Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013L0043

Direttiva tal-Kunsill 2013/43/UE tat- 22 ta’ Lulju 2013 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud, rigward applikazzjoni fakultattiva u temporanja tal-mekkaniżmu tar-reverse charge fir-rigward ta' fornimenti ta' ċerti prodotti u servizzi li jistgħu jkunu soġġetti għal frodi

ĠU L 201, 26.7.2013, p. 4–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2018

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2013/43/oj

26.7.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 201/4


DIRETTIVA TAL-KUNSILL 2013/43/UE

tat-22 ta’ Lulju 2013

li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud, rigward applikazzjoni fakultattiva u temporanja tal-mekkaniżmu tar-reverse charge fir-rigward ta' fornimenti ta' ċerti prodotti u servizzi li jistgħu jkunu soġġetti għal frodi

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 113 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Filwaqt li jaġixxi f'konformità ma' proċedura leġislattiva speċjali,

Billi:

(1)

Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE (3) tispeċifika li t-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) għandha titħallas minn kwalunkwe persuna taxxabbli li twettaq transazzjonijiet li jinvolvu l-forniment taxxabbli ta’ prodotti jew servizzi. Madankollu, għal transazzjonijiet transkonfinali u għal ċerti setturi domestiċi b'riskju għoli, hi tipprevedi li l-obbligu tal-ħlas tal-VAT għandu jiġi ttrasferit lill-persuna li lilha jsir il-forniment (il-mekkaniżmu tar-reverse charge).

(2)

Minħabba l-gravità tal-frodi tal-VAT, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu japplikaw, fuq bażi temporanja, mekkaniżmu li permezz tiegħu l-obbligu li titħallas il-VAT, fir-rigward ta' fornimenti ta' ċerti kategoriji ta' prodotti u servizzi jiġi ttrasferit għall-persuna li jsirilha l-forniment taxxabbli ta' prodotti jew servizzi, inkluż fejn dawk il-kategoriji la jkunu elenkati fl-Artikolu 199 tad-Direttiva 2006/112/KE u lanqas ikunu soġġetti għal derogi speċifiċi mogħtija lill-Istati Membri.

(3)

Għal dak il-għan, il-Kummissjoni ressqet proposta fl-2009, li telenka numru ta' prodotti u servizzi li għalihom, għal perijodu limitat, jista' jiġi applikat il-mekkaniżmu tar-reverse charge. Il-Kunsill għażel li jaqsam il-proposta u adotta d-Direttiva tal-Kunsill 2010/23/UE (4), li madankollu kienet limitata biss għall-kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra, minħabba li s-sitwazzjoni ta' frodi f'dak is-settur kienet teħtieġ reazzjoni immedjata. Fl-istess waqt, il-Kunsill ħa l-impenn politiku li jkompli n-negozjati dwar il-parti li baqa' tal-proposta tal-Kummissjoni.

(4)

Minn dak iż-żmien, seħħet frodi f'setturi oħra u, għalhekk, prodotti u servizzi ġodda għandhom jinżiedu mal-parti li baqa' tal-proposta tal-Kummissjoni fir-rigward tal-lista predefinita ta' prodotti u servizzi li għaliha jista' japplika r-reverse charge. B'mod partikolari, seħħet frodi fir-rigward tal-forniment tal-gass u l-elettriku, is-servizzi ta' telekomunikazzjoni, konsols tal-logħob, tablet PCs u laptops, ċereali, għelejjel industrijali inklużi żrieragħ taż-żejt u pitravi taz-zokkor, u metalli mhux maħduma jew parzjalment maħduma inklużi metalli prezzjużi.

(5)

L-introduzzjoni tal-mekkaniżmu tar-reverese chareg immirat lejn dawk l-prodotti u servizzi, li skont esperjenza reċenti huma partikolarment suxxettibbli għall-frodi, m'għandhiex taffettwa ħażin il-prinċipji fundamentali tas-sistema tal-VAT, bħal pereżempju l-pagamenti frazzjonati.

(6)

Il-lista definita minn qabel, li l-Istati Membri jistgħu jagħżlu minnha, għandha tiġi ristretta għall-fornimenti ta’ prodotti u servizzi li, skont esperjenza reċenti, huma partikolarment suxxettibbli għall-frodi.

(7)

Fl-applikazzjoni tal-mekkaniżmu tar-reverse charge, l-Istati Membri għandhom id-diskrezzjoni li jistabbilixxu l-kondizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-mekkaniżmu inklużi l-istabbiliment tal-limiti, il-kategoriji ta' fornituri jew riċevituri li dan il-mekkaniżmu jista' japplika għalihom u l-applikazzjoni parzjali tal-mekkaniżmu fi ħdan il-kategoriji.

(8)

Peress illi mekkaniżmu tar-reverse charge huwa miżura temporanja sakemm jinsabu soluzzjonijiet leġislattivi aktar fit-tul bil-ħsieb li s-sistema tal-VAT ssir aktar reżiljenti għal frodi kontra l-VAT, il-mekkaniżmu tar-reverse charge stabbilit skont l-Artikolu 199a tad-Direttiva 2006/112/KE għandu japplika biss għal perijodu ta' żmien limitat.

(9)

Sabiex ikun żgurat li l-mekkaniżmu tar-reverse charge ikun jista' jiġi applikat għal żmien twil biżżejjed sabiex ikun effettiv u biex tkun tista' ssir evalwazzjoni sussegwenti, hu meħtieġ li l-limitu ta' żmien attwali jiġi estiż. Bl-istess mod, id-data għall-perijodu ta' evalwazzjoni u d-data ta' tmiem għal dak il-perijodu, li matulu għandha tiġi rrapurtata bidla fl-attivitajiet frodulenti, għandhom jiġu postposti.

(10)

Sabiex l-Istati Membri kollha jiġu pprovduti bl-għażla li japplikaw il-mekkaniżmu tar-reverse charge msemmi hawn fuq, hi meħtieġa emenda speċifika għad-Direttiva 2006/112/KE.

(11)

Peress li l-objettiv tal-azzjoni proposta, jiġifieri li tiġi indirizzata l-frodi kontra l-VAT permezz ta’ miżuri temporanji li jidderogaw mir-regoli tal-Unjoni eżistenti, ma jistax jintlaħaq b'mod suffiċjenti mill-Istati Membru u għalhekk jista' jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jinkiseb dak l-objettiv.

(12)

Id-Direttiva 2006/112/KE għandha għalhekk tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 2006/112/KE hija emendata kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 193 ir-referenza għal "Artikoli 194 sa 199" hija sostitwita bir-referenza għal "Artikoli 194 sa 199b";

(2)

L-Artikolu 199a hu emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, l-ewwel sentenza hija sostitwita b'dan li ġej:

"L-Istati Membri jistgħu, sal-31 ta' Diċembru 2018 u għal perijodu minimu ta' sentejn, jipprevedu li l-persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT hija l-persuna taxxabbli li lilha jiġi fornut kwalunkwe wieħed minn dawn il-fornimenti:"

b)

fil-paragrafu 1, jiżdiedu l-punti li ġejjin:

"(c)

fornimenti ta' telefowns ċellulari, li huma mezzi magħmula jew adattati għall-użu f’konnessjoni ma’ netwerk liċenzjat u operati fuq frekwenzi speċifikati, kemm jekk ikollhom jew jekk ma jkollhomx xi użu ieħor;

(d)

fornimenti ta' tagħmir ta' ċirkuwiti integrati bħal mikroproċessuri u unitajiet ta' proċessar ċentrali fl-istat ta' qabel l-integrazzjoni fi prodotti għall-utenti finali;

(e)

fornimenti ta' gass u elettriku għal negozjant taxxabbli kif definit fl-Artikolu 38(2);

(f)

fornimenti ta' ċertifikati tal-gass u l-elettriku;

(g)

fornimenti ta’ servizzi ta' telekominikazzjoni kif definit fl-Artikolu 24(2);

(h)

fornimenti ta' konsols tal-logħob, tablet PC's u laptops;

(i)

fornimenti ta' ċereali u għelejjel industrijali inklużi żrieragħ taż-żejt u pitravi taz-zokkor, li normalment ma jintużawx fl-istat mhux mibdul għall-konsum final;

(j)

fornimenti ta' metalli mhux maħduma u dawk parzjalment maħduma, inklużi metalli prezzjużi, fejn mhumiex koperti b'xi mod ieħor mill-punt (d) tal-Artikolu 199(1), l-arranġamenti speċjali għall-oġġetti użati, opri tal-arti, oġġetti ta’ kollezzjoni u antikitajiet skont l-Artikoli 311 sa 343 jew l-iskema speċjali għad-deheb ta’ investiment skont l-Artikoli 344 sa 356."

c)

il-paragrafi li ġejjin għandhom jiżdiedu:

"1a.   L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu l-kondizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-mekkaniżmu previst fil-paragrafu 1.

1b.   L-applikazzjoni tal-mekkaniżmu previst fil-paragrafu 1 għall-provvista ta' kwalunkwe wieħed mill-prodotti jew servizzi elenkati fil-punti (c) sa (j) ta' dak il-paragrafu hija soġġetta għall-introduzzjoni ta' obbligi ta' rappurtar xierqa u effettivi minn persuni taxxabbli li jfornu l-prodotti jew is-servizzi li għalihom japplika l-mekkaniżmu previst fil-paragrafu 1.";

d)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

"2.   L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kumitat tal-VAT dwar l-applikazzjoni tal-mekkaniżmu previst fil-paragrafu 1 mal-introduzzjoni ta’ kwalunkwe mekkaniżmu bħal dan u għandhom jipprovdu l-informazzjoni li ġejja lill-Kumitat tal-VAT:

(a)

il-portata tal-miżura li qed tapplika l-mekkaniżmu flimkien mat-tip u l-karatteristiċi tal-frodi, u deskrizzjoni ddettaljata tal-miżuri ta' akkumpanjament, inkluż kwalunkwe obbligu ta' rappurtar minn persuni taxxabbli u kwalunkwe miżura ta' kontroll;

(b)

l-azzjonijiet meħuda biex jinfurmaw lill-persuni taxxabbli rilevanti bl-introduzzjoni tal-applikazzjoni tal-mekkaniżmu;

(c)

il-kriterji ta’ evalwazzjoni biex ikun possibbli tqabbil bejn attivitajiet frodulenti fir-rigward tal-prodotti u s-servizzi elenkati fil-paragrafu 1 qabel u wara l-applikazzjoni tal-mekkaniżmu, l-attivitajiet frodulenti fir-rigward ta' prodotti u servizzi oħrajn qabel u wara l-applikazzjoni tal-mekkaniżmu, u kull żieda f’tipi oħrajn ta’ attivitajiet frodulenti qabel u wara l-applikazzjoni tal-mekkaniżmu;

(d)

id-data tal-bidu u l-perijodu li għandu jkun kopert mill-miżura li tapplika l-mekkaniżmu."

e)

fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3, l-ewwel sentenza hija sostitwita b'dan li ġej:

"L-Istati Membri li japplikaw il-mekkaniżmu previst fil-paragrafu 1 għandhom, abbażi tal-kriterji ta’ evalwazzjoni previsti fil-punt (c) tal-paragrafu 2, jippreżentaw rapport lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2017.";

f)

fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 3, il-punt (a) huwa sostitwit b'dan li ġej:

"(a)

l-impatt fuq attivitajiet frodulenti fir-rigward tal-fornimenti ta' prodotti jew servizzi koperti bil-miżura;"

g)

Il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

"4.   Kull Stat Membru, li jkun individwa bidla fix-xejriet tal-attivitajiet frodulenti fit-territorju tiegħu fir-rigward tal-prodotti u s-servizzi elenkati fil-paragrafu 1, mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan l-Artikolu fir-rigward ta' tali prodotti u servizzi, għandu jippreżenta rapport lill-Kummissjoni f’dak ir-rigward mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2017.

5.   Qabel l-1 ta' Jannar 2018, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport ta' valutazzjoni ġenerali dwar l-effetti tal-mekkaniżmu previst fil-paragrafu 1 fuq il-ġlieda kontra l-frodi.".

Artikolu 2

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

Id-Direttiva għandha tapplika sal-31 ta' Diċembru 2018.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Lulju 2013.

Għall-Kunsill

Il-President

C. ASHTON


(1)  ĠU C 341E, 16.12.2010, p. 81.

(2)  ĠU C 339, 14.12.2010, p. 41.

(3)  Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1).

(4)  Direttiva tal-Kunsill 2010/23/UE tas-16 ta' Marzu 2010 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud, fir-rigward ta' applikazzjoni fakultattiva u temporanja tal-mekkaniżmu tar-reverse charge fir-rigward tal-forniment ta' ċerti servizzi li jistgħu jkunu soġġetti għal frodi (ĠU L 72, 20.3.2010, p. 1)


Top