Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010L0023

Direttiva tal-Kunsill 2010/23/UE tas- 16 ta’ Marzu 2010 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, fir-rigward ta’ applikazzjoni fakultattiva u temporanja tal-mekkaniżmu tar-reverse charge fil-konfront tal-fornimenti ta’ ċerti servizzi suxxettibbli għal frodi

ĠU L 72, 20.3.2010, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/06/2015

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2010/23/oj

20.3.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 72/1


DIRETTIVA TAL-KUNSILL 2010/23/UE

tas-16 ta’ Marzu 2010

li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, fir-rigward ta’ applikazzjoni fakultattiva u temporanja tal-mekkaniżmu tar-reverse charge fil-konfront tal-fornimenti ta’ ċerti servizzi suxxettibbli għal frodi

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikulari l-Artikolu 113 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Filwaqt li jaġixxi skont proċedura leġislattiva speċjali,

Billi:

(1)

Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE (3) tispeċifika li t-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) għandha titħallas minn kwalunkwe persuna taxxabbli li twettaq transazzjonijiet li jinvolvu l-forniment taxxabbli ta’ oġġetti u servizzi. Fil-każ ta’ transazzjonijiet transkonfinali, u għal ċerti setturi domestiċi b’riskju għoli bħal dawk tal-bini jew tal-iskart, hu previst, madankollu, li l-obbligu tal-ħlas tal-VAT għandu jiġi ttrasferit lill-persuna li jsirilha l-forniment.

(2)

Minħabba l-gravità tal-frodi tal-VAT, l-Istati Membri għandhom jitħallew japplikaw, fuq bażi temporanja, mekkaniżmu li permezz tiegħu l-obbligu li titħallas il-VAT jgħaddi għal fuq il-persuna li lilha jiġu ttrasferiti l-allokazzjonijiet tal-kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra kif definit fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2003/87/KE (4), u unitajiet oħrajn li jistgħu jintużaw għal konformità mal-istess Direttiva.

(3)

L-introduzzjoni ta’ tali mekkaniżmu li jimmira lejn dawn is-servizzi, li skont l-esperjenza reċenti huma partikolarment soġġetti għal frodi, għall-kuntrarju tal-applikazzjoni ġenerali tiegħu, m’għandux jaffetwa b’mod negattiv il-prinċipji fundamentali tas-sistema tal-VAT, bħall-pagamenti frazzjonati.

(4)

L-Istati Membri għandhom jipproduċu rapport ta’ evalwazzjoni dwar l-applikazzjoni tal-mekkaniżmu sabiex jippermettu valutazzjoni tal-effiċjenza tiegħu.

(5)

Biex jiġi vvalutat l-effett tal-applikazzjoni tal-mekkaniżmu fuq attivitajiet ta’ frodi b’mod trasparenti, ir-rapporti ta’ evalwazzjoni mill-Istati Membri għandhom ikunu bbażati fuq kriterji definiti minn qabel stabbiliti mill-Istati Membri. Kwalunkwe evalwazzjoni bħal din għandha tivvaluta b’mod ċar il-livell ta’ frodi qabel u wara l-applikazzjoni tal-mekkaniżmu u kwalunkwe ċaqliq konsegwenti fix-xejriet tal-attivitajiet ta’ frodi, inklużi l-fornimenti ta’ servizzi oħrajn. Ir-rapport għandu jevalwa wkoll l-ispejjeż ta’ konformità għall-persuni taxxabbli.

(6)

Kull Stat Membru li individwa bidla fix-xejriet tal-attivitajiet ta’ frodi fit-territorju tiegħu fir-rigward tas-servizzi taħt din id-Direttiva għandu jipproduċi rapport f’dak ir-rigward.

(7)

Biex l-Istati Membri kollha jiġu pprovduti bl-għażla li japplikaw tali mekkaniżmu, huwa meħtieġ li ssir emenda speċifika għad-Direttiva 2006/112/KE.

(8)

Ladarba l-għan ta’ din id-Direttiva, senjatament li tiġi indirizzata l-frodi tal-VAT permezz ta’ miżura temporanja li tidderoga mir-regoli eżistenti tal-Unjoni, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u għalhekk jista’ jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri konformement mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Konformement mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jinkiseb dak l-għan.

(9)

Id-Direttiva 2006/112/KE għandha għalhekk tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Fid-Direttiva 2006/112/KE għandu jiġi inserit l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 199a

1.   Sat-30 ta’ Ġunju 2015 u għal perijodu minimu ta’ sentejn, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu li l-persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT hija l-persuna taxxabbli li lilha jiġi fornut kwalunkwe wieħed minn dawn il-fornimenti:

(a)

it-trasferiment tal-allokazzjonijiet tal-kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra kif definit fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità (*), li huma trasferibbli f’konformita mal-Artikolu 12 ta’ dik id-Direttiva,

(b)

it-trasferiment ta’ unitajiet oħrajn li jistgħu jintużaw mill-operaturi għall- konformità mal-istess Direttiva.

2.   L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-mekkaniżmu previst fil-paragrafu 1 dwar l-introduzzjoni ta’ kwalunkwe mekkaniżmu bħal dan u għandhom jipprovdu l-informazzjoni li ġejja lill-Kummissjoni:

(a)

dikjarazzjoni dwar l-iskop tal-miżura li tapplika l-mekkaniżmu u deskrizzjoni dettaljata tal-miżuri li jakkumpanjawha, inklużi kwalunkwe obbligi ta’ rappurtar fuq il-persuni taxxabbli u kwalunkwe miżuri ta’ kontroll;

(b)

kriterji ta’ evalwazzjoni biex ikun possibbli paragun bejn attivitajiet ta’ frodi rigward is-servizzi elenkati fil-paragrafu 1 qabel u wara l-applikazzjoni tal-mekkaniżmu, l-attivitajiet ta’ frodi rigward servizzi oħrajn qabel u wara l-applikazzjoni tal-mekkaniżmu, u kwalunkwe żieda f’tipi oħrajn ta’ attivitajiet ta’ frodi qabel u wara l-applikazzjoni tal-mekkaniżmu;

(c)

id-data tal-bidu u l-perijodu li għandu jkun kopert mill-miżura li tapplika l-mekkaniżmu.

3.   L-Istati Membri li japplikaw il-mekkaniżmu previst fil-paragrafu 1 għandhom, abbażi tal-kriterji ta’ evalwazzjoni previsti fil-punt (b) tal-paragrafu 2, jippreżentaw rapport lill-Kummissjoni mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2014. Ir-rapport għandu jindika b’mod ċar l-informazzjoni li għandha tiġi trattata b’mod kunfidenzjali u l-informazzjoni li tista’ tiġi ppubblikata.

Ir-rapport għandu jipprovdi valutazzjoni dettaljata tal-effettività u l-effiċjenza ġenerali tal-miżura, partikolarment rigward:

(a)

l-impatt fuq attivitajiet ta’ frodi fir-rigward tal-fornimenti ta’ servizzi koperti mill-miżura;

(b)

it-trasferiment possibbli ta’ attivitajiet ta’ frodi għal oġġetti jew servizzi oħrajn;

(c)

l-ispejjeż ta’ konformità għall-persuni taxxabbli li jirriżultaw mill-miżura.

4.   Kull Stat Membru, li, mid-dħul fis-seħħ ta’ dan l-Artikolu, jkun individwa bidla fix-xejriet tal-attivitajiet ta’ frodi fit-territorju tiegħu fir-rigward tas-servizzi elenkati fil-paragrafu 1, għandu jippreżenta rapport lill-Kummissjoni f’dak ir-rigward mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2014.

Artikolu 2

L-Istati Membri li jagħżlu li japplikaw il-mekkaniżmu previst fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 199a tad-Direttiva 2006/112/KE għandhom jikkomunikaw id-dispożizzjonijiet tal-miżura li tapplika l-mekkaniżmu lill-Kummissjoni meta jibda l-mekkaniżmu.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Id-Direttiva għandha tapplika sat-30 ta’ Ġunju 2015.

Artikolu 5

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Artikolu 6

Din id-Direttiva għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Marzu 2010.

Għall-Kunsill

Il-President

E. SALGADO


(1)  Opinjoni tal-10 ta’ Frar 2010 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Opinjoni tal-21 ta’ Jannar 2010 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.

(4)  Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità (ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32).


Top