This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32013D0798
Council Decision 2013/798/CFSP of 23 December 2013 concerning restrictive measures against the Central African Republic
Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/798/PESK tat- 23 ta’ Diċembru 2013 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Ċentru-Afrikana
Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/798/PESK tat- 23 ta’ Diċembru 2013 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Ċentru-Afrikana
ĠU L 352, 24.12.2013, p. 51–52
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force: This act has been changed. Current consolidated version: 11/11/2023
24.12.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 352/51 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2013/798/PESK
tat-23 ta’ Diċembru 2013
dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Ċentru-Afrikana
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,
Billi:
(1) |
Fis-16 ta' Diċembru 2013, il-Kunsill esprima t-tħassib profond tiegħu dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (RĊA). |
(2) |
Fil-5 ta' Diċembru 2013, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta r-Riżoluzzjoni 2127 (2013), li timponi embargo fuq l-armi kontra r-Repubblika Ċentru-Afrikana (RĊA). |
(3) |
Aktar azzjoni mill-Unjoni hija meħtieġa sabiex jiġu implimentati ċerti miżuri, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. Il-bejgħ, il-provvista, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ armi u materjal relatat ta’ kull tip, inklużi armi u munizzjon, vetturi u tagħmir militari, tagħmir paramilitari, u spare parts għal dawn imsemmija hawn fuq lir-Repubblika Ċentru-Afrikana (“RĊA”) minn ċittadini ta’ Stati Membri jew li ġejjin minn territorji ta’ Stati Membri jew l-użu ta' bastimenti li jtajru l-bandiera jew l-ajruplani tagħhom għandhom ikunu pprojbiti kemm jekk joriġinaw kif ukoll jekk ma joriġinawx mit-territorji tagħhom.
2. Għandu jkun pprojbit:
(a) |
l-għoti ta' assistenza teknika, servizzi ta’ senserija u servizzi oħra, inkluż il-forniment ta' persunal merċenarju armat, relatati ma’ attivitajiet militari u mal-forniment, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta' armi u ta' materjal relatat ta' kull tip, inklużi armi u munizzjon, vetturi u tagħmir militari, tagħmir paramilitari, u spare parts għal dawn imsemmija hawn fuq, direttament jew indirettament, lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fir-RĊA jew biex jintużaw fiha; |
(b) |
l-għoti ta' finanzjament jew assistenza finanzjarja relatati ma' attivitajiet militari, inkluż b'mod partikolari għotjiet, self u assigurazzjoni tal-kreditu għall-esportazzjoni, kif ukoll assigurazzjoni u riassigurazzjoni, għal kwalunkwe bejgħ, provvista, trasferiment jew esportazzjoni ta' armi u materjal relatat, jew għall-forniment ta' assistenza teknika relatata, servizzi ta' senserija u servizzi oħrajn, direttament jew indirettament lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fir-RĊA jew biex jintużaw fiha; |
(c) |
il-parteċipazzjoni, konsapevoli u intenzjonali, f'attivitajiet li l-għan jew l-effett tagħhom ikun li jiġu evitati l-projbizzjonijiet imsemmija fil-punti (a) jew (b). |
Artikolu 2
1. L-Artikolu 1 ma għandux japplika għal:
(a) |
il-bejgħ, il-provvista, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta' armi u materjal relatat intenzjonat biss għall-appoġġ ta', jew l-użu mill-missjoni għall-Konsolidazzjoni tal-Paċi fl-Afrika Ċentrali (MICOPAX), il-Missjoni Internazzjonali ta' Appoġġ fir-RĊA taħt Tmexxija Afrikana (MISCA), l-Uffiċċju Integrat tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Bini tal-Paċi fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (BINUCA) u l-unità ta' gwardja tiegħu, it-Task Force Reġjonali għall-Unjoni Afrikana (UA-RTF), u l-Forzi Franċiżi stazzjonati fir-RĊA; |
(b) |
il-bejgħ, il-provvista, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ lbies protettiv, inklużi ġkieket rinfurzati u elmi militari, esportati temporanjament lejn ir-RĊA minn persunal tan-Nazzjonijiet Uniti, persunal tal-Unjoni jew l-Istati Membri tagħha, rappreżentanti tal-mezzi tax-xandir u ħaddiema umanitarji u fil-qasam tal-iżvilupp u persunal assoċjat, għall-użu personali tagħhom biss; |
(c) |
il-bejgħ, il-provvista, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta' armi żgħar u materjal relatat intenzjonati biss biex jintużaw f'pattulji internazzjonali li jipprovdu sigurtà fiż-Żona Protetta nazzjonali bi tliet partijiet tax-Xmara Sangha għad-difiża kontra serq, kuntrabandu tal-ivorju u l-armi, u attivitajiet oħra li jmorru kontra l-liġijiet nazzjonali tar-RĊA jew l-obbligi legali internazzjonali tar-RĊA. |
2. L-Artikolu 1 ma għandux japplika għal:
(a) |
il-bejgħ, il-provvista, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta' tagħmir militari mhux letali intenzjonat biss għal użu umanitarju jew protettiv, u assistenza teknika relatata; |
(b) |
il-bejgħ, il-provvista, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta' armi u tagħmir letali relatat ieħor lill-forzi tas-sigurtà tar-RĊA, intenzjonati biss għall-appoġġ jew l-użu fil-proċess tar-RĊA għar-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà (RSS); |
(c) |
il-bejgħ, il-provvista, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta' armi u materjal relatat ieħor, u assistenza teknika jew finanzjarja relatata, inkluż persunal; |
kif approvat minn qabel mill-Kumitat stabbilit skont il-paragrafu 57 tal-KSNU 2127 (2013).
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Diċembru 2013.
Għall-Kunsill
Il-President
L. LINKEVIČIUS