This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 31979L1072
Eighth Council Directive 79/1072/EEC of 6 December 1979 on the harmonization of the laws of the Member States relating to turnover taxes - Arrangements for the refund of value added tax to taxable persons not established in the territory of the country
It-Tmien Direttiva tal-Kunsill tas-6 ta' Diċembru 1979 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri rigward it-taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ²- Arranġamenti għar-rifużjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud lill-persuni taxxabbli li m'humiex stabbiliti fit-territorju tal-pajjiż
It-Tmien Direttiva tal-Kunsill tas-6 ta' Diċembru 1979 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri rigward it-taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ²- Arranġamenti għar-rifużjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud lill-persuni taxxabbli li m'humiex stabbiliti fit-territorju tal-pajjiż
ĠU L 331, 27.12.1979, p. 11–19
(DA, DE, EN, FR, IT, NL) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(EL, ES, PT, FI, SV, CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO)
No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2009; Imħassar b' 32008L0009
Official Journal L 331 , 27/12/1979 P. 0011 - 0019
Finnish special edition: Chapter 9 Volume 1 P. 0084
Greek special edition: Chapter 09 Volume 1 P. 0111
Swedish special edition: Chapter 9 Volume 1 P. 0084
Spanish special edition: Chapter 09 Volume 1 P. 0116
Portuguese special edition Chapter 09 Volume 1 P. 0116
It-Tmien Direttiva tal-Kunsill tas-6 ta' Diċembru 1979 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri rigward it-taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ²- Arranġamenti għar-rifużjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud lill-persuni taxxabbli li m'humiex stabbiliti fit-territorju tal-pajjiż (79/1072/KEE) IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ, Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, Wara li kkunsidra s-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta' Mejju 1977 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu ma' taxxi fuq il-bejgħ - Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (bażi ta' stima uniformi) [1], u b'mod partikolari l-Artikolu 17(4) tagħha, Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [2], Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [3], Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [4], Filwaqt li, bi qbil ma' l-Artikolu 17(4) ta' Direttiva 77/388/KEE, il-Kunsill għandu jadotta regoli tal-Komunità li jippreskrivu l-arranġamenti li jirregolaw rifużjonijiet ta' taxxa fuq il-valur miżjud, li hemm referenza għalihom fil-paragrafu 3 ta' l-Artikolu msemmi, lill-persuni taxxabbli mhux stabbiliti fit-territorju tal-pajjiż; Filwaqt li hemm bżonn ta' regoli sabiex jiżguraw li persuna taxxabbli stabbilita fit-territorju ta' pajjiż membru tkun tista' titlob għal taxxa li kienet ġiet fatturata lilu f'dak li għandu x'jaqsam ma' provvisti ta' merkanziji jew servizzi fi Stat Membru ieħor jew li kienet ġiet imħallsa għal dak li għandu x'jaqsam ma' importazzjonijiet ġewwa dak l-Istat Membru l-ieħor b'hekk ikun evitat li jkollha tassazzjoni doppja; Filwaqt li diskrepanzi bejn l-arranġamenti fis-seħħ preżentament fi Stati Membri, li f'ċerti każijiet joħolqu nuqqas fin-negozju u tagħwiġ fil-kompetizzjoni, għandhom ikunu eliminati; Filwaqt li l-introduzzjoni ta' regoli tal-Komunità f'dan il-qasam timmarka progress lejn il-liberalizazzjoni effettiva tal-moviment ta' persuni, oġġetti, u servizzi, b'hekk tgħin sabiex il-proċess ta' integrazzjoni ekonomika jitlesta; Filwaqt li tali regoli ma għandhomx iwasslu sabiex persuni taxxabbli jkunu trattati b'mod differenti skond l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu huma jkunu stabbiliti; Filwaqt li ma għandhomx jitħallew ċerti forom ta' evażjoni ta' taxxa jew evitar mit-taxxa; Filwaqt li, taħt l-L-Artikolu 17(4) ta' Direttiva 77/388/EEC, l-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw ir-rifużjoni jew jimponu kondizzjoniiet supplimentari fil-kaz ta' persuni taxxabbli mhux stabbiliti fit-territorju tal-Komunitàa; filwaqt li għandhom jittieħdu wkoll passi sabiex ikun żgurat li tali persuni taxxabbli ma jkunux eliġibbli għal rifużjonijiet fuq termini aktar favorevoli minn dawk li għalihom hemm ipprovdut fir-rigward ta' persuni taxxabbli tal-Komunità; Filwaqt li, fil-bidu, għandhom ikunu adottati l-arranġamenti tal-Komunità li jkunu jinsabu f'din id-Direttiva biss; filwaqt li dawn l-arranġamenti jipprovdu, b'mod partikolari, li deċiżjonijiet fir-rigward ta' applikazzjonijiet għal rifużjoni għandhom ikunu nnotifikati fi żmien sitt xhur mid-data li fiha jkunu ddaħħlu tali applikazzjonijiet; filwaqt li rifużjonijiet għandhom isiru fl-istess perjodu; filwaqt li, għal perjodu ta' sena mid-data finali preskritta għall-implimentazzjoni ta' dawn l-arranġamenti, ir-Repubblika Taljana għandha tkun awtorizzata sabiex tinnotifika d-deċiżjonijiet meħuda mis-servizzi kompetenti tagħha fir-rigward ta' applikazzjonijiet imdaħħla minn persuni taxxabbli mhux stabbiliti ġewwa t-territorju tagħha u sabiex tagħmel ir-rifużjoni relevanti fi żmien disa' xhur, sabiex ir-Repubblika Taljana tkun tista' torganizza mill-ġdid is-sistema mħaddma fil-preżent, sabiex tkun applikata s-sistema tal-Komunità; Filwaqt li għandhom ikunu adottati arranġamenti oħra mill-Kunsill sabiex jissuplimentaw is-sistema tal-Komunità; filwaqt li, sakemm l-arranġamenti ta' l-aħħar jidħlu fis-seħħ, Stati Membri jridu jirrifondu t-taxxa fuq is-servizzi u x-xiri ta' merkanzija li ma tkunx koperta b'dinDirettiva, bi qbil ma' l-arranġamenti li huma jaddottaw bi qbil ma' L-Artikolu 17(4) ta' Direttiva 77/388/KEE, ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA: Artikolu 1 Għall-għanijiet ta' din id-Direttiva, "persuna taxxabbli mhux stabbilita fit-territorju tal-pajjiż" għandha tfisser persuna kif hemm referenza għaliha fl-Artikolu 4(1) ta' Direttiva 77/388/KEE li, matul il-perjodu li hemm referenza għalih fl-ewwel u t-tieni sentenzi ta' l-ewwel sotto-paragrafu ta' l-Artikolu 7(1), li la kellha l-post ta' l-attività ekonomika f'dak il-pajjiż, u lanqas kellha stabbiliment li minnu jkunu magħmula transazzjonijiet tan-negozju, lanqas, jekk ma jkunx jeżisti tali post jew stabbiliment fiss, id-dar tagħha jew il-post normali ta' residenza, u li, matul l-istess perjodu, ma tkunx issuplixxiet la merkanzija u lanqas servizzi meqjusa li kienu ġew ipprovduti f'dak il-pajjiż, bl-eċċezzjoni ta': (a) servizzi ta' trasport u servizzi li jorbtu magħhom, eżentati skond l-Artikolu 14(1)(i), l-Artikolu 15 jew l-Artikolu 16(1), B, Ċ u D ta' Direttiva 77/388/KEE; (b) servizzi pprovduti fil-każijiet fejn it-taxxa tkun imħallsa biss mill-persuna li jkunu sarulha s-servizzi, skond l-Artikolu 21(1)(b) ta' Direttiva 77/388/KEE. Artikolu 2 Kull Stat Membru għandu jirrifondi lil kull persuna taxxabbli li ma tkunx stabbilita fit-territorju ta' dak il-pajjiż iżda li tkun stabbilita fi Stati Membru ieħor, soġġetta għall-kondizzjoniiet preskritti taħt, kull taxxa fuq il-valur miżjud mitluba fir-rigward ta' servizzi jew proprjetà li tista' tiċċaqlaq ipprovduta lilha minn persuni oħra taxxabbli fit-territorju tal-pajjiż jew mitluba fir-rigward ta' l-importazzjoni ta' merkanzija fil-pajjiż, sakemm tali merkanzija u servizzi jintużaw għall-għanijiet tat-transazzjonijiet li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 17(3)(a) u (b) ta' Direttiva 77/388/KEE u tad-disposizzjoni ta' servizzi li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 1(b). Artikolu 3 Sabiex tikkwalifika għal rifużjoni, kull persuna taxxabbli kif hemm referenza għaliha fl-Artikolu 2 li ma tissuplixxix la merkanzija u l-anqas servizzi maħsuba li jkunu pprovduti fit-territorju tal-pajjiż għandha: (a) tgħaddi lill-awtorità kompetenti li hemm referenza għaliha fl-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 9 applikazzjoni li tkun magħmula fuq l-abbozz fl-Anness A, tehmeż fatturi oriġinali jew dokumenti ta' importazzjoni. Stati Membri għandhom jagħmlu disponibbli lill-applikanti nota spjegatorja li għandha f'kull każ ikun fiha l-informazzjoni minima preskritta fl-Anness Ċ; (b) tipprovdi evidenza, fil-forma ta' ċertifikat maħruġ mill-awtorità uffiċjali ta' l-Istat li fih tkun stabbilita, li tkun persuna taxxabbli għall-għanijiet ta' taxxa fuq il-valur miżjud f'dak l-Istat. Iżda, fejn l-awtorità kompetenti li hemm referenza għaliha fl-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 9 jkollha diġà evidenza fil-pussess tagħha, il-persuna taxxabbli ma għandhiex tkun marbuta li tipprovdi evidenza ġdida għal perjodu ta' sena mid-data ta' ħruġ ta' l-ewwel ċertifikat mill-awtorità uffiċjali ta' l-Istat li fih tkun stabbilita. Stati Membri ma għandhomx joħorġu ċertifikati lil kwalunkwe persuni taxxabbli li jibbenefikaw mill-eżenzjoni tat-taxxa bi qbil ma' l-Artikolu 24(2) ta' Direttiva 77/388/KEE; (ċ) tiċċertifika permezz ta' dikjarazzjoni bil-miktub li ma tkun ipprovdiet l-ebda merkanzija jew servizzi li kellhom ikunu pprovduti fit-territorju tal-pajjiż matul il-perjodu li hemm referenza għalih fl-ewwel u t-tieni sentenzi ta' l-ewwel sotto-paragrafu ta' l-Artikolu 7(1); (d) twiegħed li tħallas lura kwalunkwe somma miġbura bi żball. Artikolu 4 Sabiex tkun eliġibbli għal rifużjoni, kull persuna taxxabbli kif hemm referenza għaliha fl-Artikolu 2 li ma tkunx ipprovdiet la merkanzija u lanqas servizzi fit-territorju tal-pajjiż li kellhom ikunu pprovduti fil-pajjiż minbarra s-servizzi li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 1(a) u (b) għandha: (a) tissodisfa l-ħtiġijiet preskritti fl-Artikolu 3(a), (b) u (d); (b) tiċċertifika permezz ta' dikjarazzjoni bil-miktub li, matul il-perjodu li hemm referenza għalih fl-ewwel u t-tieni sentenzi ta' l-ewwel sotto-paragrafu ta' l-Artikolu 7(1), ma tkun ipprovdiet l-ebda merkanzija jew servizzi li kellhom ikunu pprovduti fit-territorju tal-pajjiż minbarra minn servizzi li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 1(a) u (b). Artikolu 5 Għall-għanijiet ta' din id-Direttiva, merkanzija u servizzi li għalihom tista' ssir rifużjoni tat-taxxa għandhom jissodisfaw il-kondizzjoniiet preskritti fl-Artikolu 17 ta' Direttiva 77/388/KEE kif applikabbli fl-Istat Membru ta' rifużjoni. Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għal provvisti ta' merkanzija li jkunu, jew li jistgħu jkunu, eżentati taħt punt 2 ta' l-Artikolu 15 ta' Direttiva 77/388/KEE. Artikolu 6 Stati Membri jistgħu ma jimponux fuq persuni taxxabbli li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 2 kwalunkwe obbligu, barra minn dawk li hemm referenza għalihom fl-Artikoli 3 u 4, barra mill-obbligu li tkun ipprovduta, f'każijiet speċifiċi, l-informazzjoni meħtieġa sabiex ikun stabbilit jekk l-applikazzjoni għal rifużjoni tkunx iġġustifikata. Artikolu 7 1. L-applikazzjoni għal rifużjoni li għaliha hemm provdut fl-Artikoli 3 u 4 għandu jkollha x'taqsam max-xiri fur fatturi ta' merkanzija jew servizzi jew għal importazzjonijiet magħmula matul perjodu ta' mhux inqas minn tliet xhur jew mhux aktar minn sena kalendarja. Applikazzjonijiet jistgħu, iżda, ikollhom x'jaqsmu ma' perjodu ta' inqas minn tliet xhur fejn il-perjodu jkun jirrapreżenta l-bqija tas-sena kalendarja. Tali applikazzjonijiet jista' jkollhom x'jaqsmu wkoll ma' fatturi jew dokumenti ta' importazzjoni mhux koperti minn applikazzjonijiet ta' qabel u li jkollhom x'jaqsmu ma' transizzjonijiet magħmula matul is-sena kalendarja in kwistjoni. Applikazzjonijiet għandhom jiddaħħlu għand l-awtorità kompetenti li hemm referenza għaliha fl-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 9 fi żmien sitt xhur mit-tmiem tas-sena kalendarja li fiha t-taxxa tkun inġabret. Jekk l-applikazzjoni tirreferi għal perjodu ta' inqas minn sena kalendarja iżda għal mhux inqas minn tliet xhur, l-ammont li għalih issir applikazzjoni ma jistax ikun inqas minn l-ekwivalenti f'munita nazzjonali ta' 200 units of account Ewropej; jekk l-applikazzjoni tirreferi għal perjodu ta' sena kalendarja jew għall-bqija tas-sena kalendarja, l-ammont ma jistax ikun inqas minn l-ekwivalenti f'munita nazzjonali ta' 25 units of account Ewropej. 2. Il-unit of account Ewropej użat għandu jkun dak iddefinit fir-Regolament Finanzjarju tal-21 ta' Diċembru 1977 [5], kif stabbilit nhar l-1 ta' Jannar tas-sena tal-perjodu li hemm referenza għalih fl-ewwel u fit-tieni sentenzi ta' l-ewwel sotto-paragrafu ta' paragrafu 1. L-Istati Membri jistgħu jagħmlu ċifra tonda, sa 10 %, il-figuri li jirriżultaw minn dan il-kambju f'munita nazzjonali. 3. L-awtorità kompetenti li hemm referenza għaliha fl-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 9 għandha tittimbra kull fattura/jew dokument ta' importazzjoni sabiex ma jsirx użu minnhom għal applikazzjoni oħra u għandha tirriturnhom fi żmien xahar. 4. Deċiżjonijiet dwar applikazzjonijiet għal rifużjoni għandhom ikunu mħabbra fi żmien sitt xhur mid-data meta l-applikazzjonijiet, flimkien mad-dokumenti kollha neċessarji meħtieġa taħt din id-Direttiva għal eżaminazzjoni ta' l-applikazzjoni, jiddaħħlu għand l-awtorità kompetenti li hemm referenza għaliha fil-paragrafu 3. Rifużjonijiet għandhom isiru qabel l-aħħar tal-perjodu msemmi fuq, fuq talba mill-applikant, jew fl-Istat Membru ta' rifużjoni jew fl-Istat li fih ikun stabbilit. Fil-kaz ta' l-aħħar, it-tariffi tal-bank għat-trasferiment għandhom jitħallsu mill-applikant. Għandhom jingħataw ir-raġunijiet għal rifjut ta' applikazzjoni. Appelli kontra tali rifjuti jistgħu jsiru lill-awtoritajiet kompetenti fl-Istat Membru konċernat, soġġetti għall-istess kondizzjonijiet tal-forma u limiti ta' żmien ta' dawk li jirregolaw talb għal rifużjoni magħmula minn persuni taxxabbli stabbiliti fl-istess Stat. 5. Fejn ikun inkisbet rifużjoni b'mod li jkun fih il-frodi jew b'mod ieħor irregolari, l-awtorità kompetenti li hemm referenza għaliha fil-paragrafu 3 għandha tipproċedi direttament sabiex tirkupra l-ammonti mħallsa bi żball u timponi kwalunkwe penali, bi qbil mal-proċedura applikabbli fl-Istat Membru konċernat, mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet li għandhom x'jaqsmu ma' l-assistenza komuni fl-irkuprar tat-taxxa fuq il-valur miżjud. Fil-kaz ta' applikazzjonijiet li jkun fihom il-frodi li ma jistgħux ikunu soġġetti għall-penali amministrattivi, bi qbil ma' leġislazzjoni nazzjonali, l-Istat Membru konċernat jista' jirrifjuta għal perjodu massimu ta' sentejn mid-data li fiha tkun iddaħħlet l-applikazzjoni li jkun fiha l-frodi kwalunkwe rifużjoni oħra lill-persuna taxxabbli konċernata. Fejn tkun ġiet imposta penali amministrattiva iżda ma tkunx ġiet imħallsa, l-Istat Membru konċernat jista' jissospendi kwalunkwe rifużjoni oħra lill-persuna taxxabbli konċernata sakemm din titħallas. Artikolu 8 Fil-kaz ta' persuni taxxabbli mhux stabbiliti fit-territorju tal-Komunità, Stati Membri jistgħu jirrifjutaw rifużjonijiet jew jimponu kondizzjonijiet speċjali. Ma jistgħux jingħataw rifużjonijiet fuq termini aktar favorevoli minn dawk li għalihom tkun saret applikazzjoni f'dak li għandu x'jaqsam ma' persuni taxxabbli stabbiliti fit-territorju tal-Komunità. Artikolu 9 Stati Membri għandhom jgħarrfu, b'mod xieraq, lill-awtorità kompetenti li għandha tiddaħħal l-applikazzjoni li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 3(a) u fl-Artikolu 4(a). Iċ-ċertifikati li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 3(b) u fl-Artikolu 4(a), li jistabbilixxu li l-persuna konċernata hi persuna taxxabbli, għandhom ikunu mfassla fuq l-abbozzi li jinsabu fl-Anness B. Artikolu 10 Stati Membri għandhom iġibu fis-seħħ id-disposizzjonijiet meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 1981. Din id-Direttiva għandha tapplika biss għal applikazzjonijiet għal rifużjonijiet li jkollhom x'jaqsmu ma' taxxa fuq il-valur miżjud miġbura fuq xiri fuq fatturi ta' merkanzija jew servizzi jew f'importazzjonijiet magħmula minn dik id-data. Stati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni it-testi tad-disposizzjonijiet prinċipali ta' liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert b'din id-Direttiva. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri l-oħra bihom. Artikolu 11 Permezz ta' deroga minn l-Artikolu 7(4), ir-Repubblika Taljana tista', sa l-1 ta' Jannar 1982, testendi l-perjodu li hemm referenza għalih f'dan il-paragrafu minn sitt xhur għal disa' xhur. Artikolu 12 Tliet snin wara d-data li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 10, il-Kummissjoni għandha, wara li tikkonsulta lill-Istati Membri, tagħti rapport lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva, u b'mod partikolari l-Artikoli 3, 4 u 7 tagħha. Artikolu 13 Din id-Direttiva hi ndirizzata lill-Istati Membri. Magħmula fi Brussell, fis-6 ta' Diċembru 1979. Għall-Kunsill Il-President L. Preti [1] ĠU Nru L 145, tat-13.6.1977, p.1. [2] ĠU Nru C 26, tat-1.2.1978, p.5. [3] ĠU Nru C 39, tat-12.2.1979, p.14 [4] ĠU Nru C 269, tat-13.11.1978, p.51 [5] ĠU L 356, tal-31.12.1977, p. 1. -------------------------------------------------- ANNESS A SPECIMEN +++++ TIFF +++++ +++++ TIFF +++++ -------------------------------------------------- ANNESS B MUDELL ĊERTIFIKAT TA' STATUS TA' PERSUNA TAXXABBLI +++++ TIFF +++++ -------------------------------------------------- ANNESS Ċ Informazzjoni minima li għandha tingħata f'noti spjegatorji-applikazzjonijiet ta' qabel u li jkollha x'taqsam ma' transazzjonijiet magħmula matul is-sena +++++ TIFF +++++ +++++ TIFF +++++ --------------------------------------------------