EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022D2386

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/2386 tal-5 ta’ Diċembru 2022 dwar l-estensjoni tal-azzjonijiet li jippermettu t-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodott bijoċidali Biobor JF f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (notifikata bid-dokument C(2022) 8673) (It-testi bl-Ingliż, bl-Estonjan, bil-Finlandiż, bil-Franċiż, bil-Ġermaniż, bl-Ungeriż, bil-Malti, bl-Ispanjol u bl-Iżvediż biss huma awtentiċi)

C/2022/8673

ĠU L 315, 7.12.2022, p. 89–91 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2022/2386/oj

7.12.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 315/89


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/2386

tal-5 ta’ Diċembru 2022

dwar l-estensjoni tal-azzjonijiet li jippermettu t-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodott bijoċidali Biobor JF f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(notifikata bid-dokument C(2022) 8673)

(It-testi bl-Ingliż, bl-Estonjan, bil-Finlandiż, bil-Franċiż, bil-Ġermaniż, bl-Ungeriż, bil-Malti, bl-Ispanjol u bl-Iżvediż biss huma awtentiċi)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 55(1), it-tielet subparagrafu, tiegħu,

Billi:

(1)

Fil-31 ta’ Marzu 2022, il-Ministeru għat-Tranżizzjoni Ekoloġika Franċiż (“l-awtorità kompetenti Franċiża”) adotta deċiżjoni f’konformità mal-Artikolu 55(1), l-ewwel subparagrafu, tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, li tippermetti t-tqegħid fis-suq għal utenti professjonali tal-prodott bijoċidali Biobor JF u l-użu tiegħu mill-utenti għat-trattament antimikrobiku tat-tankijiet tal-fjuwil u tas-sistemi tal-fjuwil tal-inġenji tal-ajru sal-31 ta’ Ottubru 2022 (“l-azzjoni”). F’konformità mal-Artikolu 55(1), it-tieni subparagrafu ta’ dak ir-Regolament, l-awtorità kompetenti Franċiża infurmat lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra bl-azzjoni u bil-ġustifikazzjoni għaliha.

(2)

Azzjonijiet simili, li jikkonċernaw permessi mogħtija sal-31 ta’ Ottubru 2022, ittieħdu f’seba’ Stati Membri oħra, kif ġej: fil-5 ta’ Mejju 2022 miċ-Ċentru Nazzjonali tas-Saħħa Pubblika Ungeriż (“l-awtorità kompetenti Ungeriża”), fis-6 ta’ Mejju 2022 mill-Aġenzija tal-Ambjent tal-Lussemburgu (“l-awtorità kompetenti Lussemburgiża”), fit-8 ta’ Mejju 2022 mill-Aġenzija tas-Sikurezza u tas-Sustanzi Kimiċi Finlandiża (“l-awtorità kompetenti Finlandiża”), fil-15 ta’ Mejju 2022 mill-Awtorità għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur ta’ Malta (“l-awtorità kompetenti Maltija”), fil-21 ta’ Ġunju 2022 mill-Bord tas-Saħħa Estonjan (“l-awtorità kompetenti Estonjana”), fl-1 ta’ Lulju 2022 mill-Ministeru għas-Saħħa Spanjol (“l-awtorità kompetenti Spanjola”), u fil-25 ta’ Lulju 2022 mill-Ministeru Federali għall-Azzjoni Klimatika, l-Ambjent, l-Enerġija, il-Mobbiltà, l-Innovazzjoni u t-Teknoloġija Awstrijak (“l-awtorità kompetenti Awstrijaka”). L-awtoritajiet kompetenti ta’ dawk l-Istati Membri infurmaw lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra bl-azzjonijiet u bil-ġustifikazzjoni għalihom, f’konformità mal-Artikolu 55(1), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament (UE) Nru 528/2012.

(3)

Skont l-informazzjoni li taw dawk l-awtoritajiet kompetenti, l-azzjonijiet kienu meħtieġa biex titħares is-saħħa pubblika. It-tkabbir mikrobijoloġiku jista’ jiżviluppa fit-tankijiet tal-fjuwil tal-inġenji tal-ajru, speċjalment fl-interfaċċa bejn l-ilma u l-fjuwil, fejn l-organiżmi mikrobijoloġiċi jistgħu jużaw l-ilma għall-ossiġenu u l-fjuwil għan-nutrizzjoni. Il-kontaminazzjoni mikrobijoloġika tat-tankijiet tal-fjuwil u tas-sistemi tal-fjuwil tal-inġenji tal-ajru tista’ twassal għal funzjonament ħażin tal-magna tal-inġenju tal-ajru u tipperikola l-ajrunavigabbiltà tiegħu, u b’hekk tpoġġi f’riskju s-sikurezza tal-passiġġieri u tal-ekwipaġġ. Il-prevenzjoni u t-trattament tal-kontaminazzjoni mikrobijoloġika, meta tiġi identifikata, huma għalhekk kruċjali sabiex jiġu evitati problemi operattivi tal-inġenji tal-ajru.

(4)

Biobor JF fih 2,2’-(1-metiltrimetilendiossi)bis-(4-metil-1,3,2-diossaborinan) (in-numru CAS 2665-13-6) u 2,2’-ossibis (4,4,6-trimetil-1,3,2-diossaborinan) (in-numru CAS 14697-50-8) bħala sustanzi attivi. Biobor JF huwa prodott bijoċidali tat-tip ta’ prodott 6, jiġifieri “preservattiv għall-prodotti matul il-ħżin”, kif iddefinit fl-Anness V tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. 2,2’-(1-metiltrimetilendiossi)bis-(4-metil-1,3,2-diossaborinan) u 2,2’-ossibis (4,4,6-trimetil-1,3,2-diossaborinan) ma ġewx evalwati għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 6. Billi dawk is-sustanzi mhumiex elenkati fl-Anness II tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1062/2014 (2), mhumiex inklużi fil-programm ta’ ħidma tal-evalwazzjoni sistematika tas-sustanzi attivi eżistenti kollha li hemm fil-prodotti bijoċidali msemmija fir-Regolament (UE) Nru 528/2012. Għaldaqstant, l-Artikolu 89 ta’ dak ir-Regolament ma japplikax għal dawk is-sustanzi attivi u dawn għandhom jiġu vvalutati u approvati qabel ma l-prodotti bijoċidali li jkunu fihom ikunu jistgħu jiġu awtorizzati wkoll fil-livell nazzjonali.

(5)

Fit-23 ta’ Mejju 2022, il-Kummissjoni rċeviet talba motivata mingħand l-awtorità kompetenti Franċiża biex tippermetti l-estensjoni tal-azzjoni tagħha f’konformità mal-Artikolu 55(1), it-tielet subparagrafu, tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. Talbiet simili waslu fis-27 ta’ Lulju 2022 mill-awtorità kompetenti Awstrijaka, fl-24 ta’ Awwissu 2022 mill-awtorità kompetenti Estonjana, fil-25 ta’ Awwissu 2022 mill-awtorità kompetenti Spanjola, fid-29 ta’ Awwissu 2022 mill-awtorità kompetenti Finlandiża, fid-9 ta’ Settembru 2022 mill-awtorità kompetenti Lussemburgiża, fil-31 ta’ Awwissu 2022 mill-awtorità kompetenti Maltija u fl-20 ta’ Settembru 2022 mill-awtorità kompetenti Ungeriża. Dawk it-talbiet motivati saru minħabba tħassib li s-sikurezza tat-trasport bl-ajru tista’ tibqa’ pperikolata minħabba xi kontaminazzjoni mikrobijoloġika tat-tankijiet tal-fjuwil u tas-sistemi tal-fjuwil tal-inġenji tal-arju wara l-31 ta’ Ottubru 2022 u sar l-argument li Biobor JF huwa essenzjali biex tiġi kkontrollata din il-kontaminazzjoni mikrobijoloġika.

(6)

Skont l-informazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet kompetenti kkonċernati, l-uniku prodott bijoċidali alternattiv rakkomandat mill-manifatturi tal-inġenji tal-ajru u tal-magni għat-trattament tal-kontaminazzjoni mikrobijoloġika (Kathon™ FP 1.5) ġie rtirat mis-suq f’Marzu tal-2020 minħabba anomaliji severi fl-imġiba tal-magni tal-inġenji tal-ajru li kienu osservati wara t-trattament b’dak il-prodott. Għalhekk, Biobor JF huwa l-uniku prodott disponibbli għal dak l-użu rrakkomandat mill-manifatturi tal-inġenji tal-ajru u tal-magni tal-inġenji tal-ajru.

(7)

Kif indikat mill-awtoritajiet kompetenti kkonċernati, it-trattament mekkaniku tal-kontaminazzjoni mikrobijoloġika tat-tankijiet tal-fjuwil u tas-sistemi tal-fjuwil tal-inġenji tal-ajru mhux dejjem ikun possibbli u l-proċeduri rrakkomandati mill-manifatturi tal-magni tal-inġenji tal-ajru jeħtieġu t-trattament bi prodott bijoċidali anki meta jkun possibbli t-tindif mekkaniku. Barra minn hekk, it-trattament mekkaniku jesponi lill-ħaddiema għal gassijiet tossiċi u għalhekk jenħtieġ li jkun evitat.

(8)

Skont l-informazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni, il-manifattur tal-Biobor JF ħa passi għall-awtorizzazzjoni regolari futura tal-prodott. Applikazzjoni għall-approvazzjoni tas-sustanzi attivi li fih il-Biobor JF hija mistennija li tiġi ppreżentata f’nofs l-2023. L-approvazzjoni tas-sustanzi attivi u l-awtorizzazzjoni sussegwenti tal-prodott bijoċidali jkunu jikkostitwixxu soluzzjoni permanenti għall-futur, iżda dawk il-proċeduri jeħtieġu ammont sinifikanti ta’ żmien biex jitlestew.

(9)

In-nuqqas ta’ kontroll tal-kontaminazzjoni mikrobijoloġika tat-tankijiet tal-fjuwil u tas-sistemi tal-fjuwil tal-inġenji tal-ajru jista’ jipperikola s-sikurezza tat-trasport bl-ajru, u dak il-periklu ma jistax jitrażżan biżżejjed bl-użu ta’ prodott bijoċidali ieħor jew b’mezzi oħra. Għaldaqstant jixraq li l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati jitħallew jestendu l-azzjonijiet tagħhom.

(10)

Peress li l-azzjonijiet skadew fil-31 ta’ Ottubru 2022, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tapplika b’mod retroattiv.

(11)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Bord tas-Saħħa Estonjan, il-Ministeru għas-Saħħa Spanjol, il-Ministeru għat-Tranżizzjoni Ekoloġika Franċiż, l-Aġenzija tal-Ambjent tal-Lussemburgu, iċ-Ċentru Nazzjonali tas-Saħħa Pubblika Ungeriż, l-Awtorità għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur ta’ Malta, il-Ministeru Federali għall-Azzjoni Klimatika, l-Ambjent, l-Enerġija, il-Mobbiltà, l-Innovazzjoni u t-Teknoloġija Awstrijak u l-Aġenzija tas-Sikurezza u tas-Sustanzi Kimiċi Finlandiża jistgħu jestendu sal-4 ta’ Mejju 2024 l-azzjonijiet li jippermettu t-tqegħid fis-suq għall-utenti professjonali tal-prodott bijoċidali Biobor JF u l-użu tiegħu mill-utenti għat-trattament antimikrobiku tat-tankijiet tal-fjuwil u tas-sistemi tal-fjuwil tal-inġenji tal-ajru.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lil:

(1)

Bord tas-Saħħa Estonjan;

(2)

Ministeru għas-Saħħa Spanjol;

(3)

Ministeru għat-Tranżizzjoni Ekoloġika Franċiż;

(4)

Aġenzija tal-Ambjent tal-Lussemburgu;

(5)

Ċentru Nazzjonali tas-Saħħa Pubblika Ungeriż;

(6)

Awtorità għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur ta’ Malta;

(7)

Ministeru Federali għall-Azzjoni Klimatika, l-Ambjent, l-Enerġija, il-Mobbiltà, l-Innovazzjoni u t-Teknoloġija Awstrijak;

(8)

Aġenzija tas-Sikurezza u tas-Sustanzi Kimiċi Finlandiża.

Għandha tapplika mill-1 ta’ Novembru 2022.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Diċembru 2022.

Għall-Kummissjoni

Stella KYRIAKIDES

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1062/2014 tal-4 ta’ Awwissu 2014 dwar il-programm ta’ ħidma għall-evalwazzjoni sistematika tas-sustanzi attivi bijoċidali kollha li jeżistu fil-prodotti bijoċidali msemmijin fir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 294, 10.10.2014, p. 1).


Top