Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32005R1445

    1445/2005/KE: Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1445/2005 ta’ l- 5 ta' Serttembru 2005 li jiddefinixxi l-kriterji xierqa għall-evalwazzjoni tal-kwalità u l-kontenut tar-rapporti tal-kwalità għall-istatistika tal-iskart għall-għanijiet tar-Regolament (KE) Nru 2150/2002 Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

    ĠU L 229, 6.9.2005, p. 6–12 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
    ĠU L 322M, 2.12.2008, p. 82–88 (MT)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO, HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2005/1445/oj

    2.12.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    82


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1445/2005

    ta’ l-5 ta' Serttembru 2005

    li jiddefinixxi l-kriterji xierqa għall-evalwazzjoni tal-kwalità u l-kontenut tar-rapporti tal-kwalità għall-istatistika tal-iskart għall-għanijiet tar-Regolament (KE) Nru 2150/2002

    (Test b'relevanza għal ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 2150/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2002 dwar l-istatistika tal-iskart (1) u b’mod partikolari l-punt (d) tal-Artikolu 6 tiegħu

    Billi:

    (1)

    Skont l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 2150/2002, il-Kummissjoni jeħtieġ li tadotta l-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

    (2)

    F’konformità ma’ punt (d) tal-Artikolu (KE) Nru 2150/2002, il-Kummissjoni għandha tiddefinixxi l-kriterji xierqa għall-evalwazzjoni tal-kwalità u l-kontenut tar-rapporti tal-kwalità kif imsemmija f’dan ir-Regolament.

    (3)

    Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat tal-Programm Statistiku stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 89/382/KEE, Euratom (2),

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    1.   Il-kriterji xierqa għall-evalwazzjoni tal-kwalità u l-kontenut tar-rapporti tal-kwalità kif imsemmija fit-Taqsima 7 tal-Annessi I u II tar-Regolament (KE) Nru 2150/2002 għandhom ikunu stipulati fl-Anness ta’ dan ir-Regolament. L-Istati Membri għandhom jipprovdu rapport tal-kwalità skont l-Anness ta’ dan ir-Regolament.

    2.   Il-Paragrafu 1 għandu japplika mad-dejta ppreżentata fir-rigward tal-ewwel sena ta’ referenza 2004 u l-perjodi sussegwenti kollha ta’ referenza.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, 5 ta' Settembru 2005.

    Għall-Kummissjoni

    Joaquín ALMUNIA

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 332, 9.12.2002, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 783/2005 (ĠU L 131, 25.5.2005, p. 38).

    (2)  ĠU L 181, 28.6.1989, p. 47.


    ANNESS

    IL-KONTENUT TAR-RAPPORT TA’ KWALITÀ U L-KRITERJI TA’ EVALWAZZJONI GĦALL-ISTATISTIKA TAL-ISKART

    PREAMBOLU TAL-KONTENUT TAR-RAPPORT TA’ KWALITÀ

    Ambjent b’ħafna metodi

    Skont ir-Regolament (KE) Nru 2150/2002 kull trasmissjoni ta’ sett ta’ dejta jew kombinazzjoni ta’ settijiet ta’ dejta għandhom ikunu akkumpanjati b’rapport ta’ kwalità. Dan ir-Regolament ma jippreskrivix metodu speċifiku ta’ tfassil tal-istatistika tal-iskart. Jista’ jkun hemm differenzi bejn metodi minn pajjiż għall-ieħor, bejn settijiet ta’ dejta minn pajjiż wieħed u wkoll f’settijiet ta’ dejta individwali. Il-mod kif il-kwalità tista’ tiġi evalwata jiddependi fuq il-metodi applikati. Biex ikun iċċarat ambjent b’ħafna metodi, Parti I tar-rapport ta’ kwalità tippreżenta deskrizzjoni ġenerali tad-dejta; tidentifika u tipprovdi ħarsa ġenerali tal-metodi. Il-parti II issegwi l-elementi standard użati biex jiddefinixxu l-kwalità fis-Sistema Statistika Ewropea.

    Struttura

    Ir-rapport ta’ kwalità li se jiġi ppreżentat mill-Istati Membri għandu jsegwi l-istruttura stipulata fil-kapitolu “Il-kontenut tar-rapport ta’ kwalità” hawn taħt. Ir-rapport se jkun fih ukoll paragrafi li mhumiex applikabbli jew li għalihom m’hemmx tagħrif disponibbli; għandha tkun inkluża referenza espliċita għal dawn il-paragrafi fir-rapport ta’ kwalità.

    Reviżjoni tad-dejta

    Fejn kien hemm reviżjoni ta’ dejta, għandu jkun hemm nota mehmuża mar-rapport ta’ kwalità. In-nota għandha tispeċifika l-parti koperta bir-reviżjoni; għandha tispjega wkoll għaliex reviżjoni kienet neċessarja u tiċċara l-impatt tar-reviżjoni fuq ir-riżultati.

    Dejta proviżorja

    It-twassil tad-dejta proviżorja mhux konformi mar-Regolament dwar l-istatistika tal-iskart. Jekk sett ikun fih dejta proviżorja, din għandha tkun spjegata fil-Parti I. Ir-reviżjoni ta’ dejta bħal din se tkun teħtieġ ukoll li tkun skedata.

    Aggregati ewlenin

    Fir-rapport ta’ kwalità hu xi kultant neċessarju li jkun evalwat l-impatt ta’ suppożizzjonijiet jew żbalji. Din l-evalwazzjoni tista’ tkun limitata għall-impatt fuq l-aggregati ewlenin. Għall-ġenerazzjoni tal-iskart l-aggregati ewlenin huma:

    skart perikoluż iġġenerat mid-djar;

    skart mhux perikoluż iġġenerat mid-djar;

    skart perikoluż iġġenerat minn intrapriżi (it-total tal-kategoriji NACE kollha);

    skart mhux perikoluż iġġenerat minn intrapriżi (it-total tal-kategoriji NACE kollha).

    Għat-trattament tal-iskart l-aggregati ewlenin huma:

    skart perikoluż użat bħala karburant;

    skart mhux perikoluż użat bħala karburant;

    skart perikoluż inċinerat;

    skart mhux perikoluż inċinerat;

    skart perikoluż irkuprat;

    skart mhux perikoluż irkuprat;

    skart perikoluż li jintrema;

    skart mhux perikoluż li jintrema.

    L-isem tal-fajl

    Ir-rapport ta’ kwalità għandu jkun ipprovdut f’forma elettronika f’dokument b’isem ta’ fajl li jikkonsisti f’ħames partijiet:

    Rapport ta’ kwalità

    2

    Valur: RK

    Qasam

    5

    Valur: SKART

    Kodiċi tal-pajjiż

    2

    Kodiċi b’żewġ karattri ta’ pajjiż

    Sena

    4

    Sena ta’ referenza (l-ewwel sena ta’ referenza 2004)

    Reviżjoni

    1

    Numru ta’ reviżjoni, żero (0) għall-ewwel kunsinna

    Il-partijiet tal-isem tal-fajl huma sseparati b’underscore (_). Per eżempju, ir-rapport ta’ kwalità mill-Belġju fl-2004 wara l-ewwel reviżjoni se jkollu l-isem ta’ QR_WASTE_BE_2004_1.

    IL-KONTENUT TAR-RAPPORT TA’ KWALITÀ

    Parti I:   Id-deskrizzjoni tad-dejta

    Identifikazzjoni

    Pajjiż;

    Sena ta’ referenza;

    Sett(ijiet) ta’ dejta;

    Data tat-trasmissjoni.

    Tagħrif tal-kuntatt dwar il-persuna/i responsabbli għall-kwalità tal-istatistika tal-iskart

    Isem;

    Numru tat-telefon;

    Indirizz postali;

    Organizzazzjoni u Unità.

    Għandha ssir referenza lid-derogi li japplikaw għas-sett ta’ dejta.

    Id-deskrizzjoni tal-partijiet involuti/sorsi użati fil-ġbir ta’ dejta. Ir-relazzjoni tal-partijiet/sorsi għall-oqsma tar-Regolament dwar l-istatistika tal-iskart. X’inhi l-bażi legali għas-sors tad-dejta? Kif tiġi evalwata l-kontinwità?

    Id-deskrizzjoni ġenerali ta’ liema metodi jintużaw f’liema parti tas-sett ta’ dejta. Din id-deskrizzjoni tintuża bħala referenza f’Parti II tar-rapport. Il-metodi differenti huma:

    Stħarriġ;

    Sorsi amministrattivi;

    L-immudellar;

    Ieħor (speċifika).

    It-tibdil li sar meta mqabbel mas-sena ta’ referenza ta’ qabel għandu jkun irrappurtat, flimkien mal-evalwazzjoni tal-impatt dwar il-kwalità tad-dejta. Għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-komparabbiltà matul iż-żmien. Id-dettalji dwar il-komparabbiltà se jiġu rrappurtati f’Parti II punt 5: Il-komparabbiltà. Għall-ewwel sena ta’ referenza mhux meħtieġ li wieħed jirraporta dwar il-komparabbiltà bil-ġbir volontarju ta’ dejta bbażata fuq il-Kwestjonarju Konġunt tal-OECD/Eurostat dwar l-iskart.

    L-Istati Membri għandhom iniżżlu t-tibdil ewlieni antiċipat fil-metodi li se jintużaw għas-sena ta’ referenza li jmiss.

    Parti II:   Rapport dwar attributi ta’ kwalità

    1.   Rilevanza

    Għandha tkun ipprovduta taqsira, li tinkludi deskrizzjoni tal-utenti u l-ħtiġijiet f’livell nazzjonali.

    L-Istati Membri għandhom jindikaw il-livell ta’ kompletezza tas-settijiet tad-dejta. Huma għandhom jidentifikaw il-varjabbli u/jew l-analiżi meħtieġa mir-Regolament dwar l-istatistika tal-iskart li mhumiex disponibbli (eż. il-valur taċ-ċellola hu muri bħala “M” jew“L” fis-sett trasmess tad-dejta). Għal każijiet mhux koperti b’deroga teħtieġ spjegazzjoni. Fil-każ ta’ ċelloli indikati bħala nieqsa, għandhom jittieħdu passi biex jissewwa n-nuqqas.

    2.   Akkuratezza

    2.1.   Żbalji fit-teħid ta’ kampjuni

    Għandha ssir referenza għal Parti 1 għal delinjazzjoni tal-qasam rilevanti tal-istħarriġ. Għandu jkun ipprovdut tagħrif għal dawn l-aspetti li ġejjin:

    Kwadru ta’ teħid ta’ kampjun applikat;

    Skema ta’ teħid ta’ kampjun applikata;

    Stratifikazzjoni (eż. speċifika jekk bid-daqs tal-klassi, bil-grupp NACE, eċċ.);

    Volumi ta’ teħid ta’ kampjuni: speċifika n-numru ta’ intrapriżi f’popolazzjoni u n-numru fl-istħarriġ (għal kull grupp statistiku jekk rilevanti);

    Il-koeffiċjent ta’ varjazzjoni għall-ammont totali ta’ skart iġġenerat u l-analiżi f’erba’ aggregati ewlenin. Id-denominatur tal-koeffiċjent hu l-ammont totali ta’ skart iġġenerat fl-aggregat rilevanti; dan jinkludi l-gruppi statistiċi li ma ġewx ivvalutati permezz ta' metodi ta’ teħid ta’ kampjuni. Sabiex tkun stmata l-varjazzjoni, il-livell ta’ nuqqas ta' tweġiba għandu jkun ikkunsidrat.

    Il-koeffiċjent ta’ varjazzjoni għall-ammont totali ta’ skart trattat u l-analiżi fi tmien aggregati ewlenin. Id-denominatur tal-koeffiċjent hu l-ammont totali ta’ skart trattat fl-aggregat rilevanti, inklużi l-gruppi statistiċi li ma ġewx ivvalutati permezz ta' metodi ta’ teħid ta’ kampjuni. Sabiex tkun stmata l-varjazzjoni, il-livell ta’ nuqqas ta' tweġiba għandu jkun ikkunsidrat.

    2.2   Żbalji fit-teħid ta’ kampjuni

    2.2.1   Żbalji ta’ kopertura

    Għall-Anness I dwar il-ġenerazzjoni tal-iskart: id-deskrizzjoni tal-metodu(i) applikati biex jilħqu kopertura ta’ 100 %;

    Għall-Anness II dwar it-trattament tal-iskart: id-deskrizzjoni tal-faċilitajiet tat-trattament tal-iskart li huma esklużi mir-rappurtaġġ u r-raġuni għall-esklużjoni tagħhom;

    Id-Deskrizzjoni ta’ kif jiġi evalwat l-ammont tal-iskart kummerċjali mill-intrapriżi/ħwienet inklużi fl-iskart domestiku; liema metodu jintuża għal stima tal-iskart domestiku pur;

    Id-deskrizzjoni tal-problemi ewlenin ta’ klassifika żbaljata, kopertura nieqsa u kopertura żejda li wieħed jiltaqa' magħhom fil-ġbir tad-dejta.

    2.2.2   Żbalji fil-kejl

    Liema unitajiet statistiċi huma applikati f’liema parti tas-sett ta’ dejta? X’inhu r-riżultat tal-evalwazzjoni ta’ żbalji potenzjali fl-applikazzjoni tal-unitajiet statistiċi?

    Żbalji bi preċiżjoni ta’ kwantitajiet: għandu jiġi deskritt il-mod kif jitwettaq il-kejl u r-reġistrazzjoni sussegwenti u l-proċeduri ta’ validità applikati biex ikunu żvelati żbalji ta’ kejl. X’inhu r-riżultat tal-proċeduri ta’ żvelar tal-iżbalji adottati?

    Għandha tingħata deskrizzjoni tal-kwalità ta’ tagħrif tal-istrument ta’ ġbir ta’ dejta. Per eżempju, fil-każ ta’ stħarriġ ta’ teħid ta’ kampjuni bi kwestjonarju: il-kwestjonarju kien ivvalidat f’focus group? Għal dejta amministrattiva: hemm inċentivi fl-unità li tirraporta jew fl-amministrazzjoni nnifisha għal rappurtaġġ żejjed, nieqes jew b’lura?

    2.2.3   Żbalji ta’ proċessar

    It-taqsira ta’ passi ta’ proċessar bejn il-ġbir u l-produzzjoni tal-istatistika, inklużi l-miżuri li jiżvelaw u jsewwu żbalji ta’ proċessar;

    Lista ta’ żbalji ta’ proċessar identifikati, bil-firxa u l-impatt tagħhom;

    Żbalji ta’ kodifika fil-kodiċi tal-kategorija tal-iskart, kategorija-NACE, tip ta’ operazzjoni ta’ trattament u reġjun. Għandha tingħata deskrizzjoni ta’ kif titwettaq il-kodifika u liema proċeduri ta’ validità huma applikati biex jiżvelaw l-iżbalji ta’ kodifika. X’inhu r-riżultat tal-proċeduri ta’ żvelar tal-iżbalji adottati?

    Il-perċentwali tal-kategorija “skart iġġenerat mid-djar” li effettivament joriġina min-negozji. Kif tiġi evalwata din il-klassifika żbaljata?

    2.2.4   Żbalji ta’ nuqqas ta’ tweġiba

    Ir-rata tat-tweġiba fil-livell tal-aggregati ewlenin;

    Id-deskrizzjoni tal-immaniġġjar ta’ nuqqas ta’ tweġibiet (nuqqas ta’ tweġibiet tal-unità u l-oġġett) fi stħarriġ;

    Id-determinazzjoni tal-istennija ta’ żbalji li jirriżultaw min-nuqqas ta’ tweġibiet.

    2.2.5   Żbalji fl-għażla tal-mudell

    Deskrizzjoni ta’ mudelli, suppożizzjonijiet marbuta mal-applikazzjoni tal-mudell u żbalji mistennija u kif wieħed jista’ jittrattahom

    Ir-Riżultati tal-analiżi tas-sensittività;

    Sorsi użati (irreferi għad-deskrizzjoni tas-sorsi f’Parti I);

    3.   Iż-żmien opportun u l-puntwalità

    Id-deskrizzjoni ta’ passi ewlenin tal-ġbir ta’ dejta fil-proċess tal-istabbiliment ta’ settijiet ta’ dejta f’orarju tal-ħinijiet;

    Id-deskrizzjoni ta’ passi ewlenin tal-ġbir ta’ dejta (eż. id-dati tal-bidu u tat-tmiem tat-tlestija, il-kodifika u l-kontrolli tal-plawsibbiltà, il-validazzjoni tad-dejta u l-miżuri dwar in-nuqqas tal-iżvelar) f’orarju tal-ħinijiet;

    Id-deskrizzjoni ta’ passi ewlenin tal-pubblikazzjoni fi skeda tal-ħin (eż. meta jiġu kkalkolati, ivvalidati u mxerrda r-riżultati avvanzati u dettaljati).

    Il-puntwalità ta’ trasmissjoni tad-dejta lil Eurostat se tkun evalwata skont ir-Regolament dwar l-istatistika tal-iskart, li jispeċifika l-perjodiċità u l-iskadenzi għal trażmissjoni ta’ dejta. Għandha tingħata spjegazzjoni għal kwalunkwe dewmien. Barra minn hekk, ir-rapport għandu jiddikjara liema miżuri ttieħdu biex jiġi evitat dewmien fil-futur.

    4.   Aċċessibbiltà u ċarezza

    L-organizzazzjoni nazzjonali li tirraporta (identifikata f’parti I tar-rapport ta’ kwalità) għandha tiddeskrivi

    il-politika dwar it-tixrid tal-istatistika tal-iskart;

    il-miżuri u l-għodod li jistabbilixxu/jtejbu ċ-ċarezza;

    il-politika rilevanti ta’ kunfidenzjalità.

    5.   Komparabbiltà

    Sabiex tkun evalwata l-komparabbiltà bejn id-dejta nazzjonali ġġenerata li tuża metodoloġiji differenti, jeħtieġ li tkun iċċarata għall-impatt ta’ restrizzjonijiet fir-rigward ta’ kopertura u preċiżjoni tad-dejta (bbażata fuq l-elementi ta’ akkuratezza hawn fuq);

    Kif tiġi vvalidata l-komparabbiltà reġjonali ta’ dejta dwar il-faċilitajiet tat-trattament tal-iskart? Liema unità tal-statistika tintuża? Kif jiġu ttrattati l-faċilitajiet mobbli tat-trattament tal-iskart?

    Il-komparabbiltà matul iż-żmien: għandu jkun irrappurtat kemm it-tibdil relattiv għall-perjodu ta' referenza ta' qabel kif ukoll dak antiċipat fil-perjodu ta’ referenza li jmiss. Id-dettalji ta’ tibdil fid-definizzjonijiet, kopertura jew metodi għandhom ikunu speċifikati (irreferi għal Parti I). Għandha ssir evalwazzjoni tal-konsegwenzi.

    6.   Koerenza

    Statistika tal-ambjent:

    Il-koerenza tat-tixrid nazzjonali tad-dejta rrappurtata skont ir-Regolament dwar l-istatistika tal-iskart;

    M’hemmx bżonn li tirrapporta dwar koerenza ma’:

    il-Kwestjonarju Konġunt tal-OECD/Eurostat;

    L-obligazzjonijiet ta’ rappurtaġġ tal-iskart speċifiku (vetturi li m'għadhomx jintużaw, l-iskart minn tagħmir elettriku u elettroniku, l-ippakjar u l-iskart tal-ippakkjar, trasportazzjoni tal-iskart eċċ.);

    Ir-rappurtaġġ tal-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis (IPPC);

    Rapport lill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent.

    Il-Kummissjoni (l-Eurostat) se tittratta dan b’mod dirett.

    Statistika soċjo-ekonomika:

    L-Istati Membri huma mistiedna biex jikkummentaw dwar il-koerenza ma’:

    Statistika Kummerċjali;

    Kontabilità Ekonomika tal-Ambjent inkluża l-Kontabilità Nazzjonali;

    Il-Produzzjoni ta’ indikaturi strutturali.

    Il-kummenti fuq dawn l-oġġetti jistgħu jinkludu l-identifikazzjoni ta’ differenzi fl-applikazzjoni ta’ unitajiet statistiċi u klassifiki.

    7.   Il-piż fuq dawk li jwieġbu

    Għandha ssir evalwazzjoni tal-piż fuq dawk li jwieġbu f’termini fiżiċi (jeħtieġ iż-żmien għat-tweġiba) u tan-numru attwali ta' dawk li jwieġbu. Għal sorsi amministrattivi, il-piż fuq dawk li jwieġbu li jirriżulta minn mistoqsijiet addizzjonali għal għanijiet statistiċi għandu jkun evalwat.

    IL-KRITERJI TA’ EVALWAZZJONI

    Il-Kummissjoni (l-Eurostat) se tevalwa t-tagħrif miġbur abbażi tar-Regolament dwar l-istatistika tal-iskart skont il-ħames kriterji wiesgħa li ġejjin:

    1.

    Settijiet ta’ dejta kompluti

    Il-kompletezza tas-settijiet ta’ dejta hi mfissra bil-format ta’ trasmissjoni għal statistika dwar l-iskart (Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) 782/2005 tal-24 ta’ Mejju 2005 (1)).

    2.

    Rapport ta’ kwalità komplut

    Il-kompletezza ta’ dan ir-rapport ta’ kwalità hu mfisser b’dan ir-Regolament.

    3.

    Iż-żmien opportun

    Iż-żmien opportun tas-settijiet ta' dejta u r-rapport ta’ kwalità li jakkumpanjahom hu mfisser bir-Regolament dwar l-istatistika tal-iskart (fi żmien 18-il xahar tal-aħħar tas-sena ta’ referenza).

    4.

    Applikazzjoni xierqa għat-tifsiriet u l-klassifiki

    Il-manwali dwar l-istatistika tal-iskart se jistabbilixxi l-fehim komuni ta’ tifsiriet u klassifiki.

    5.

    L-applikazzjoni ta’ metodi ta’ statistika tajbin

    Ir-Regolament dwar l-istatistika tal-iskart ma jippreskrivix kwalunkwe metodu partikolari ta’ tfassil ta’ statistika tal-iskart. Il-manwali dwar l-istatistika tal-iskart se jipprovdi gwida għal prassi tajba.

    Il-Kummissjoni (l-Eurostat) tavża lill-persuna responsabbli għall-kwalità tal-istatistika tal-iskart fl-Istat Membru bir-riżultat tal-evalwazzjoni fi żmien xahrejn wara l-iskadenza tat-trasmissjoni tad-dejta.


    (1)  ĠU L 131, 25.5.2005, p. 26


    Top