Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011D0263

    2011/263/UE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 28 ta’ April 2011 dwar l-istabbiliment ta’ kriterji ekoloġiċi għall-għoti tal-Ekotikketta tal-UE lil deterġenti għall-magni tal-ħasil tal-platti (notifikata bid-dokument numru C(2011) 2806) Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 111, 30.4.2011, p. 22–33 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 25/06/2017; Imħassar b' 32017D1216

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2011/263/oj

    30.4.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 111/22


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tat-28 ta’ April 2011

    dwar l-istabbiliment ta’ kriterji ekoloġiċi għall-għoti tal-Ekotikketta tal-UE lil deterġenti għall-magni tal-ħasil tal-platti

    (notifikata bid-dokument numru C(2011) 2806)

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    (2011/263/UE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 66/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar skema ta’ Ekotikketta tal-UE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 8(2) tiegħu,

    Wara li kkonsultat il-Bord tal-Ekotikkettar tal-Unjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Skont ir-Regolament (KE) Nru 66/2010, l-Ekotikketta tal-UE tista' tingħata lil dawk il-prodotti b'impatt ambjentali mnaqqas waqt iċ-ċiklu tal-ħajja kollu tagħhom.

    (2)

    Ir-Regolament (KE) Nru 66/2010 jipprovdi li għandhom ikunu stabbiliti kriterji speċifiċi tal-Ekotikketta tal-UE skont il-gruppi tal-prodotti.

    (3)

    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/427/KE (2) stabbilixxiet il-kriterji ekoloġiċi kif ukoll ir-rekwiżiti relatati mal-valutazzjoni u mal-verifika għad-deterġenti għall-magni tal-ħasil tal-platti. Wara l-analiżi tal-kriterji stabbiliti f'dik id-Deċiżjoni, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/31/KE (3) stabbilixxiet kriterji riveduti li huma validi sat-30 ta’ April 2011.

    (4)

    Dawk il-kriterji ġew analizzati aktar fid-dawl tal-iżviluppi teknoloġiċi. Mill-analiżi jirriżulta li hu meħtieġ li tkun emendata d-definizzjoni tal-grupp tal-prodotti sabiex tinkludi sottogrupp tal-prodotti ġdid u biex tistabbilixxi kriterji ġodda. Dawk il-kriterji l-ġodda, kif ukoll ir-rekwiżiti ta’ valutazzjoni u ta’ verifika relatati għandhom ikunu validi għal erba' snin mid-data tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

    (5)

    Id-Deċiżjoni 2003/31/KE għandha għalhekk tkun sostitwita għal raġunijiet ta’ ċarezza.

    (6)

    Għandu jkun hemm perjodu tranżizzjonali għall-produtturi li l-prodotti tagħhom ingħataw l-Ekotikketta għad-deterġenti għall-magni tal-ħasil tal-platti abbażi tal-kriterji stabbiliti fid-Deċiżjoni 2003/31/KE, sabiex ikollhom żmien suffiċjenti biex jadattaw il-prodotti tagħhom biex jikkonformaw mal-kriterji u r-rekwiżiti riveduti. Il-produtturi għandhom ukoll jitħallew jippreżentaw applikazzjonijiet abbażi tal-kriterji stabbiliti fid-Deċiżjoni 2003/31/KE jew tal-kriterji stabbiliti f'din id-Deċiżjoni sakemm tiskadi l-validità ta’ dik id-Deċiżjoni.

    (7)

    Il-miżuri pprovduti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit mill-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 66/2010,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-grupp tal-prodotti “Deterġenti għall-Magni tal-Ħasil tal-Platti” għandu jinkludi deterġenti għall-magni tal-ħasil tal-platti u prodotti użati bħala għajnuna għat-tlaħliħ, kemm jekk f'forma ta’ trab, ta’ likwidu jew kwalunkwe forma oħra, li huma maħsuba biex ikunu kkummerċjalizzati u użati esklussivament f'magni tal-ħasil tal-platti domestiċi awtomatiċi u f'magni tal-ħasil tal-platti awtomatiċi għal użu professjonali, li d-daqs u l-użu tagħhom hu simili għal dak tal-magni tal-ħasil tal-platti domestiċi.

    Artikolu 2

    Għall-fini ta’ din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    Sustanza tfisser element kimiku u l-komposti tiegħu fl-istat naturali jew miksub bi kwalunkwe proċess tal-produzzjoni, inkluż kwalunkwe addittiv meħtieġ biex jippreżerva l-istabbiltà tal-prodotti u kwalunkwe impurità li tirriżulta mill-proċess użat, iżda li jeskludi kwalunkwe solvent li jista' jiġi sseparat mingħajr ma tkun affettwata l-istabbiltà tas-sustanza jew tinbidel il-kompożizzjoni tagħha.

    Artikolu 3

    Sabiex jingħata l-Ekotikketta tal-UE skont ir-Regolament (KE) Nru 66/2010, deterġent għall-magni tal-ħasil tal-platti għandu jaqa' taħt il-grupp tal-prodotti “Deterġent għall-Magni tal-Ħasil tal-Platti” kif iddefinit fl-Artikolu 1, u għandu jikkonforma mal-kriterji stabbiliti fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 4

    Il-kriterji għall-grupp tal-prodotti “Deterġenti għall-Magni tal-Ħasil tal-Platti”, kif ukoll ir-rekwiżiti ta’ valutazzjoni u verifika relatati, għandhom ikunu validi għal erba' snin mid-data tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 5

    Għal finijiet amministrattivi n-numru tal-kodiċi assenjat lill-grupp tal-prodotti “Deterġenti għall-magni tal-ħasil tal-platti” għandu jkun “015”.

    Artikolu 6

    Id-Deċiżjoni 2003/31/KE hi rrevokata.

    Artikolu 7

    1.   B'deroga mill-Artikolu 6, l-applikazzjonijiet għall-Ekotikketta tal-UE għal prodotti li jaqgħu taħt il-grupp tal-prodotti “Deterġenti għall-Magni tal-Ħasil tal-Platti” ppreżentati qabel id-data tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni għandhom ikunu evalwati skont il-kundizzjonjiiet stipulati fid-Deċiżjoni 2003/31/KE.

    2.   L-applikazzjonijiet għall-Ekotikketta tal-UE għal prodotti li jaqgħu taħt il-grupp tal-prodotti “Deterġenti għall-Magni tal-Ħasil tal-Platti” ppreżentati qabel id-data tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni iżda mhux aktar tard mit-30 ta’ April 2011 jistgħu jkunu bbażati jew fuq il-kriterji stabbiliti fid-Deċiżjoni 2003/31/KE jew fuq il-kriterji stabbiliti f'din id-Deċiżjoni.

    Dawk l-applikazzjonijiet għandhom ikunu evalwati skont il-kriterji li fuqhom huma bbażati.

    3.   Meta l-Ekotikketta tingħata abbażi ta’ applikazzjoni evalwata skont il-kriterji stabbiliti fid-Deċiżjoni 2003/31/KE, dik l-Ekotikketta tista' tintuża għal 12-il xahar mid-data tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 8

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ April 2011.

    Għall-Kummissjoni

    Janez POTOČNIK

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 27, 30.1.2010, p. 1.

    (2)  ĠU L 167, 2.7.1999, p. 38.

    (3)  ĠU L 9, 15.1.2003, p. 11.


    ANNESS

    QAFAS

    L-għanijiet tal-kriterji

    Il-kriterji jimmiraw, b’mod partikolari, biex jippromwovu prodotti li għandhom impatt imnaqqas fuq l-ekosistemi akkwatiċi, li jinkludu ammont limitat ta’ sustanzi perikolużi u li l-prestazzjoni tagħhom kienet ittestjata.

    KRITERJI

    Dawn il-kriterji jkopru l-oqsma li ġejjin:

    1.

    Sustanzi kimiċi totali

    2.

    Sustanzi jew taħlitiet esklużi jew limitati

    3.

    Tossiċità għall-organiżmi akkwatiċi: Volum Kritiku ta’ Dilwizzjoni

    4.

    Bijodegradabilità tas-sustanzi organiċi

    5.

    Prestazzjoni tal-ħasil

    6.

    Rekwiżiti ta’ imballaġġ

    7.

    Informazzjoni għall-konsumatur

    8.

    Informazzjoni li tidher fuq l-Ekotikketta tal-UE.

    1.   Valutazzjoni u verifika

    (a)   Rekwiżiti

    Ir-rekwiżiti speċifiċi ta’ valutazzjoni u verifika huma indikati f’kull kriterju.

    Meta l-applikant ikun meħtieġ jipprovdi dikjarazzjonijiet, dokumentazzjoni, analiżi, rapporti ta’ testijiet, jew evidenza oħra biex juri l-konformità mal-kriterji, hu mifhum li dawn jistgħu joriġinaw mill-applikant u/jew il-fornitur(i) tiegħu u/jew il-fornitur(i) tagħhom, eċċ., skont kif ikun xieraq.

    Meta jkun possibbli, l-ittestjar għandu jitwettaq minn laboratorji li jissodisfaw ir-rekwiżiti ġenerali ta’ EN ISO 17025 jew l-ekwivalenti tiegħu.

    Meta jkun xieraq, il-metodi ta’ ttestjar għajr dawk indikati għal kull kriterju jistgħu jintużaw jekk il-korp kompetenti li jivvaluta l-applikazzjoni jaċċetta l-ekwivalenza tagħhom.

    L-Appendiċi I tirreferi għall-bażi tad-dejta tal-ingredjenti tad-deterġenti (lista DID) li tinkludi l-ingredjenti l-aktar użati fil-formulazzjonijiet tad-deterġenti. Din għandha tintuża biex tiġi dderivata d-dejta għall-kalkoli tal-Volum Kritiku tad-Dilwizzjoni (CDV) u għall-valutazzjoni tal-bijodegradabilità tal-ingredjenti. Għas-sustanzi mhux preżenti fil-lista DID, tingħata gwida dwar kif għandha tiġi kkalkolata jew estrapolata d-dejta rilevanti. L-aħħar verżjoni tal-lista DID hi disponibbli mis-sit elettroniku tal-Ekotikketta tal-UE jew permezz tas-siti elettroniċi tal-korpi kompetenti individwali.

    Meta jkun xieraq, il-korpi kompetenti jistgħu jitolbu dokumentazzjoni ta’ appoġġ u jistgħu jwettqu verifiki indipendenti.

    (b)   Limiti tal-kejl

    Is-sustanzi kostitwenti li l-konċentrazzjoni tagħhom taqbeż 0.010 % skont il-piż tal-preparazzjoni għandhom jikkonformaw mal-kriterji ekoloġiċi.

    Għall-preżervattivi, l-aġenti li jlewnu u l-fwejjaħ il-konformità mal-kriterji hi meħtieġa irrispettivament mill-konċentrazzjoni tagħhom ħlief għall-kriterju 2(b) dwar il-kontenut tas-sustanzi u t-taħlitiet perikolużi.

    Is-sustanzi li jidħlu huma ddefiniti bħala s-sustanzi kollha fil-prodott inklużi l-addittivi (eż. preżervattivi jew stabbilizzaturi) fl-ingredjenti. L-impuritajiet li jirriżultaw mill-produzzjoni tal-materja prima, li huma preżenti f’konċentrazzjonijiet > 0,010 % skont il-piż tal-formulazzjoni finali għandhom ukoll jikkonformaw mal-kriterji.

    Jekk il-prodott ikollu fojl li ddub fl-ilma intenzjonata biex titneħħa qabel il-ħasil, il-fojl għandha titqies li hi parti mill-formulazzjoni tal-prodott fir-rekwiżiti kollha.

    2.   Unità funzjonali

    L-unità funzjonali għandha tkun il-kwantità tal-prodott meħtieġa biex jinħaslu 12-il pożata (place setting) bi ħmieġ standard (kif iddefinit fl-istandards DIN jew ISO).

    3.   Dożaġġ ta’ referenza

    Id-dożaġġ irrakkomandat mill-manifattur lill-konsumaturi għal platti bi ħmieġ normali u għal 12-il pożata huwa meħud bħala d-dożaġġ ta’ referenza taħt kundizzjonijiet standard, kif stabbilit fit-test ta’ prestazzjoni tal-ħasil IKW imsemmi fil-kriterju 5.

    Rekwiżiti relatati mal-valutazzjoni u l-verifika ta’ (2) Unità funzjonali u (3) Dożaġġ ta’ referenza: Il-formulazzjoni sħiħa, li tinkludi l-isem kummerċjali, l-isem kimiku, in-numru tal-CAS, in-numru DID (*), il-kwantità li tidħol bl-inklużjoni u bl-esklużjoni tal-ilma u l-funzjoni tal-ingredjenti kollha li jidħlu (irrispettivament mill-konċentrazzjoni) fil-prodott, għandha tiġi ppreżentata lill-korp kompetenti. Il-korp kompetenti għandu jiġi ppreżentat b’kampjun tax-xogħol grafiku inklużi r-rakkomandazzjonijiet rigward id-dożaġġ.

    Il-korp kompetenti għandu jiġi ppreżentat bi skedi tad-dejta dwar is-sikurezza għal kull ingredjent skont ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

    Il-lista DID tista’ tinstab fuq is-sit elettroniku tal-Ekotikketta tal-UE: http://ec.europa.eu/environment/ecolabel/ecolabelled_products/categories/did_list_en.htm

    KRITERJI TAL-EKOTIKKETTA TAL-UE

    Kriterju 1 –   Sustanzi kimiċi totali

    Is-sustanzi kimiċi totali (TC) huma d-dożaġġ irrakkomandat fi grammi għal kull ħasla bil-kontenut tal-ilma mnaqqas.

    L-ammont tas-sustanzi kimiċi totali ma għandux jaqbeż l-ammonti li ġejjin:

    (a)

    Deterġenti għall-magni tal-ħasil tal-platti b’funzjoni waħda: TCmax = 20,0 gm/ħasla

    (b)

    Deterġenti għall-magni tal-ħasil tal-platti multifunzjonali: TCmax = 22,0 gm/ħasla

    Meta jiġi kkalkulat is-CDV, għandu jintuża dożaġġ ta’ għajnuna għat-tlaħliħ ta’ 3 ml aNBO u anNBO.

    Valutazzjoni u verifika: Kalkolu tat-TC tal-prodott. Id-densità (gm/ml) għandha tkun iddikjarata għall-prodotti likwidi.

    Kriterju 2 –   Sustanzi jew taħlitiet esklużi jew limitati

    (a)   Ingredjenti speċifikati esklużi

    L-ingredjenti li ġejjin ma għandhomx ikunu inklużi fil-prodott, la bħala parti mill-formulazzjoni u lanqas bħala parti minn kwalunkwe taħlita inkluża fil-formulazzjoni:

    Fosfati

    DTPA (Aċidu pentaaċetiku tad-dietilen tat-triammina)

    Perborati

    Komposti reattivi tal-kloru

    EDTA (tetraaċetat tal-etilendiammina)

    Nitromiski u miski poliċikliċi

    Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta’ konformità kompluta u ffirmata.

    (b)   Sustanzi u taħlitiet perikolużi

    Skont l-Artikolu 6(6) tar-Regolament (KE) Nru 66/2010 dwar l-Ekotikketta tal-UE, il-prodott jew kwalunkwe parti minnu ma għandux/ma għandhiex jinkludi/tinkludi sustanzi jew taħlitiet li jikkonformaw mal-kriterji għall-klassifikazzjoni bil-klassijiet jew il-kategoriji ta’ periklu skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 speċifikati hawn isfel u lanqas ma għandhom jinkludu sustanzi msemmija fl-Artikolu 57 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006.

    Lista ta’ dikjarazzjonijiet ta’ periklu:

    Dikjarazzjoni ta’ Periklu GHS (2)

    Frażi ta’ Riskju tal-UE (3)

    H300 Fatali jekk jinbela’

    R28

    H301 Tossiku jekk jinbela’

    R25

    H304 Jista’ jkun fatali jekk jinbela’ u jidħol fil-pajpijiet tan-nifs

    R65

    H310 Fatali jekk jiġi f’kuntatt mal-ġilda

    R27

    H311 Tossiku jekk jiġi f’kuntatt mal-ġilda

    R24

    H330 Fatali jekk jiġi inalat

    R23/26

    H331 Tossiku jekk jiġi inalat

    R23

    H340 Jista’ jikkawża difetti ġenetiċi

    R46

    H341 Suspettat li jikkawża difetti ġenetiċi

    R68

    H350 Jista’ jikkawża l-kanċer

    R45

    H350i Jista’ jikkawża l-kanċer meta jiġi inalat

    R49

    H351 Suspettat li jikkawża l-kanċer

    R40

    H360F Jista’ jagħmel ħsara lill-fertilità

    R60

    H360D Jista’ jagħmel ħsara lit-tarbija li għadha ma twelditx

    R61

    H360FD Jista’ jagħmel ħsara lill-fertilità. Jista’ jagħmel ħsara lit-tarbija li għadha ma twelditx

    R60/61/60-61

    H360Fd Jista’ jagħmel ħsara lill-fertilità. Suspettat li jagħmel ħsara lit-tarbija li għadha ma twelditx

    R60/63

    H360Df Jista’ jagħmel ħsara lit-tarbija li għadha ma twelditx. Suspettat li jagħmel ħsara lill-fertilità

    R61/62

    H361f Suspettat li jagħmel ħsara lill-fertilità

    R62

    H361d Suspettat li jagħmel ħsara lit-tarbija li għadha ma twelditx

    R63

    H361fd Suspettat li jagħmel ħsara lill-fertilità. Suspettat li jagħmel ħsara lit-tarbija li għadha ma twelditx

    R62-63

    H362 Jista’ jikkawża ħsara lil tfal imreddgħa

    R64

    H370 Jikkawża ħsara lill-organi

    R39/23/24/25/26/27/28

    H371 Jista’ jikkawża ħsara lill-organi

    R68/20/21/22

    H372 Jikkawża ħsara lill-organi f’każ ta’ esponiment ripetut jew fuq perjodu twil ta’ żmien

    R48/25/24/23

    H373 Jista’ jikkawża ħsara lill-organi f’każ ta’ esponiment ripetut jew fuq perjodu twil ta’ żmien

    R48/20/21/22

    H400 Tossiku ħafna għall-organiżmi akkwatiċi

    R50

    H410 Tossiku ħafna għall-organiżmi akkwatiċi b’mod li jħalli effetti għat-tul

    R50-53

    H411 Tossiku għall-organiżmi akkwatiċi b’mod li jħalli effetti għat-tul

    R51-53

    H412 Jagħmel ħsara lill-organiżmi akkwatiċi b’mod li jħalli effetti għat-tul

    R52-53

    H413 Jista’ jikkawża effetti ta’ ħsara għat-tul lill-organiżmi akkwatiċi

    R53

    EUH059 Perikoluż għas-saff tal-ożonu

    R59

    EUH029 Meta jiġi f’kuntatt mal-ilma jillibera gass tossiku

    R29

    EUH031 Meta jiġi f’kuntatt mal-aċidu jillibera gass tossiku

    R31

    EUH032 Meta jiġi f’kuntatt mal-aċidu jillibera gass tossiku ħafna

    R32

    EUH070 Tossiku meta jiġi f’kuntatt mal-għajnejn

    R39-41

    Sustanzi sensitizzanti

    H334: Jista’ jikkawża sintomi ta’ allerġija jew ta’ ażma jew diffikultajiet biex jittieħed in-nifs jekk jiġi inalat

    R42

    H317: Jista’ jikkawża reazzjoni allerġika tal-ġilda

    R43

    Dan il-kriterju japplika għall-ingredjenti kollha preżenti f’konċentrazzjonijiet ta’ ≥ 0.010 %, inklużi l-preżervattivi, l-aġenti li jlewnu u l-fwejjaħ.

    L-użu ta’ sustanzi jew taħlitiet li mal-ipproċessar jibdlu l-proprjetajiet tagħhom (eż. ma jibqgħux aktar bijodisponibbli, jgħaddu minn modifika kimika) b’mod li l-periklu identifikat ma japplikax aktar, huwa eżentat mir-rekwiżit ta’ hawn fuq.

    Derogi: is-sustanzi jew it-taħlitiet li ġejjin huma speċifikament eżentati minn dan ir-rekwiżit:

    Aġenti tensjoattivi

    F’konċentrazzjonijiet ta’ < 25 % fil-prodott

    H400 Tossiku ħafna għall-organiżmi akkwatiċi

    R 50

    Bijoċidi użati għal skopijiet ta’ preżervazzjoni (**)

    H410 Tossiku ħafna għall-organiżmi akkwatiċi b’mod li jħalli effetti għat-tul

    R50-53

    H411 Tossiku għall-organiżmi akkwatiċi b’mod li jħalli effetti għat-tul

    R51-53

    Fwejjaħ

    H412 Jagħmel ħsara lill-organiżmi akkwatiċi b’mod li jħalli effetti għat-tul

    R52-53

    Bijoċidi użati għal skopijiet ta’ preżervazzjoni (**)

    Enżimi (***)

    H334: Jista’ jikkawża sintomi ta’ allerġija jew ta’ ażma jew diffikultajiet biex jittieħed in-nifs jekk jiġi inalat

    R42

    Enżimi (***)

    H317: Jista’ jikkawża reazzjoni allerġika tal-ġilda

    R43

    NTA bħala impurità f’MGDA u GLDA (****)

    H351 Suspettat li jikkawża l-kanċer

    R40

    Valutazzjoni u verifika: L-applikant għandu jipprovdi l-formulazzjoni eżatta tal-prodott lill-korp kompetenti. L-applikant għandu jipprovdi wkoll dikjarazzjoni ta’ konformità ma’ dan il-kriterju, flimkien mad-dokumentazzjoni relatata, bħad-dikjarazzjonijiet ta’ konformità ffirmati mill-fornituri tal-materjal jew kopji tal-Iskedi tad-Dejta dwar is-Sikurezza rilevanti għas-sustanzi jew it-taħlitiet.

    (c)   Sustanzi elenkati skont l-Artikolu 59(1) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006

    Ma għandha tingħata l-ebda deroga mill-esklużjoni fl-Artikolu 6(6) rigward sustanzi identifikati bħala sustanzi ta’ tħassib serju u inklużi fil-lista prevista fl-Artikolu 59 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 preżenti f’taħlitiet f’konċentrazzjonijiet ogħla minn 0.010 %.

    Valutazzjoni u verifika: Il-lista tas-sustanzi identifikati bħala sustanzi ta’ tħassib serju ħafna u inklużi fil-lista tal-kandidati skont l-Artikolu 59 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tista’ tinstab hawn: http://echa.europa.eu/chem_data/authorisation_process/candidate_list_table_en.asp

    Fid-data tal-applikazzjoni għandha ssir referenza għal-lista. L-applikant għandu jipprovdi l-formulazzjoni eżatta tal-prodott lill-korp kompetenti. L-applikant għandu jipprovdi wkoll dikjarazzjoni ta’ konformità ma’ dan il-kriterju, flimkien mad-dokumentazzjoni relatata, bħad-dikjarazzjonijiet ta’ konformità ffirmati mill-fornituri tal-materjal jew kopji tal-Iskedi tad-Dejta dwar is-Sikurezza rilevanti għas-sustanzi jew it-taħlitiet.

    (d)   Ingredjenti limitati speċifikati - fwejjaħ

    L-ingredjenti kollha miżjuda mal-prodott bħala fwieħa għandhom ikunu mmanifatturati u mmaniġġati skont il-kodiċi tal-prattika tal-Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-Fwejjaħ (IFRA). Il-kodiċi jista’ jinstab fuq is-sit elettroniku tal-IFRA: http://www.ifraorg.org.

    Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Istandards tal-IFRA rigward il-projbizzjoni, l-użu ristrett u l-kriterji ta’ purità speċifikati għall-materjali għandhom jiġu segwiti mill-manifattur.

    Is-sustanzi ta’ fwieħa soġġetti għar-rekwiżit ta’ dikjarazzjoni pprovdut fir-Regolament (KE) Nru 648/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-deterġenti (l-Anness VII) u li mhumiex diġà esklużi mill-kriterju 2b u sustanzi ta’ fwieħa (oħrajn) ikklassifikati bħala H317/R43 (Jista’ jikkawża reazzjoni allerġika tal-ġilda) u/jew H334/R42 (Jista’ jikkawża sintomi ta’ allerġija jew ta’ ażma jew diffikultajiet biex jittieħed in-nifs jekk jiġi inalat) ma għandhomx ikunu preżenti fi kwantitajiet ≥ 0.010 % (≥ 100 ppm) għal kull sustanza.

    Valutazzjoni u verifika: L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta’ konformità ffirmata li tindika l-ammont ta’ fwejjaħ fil-prodott. L-applikant għandu jipprovdi wkoll dikjarazzjoni mill-manifattur tal-fwieħa li tispeċifika l-kontenut ta’ kull waħda mis-sustanzi fil-fwejjaħ li huma elenkati fl-Anness III, il-Parti I tad-Direttiva tal-Kunsill 76/768/KEE kif ukoll il-kontenut ta’ sustanzi (oħrajn) li kienu assenjati l-frażijiet tar-riskju H317/R43 u/jew H334/R42.

    (e)   Bijoċidi

    (i)

    Il-prodott jista’ jinkludi biss bijoċidi sabiex jippreżervaw il-prodott, u fid-dożaġġ xieraq biss għal dan l-iskop. Dan ma jirreferix għall-aġenti tensjoattivi, li jista’ wkoll ikollhom karatteristiċi bijoċidali.

    Valutazzjoni u verifika: L-applikant għandu jipprovdi kopji tal-iskedi tad-dejta dwar is-sikurezza tal-materjal ta’ kwalunkwe preżervattiv miżjud, flimkien ma’ informazzjoni dwar il-konċentrazzjoni eżatta fil-prodott. Il-manifattur jew il-fornitur tal-preżervattivi għandu jipprovdi informazzjoni dwar id-dożaġġ meħtieġ biex il-prodott ikun ippreżervat (eż. ir-riżultati ta’ test ta’ sfida jew l-ekwivalenti).

    (ii)

    Hu pprojbit li jkun iddikjarat jew issuġġerit fuq l-imballaġġ jew bi kwalunkwe komunikazzjoni oħra li l-prodott jaġixxi kontra l-mikrobi.

    Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi t-testi u l-preżentazzjonijiet użati fuq kull tip ta’ imballaġġ u/jew eżempju ta’ kull tip differenti ta’ imballaġġ lill-korp kompetenti.

    Kriterju 3 –   Tossiċità għall-organiżmi akkwatiċi: Volum Kritiku tad-Dilwizzjoni (CDV)

    Il-volum kritiku tad-dilwizzjoni (CDVkroniku) tal-prodott ma għandux jaqbeż il-limiti li ġejjin għas-CDVkroniku:

    Tip tal-prodott

    Limitu tas-CDVkroniku

    Deterġenti għall-ħasil f’magna tal-ħasil tal-platti b’funzjoni waħda

    25 000 l/ħasla

    Deterġenti għall-magna tal-ħasil tal-platti b’funzjoni multipla

    30 000 l/ħasla

    Għajnuna għat-tlaħliħ

    10 000 l/ħasla

    It-tossiċità tal-volum kritiku tad-dilwizzjoni (CDVkroniku) hi kkalkulata għall-ingredjenti kollha (i) fil-prodott bl-użu tal-ekwazzjoni li ġejja:

    Formula

    fejn

    weight (i)

    =

    il-piż tal-ingredjent għal kull doża rrakkomandata

    DF

    =

    il-fattur ta’ degradazzjoni

    TF

    =

    il-fattur tat-tossiċità kronika tas-sustanza kif iddikjarat fil-lista DID.

    Il-preżervattivi, l-aġenti li jlewnu u l-fwejjaħ preżenti fil-prodott għandhom ikunu inklużi wkoll fil-kalkolu tas-CDV anke jekk il-konċentrazzjoni tkun aktar baxxa minn 0.010 % (100 ppm).

    Valutazzjoni u verifika: Kalkolu tas-CDVkroniku tal-prodott. Fuq is-sit elettroniku tal-Ekotikketta tal-UE hemm disponibbli spreadsheet għall-kalkolu tal-valur CDV.

    Il-valuri tal-parametri DF u TF għandhom ikunu kif mogħtija fil-lista tal-bażi tad-dejta tal-ingredjenti tad-deterġenti (lista DID). Jekk is-sustanza ma tinstabx fil-lista DID, il-parametri għandhom ikunu kkalkulati bl-użu tal-linji gwida fil-parti B tal-lista DID u għandha tiġi annessa d-dokumentazzjoni assoċjata.

    Kriterju 4 –   Bijodegradabilità ta’ sustanzi organiċi

    Il-kontenut ta’ sustanzi organiċi fil-prodott li huma aerobikament mhux bijodegradabbli (mhux bijodegradabbli malajr) (aNBO) u/jew anaerobikament mhux bijodegradabbli (anNBO) ma għandhomx jaqbżu l-limiti li ġejjin:

    Tip tal-prodott

    aNBO

    anNBO

    Deterġenti għall-magni tal-ħasil tal-platti

    1,0 gm/ħasla

    5,50 gm/ħasla

    Għajnuna għat-tlaħliħ

    0,15 gm/ħasla

    0,50 gm/ħasla

    Valutazzjoni u verifika: Il-kalkoli tal-aNBO u l-anNBO għall-prodott. Fuq is-sit elettroniku tal-Ekotikketta tal-UE hemm disponibbli spreadsheet għall-kalkolu tal-aNBO u l-anNBO.

    Irreferi għal-lista DID. Għall-ingredjenti li mhumiex inklużi fil-lista DID, għandha tkun ipprovduta l-informazzjoni rilevanti mid-dokumentazzjoni jew minn sorsi oħrajn, jew riżulati tat-testijiet xierqa, li juru li huma aerobikament u anaerobikament bijodegradabbli. Ara l-Appendiċi I.

    Innota li t-TAED għandu jitqies bħala anaerobikament bijodegradabbli.

    Kriterju 5 –   Prestazzjoni tal-ħasil (idoneità għall-użu)

    Il-prodott għandu jkollu prestazzjoni tal-ħasil sodisfaċenti bid-dożaġġ irrakkomandat skont it-test standard żviluppat mill-IKW jew l-istandard EN 50242 kif immodifikat kif ġej.

    It-test għandu jitwettaq f’55 °C jew temperatura aktar baxxa jekk il-prodott jgħid li hu effiċjenti f’din it-temperatura aktar baxxa.

    Meta jkun hemm applikazzjoni għal għajnuniet għat-tlaħliħ flimkien ma’ deterġenti għall-magni tal-ħasil tal-platti, l-għajnuna għat-tlaħliħ għandha tintuża fit-test minflok l-għajnuna għat-tlaħliħ ta’ referenza.

    Għal prodotti multifunzjonali, l-applikant għandu jippreżenta dokumentazzjoni li tipprova l-effett tal-funzjonijiet li jgħidu li għandhom.

    Valutazzjoni u verifika: Ir-rapport tat-test għandu jkun ippreżentat lill-Korp Kompetenti. Test ieħor għajr it-test IKW jew il-verżjoni mmodifikata ta’ EN 50242 jista’ jintuża jekk il-Korp Kompetenti li qed jivvaluta l-applikazzjoni jaċċetta l-ekwivalenza tiegħu.

    Jekk jintuża EN 50242:2008, għandhom japplikaw il-modifiki li ġejjin:

    it-testijiet għandhom jitwettqu f’55 °C ± 2 °C (jew f’temperatura aktar baxxa jekk id-deterġent jgħid li hu effiċjenti f’temperatura taħt il-55 °C) b’ħasla kiesħa minn qabel mingħajr deterġent;

    il-magna użata fit-test għandha tkun imqabbda ma’ ilma kiesaħ u għandha żżomm 12-il pożata b’indiċi tal-ħasil ta’ bejn 3.35 u 3.75;

    għandu jintuża l-programm ta’ tnixxif tal-magna, iżda għandha tiġi vvaluata biss l-indafa tal-platti;

    għandu jintuża aġent aċidiku dgħajjef tat-tlaħliħ skont l-istandard (il-formula III);

    l-issettjar tal-aġent tat-tlaħliħ għandu jkun bejn 2 u 3;

    id-dożaġġ tad-deterġent tal-ħasil tal-platti għandu jkun kif irrakkomandat mill-manifattur;

    għandhom jitwettqu tliet provi fejn l-ebusija tal-ilma tkun skont l-istandard;

    prova tikkonsisti f’ħames ħasliet fejn ir-riżultat jinqara wara l-ħames ħasla mingħajr ma jitnaddfu l-platti bejn il-ħasliet;

    ir-riżultat għandu jkun aħjar minn jew identiku għad-deterġent ta’ referenza wara l-ħames ħasla;

    għar-riċetta għad-deterġent ta’ referenza (id-Deterġent B IEC 436) u l-aġent tat-tlaħliħ (il-formula III), ara l-Appendiċi B fl-istandard EN 50242: 2008 (l-aġenti tensjoattivi għandhom jinħażnu f’post frisk f’kontenituri impermeabbli li ma jeċċedux 1 kg u għandhom jintużaw fi żmien tliet xhur).

    Jekk il-funzjonijiet ta’ Għajnuna għat-tlaħliħ u tal-melħ ikunu parti minn prodott multifunzjonali, l-effett għandu jkun iddokumentat b’test.

    L-applikant għandu jkun jista’ jiddokumenta l-effett ta’ funzjonijiet oħrajn fid-deterġenti multifunzjonali.

    Kriterju 6 –   Rekwiżiti ta’ imballaġġ

    (a)   Imballaġġ primarju għal kull unità funzjonali

    L-imballaġġ primarju ma għandux jaqbeż 2,0 grammi għal kull ħasla.

    (b)   Imballaġġ tal-kartun

    L-imballaġġ primarju tal-kartun għandu jikkonsisti fi ≥ 80 % materjal riċiklat.

    (c)   Tikkettar tal-imballaġġ tal-plastik

    Sabiex ikunu jistgħu jiġu identifikati l-partijiet differenti tal-imballaġġ għar-riċiklaġġ, il-partijiet tal-plastik fl-imballaġġ primarju għandhom ikunu mmarkati skont DIN 6120, il-Parti 2 jew l-ekwivalenti tagħhom. Il-kuperċijiet u l-pompi huma eżentati minn dan ir-rekwiżit.

    (d)   Imballaġġ tal-plastik

    Fl-imballaġġ tal-plastik jistgħu jintużaw biss dawk il-ftalati li fiż-żmien tal-applikazzjoni jkunu ġew ivvalutati għar-riskji u li ma jkunux ġew ikklassifikati skont il-kriterju 2(b).

    Valutazzjoni u verifika: L-applikant għandu jipprovdi lill-korp kompetenti l-kalkolu tal-kwantità tal-imballaġġ primarju u dikjarazzjoni rigward il-perċentwal ta’ materjal riċiklat fl-imballaġġ tal-kartun. L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta’ konformità kompluta u ffirmata skont 6d.

    Kriterju 7 –   Informazzjoni għall-konsumatur

    (a)   Informazzjoni dwar l-imballaġġ

    It-test li ġej (jew l-ekwivalenti) għandu jidher fuq il-prodott jew fih:

    “Dan id-deterġent bl-Ekotikketta jaħdem tajjeb f’temperaturi baxxi (*****). Agħżel ċikli tal-ħasil b’temperatura baxxa fuq il-magna tal-ħasil tal-platti u taqbiżx id-dożaġġ irrakkomandat. Dan jimminimizza kemm il-konsum tal-enerġija kif ukoll tal-ilma u jnaqqas it-tniġġis tal-ilma.

    (b)   Struzzjonijiet rigward id-dożaġġ

    L-istruzzjonijiet rigward id-dożaġġ għandhom jidhru fuq l-imballaġġi tal-prodott. Id-dożaġġi rrakkomandati għandhom ikunu speċifikati għall-firxiet ta’ ebusija fl-ilma xierqa għall-post fejn il-prodott huwa kummerċjalizzat. L-istruzzjonijiet għandhom jispeċifikaw kif għandu jsir l-aħjar użu tal-prodott skont il-ħmieġ.

    L-applikant għandu jieħu l-passi meħtieġa biex jgħin lill-konsumatur jirrispetta d-dożaġġ irrakkomandat, pereżempju billi jagħmel disponibbli apparat ta’ dożaġġ (għal prodotti f’forma ta’ trab jew f’forma likwida), u/jew billi jindika d-dożaġġ irrakkomandat tal-anqas f’ml (għal prodotti f’forma ta’ trab jew f’forma likwida).

    (c)   Informazzjoni u tikkettar tal-ingredjenti

    It-tip tal-enżimi għandu jkun indikat fuq l-imballaġġ.

    Valutazzjoni u verifika: L-applikant għandu jipprovdi kampjun tat-tikketta tal-prodott flimkien ma’ dikjarazzjoni ta’ konformità ma’ kull parti (a), (b) u (c) ta’ dan il-kriterju.

    Kriterju 8 –   Informazzjoni li tidher fuq l-Ekotikketta tal-UE

    It-tabella fakultattiva bil-kaxxa testwali għandha tinkludi t-test li ġej:

    “—

    Impatt imnaqqas fuq ekosistemi akkwatiċi

    Sustanzi perikolużi ristretti

    Prestazzjoni ttestjata”

    Il-linji gwida għall-użu tat-tabella fakultattiva bil-kaxxa testwali jistgħu jinstabu fil-“Linji gwida għall-użu tal-logo tal-Ekotikketta” fuq is-sit elettroniku: http://ec.europa.eu/environment/ecolabel/promo/logos_en.htm

    Valutazzjoni u verifika: L-applikant għandu jipprovdi kampjun tat-tikketta.


    (*)  In-numru DID hu n-numru tal-ingredjent fuq il-lista DID (lista tal-“Bażi tad-Dejta tal-Ingredjenti tad-Deterġenti”) u jintuża biex tiġi ddeterminata l-konformità mal-Kriterji 3 u 4. Ara l-Appendiċi I.

    (1)  ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1).

    (3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE b’aġġustament għar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 skont id-Direttiva 2006/121/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva 1999/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill kif emendata.

    (**)  Imsemmija fil-Kriterju 2e. Din l-eżenzjoni hi applikabbli kemm-il darba l-potenzjal bijoakkumulattiv tal-bijodiċi jkun ikkaratterizzat b’log Pow (log ottanol/koeffiċjent tal-partizzjoni tal-ilma) < 3,0 jew fattur ta’ bijokonċentrazzjoni determinat b’mod sperimentali (BCF) ta’ ≤ 100.

    (***)  Inklużi l-istabbilizzaturi u kull sustanza awżiljari oħra fil-preparazzjonijiet

    (****)  F’konċentrazzjonijiet aktar baxxi minn 1,0 % fil-materja prima sakemm il-konċentrazzjoni totali fil-prodott finali tkun aktar baxxa minn 0,10 %.

    Appendiċi I

    Bażi tad-dejta tal-ingredjenti tad-deterġenti (lista DID)

    Il-lista DID (il-parti A) hi lista li tinkludi informazzjoni dwar it-tossiċità akkwatika u l-bijodegradabilità tal-ingredjenti tipikament użati fil-formulazzjonijiet tad-deterġenti. Il-lista tinkludi informazzjoni dwar it-tossiċità u l-bijodegradabilità ta’ firxa ta’ sustanzi użati fil-prodotti għall-ħasil u t-tindif. Il-lista mhijiex komprensiva, iżda fil-parti B tal-lista DID tingħata gwida rigward kif jiġu ddeterminati l-parametri rilevanti tal-kalkolu għal sustanzi mhux preżenti fil-lista DID (eż. il-Fattur ta’ Tossiċità (TF) u l-fattur ta’ degradazzjoni (DF), li jintużaw fil-kalkolu tal-volum kritiku tad-dilwizzjoni). Il-lista hi sors ġeneriku ta’ informazzjoni u s-sustanzi preżenti fuq il-lista DID mhumiex approvati awtomatikament għall-użu fil-prodotti bl-Ekotikketta tal-UE. Il-lista DID (il-partijiet A u B) tista’ tinstab fuq is-sit elettroniku tal-Ekotikketta tal-UE.

    Għas-sustanzi mingħajr dejta rigward it-tossiċità u d-degradabilità akkwatika, biex ikunu vvalutati t-TF u d-DF jistgħu jintużaw analoġiji strutturali ma’ sustanzi simili. Analoġiji strutturali bħal dawn għandhom ikunu approvati mill-korp kompetenti li jagħti l-liċenzja tal-Ekotikketta tal-UE. Alternattivament, jista’ jkun applikat approċċ li jiffoka fuq l-agħar każ possibbli, bl-użu tal-parametri ta’ hawn isfel:

    Approċċ li jiffoka fuq l-agħar każ possibbli:

     

    Tossiċità akuta

    Tossiċità kronika

    Degradazzjoni

    Ingredjent

    LC50/EC50

    SF(akut)

    TF(akut)

    NOEC (*)

    SF(kroniku)  (*)

    TF(kroniku)

    DF

    Aerobiku

    Anaerobiku

    “Isem”

    1  mg/l

    10 000

    0,0001

     

     

    0,0001

    1

    P

    N

    Dokumentazzjoni ta’ bijodegradabilità immedjata

    Għandhom jintużaw il-metodi ta’ ttestjar li ġejjin għall-bijodegradabilità immedjata:

    (1)

    Sal-1 ta’ Diċembru 2010 u waqt il-perjodu ta’ tranżizzjoni mill-1 ta’ Diċembru 2010 sal-1 ta’ Diċembru 2015:

     

    Il-metodi ta’ ttestjar għall-bijodegradabilità immedjata pprovduti fid-Direttiva 67/548/KEE, b’mod partikolari l-metodi ddettaljati fl-Anness V.C4 għal dik id-Direttiva jew il-metodi ta’ ttestjar tal-OECD 301 A-F ekwivalenti għalihom, jew it-testijiet tal-ISO ekwivalenti għalihom.

     

    Il-prinċipju tal-perjodu ta’ għaxart ijiem (10 days window principle) ma għandux japplika għall-aġenti tensjoattivi. Il-livelli biex jgħaddu għandhom ikunu ta’ 70 % għat-testijiet imsemmija fl-Anness V.C4-A u C4-B tad-Direttiva 67/548/KEE (u t-testijiet OECD 301 A u E ekwivalenti għalihom u l-ekwivalenti għall-ISO), u għandhom ikunu 60 % għat-testijiet C4-C, D, E u F (u t-testijiet OECD 301 B, C, D u F ekwivalenti għalihom u l-ekwivalenti għall-ISO).

    (2)

    Wara l-1 ta’ Diċembru 2015 u waqt il-perjodu ta’ tranżizzjoni mill-1 ta’ Diċembru 2010 sal-1 ta’ Diċembru 2015:

    Il-metodi ta’ ttestjar ipprovduti fir-Regolament (KE) Nru 1272/2008.

    Dokumentazzjoni ta’ bijodegradabilità anaerobika

    It-test ta’ referenza għad-degradabilità anaerobika għandu jkun EN ISO 11734, ECETOC Nru 28 (Ġunju 1988), OECD 311 jew metodu ta’ ttestjar ekwivalenti, bir-rekwiżit ta’ 60 % ta’ degradabilità finali taħt kundizzjonijiet anaerobiċi. Il-metodi ta’ ttestjar li jissimulaw il-kundizzjonijiet f’ambjent anaerobiku rilevanti jistgħu jintużaw biex ikun iddokumentat li taħt kundizzjonijiet anaerobiċi ntlaħqet 60 % ta’ degradabilità finali.

    Estrapolazzjoni għal sustanzi mhux elenkati fil-lista DID

    Meta l-ingredjenti ma jkunux elenkati fil-lista DID, jista’ jintuża l-approċċ li ġej biex tkun ipprovduta d-dokumentazzjoni meħtieġa ta’ degradabilità anaerobika:

    (1)

    Applika estrapolazzjoni raġonevoli. Uża r-riżultati tat-test miksuba għal materja prima waħda biex testrapola d-degradabilità anaerobika finali ta’ aġenti tensjoattivi li huma relatati strutturalment. Meta l-bijodegradabilità anaerobika tkun ikkonfermata għal aġent tensjoattiv (jew għal grupp ta’ omologi) skont il-lista DID, jista’ jitqies li tip simili ta’ aġent tensjoattiv hu wkoll bijodegradabbli anaerobikament (eż. is-sulfat C12-15 A 1-3 EO [DID Nru 8] hu biodegradabbli anaerobikament, u l-bijodegradabilità anaerobika tista’ titqies ukoll li teżisti għas-sulfat C12-15 A 6 EO). Meta l-bijodegradabilità anaerobika tkun ikkonfermata għal aġent tensjoattiv bl-użu ta’ metodu ta’ ttestjar xieraq, jista’ jitqies li tip simili ta’ aġent tensjoattiv hu wkoll bijodegradabbli anaerobikament (eż. dejta mil-letteratura li tikkonferma l-bijodegradabilità anaerobika ta’ aġenti tensjoattivi li jappartjenu għall-grupp ta’ mlieħ tal-ammonju ta’ esteri alkili tista’ tintuża bħala dokumentazzjoni għal bijodegradabilità anaerobika simili ta’ mlieħ kwaternarji tal-ammonju li fihom sensil ta’ esteri fil-katina/ktajjen alkila/alkili).

    (2)

    Wettaq test ta’ skrinjar għad-degradabilità anaerobika. Jekk hu meħtieġ ittestjar ġdid, wettaq test tal-iskrinjar bl-użu ta’ EN ISO 11734, ECETOC Nru 28 (Ġunju 1988), OECD 311 jew metodu ekwivalenti.

    (3)

    Wettaq test ta’ degradabilità b’dożaġġ baxx. Jekk ikun meħtieġ ittestjar ġdid, u fil-każ ta’ problemi sperimentali fit-test tal-iskrinjar (eż. inibizzjoni minħabba t-tossiċità tas-sustanza għat-test), irrepeti l-ittestjar bl-użu ta’ dożaġġ baxx ta’ aġent tensjoattiv u mmonitorja d-degradazzjoni b’kejl ta’ 14C jew b’analiżi kimika. L-ittestjar b’dożaġġi baxxi jista’ jitwettaq bl-użu tal-metodu OECD 308 (Awwissu 2000) jew metodu ekwivalenti.


    (*)  Jekk ma tinstab l-ebda dejta aċċettabbli dwar it-tossiċità kronika dawn il-kolonni jitħallew vojta. F’dak il-każ it-TF(kroniku) jiġi ddefinit bħala ugwali għat-TF(akut).


    Top