Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009R0069

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 69/2009 tat- 23 ta' Jannar 2009 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1126/2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-emendi għall-Istandard Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju (IFRS) 1 u l-Istandard Internazzjonali tal-Kontabilità (IAS) 27 (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

ĠU L 21, 24.1.2009, pp. 10–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 15/10/2023; Impliċitament imħassar minn 32023R1803

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/69/oj

24.1.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 21/10


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 69/2009

tat-23 ta' Jannar 2009

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1126/2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-emendi għall-Istandard Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju (IFRS) 1 u l-Istandard Internazzjonali tal-Kontabilità (IAS) 27

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Lulju 2002 dwar l-applikazzjoni ta' standards internazzjonali tal-kontabilità (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 3(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1126/2008 (2) ġew adottati ċerti standards internazzjonali u interpretazzjonijiet li kienu fis-seħħ fil-15 ta' Ottubru 2008.

(2)

F'Mejju 2008, il-Bord tal-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità (IASB) ippubblika l-emendi għall-IFRS 1 Adozzjoni għall-ewwel darba ta’ Standards Internazzjonali ta’ Rappurtar Finanzjarju u l-IAS 27 Rapporti Finanzjarji Konsolidati u Separati“Kost ta' Investment f'Sussidjarja, Entità b’Kontroll Konġunt u Kumpanija Assoċjata”. L-emendi għall-IFRS 1 jippermettu l-utent adottiv ġdid li fir-rapporti finanzjarji separati juża bħala kost xieraq għal investiment f'sussidjarja, entità b'kontroll konġunt jew kumpanija assoċjata kemm il-valur ġust fid-data tat-tranżsizzjoni għall-IFRSs tal-entità jew il-GAAP preċedenti li jġorr fih l-ammont tal-investiment f'dik id-data. Id-definizzjoni tal-“metodu tal-kost” tneħħiet mill-IAS 27 u għaldaqstant investitur jeħtieġ li jirrikonoxxi bħala dħul fir-rapporti finanzjarji separati tiegħu d-dividendi kollha riċevuti minn sussidjarja, entità b'kontroll kongunt jew kumpanija assoċjata, anki jekk id-dividend jitħallas minn riservi ta' qabel l-akkwiżizzjoni. L-emendi għall-IAS 27 jikkjarifikaw ukoll kif jiġi ddeterminat il-kost ta' investiment skont l-IAS 27 meta kumpanija prinċipali tirriorganizza l-istruttura operattiva tal-grupp tagħha billi tistabbilixxi entità ġdida bħala l-prinċipali tagħha u din il-prinċipali l-ġdida tikseb kontroll tal-prinċipali l-ġdida billi toħroġ strumenti azzjonarji bi skambju għall-istrumenti azzjonarji eżistenti tal-prinċipali oriġinali.

(3)

Il-konsultazzjoni mal-Grupp Tekniku ta’ Esperti (TEG) tal-Grupp Konsultattiv Ewropew dwar ir-Rappurtar Finanzjarju (EFRAG) tikkonferma li l-emendi għall-IFRS 1 u l-IAS 27 jissodisfaw il-kriterji tekniċi għall-adozzjoni stipulati fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1606/2002. F'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/505/KE tal-14 ta' Lulju 2006 li tistabbilixxi Grupp ta' Reviżjoni tal-Konsulenza dwar Normi [Grupp Konsultattiv dwar ir-Reviżjoni tal-Istandards] fil-qasam tal-kontabilità biex jagħti parir lill-Kummissjoni dwar l-oġġettività u n-newtralità tal-opinjonijiet tal-Grupp Konsultattiv Ewropew għall-Informazzjoni Finanzjarja [dwar ir-Rappurtar Finanzjarju] (EFRAG) (3), il-Grupp Konsultattiv dwar ir-Reviżjoni tal-Istandards qies l-opinjoni tal-EFRAG dwar l-adozzjoni u lill-Kummissjoni taha l-parir li din hija bbilanċata kif xieraq u oġġettiva.

(4)

Ir-Regolament (KE) Nru 1126/2008 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

(5)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Regolatorju dwar il-Kontabilità,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1126/2008 huwa emendat kif ġej:

(1)

l-Istandard Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju (IFRS) 1 Adozzjoni għall-ewwel darba ta’ Standards Internazzjonali ta’ Rappurtar Finanzjarju huwa emendat kif stipulat fl-Anness għal dan ir-Regolament;

(2)

l-Istandard Internazzjonali tal-Kontabilità (IAS) 27 Rapporti Finanzjarji Konsolidati u Separati - Kost ta' Investment f'Sussidjarja, Entità b’Kontroll Konġunt u Kumpanija Assoċjata huwa emendat kif stipulat fl-Anness għal dan ir-Regolament;

(3)

l-IAS 18, l-IAS 21 u l-IAS 36 huma emendati skont l-emendi għall-IAS 27 kif stipulat fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Kull kumpanija għandha tapplika l-emendi għall-IFRS 1 u l-IAS 27, kif stipulat fl-Anness għal dan ir-Regolament, sa mhux aktar tard mid-data tal-bidu tal-ewwel sena finanzjarja li tibda wara l-31 ta’ Diċembru 2008.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u huwa direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 23 ta’ Jannar 2009.

Għall-Kummissjoni

Charlie McCREEVY

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 243, 11.9.2002, p. 1.

(2)   ĠU L 320, 29.11.2008, p. 1.

(3)   ĠU L 199, 21.7.2006, p. 33.


ANNESS

STANDARDS INTERNAZZJONALI TAL-KONTABILITÀ

L-IFRS 1 u l-IAS 27

Emendi għall-IFRS 1 Adozzjoni għall-ewwel darba ta’ Standards Internazzjonali ta’ Rappurtar Finanzjarju u l-IAS 27 Rapporti Finanzjarji Konsolidati u Separati — Kost ta' Investment f'Sussidjarja, Entità b’Kontroll Konġunt u Kumpanija Assoċjata .

Riproduzzjoni permessa fiż-Żona Ekonomika Ewropea. Id-drittijiet eżistenti kollha huma rriservati lil hinn miż-ŻEE, għajr għad-dritt tar-riproduzzjoni għall-finijiet ta’ użu persunali jew użu ġust ieħor. Aktar tagħrif jista’ jinkiseb mill-IASB fuq l-internet www.iasb.org

EMENDI GĦALL- ADOZZJONI GĦALL-EWWEL DARBA TAL-IFRS 1 TAL- ISTANDARDS INTERNAZZJONALI TAR-RAPPURTAĠĠ FINANZJARJU U L-IAS 27 RAPPORTI FINANZJARJI KONSOLIDATI U SEPARATI

IL-KOST TA’ INVESTIMENT F’SUSSIDJARJA, ENTITÀ B’KONTROLL KONĠUNT JEW KUMPANIJA ASSOĊJATA

Emendi għall-IFRS 1

Adozzjoni għall-Ewwel Darba tal-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtaġġ Finanzjarju

Wara l-paragrafu 13(e), jiżdied il-paragrafu 13(ea). Wara l-paragrafu 23, jiżdiedu intestatura u l-paragrafi 23A u 23B. Il-paragrafi 25A u 34C huma emendati. Wara l-paragrafu 44, jiżdiedu intestatura u l-paragrafu 44A. Wara l-paragrafu 47J, jiżdied il-paragrafu 47K.

RIKONOXXIMENT U KEJL

Eżenzjonijiet minn IFRSs oħrajn

13

Entità tista’ tagħżel li tuża waħda jew aktar mill-eżenzjonijiet li ġejjin:

(a)

(ea)

investimenti f’sussidjarji, entitajiet b’kontroll konġunt u kumpaniji assoċjati (paragrafi 23A u 23B);

(f)

Investimenti f’sussidjarji, entitajiet b’kontroll konġunt u kumpaniji assoċjati

23A

Meta entità tipprepara rapporti finanzjarji separati, l-IAS 27 Rapporti Finanzjarji Konsolidati u Separati titlobha li titratta l-investimenti tagħha f’sussidjarji, entitajiet b’kontroll konġunt u kumpaniji assoċjati jew:

(a)

bil-kost jew

(b)

skont l-IAS 39 Strumenti Finanzjarji: Rikonoxximent u Kejl.

23B

Jekk entità li qed tadotta għall-ewwel darba tkejjel it-tali investiment bil-kost skont il-paragrafu 23A(a), għandha tkejjel dak l-investiment b’wieħed mill-ammonti li ġejjin fir-rapporti tal-ftuħ tal-IFRS separata tagħha tal-pożizzjoni finanzjarja:

(a)

il-kost stabbilit skont l-IAS 27 jew

(b)

l-ammont meqjus bħala kost. L-ammont meqjus bħala kost tat-tali investment għandu jkun:

(i)

il-valur ġust tiegħu (stabbilit skont l-IAS 39) fid-data tat-transizzjoni tal-entità għall-IFRSs fir-rapporti finanzjarji separati tagħha jew

(ii)

l-ammont miżmum ta' qabel skont il-GAAP f’dik id-data.

Entità li tadotta għall-ewwel darba tista’ tagħżel jew (i) jew (ii) ta’ hawn fuq biex tkejjel l-investiment tagħha f’kull sussidjarja, entità b’kontroll konġunt jew kumpanija assoċjata li tagħżel li tkejjel bl-użu ta' ammont meqjus bħala kost.

Nominazzjoni ta’ strumenti finanzjarji rikonoxxuti qabel

25A

L-IAS 39 jippermetti…

Eżenzjonijiet għal applikazzjonijiet retrospettivi għal IFRSs oħrajn

Interessi bla kontroll

34C

Entità li tadotta għall-ewwel darba għandha tapplika r-rekwiżiti li ġejjin tal-IAS 27 (kif emendat fl-2008)…

PREŻENTAZZJONI U ŻVELAR

Użu tal-ammont meqjus bħala kost għal investimenti f’sussidjarji, entitajiet b’kontroll konġunt u kumpaniji assoċjati

44A

Bl-istess mod, jekk entità tuża ammont meqjus bħala kost fir-rapport tal-ftuħ tal-IFRS tal-pożizzjoni finanzjarja għal investiment f'sussidjarja, entità b'kontroll konġunt jew kumpanija assoċjata fir-rapporti finanzjarji separati tagħha (ara l-paragrafu 23B), l-ewwel rapporti finanzjarji separati tagħha tal-IFRS għandhom juru:

(a)

l-ammont totali meqjus bħala kost ta’ dawk l-investimenti li l-ammont meqjus bħala kost tagħhom huwa l-ammont miżmum tal-GAAP ta’ qabel;

(b)

l-ammont totali meqjus bħala kost ta’ dawk l-investimenti li l-ammont meqjus bħala kost tagħhom huwa l-valur ġust; u

(ċ)

l-aġġustament totali tal-ammonti miżmuma rrapportati taħt il-GAAP ta’ qabel.

DATA EFFETTIVA

47K

Kost ta’ Investiment f’Sussidjarja, Entità b’Kontroll Konġunt jew Kumpanija Assoċjata (Emendi għall-IFRS 1 u l-IAS 27), maħruġa f’Mejju 2008, il-paragrafi miżjuda 13(ea), 23A, 23B u 44A. Entità għandha tapplika dawk il-paragrafi għal perjodi annwali li jibdew minn jew wara l-1 ta’ Jannar 2009. Applikazzjoni minn qabel hija permessa. Jekk entità tapplika l-paragrafi għal perjodu minn qabel, għandha tiżvela dan il-fatt.

Emendi għall-IAS 27

Rapporti Finanzjarji Konsolidati u Separati (kif emendat mit-Titjib fl-IFRSs f’Mejju 2008)

Fil-paragrafu 4, ir-riferenza għall-“metodu tal-kost” titħassar. Wara l-paragrafu 38, il-paragrafi 38A–38C huma miżjuda. Wara l-paragrafu 45A, il-paragrafi 45B u 45C huma miżjuda.

DEFINIZZJONIJIET

[Ir-referenza għall-“metodu tal-kost” tħassret.]

KONTABILITÀ GĦAL INVESTIMENTI F’SUSSIDJARJI, ENTITAJIET B’KONTROLL KONĠUNT U KUMPANIJI ASSOĊJATI FIR-RAPPORTI FINANZJARJI SEPARATI

38A

Entità għandha tirrikonoxxi dividend minn sussidjarja, entità b’kontroll konġunt jew kumpanija assoċjata fil-profitt jew telf fir-rapporti finanzjarji separati tagħha meta d-dritt tagħha li tirċievi dividend ikun stabbilit.

38B

Meta kumpanija prinċipali tirriorganizza struttura tal-grupp tagħha billi tistabbilixxi entità ġdida bħala l-kumpanija prinċipali tagħha b’tali modi li tissodisfa l-kriterji li ġejjin:

(a)

il-kumpanija prinċipali l-ġdida tikseb kontroll tal-kumpanija prinċipali oriġinali billi toħroġ strumenti ta’ ekwità minflok l-istrumenti ta’ ekwità tal-kumpanija prinċipali oriġinali;

(b)

l-assi u l-obbligazzjonijiet tal-grupp il-ġdid u tal-grupp oriġinali huma l-istess immedjatament qabel u wara r-riorganizzazzjoni; u

(ċ)

is-sidien tal-kumpanija prinċipali oriġinali qabel ir-riorganizzazzjoni għandhom l-istess interessi assoluti u relattivi fl-assi netti tal-grupp oriġinali u l-grupp il-ġdid immedjatament qabel u wara r-riorganizzazzjoni

u l-kumpanija prinċipali l-ġdida tittratta l-investiment tagħha fil-kumpanija prinċipali oriġinali skont il-paragrafu 38(a) fir-rapporti finanzjarji separati tagħha, il-kumpanija prinċipali l-ġdida għandha tkejjel il-kost tal-ammont miżmum tal-parti tagħha tas-sigurtajiet tal-ekwità fir-rapporti finanzjarji separati tal-kumpanija prinċipali oriġinali fid-data tar-riorganizzazzjoni.

38C

Bl-istess mod, entità li mhijiex kumpanija prinċipali tista’ tistabbilixxi entità ġdida bħala l-kumpanija prinċipali tagħha b’tali mod li tissodisfa l-kriterji tal-paragrafu 38B. Ir-rekwiżiti tal-paragrafu 38B japplikaw indaqs għal dawn ir-riorganizzazzjonijiet. F’dawn il-każijiet, ir-riferenzi għall-“kumpanija prinċipali oriġinali” u l-“grupp oriġinali” huma għall-“entità oriġinali”.

DATA EFFETTIVA U TRANSIZZJONI

45B

Kost ta’ Investiment f’Sussidjarja, Entità b’Kontroll Konġunt jew Kumpanija Assoċjata (Emendi għall-IFRS 1 u l-IAS 27), maħruġa f’Mejju 2008, tħassret id-definizzjoni tal-metodu tal-kost mill-paragrafu 4 u żdied il-paragrafu 38A. Entità għandha tapplika dawk l-emendi b’mod prospettiv għal perjodi annwali li jibdew minn jew wara l-1 ta’ Jannar 2009. Applikazzjoni minn qabel hija permessa. Jekk entità tapplika l-bidliet għal perjodu aktar qabel, għandha tiżvela dan il-fatt u tapplika l-emendi relatati tal-IAS 18, l-IAS 21 u l-IAS 36 fl-istess żmien.

45C

Kost ta’ Investiment f’Sussidjarja, Entità b’Kontroll Konġunt jew Kumpanija Assoċjata (Emendi għall-IFRS 1 u l-IAS 27), maħruġa f’Mejju 2008, il-paragrafi miżjuda 38B u 38C. Entità għandha tapplika dawk il-paragrafi b’mod prospettiv għar-riorganizzazzjonijiet li jsiru f’perjodi annwali li jibdew minn jew wara l-1 ta’ Jannar 2009. Applikazzjoni minn qabel hija permessa. Barra minn hekk, entità tista’ tagħżel li tapplika l-paragrafi 38B u 38C b’mod rettrospettiv għal riorganizzazzjonijiet passati taħt l-iskop ta’ dawk il-paragrafi. Madankollu, jekk entità tiddikjara mill-ġdid xi riorganizzazzjoni biex tkun konformi mal-paragrafu 38B jew 38C, għandha tiddikjara mill-ġdid ir-riorganizzazzjonijiet kollha ta’ wara taħt l-iskop ta’ dawk il-paragrafi. Jekk entità tapplika l-paragrafu 38B jew 38C għal perjodu minn qabel, għandha tiżvela dan il-fatt.

Appendiċi

Emendi għal IFRSs oħrajn

L-entitajiet għandhom japplikaw l-emendi li ġejjin għall-IAS 18, l-IAS 21 u l-IAS 36 meta japplikaw l-emendi relatati tal-paragrafi 4 u 38A tal-IAS 27.

L-IAS 18   Dħul

A1   L-IAS 18 huwa emendat kif deskritt hawn taħt.

Il-paragrafu 32 huwa emendat u l-paragrafu 38 huwa miżjud kif ġej.

32   Meta mgħax mhux imħallas huwa dovut qabel l-akkwist ta’ investiment li jrendi mgħax, ir-riċevuta sussegwenti tal-imgħax tkun allokata bejn il-perjodi ta’ qabel l-akkwist u ta’ wara l-akkwist; il-parti ta' wara l-akkwist biss hija rikonoxxuta bħala dħul.

38    Kost ta’ Investiment f’Sussidjarja, Entità b’Kontroll Konġunt jew Kumpanija Assoċjata (Emendi għall-IFRS 1 Adozzjoni għall-Ewwel Darba tal-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtaġġ Finanzarju u l-IAS 27 Finanzjarji Konsolidati u Separati), maħruġa f’Mejju 2008, emendat il-paragrafu 32. Entità għandha tapplika dik l-emenda b’mod prospettiv għal perjodi annwali li jibdew fi jew wara l-1 ta’ Jannar 2009. Applikazzjoni minn qabel hija permessa. Jekk entità tapplika l-emendi relatati fil-paragrafi 4 u 38A tal-IAS 27 għal perjodu aktar qabel, għandha tapplika l-emenda taħt il-paragrafu 32 fl-istess ħin.

L-IAS 21   L-Effetti ta’ Bidliet fir-Rati tal-Kambju

A2   Fl-IAS 21, il-paragrafu 49 huwa emendat kif ġej:

49

Entità tista’ tneħħi jew parzjalment tneħħi l-interess tagħha f’operazzjoni barranija permezz ta’ bejgħ, likwidazzjoni, ħlas ta’ kapital f’ishma jew abbandun totali ta’, jew parti minn, dik l-entità. Deprezzament tal-ammont miżmum ta' operazzjoni barranija, jew minħabba t-telfiet tagħha stess jew minħabba indeboliment rikonoxxut mill-investitur, ma jikkostitwix disponiment parzjali. Għalhekk, l-ebda parti mill-qligħ jew telf tal-kambju rikonoxxut fi dħul komprensiv ieħor ma tkun riklassifikata għal profitt jew telf mad-deprezzament.

L-IAS 36   Indeboliment tal-Assi

A3   Fl-IAS 36, wara l-paragrafu 12(g), intestatura u s-subparagrafu (h) huma miżjuda. Wara l-paragrafu 140C, il-paragrafu 140D huwa miżjud.

12   Fil-valutazzjoni jekk hemmx xi indikazzjoni li assi jista’ jkun indebolit, entità għandha tikkunsidra, bħala minimu, l-indikazzjonijiet li ġejjin:

Dividend minn sussidjarja, entità b’kontroll konġunt jew kumpanija assoċjata

(h)

għal investiment f’sussidjarja, entità b’kontroll konġunt jew kumpanija assoċjata, l-investitur jirrikonoxxi dividend mill-investiment u evidenza hija disponibbli li:

(i)

l-ammont miżmum tal-investiment fir-rapporti finanzjarji separati jaqbeż l-ammonti miżmuma fir-rapporti finanzjarji konsolidati tal-assi netti għand min qed isir l-investiment, inkluż il-valur tal-avvjament assoċjata; jew

(ii)

id-dividend jaqbeż id-dħul komprensiv totali tas-sussidjarja, entità b’kontroll konġunt jew kumpanija assoċjata fil-perjodu meta d-dividend ikun iddikjarat.

140D    Kost ta’ Investiment f’Sussidjarja, Entità b’Kontroll Konġunt jew Kumpanija Assoċjata (Emendi għal IFRS 1 Adozzjoni għall-Ewwel Darba tal-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtaġġ Finanzjarju u l-IAS 27), maħruġa f’Mejju 2008, il-paragrafu miżjud 12(h). Entità għandha tapplika dik l-emenda b’mod prospettiv għal perjodi annwali li jibdew minn jew wara l-1 ta’ Jannar 2009. Applikazzjoni minn qabel hija permessa. Jekk entità tapplika l-emendi relatati fil-paragrafi 4 u 38A tal-IAS 27 għal perjodu aktar qabel, għandha tapplika l-emenda taħt il-paragrafu 12(h) fl-istess żmien.


Top