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 139/6 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 460/2009
tal-4 ta’ Ġunju 2009
li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1126/2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-Interpretazzjoni 16 tal-Kumitat Internazzjonali għall-Interpretazzjonijiet dwar ir-Rapportaġġ Finanzjarju (IFRIC)
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Lulju 2002 dwar l-applikazzjoni ta’ standards internazzjonali tal-kontabilità (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 3(1) tiegħu,
Billi:
(1) |
Permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1126/2008 (2) ġew adottati ċerti standards internazzjonali u interpretazzjonijiet li kienu fis-seħħ fl-15 ta’ Ottubru 2008. |
(2) |
Fit-3 ta’ Lulju 2008, il-Kumitat Internazzjonali għall-Interpretazzjonijiet dwar ir-Rapportaġġ Finanzjarju (IFRIC) ippubblika l-Interpretazzjoni IFRIC 16 Hedges fuq Investiment Nett f'Operazzjoni Barranija, minn issa ‘l quddiem “IFRIC 16”. L-IFRIC 16 huwa interpretazzjoni li tipprovdi kjarifika dwar kif tapplika r-rekwiżiti tal-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità (IAS) 21 u l-IAS 39 fil-każijiet fejn entità tadotta kopertura għar-riskju tal-munita barranija li joriġina mill-investimenti netti tagħha f'operazzjonijiet barranin. |
(3) |
Il-konsultazzjoni mal-Grupp ta’ Esperti Tekniċi (TEG) tal-Grupp Konsultattiv Ewropew għall-Informazzjoni Finanzjarja (EFRAG) tikkonferma li l-IFRIC 16 jissodisfa l-kriterji tekniċi għall-adozzjoni kif stipulat fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1606/2002. F'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (KE) Nru 505/2006 tal-14 ta’ Lulju 2006 li tistabbilixxi Grupp ta’ Reviżjoni tal-Konsulenza dwar Normi [Grupp Konsultattiv dwar ir-Reviżjoni tal-Istandards] fil-qasam tal-kontabilità biex jagħti parir lill-Kummissjoni dwar l-oġġettività u n-newtalità tal-opinjonijiet tal-Grupp Konsultattiv Ewropew għall-Informazzjoni Finanzjarja [dwar ir-Rappurtar Finanzjarju] (EFRAG) (3), il-Grupp Konsultattiv dwar ir-Reviżjoni tal-Istandards qies l-opinjoni tal-EFRAG dwar l-adozzjoni u lill-Kummissjoni taha l-parir li din hija bbilanċata kif xieraq u oġġettiva. |
(4) |
Għalhekk ir-Regolament (KE) Nru 1126/2008 għandu jiġi emendat skont dan. |
(5) |
Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Regolatorju dwar il-Kontabilità, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1126/2008, tiddaħħal l-Interpretazzjoni 16 tal-Kumitat Internazzjonali għall-Interpretazzjonijiet dwar ir-Rapportaġġ Finanzjarju (IFRIC) Hedges fuq Investiment Nett f'Operazzjoni Barranija kif stabbilita fl-Anness għal dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Kull kumpanija għandha tapplika l-IFRIC 16, kif stipulat fl-Anness għal dan ir-Regolament, mhux aktar tard, mid-data tal-bidu tal-ewwel sena finanzjarja li tibda wara t-30 ta’ Ġunju 2009.
Artikolu 3
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussel, 4 ta’ Ġunju 2009.
Għall-Kummissjoni
Charlie McCREEVY
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 243, 11.9.2002, p. 1.
(2) ĠU L 320, 29.11.2008, p. 1.
(3) ĠU L 199, 21.7.2006, p. 33.
ANNESS
STANDARDS INTERNAZZJONALI TAL-KONTABILITÀ
IFRIC 16 |
Interpretazzjoni IFRIC 16 Hedges fuq Investiment Nett f'Operazzjoni Barranija |
Riproduzzjoni permessa fiż-Żona Ekonomika Ewropea. Id-drittijiet kollha eżistenti huma riżervati barra ż-ŻEE, bl-eċċezzjoni tad-dritt ta' kkupjar għall-użu personali jew għal skopijiet oħra ta' kummerċ ġust. Aktar tagħrif jista’ jinkiseb mill-IASB fuq l-internet www.iasb.org
INTERPRETAZZJONI 16 TAL-IFRIC
Hedges ta' Investiment Nett f'Operazzjoni Barranija
REFERENZI
— |
IAS 8 Politiki ta’ Kontabilità, Bidliet fl-Istimi ta’ Kontabilità u Żbalji |
— |
IAS 21 L-Effetti tat-Tibdil fir-Rati tal-Kambju |
— |
IAS 39 Strumenti Finanzjarji: Rikonoxximent u Kejl |
SFOND
1 |
Ħafna entitajiet li jagħtu rapporti għandhom investimenti f’operazzjonijiet barranin (kif iddefiniti fl-IAS 21 paragrafu 8). Dawn l-operazzjonijiet barranin jistgħu jkunu sussidjarji, kumpaniji assoċjati, impriżi konġunti jew fergħat. L-IAS 21 jeħtieġ li entità tiddetermina l-munita funzjonali ta’ kull waħda mill-operazzjonijiet barranin tagħha bħala l-munita tal-ambjent ekonomiku primarju ta’ dik l-operazzjoni. Meta jinqelbu r-riżultati u l-pożizzjoni finanzjarja ta’ operazzjoni barranija f’munita ta’ preżentazzjoni, l-entità hija meħtieġa tirrikonoxxi differenzi fil-kambju f’introjtu ieħor komplessiv sa meta tiddisponi mill-operazzjoni barranija. |
2 |
Il-kontabilità għall-hedging tar-riskju tal-munita barranija li jirriżulta minn investiment nett f’operazzjoni barranija tapplika biss meta l-assi netti ta’ dik l-operazzjoni barranija jkunu inklużi fir-rapporti finanzjarji. (1) L-oġġett li jiġi hedged fir-rigward tar-riskju tal-munita barranija li jirriżulta mill-investiment nett f’operazzjoni barranija jista’ jkun ammont ta’ assi netti daqs jew inqas mill-ammont miżmum fil-kotba tal-assi netti tal-operazzjoni barranija. |
3 |
L-IAS 39 jeħtieġ li, f’relazzjoni ta’ kontabilità għall-hedging, jiġu ddenominati oġġetti hedged eliġibbli u strumenti eliġibbli tal-hedging. Jekk ikun hemm relazzjoni ta’ hedging iddenominata, fil-każ ta’ hedge ta’ investiment nett, il-qligħ jew telf fuq l-istrument tal-hedging li jkun stabbilit li huwa hedge effettiv tal-investiment nett huwa rrikonoxxut f’introjtu ieħor komplessiv u inkluż mad-differenzi fil-kambju li jirriżultaw mill-qlib tar-riżultati u tal-pożizzjoni finanzjarja tal-operazzjoni barranija. |
4 |
Entità b’ħafna operazzjonijiet barranin tista’ tkun esposta għal numru ta’ riskji ta’ munita barranija. Din l-Interpretazzjoni tipprovdi gwida dwar kif għandhom jiġu identifikati r-riskji ta' munita barranija li jikkwalifikaw bħala risk hedged fil-hedge ta' investiment nett f'operazzjoni barranija. |
5 |
L-IAS 39 jippermetti li entità tiddenomina strument finanzjarju derivat jew wieħed mhux derivat (jew kombinament ta’ strumenti finanzjarji derivati u mhux derivati) bħala strumenti ta' hedging għar-riskju ta' munita barranija. Din l-Interpretazzjoni tipprovdi gwida dwar fejn, fi ħdan grupp, strumenti ta’ hedging li jkunu hedges ta’ investiment nett f’operazzjoni barranija jistgħu jinżammu biex jikkwalifikaw għall-kontabilità għall-hedging. |
6 |
L-IAS 21 u l-IAS 39 jeħtieġu li l-ammonti kumulattivi rikonoxxuti f’introjtu ieħor komplessiv relatati kemm mad-differenzi fil-kambju li jirriżultaw mill-qlib tar-riżultati u tal-pożizzjoni finanzjarja tal-operazzjoni barranija kif ukoll mal-qligħ jew telf fuq l-istrument tal-hedging li jkun stabbilit bħala hedge effettiv tal-investiment nett jiġu kklassifikati mill-ġdid minn ekwità għal profitt jew telf bħala aġġustament ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid meta l-entità prinċipali tiddisponi mill-operazzjoni barranija. Din l-Interpretazzjoni tipprovdi gwida dwar kif entità għandha tiddetermina l-ammonti li għandhom jiġu kklassifikati mill-ġdid minn ekwità għal profitt jew telf kemm għall-istrument tal-hedging kif ukoll għall-oġġett hedged. |
AMBITU
7 |
Din l-Interpretazzjoni tapplika għal entità li tagħmel hedging tar-riskju ta’ munita barranija li jirriżulta mill-investimenti netti tagħha f’operazzjonijiet barranin u li tkun tixtieq tikkwalifika għall-kontabilità għall-hedging skont l-IAS 39. Għal finijiet ta’ konvenjenza din l-Interpretazzjoni tirreferi għal tali entità bħala entità prinċipali u għar-rapporti finanzjarji li fihom ikunu inklużi l-assi netti ta' operazzjonijiet barranin bħala rapporti finanzjarji konsolidati. Kull referenza għal entità prinċipali tapplika wkoll għal entità li jkollha investiment nett f’operazzjoni barranija li tkun impriża konġunta, kumpannija assoċjata jew fergħa. |
8 |
Din l-Interpretazzjoni tapplika biss għal hedges ta’ investimenti netti f’operazzjonijiet barranin; m'għandhiex tiġi applikata b’analoġija għal tipi oħra ta’ kontabilità għall-hedging. |
KWISTJONIJIET
9 |
Investimenti f’operazzjonijiet barranin jistgħu jinżammu direttament minn entità prinċipali jew indirettament mis-sussidjarja jew sussidjarji tagħha. Il-kwistjonijiet indirizzati f'din l-Interpretazzjoni huma:
|
KUNSENS
In-natura tar-riskju li jkun hedged u l-ammont tal-oġġett li jkun hedged li għalihom tista’ tiġi ddenominata relazzjoni ta’ hedging
10 |
Il-kontabilità għall-hedging tista’ tiġi applikata biss għad-differenzi fil-kambju li jirriżultaw bejn il-munita funzjonali tal-operazzjoni barranija u l-munita funzjonali tal-entità prinċipali. |
11 |
F’hedge tar-riskji ta’ munita barranija li jirriżultaw minn investiment nett f’operazzjoni barranija, l-oġġett hedged jista’ jkun ammont ta’ assi netti daqs jew inqas mill-ammont miżmum fil-kotba tal-assi netti tal-operazzjoni barranija fir-rapporti finanzjarji konsolidati tal-entità prinċipali. L-ammont miżmum fil-kotba tal-assi netti ta’ operazzjoni barranija li jista’ jiġi ddanominat bħala l-oġġett hedged fir-rapporti finanzjarji konsolidati ta’ entità prinċipali jiddependi fuq jekk xi entità prinċipali ta’ livell iktar baxx tal-operazzjoni barranija applikatx kontabilità għall-hedging għall-assi netti kollha jew parti minnhom ta’ dik l-operazzjoni barranija u dik il-kontabilità baqgħetx tinżamm fir-rapporti finanzjarji konsolidati tal-entità prinċipali. |
12 |
Ir-riskju hedged jista’ jiġi ddenominat bħala l-esponiment għall-munita barranija li tirriżulta bejn il-munita funzjonali tal-operazzjoni barranija u l-munita funzjonali ta’ kwalunkwe entità prinċipali (l-entità prinċipali immedjata, intermedja jew finali) ta' dik l-operazzjoni barranija. Il-fatt li l-investiment nett jinżamm permezz ta’ entità prinċipali intermedja ma jaffettwax in-natura tar-riskju ekonomiku li jirriżulta mill-esponiment għall-munita barranija għall-entità prinċipali finali. |
13 |
Esponiment għal riskju ta’ munita barranija li jirriżulta minn investiment nett f’operazzjoni barranija jista’ jikkwalifika għall-kontabilità għall-hedging darba biss fir-rapporti finanzjarji konsolidati. Għalhekk, jekk l-istess assi netti ta' operazzjoni barranija jiġu hedged minn aktar minn entità prinċipali waħda fi ħdan il-grupp (pereżempju, kemm entità prinċipali diretta kif ukoll waħda indiretta) għall-istess riskju, relazzjoni ta’ hedging waħda biss tikkwalifika għall-kontabilità tal-hedging fir-rapporti finanzjarji konsolidati tal-entità prinċipali finali. Relazzjoni ta’ hedging iddenominata minn entità prinċipali waħda fir-rapporti finanzjarji konsolidati tagħha m’għandhiex għalfejn tinżamm minn entità prinċipali oħra ta’ livell ogħla. Madankollu, jekk ma tinżammx mill-entità prinċipali ta’ livell ogħla, il-kontabilità għall-hedging applikata mill-entità prinċipali ta' livell aktar baxx trid titreġġa' lura qabel ma tiġi rrikonoxxuta l-kontabilità għall-hedging tal-entità prinċipali ta' livell ogħla. |
Fejn jista’ jinżamm l-istrument tal-hedging
14 |
Sew strument derivat kif ukoll wieħed mhux derivat (jew kombinament ta’ strumenti derivati u mhux derivati) jista’ jiġi ddenominat bħala strument ta’ hedging f’hedge ta’ investiment nett f’operazzjoni barranija. L-istrument(i) tal-hedging jista’(jistgħu) jinżamm(u) minn entità jew entitajiet fi ħdan il-grupp (ħlief mill-operazzjoni barranija stess li tkun qed tiġi hedged), kemm-il darba jkunu sodisfatti r-rekwiżiti tad-denomina, dokumentazzjoni u effettività tal-IAS 39 paragrafu 88 li jirrigwardaw hedge ta’ investiment nett. B’mod partikolari, l-istrateġija ta’ hedging tal-grupp għandha tiġi ddokumentata b’mod ċar minħabba l-possibbiltà ta’ denomini differenti f’livelli differenti tal-grupp. |
15 |
Għall-iskop tal-evalwazzjoni tal-effettività, il-bidla fil-valur tal-istrument tal-hedging fir-rigward tar-riskju tal-kambju tiġi kkomputata b’referenza għall-munita funzjonali tal-entità prinċipali li kontra l-munita funzjonali tagħha jiġi mkejjel ir-riskju hedged, skont id-dokumentazzjoni tal-kontabilità għall-hedging. Skont fejn jinżamm l-istrument tal-hedging, fin-nuqqas ta’ kontabilità għall-hedging il-bidla totali fil-valur tista’ tiġi rikonoxxuta fi profitt jew telf, f’introjtu ieħor komplessiv, jew fit-tnejn. Madankollu, l-evalwazzjoni tal-effettività m’hijiex affettwata minn jekk il-bidla fil-valur tal-istrument tal-hedging hijiex rikonoxxuta fi profitt jew telf jew f’introjtu ieħor komplessiv. Bħala parti mill-applikazzjoni tal-kontabilità għall-hedging, il-porzjon totali effettiv tal-bidla huwa inkluż f’introjtu ieħor komplessiv. L-evalwazzjoni tal-effettività m’hijiex affettwata minn jekk l-istrument tal-hedging huwiex strument derivat jew mhux derivat jew mill-metodu ta’ konsolidament. |
Disponiment ta’ operazzjoni barranija hedged
16 |
Meta jsir disponiment minn operazzjoni barranija li kienet hedged, l-ammont ikklassifikat mill-ġdid bħala profitt jew telf bħala aġġustament ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid mir-riżerva tal-qlib tal-munita barranija fir-rapporti finanzjarji konsolidati tal-entità prinċipali fir-rigward tal-istrument tal-hedging huwa l-ammont li għandu jiġi identifikat skont il-paragrafu 102 tal-IAS 39. Dak l-ammont huwa l-qligħ jew telf kumulattiv fuq l-istrument tal-hedging li kien stabbilit li hu hedge effettiv. |
17 |
L-ammont ikklassifikat mill-ġdid bħala profitt jew telf mir-riżerva tal-qlib tal-munita barranija fir-rapporti finanzjarji konsolidati ta’ entità prinċipali fir-rigward tal-investiment nett f’dik l-operazzjoni barranija skont il-paragrafu 48 tal-IAS 21 huwa l-ammont inkluż fir-riżerva tal-qlib tal-munita barranija ta' dik l-entità prinċipali fir-rigward ta' dik l-operazzjoni barranija. Fir-rapporti finanzjarji konsolidati tal-entità prinċipali finali, l-ammont nett aggregat rikonoxxut fir-riżerva tal-qlib tal-munita barranija fir-rigward tal-operazzjonijiet barranin kollha m’huwiex affettwat mill-metodu ta' konsolidament. Madankollu, jekk l-entità prinċipali finali tużax il-metodu ta’ konsolidament dirett jew dak ta’ pass wara pass (2) jista’ jaffettwa l-ammont inkluż fir-riżerva tagħha tal-qlib tal-munita barranija fir-rigward ta’ operazzjoni barranija individwali. L-użu tal-metodu ta’ konsolidament ta’ pass wara pass jista’ jirriżulta fil-klassifikazzjoni mill-ġdid għal profitt jew telf ta’ ammont li jkun differenti minn dak użat biex tiġi ddeterminata l-effettività tal-hedge. Din id-differenza tista’ tiġi eliminata billi jiġi ddeterminat l-ammont relatat ma’ dik l-operazzjoni barranija li kien jirriżulta kieku ntuża l-metodu dirett ta’ konsolidament. L-IAS 21 ma jeħtiġx li jsir dan l-aġġustament. Madankollu, din hija għażla tal-politika tal-kontabilità li għandha tiġi segwita b’mod konsistenti għall-investimenti netti kollha. |
DATA EFFETTIVA
18 |
Entità għandha tapplika din l-Interpretazzjoni għall-perijodi annwali li jibdew fl-1 ta' Ottubru 2008 jew wara. Applikazzjoni iktar bikrija hi permessa. Jekk entità tapplika l-Interpretazzjoni għal perijodu li jibda qabel l-1 ta' Ottubru 2008, għandha tiżvela dak il-fatt. |
TRANŻIZZJONI
19 |
L-IAS 8 jispeċifika kif entità tapplika bidla fil-politika tal-kontabilità li tirriżulta mill-applikazzjoni għall-ewwel darba ta' Interpretazzjoni. Entità m’hijiex meħtieġa li tikkonforma ma’ dawk ir-rekwiżiti meta tapplika l-Interpretazzjoni għall-ewwel darba. Jekk entità tkun iddenominat strument ta’ hedging bħala hedge ta’ investiment nett iżda l-hedge ma jissodisfax il-kundizzjonijiet għall-kontabilità għall-hedging f’din l-Interpretazzjoni, l-entità għandha tapplika l-IAS 39 biex ma tkomplix dik il-kontabilità għall-hedging prospettivament. |
(1) Dan ikun il-każ għar-rapporti finanzjarji konsolidati, rapporti finanzjarji li fihom l-investimenti jiġu kontabilizzati permezz tal-metodu tal-ekwità, rapporti finanzjarji fejn l-interessi tal-intraprendituri f’negozji bi sħab huma konsolidati b’mod proporzjonat (soġġett għal bidla kif propost f’ED 9 Arranġamenti Konġunti ppubblikat mill-Bord tal-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità f’Settembru 2007) u rapporti finanzjarji li jinkludu fergħa.
(2) Il-metodu dirett huwa l-metodu ta’ konsolidament fejn ir-rapporti finanzjarji tal-operazzjoni barranija jinqelbu direttament fil-munita funzjonali tal-entità prinċipali finali. Il-metodu ta’ pass wara pass huwa l-metodu ta’ konsolidament fejn ir-rapporti finanzjarji tal-operazzjoni barranija l-ewwel jinqelbu fil-munita funzjonali ta’ xi entità(jiet) prinċipali intermedja(i) u mbagħad jinqelbu fil-munita funzjonali tal-entità prinċipali finali (jew fil-munita ta’ preżentazzjoni jekk tkun differenti).
Appendiċi
Gwida għall-applikazzjoni
Din l-appendiċi hi parti integrali mill-Interpretazzjoni.
AG1 Din l-appendiċi turi l-applikazzjoni tal-Interpretazzjoni permezz tal-istruttura korporattiva murija hawn isfel. Fil-każijiet kollha r-relazzjonijiet ta’ hedging deskritti jiġu ttestjati għall-effettività skont l-IAS 39, għalkemm dan l-ittestjar m'huwiex diskuss f'din l-appendiċi. Entità Prinċipali, li tkun l-entità prinċipali finali, tippreżenta r-rapporti finanzjarji konsolidati tagħha fil-munita funzjonali tagħha li hija l-euro (EUR). Kull waħda mis-sussidjarji hija pposseduta totalment. L-investiment nett ta' £500 miljun tal-Entità Prinċipali fis-Sussidjarja B (fejn il-munita funzjonali hija l-lira sterlina (GBP)) jinkludi l-ekwivalenti ta’ £159 miljun tal-investiment nett ta’ US$300 miljun tas-Sussidjarja B fis-Sussidjarja C (fejn il-munita funzjonali hija d-dollaru Amerikan (USD)). Fi kliem ieħor, l-assi netti tas-Sussidjarja B apparti l-investiment tagħha fis-Sussidjarja C huma ta’ £341 miljun.
In-natura ta’ riskju hedged li għalih tista’ tiġi ddenominata relazzjoni ta’ hedging (paragrafi 10-13)
AG2 L-Entità Prinċipali tista' tagħmel hedging tal-investiment nett tagħha f'kull waħda mis-Sussidjarji A, B u C għar-riskju tal-kambju bejn il-muniti funzjonali rispettivi tagħhom (yen Ġappuniż (JPY), lira sterlina u dollaru Amerikan) u l-euro. Barra minn hekk, l-Entità Prinċipali tista’ tagħmel hedging tar-riskju tal-kambju USD/GBP bejn il-muniti funzjonali tas-Sussidjarja B u s-Sussidjarja C. Fir-rapporti finanzjarji konsolidati tagħha, is-Sussidjarja B tista’ tagħmel hedging tal-investiment nett tagħha fis-Sussidjarja C għar-riskju tal-kambju bejn il-muniti funzjonali tagħhom ta’ dollaru Amerikan u lira sterlina. Fl-eżempji li ġejjin, ir-riskju denominat huwa r-riskju tal-kambju spot peress li l-istrumenti tal-hedging mhumiex derivati. Kieku l-istrumenti tal-hedging kienu kuntratti bil-quddiem, l-Entità Prinċipali kienet tkun tista’ tiddenomina r-riskju tal-kambju bil-quddiem.
L-ammont ta’ oġġett hedged li għalih tista’ tiġi ddenominata relazzjoni ta’ hedging (paragrafi 10-13)
AG3 L-Entità Prinċipali tixtieq tagħmel hedging tar-riskju tal-kambju mill-investiment nett tagħha fis-Sussidjarja C. Assumi li s-Sussidjarja A għandha self estern ta’ US$300 miljun. L-assi netti tas-Sussidjarja A fil-bidu tal-perijodu tar-rapportaġġ huma ta’ ¥400,000 miljun inkluż ir-rikavat mis-self estern ta’ US$300 miljun.
AG4 L-oġġett hedged jista’ jkun ammont ta’ assi netti daqs jew inqas mill-ammont miżmum fil-kotba tal-investiment nett tal-Entità Prinċipali fis-Sussidjarja C (US$300 miljun) fir-rapporti finanzjarji konsolidati tagħha. Fir-rapporti finanzjarji konsolidati tagħha, l-Entità Prinċipali tista’ tiddenomina s-self estern ta’ US$300 miljun bħala hedge tar-riskju tal-kambju spot EUR/USD assoċjat mal-investiment nett tagħha fl-assi netti ta’ US$300 miljun tas-Sussidjarja C. F’dan il-każ, kemm id-differenza fil-kambju EUR/USD fuq is-self estern ta’ US$300 miljun fis-Sussidjarja A kif ukoll id-differenza fil-kambju EUR/USD fuq l-investiment nett ta’ US$300 miljun fis-Sussidjarja C huma inklużi fir-riżerva tal-qlib tal-munita barranija fir-rapporti finanzjarji konsolidati tal-Entità Prinċipali wara l-applikazzjoni tal-kontabilità għall-hedging.
AG5 Fin-nuqqas ta’ kontabilità għall-hedging, id-differenza totali tal-kambju USD/EUR fuq is-self estern ta’ US$300 miljun fis-Sussidjarja A jiġi rikonoxxut fir-rapporti finanzjarji konsolidati tal-Entità Priniċipali skont kif ġej:
— |
il-bidla fir-rata tal-kambju spot USD/JPY, meqluba għal euro, fi profitt jew telf, u |
— |
il-bidla fir-rata tal-kambju spot JPY/EUR f’introjtu ieħor komplessiv. |
Minflok id-denomina fil-paragrafu AG4, fir-rapporti finanzjarji konsolidati tagħha l-Entità Prinċipali tista’ tiddenomina s-self estern ta’ US$300 miljun fis-Sussidjarja A bħala hedge tar-riskju tal-kambju spot GBP/USD bejn is-Sussidjarja C u s-Sussidjarja B. F’dan il-każ, id-differenza totali fil-kambju USD/EUR fuq is-self estern ta’ US$300 miljun fis-Sussidjarja A minflok tiġi rikonoxxuta fir-rapporti finanzjarji konsolidati tal-Entità Prinċipali skont kif ġej:
— |
il-bidla fir-rata tal-kambju spot GBP/USD fir-riżerva tal-qlib tal-munita barranija relatata mas-Sussidjarja C, |
— |
il-bidla fir-rata tal-kambju spot GBP/JPY, meqluba għal euro, fi profitt jew telf, u |
— |
il-bidla fir-rata tal-kambju spot JPY/EUR f’introjtu ieħor komplessiv. |
AG6 L-Entità Prinċipali ma tistax tiddenomina s-self estern ta’ US$300 miljun fis-Sussidjarja A bħala hedge kemm tar-riskju tal-kambju spot EUR/USD u tar-riskju tal-kambju spot GBP/USD fir-rapporti finanzjarji konsolidati tagħha. Strument ta’ hedging wieħed jista’ jintuża darba biss għall-hedging tal-istess riskju denominat. Is-Sussidjarja B ma tistax tapplika l-kontabilità għall-hedging fir-rapporti finanzjarji konsolidati tagħha minħabba li l-istrument tal-hedging huwa miżmum barra l-grupp li jinkludi s-Sussidjarja B u s-Sussidjarja C.
Fejn, fi grupp, jista' jinżamm l-istrument tal-hedging (paragrafi 14 u 15)?
AG7 Kif ġie nnutat fil-paragrafu AG5, il-bidla totali fil-valur fir-rigward tar-riskju tal-kambju tas-self estern ta’ US$300 miljun fis-Sussidjarja A tiġi rreġistrata kemm fil-profitt jew telf (riskju spot USD/JPY) kif ukoll f’introjtu ieħor komplessiv (riskju spot EUR/JPY) fir-rapporti finanzjarji konsolidati tal-Entità Prinċipali fin-nuqqas ta’ kontabilità għall-hedging. Iż-żewġ ammonti huma inklużi għall-finijiet tal-istima tal-effettività tal-hedge denominata fil-paragrafu AG4 minħabba li l-bidla fil-valur kemm tal-istrument tal-hedging kif ukoll tal-oġġett hedged huma kkomputati b’referenza għall-munita funzjonali euro tal-Entità Prinċipali kontra l-munita funzjonali dollaru Amerikan tas-Sussidjarja C, skont id-dokumentazzjoni tal-hedge. Il-metodu ta’ konsolidament (jiġifieri l-metodu dirett jew il-metodu pass wara pass) ma jaffettwax l-istima tal-effettività tal-hedge.
Ammonti kklassifikati mill-ġdid bħala profitt jew telf mad-disponiment ta' operazzjoni barranija (paragrafi 16 u 17)
AG8 Meta jsir disponiment mis-Sussidjarja C, l-ammonti kklassifikati mill-ġdid bħala profitt jew telf fir-rapporti finanzjarji konsolidati tal-Entità Prinċipali mir-riżerva tal-qlib tal-munita barranija (FCTR) huma :
(a) |
fir-rigward tas-self estern ta’ US$300 miljun tas-Sussidjarja A, l-ammont li l-IAS 39 jeħtieġ li jiġi identifikat, jiġifieri l-bidla totali fil-valur fir-rigward tar-riskju tal-kambju li kien rikonoxxut f’introjtu ieħor komplessiv bħala l-porzjon effettiv tal-hedge; u |
(b) |
fir-rigward tal-investiment nett ta’ US$300 miljun fis-Sussidjarja C, l-ammont stabbilit mill-metodu ta’ konsolidament tal-entità. Jekk l-Entità Prinċipali tuża l-metodu dirett, l-FCTR tagħha fir-rigward tas-Sussidjarja C tiġi stabbilita direttament mir-rata ta’ kambju EUR/USD. Jekk l-Entità Prinċipali tuża l-metodu ta’ pass wara pass, l-FCTR tagħha fir-rigward tas-Sussidjarja C tiġi stabbilita skont l-FCTR rikonoxxuta mis-Sussidjarja B li tirrifletti r-rata tal-kambju GBP/USD, meqluba għall-munita funzjonali tal-Entità Prinċipali bl-użu tar-rata tal-kambju EUR/GBP. L-użu mill-Entità Prinċipali tal-metodu ta’ konsolidament ta’ pass wara pass f’perijodi preċedenti la jeħtieġ u lanqas iżommha milli tistabbilixxi li l-ammont ta’ FCTR li għandu jiġi kklassifikat mill-ġdid meta hija tiddisponi mis-Sussidjarja C ikun l-ammont li hija kienet tirrikonoxxi kieku hija dejjem użat il-metodu dirett, skont il-politika tal-kontabilità tagħha. |
Hedging ta’ aktar minn operazzjoni barranija waħda (paragrafi 11, 13 u 15)
AG9 L-eżempji li ġejjin juru li fir-rapporti finanzjarji konsolidati ta’ Entità Prinċipali, ir-riskju li jista’ jiġi hedged huwa dejjem ir-riskju bejn il-munita funzjonali tagħha (euro) u l-muniti funzjonali tas-Sussidjarji B u C. Irrispettivament minn kif ikunu ddenominati l-hedges, l-ammonti massimi li jistgħu jkunu hedges effettivi biex jiġu inklużi fir-riżerva tal-qlib tal-munita barranija fir-rapporti finanzjarji konsolidati tal-Entità Prinċipali meta ż-żewġ operazzjonijiet barranin ġew hedged huma ta’ US$300 miljun għar-riskju EUR/USD u £341 miljun għar-riskju EUR/GBP. Bidliet oħrajn fil-valur dovuti għall-bidliet fir-rati tal-kambju huma inklużi fil-profitt jew telf konsolidat tal-Entità Prinċipali. Naturalment, huwa possibbli li l-Entità Prinċipali tiddenomina US$300 miljun biss għal bidliet fir-rata ta’ kambju spot USD/GBP biss jew £500 miljun biss għal bidliet fir-rata ta’ kambju spot GBP/EUR.
L-Entità Prinċipali jkollha strumenti ta' hedging kemm USD kif ukoll GBP
AG10 L-Entità Prinċipali tista’ tkun tixtieq tagħmel hedging tar-riskju tal-kambju f’relazzjoni mal-investiment nett tagħha fis-Sussidjarja B kif ukoll ta’ dak fir-rigward tas-Sussidjarja C. Nassumu li l-Entità Prinċipali għandha strumenti ta’ hedging iddenominati f’dollaru Amerikan u lira Sterlina li hija tiddenomina bħala hedges tal-investimenti netti tagħha fis-Sussidjarja B u s-Sussidjarja C. Id-denominazzjonijiet li l-Entità Prinċipali tista’ tagħmel fir-rapporti finanzjarji konsolidati tagħha jinkludu, iżda m’humiex limitati għal, dawn li ġejjin:
(a) |
Strument ta’ hedging ta’ US$300 miljun iddenominat bħala hedge tal-investiment nett ta' US$300 miljun fis-Sussidjarja C fejn ir-riskju jkun l-esponiment għall-kambju spot (EUR/USD) bejn l-Entità Prinċipali u s-Sussidjarja C u strument ta’ hedging sa £341 miljun iddenominat bħala hedge ta’ £341 tal-investiment nett fis-Sussidjarja B fejn ir-riskju jkun l-esponiment għall-kambju spot (EUR/GBP) bejn l-Entità Prinċipali u s-Sussidjarja B. |
(b) |
Strument ta’ hedging ta’ US$300 miljun iddenominat bħala hedge tal-investiment nett ta' US$300 miljun fis-Sussidjarja C fejn ir-riskju jkun l-esponiment għall-kambju spot (GBP/USD) bejn is-Sussidjarja B u s-Sussidjarja C u strument ta’ hedging sa £500 miljun iddenominat bħala hedge ta’ £500 tal-investiment nett fis-Sussidjarja B fejn ir-riskju jkun l-esponiment għall-kambju spot (EUR/GBP) bejn l-Entità Prinċipali u s-Sussidjarja B. |
AG11 Ir-riskju EUR/USD mill-investiment nett tal-Entità Prinċipali fis-Sussidjarja C huwa riskju differenti mir-riskju EUR/GBP mill-investiment nett tal-Entità Prinċipali fis-Sussidjarja B. Madankollu, fil-każ deskritt fil-paragrafu AG10(a), permezz tad-denomina tagħha tal-istrument ta’ hedging USD li għandha, l-Entità Prinċipali diġà għamlet hedging sħiħ tar-riskju EUR/USD mill-investiment nett tagħha fis-Sussidjarja C. Kieku l-Entità Prinċipali ddenominat ukoll strument GBP li hija żżomm bħala hedge tal-investiment nett tagħha ta’ £500 miljun fis-Sussidjarja B, £159 miljun ta’ dak l-investiment, li jirrappreżenta l-ekwivalenti f’GBP tal-investiment nett tagħha USD fis-Sussidjarja C, kien jiġi hedged darbtejn għar-riskju GBP/EUR fir-rapporti finanzjarji konsolidati tal-Entità Prinċipali.
AG12 Fil-każ deskritt fil-paragrafu AG10(b), jekk l-Entità Prinċipali tiddenomina r-riskju hedged bħala l-esponiment tal-kambju spot (GBP/USD) bejn is-Sussidjarja B u s-Sussidjarja C, il-parti GBP/USD biss tal-bidla fil-valur tal-istrument ta’ hedging tagħha ta’ US$300 miljun huwa inkluż fir-riżerva tal-qlib tal-munita barranija tal-Entità Prinċipali relatata mas-Sussidjarja C. Il-bqija tal-bidla (ekwivalenti għal bidla GBP/EUR fuq £159 miljun) hija inkluża fil-profitt jew telf konsolidat tal-Entità Prinċipali, bħal fil-paragrafu AG5. Minħabba li d-denomina tar-riskju USD/GBP bejn is-Sussidjarji B u C ma tinkludix ir-riskju GBP/EUR, l-Entità Prinċipali tista’ tiddenomina wkoll sa £500 miljun tal-investiment nett tagħha fis-Sussidjarja B bir-riskju jkun l-esponiment għall-kambju spot (GBP/EUR) bejn l-Entità Prinċipali u s-Sussidjarja B.
Is-Sussidjarja B jkollha l-istrument ta’ hedging USD
AG13 Assumi li s-Sussidjarja B għandha US$300 miljun ta’ dejn estern li r-rikavat tiegħu ġie ttrasferit lill-Entità Prinċipali permezz ta’ self bejn il-kumpanniji ddenominat f’lira sterlina. Peress li kemm l-assi kif ukoll l-obbligazzjonijiet tagħha żdiedu b’£159 miljun, l-assi netti tas-Sussidjarja B jibqgħu l-istess. Is-Sussidjarja B tista’ tiddenomina d-dejn estern bħala hedge tar-riskju GBP/USD tal-investiment nett tagħha fis-Sussidjarja C fir-rapporti finanzjarji konsolidati tagħha. L-Entità Prinċipali tista’ żżomm id-denomina tas-Sussidjarja B ta’ dak l-istrument ta’ hedging bħala hedge tal-investiment nett tagħha ta’ US$300 fis-Sussidjarja C għar-riskju GBP/USD (ara l-paragrafu 13) u l-Entità Prinċipali tista’ tiddenomina l-istrument ta’ hedging GBP li hija żżomm bħala hedge għall-investiment nett sħiħ tagħha ta’ £500 miljun fis-Sussidjarja B. L-ewwel hedge, iddenominat mis-Sussidjarja B, jiġi evalwat b’referenza għall-munita funzjonali tas-Sussidjarja B (lira sterlina) u t-tieni hedge, iddenominat mill-Entità Prinċipali, jiġi evalwat b’referenza għall-munita funzjonali tal-Entità Prinċipali (euro). F’dan il-każ, huwa biss ir-riskju GBP/USD mill-investiment nett tal-Entità Prinċipali fis-Sussidjarja C li ġie hedged fir-rapporti finanzjarji konsolidati tal-Entità Prinċipali mill-istrument ta' hedging USD, u mhux ir-riskju EUR/USD kollu. Għalhekk, ir-riskju sħiħ EUR/GBP mill-investiment nett ta’ £500 miljun tal-Entità Prinċipali fis-Sussidjarja B jista’ jiġi hedged fir-rapporti finanzjarji konsolidati tal-Entità Prinċipali.
AG14 Madankollu, il-kontabilità għas-self ta’ £159 miljun tal-Entità Prinċipali pagabbli lis-Sussidjarja B għandha tiġi kkunsidrata wkoll. Jekk is-self pagabbli tal-Entità Prinċipali ma jitqiesx bħala parti mill-investiment nett tagħha fis-Sussidjarja B għaliex ma jissodisfax il-kundizzjonijiet fil-paragrafu 15 tal-IAS 21, id-differenza fil-kambju GBP/EUR li tirriżulta mill-qlib tiegħu tiġi inkluża fil-profitt jew telf konsolidat tal-Entità Prinċipali. Jekk is-self ta’ £159 miljun pagabbli lis-Sussidjarja B jiġi kkunsidrat bħala parti mill-investiment nett tal-Entità Prinċipali, dak l-investiment nett ikun biss ta' £341 miljun u għalhekk l-ammont li l-Entità Prinċipali tista’ tiddenomina bħala l-oġġett hedged għar-riskju GBP/EUR jitnaqqas minn £500 miljun għal £341 miljun.
AG15 Jekk l-Entità Prinċipali tkun reġġgħet lura r-relazzjoni ta' hedging iddenominata mis-Sussidjarja B, l-Entità Prinċipali tkun tista’ tiddenomina s-self estern ta’ US$300 miljun miżmum mis-Sussidjarja B bħala hedge tal-investiment nett tagħha ta’ US$300 miljun fis-Sussidjarja C għar-riskju EUR/USD u tiddenomina l-istrument ta’ hedging GBP li hi stess iżżomm bħala hedge ta’ mhux aktar minn £341 miljun tal-investiment nett fis-Sussidjarja B. F’dan il-każ l-effettività taż-żewġ hedges tiġi kkomputata b’referenza għall-munita funzjonali tal-Entità Prinċipali (euro). Għaldaqstant, kemm il-bidla USD/GBP fil-valur tas-self estern miżmum mis-Sussidjarja B kif ukoll il-bidla GBP/EUR fil-valur tas-self tal-Entità Prinċipali pagabbli lis-Sussidjarja B (ekwivalenti għal USD/EUR bħala total) jiġu inklużi fir-riżerva tal-qlib tal-munita barranija fir-rapporti finanzjarji konsolidati tal-Entità Prinċipali. Peress li l-Entità Prinċipali tkun diġà għamlet hedging sħiħ tar-riskju EUR/USD mill-investiment nett tagħha fis-Sussidjarja C, hija tista’ tagħmel hedging biss ta’ mhux aktar minn £341 miljun għar-riskju EUR/GBP tal-investiment nett tagħha fis-Sussidjarja B.