Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022R2037

Regolament (UE) 2022/2037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Ottubru 2022 li jemenda r-Regolament (UE) 2019/833 li jistabbilixxi miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ infurzar li japplikaw fiż-Żona Regolatorja tal-Organizzazzjoni tas-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral

PE/34/2022/REV/1

ĠU L 275, 25.10.2022, p. 11–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2022/2037/oj

25.10.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 275/11


REGOLAMENT (UE) 2022/2037 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tad-19 ta’ Ottubru 2022

li jemenda r-Regolament (UE) 2019/833 li jistabbilixxi miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ infurzar li japplikaw fiż-Żona Regolatorja tal-Organizzazzjoni tas-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2019/833 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) ġie adottat sabiex jimplimenta fil-liġi tal-Unjoni l-iktar regoli aġġornati għall-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ infurzar li japplikaw fiż-Żona Regolatorja tal-Organizzazzjoni tas-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral (NAFO). Sussegwentement, dak ir-Regolament ġie emendat permezz tar-Regolament (UE) 2021/1231 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), sabiex, fil-liġi tal-Unjoni, jiġu implimentati l-miżuri tan-NAFO adottati waqt il-laqgħat annwali tagħha fl-2019 u l-2020.

(2)

Sussegwentement, fit-43 laqgħa annwali tagħha ta’ Settembru 2021, in-NAFO adottat għadd ta’ deċiżjonijiet legalment vinkolanti għall-konservazzjoni tar-riżorsi tas-sajd taħt ir-responsabbiltà tagħha fir-rigward taż-żamma tal-qabdiet għall-kwota “Oħrajn”, tal-ispezzjoni fil-port tal-ħatt l-art tal-bakkaljaw fid-Diviżjoni 3M u tal-ħalibatt ta’ Greenland, u tad-dispożizzjonijiet imsaħħa dwar il-monitoraġġ, il-ksur u l-infurzar (‘id-deċiżjonijiet tan-NAFO’).

(3)

Id-deċiżjonijiet tan-NAFO huma indirizzati lill-Partijiet Kontraenti tan-NAFO, iżda jinkludu wkoll obbligi għall-operaturi. Wara li l-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ infurzar (CEMs) tan-NAFO daħlu fis-seħħ fit-2 ta’ Diċembru 2021, dawn bdew jorbtu lill-Partijiet Kontraenti kollha tan-NAFO. Għalhekk, dawn iridu jiddaħħlu fil-liġi tal-Unjoni sakemm mhumiex diġà previsti mil-liġi tal-Unjoni.

(4)

Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2019/833 jiġi adattat sabiex japplika dawk is-CEMs il-ġodda għall-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni.

(5)

Ċerti dispożizzjonijiet tas-CEMs x’aktarx jiġu emendati waqt il-laqgħat annwali tan-NAFO li ġejjin wara li ddaħħlu miżuri tekniċi ġodda b’rabta mat-tibdil fil-bijomassa tal-istokk u minħabba li jiġu riveduti r-restrizzjonijiet fuq iż-żoni fejn jistgħu jsiru l-attivitajiet tas-sajd tal-qiegħ. Għalhekk, sabiex tali emendi futuri tas-CEMs jiddaħħlu malajr fil-liġi tal-Unjoni qabel jibda l-istaġun tas-sajd, jenħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-miżuri tal-ħatt l-art u ta’ ispezzjoni għall-ħalibatt ta’ Greenland u tal-miżuri ta’ kontroll għall-bakkaljaw fid-Diviżjoni 3M. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta’ tħejjija, ukoll fil-livell tal-esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jiġu mwettqa f’konformità mal-prinċipji stipultati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (5). B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija tal-atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija tal-atti delegati.

(6)

Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2019/833 jiġi emendat skont dan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi fir-Regolament (UE) 2019/833

Ir-Regolament (UE) 2019/833 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 7(3), il-punt (d) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(d)

fejn il-projbizzjoni fuq is-sajd (moratorja) jew fejn il-kwota “Oħrajn” miftuħa għal dak l-istokk tkun ittieħdet kompletament: 1 250 kg jew 5 %, skont liem hija l-ikbar, fir-rigward ta’ dawk il-Partijiet Kontraenti wara n-notifika tagħhom għall-użu tal-kwota “Oħrajn” f’konformità mal-Artikolu 6;”;

(2)

fl-Artikolu 9a(1), il-punt (c), huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(c)

kull Stat Membru għandu jispezzjona fil-portijiet tiegħu mill-inqas 50 % tal-ħatt l-art jew tat-trażbord tal-qabdiet tal-bakkaljaw mid-Diviżjoni 3M u jħejji rapport tal-ispezzjoni fil-format preskritt fl-Anness IV.C tas-CEM imsemmi fil-punt 9 tal-Anness ta’ dan ir-Regolament, u jibagħtu lis-Segretarju Eżekuttiv tan-NAFO fi żmien 12-il jum tax-xogħol mid-data meta jkun temm l-ispezzjoni, u jibgħat kopja tiegħu lill-Kummissjoni u lill-EFCA. Dak ir-rapport għandu jidentifika u jipprovdi dettalji ta’ kwalunkwe ksur ta’ dan ir-Regolament li jkun ġie nnutat waqt l-ispezzjoni fil-port. Għandu jinkludi l-informazzjoni rilevanti kollha disponibbli b’rabta mal-każijiet ta’ ksur li jkunu ġew innutati fuq il-baħar waqt il-vjaġġ attwali tal-bastiment tas-sajd spezzjonat.”;

(3)

fl-Artikolu 10(1), il-punt (e) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(e)

kull Stat Membru għandu jispezzjona fil-portijiet tiegħu il-ħatt l-art kollu tal-ħalibatt ta’ Greenland, jekk il-kwantità ta’ dak l-istokk abbord tkun tirrappreżenta jew iktar minn 5 % tal-qabda totali jew iktar minn 2 500 kg, u għandu jħejji rapport tal-ispezzjoni fil-format preskritt fl-Anness IV.C tas-CEM imsemmi fil-punt 9 tal-Anness ta’ dan ir-Regolament, u jibagħtu lis-Segretarju Eżekuttiv tan-NAFO fi żmien 14-il jum tax-xogħol mid-data meta jkun temm l-ispezzjoni, u jibgħat kopja tiegħu lill-Kummissjoni u lill-EFCA. Dak ir-rapport għandu jidentifika u jipprovdi dettalji ta’ kwalunkwe ksur ta’ dan ir-Regolament li jkun ġie nnutat waqt l-ispezzjoni fil-port. Għandu jinkludi l-informazzjoni rilevanti kollha disponibbli b’rabta mal-każijiet ta’ ksur li jkunu ġew innutati fuq il-baħar waqt il-vjaġġ attwali tal-bastiment tas-sajd spezzjonat.”;

(4)

fl-Artikolu 29, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.

Sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Novembru ta’ kull sena, kull Stat Membru għandu jibgħat l-informazzjoni li ġejja lill-EFCA (u kopja tagħha lill-Kummissjoni), li għandha tiżgura li dik l-informazzjoni tintbagħat lis-Segretarju Eżekuttiv tan-NAFO:

(a)

id-dettalji ta’ kuntatt tal-awtorità kompetenti li għandha taġixxi bħala l-punt ta’ kuntatt għall-finijiet tan-notifika mill-ewwel ta’ ksur fiż-Żona Regolatorja, u kwalunkwe tibdil sussegwenti għal dik l-informazzjoni, mill-inqas 15-il jum qabel ma jidħol fis-seħħ dak it-tibdil;

(b)

l-ismijiet tal-ispetturi u tal-ispetturi li jkun għadhom qed jitħarrġu u isem kull pjattaforma ta’ spezzjoni li huwa jkun assenja għall-Iskema, kif ukoll is-sinjal tas-sejħa bir-radju tagħha u d-dettalji ta’ kuntatt għall-komunikazzjoni magħha. Huwa għandu jagħti notifika tat-tibdil fid-dettalji nnotifikati b’dan il-mod tal-inqas 60 jum minn qabel kull meta dan ikun possibbli.”;

(5)

fl-Artikolu 35(1), il-punt (g) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(g)

is-sajd b’daqs tal-malja, b’għeriebel jew bi gradilji distanzjati mhux awtorizzati, jew mingħajr l-użu ta’ għeriebel jew gradilji tal-għażla bi ksur tal-Artikolu 13 jew l-Artikolu 14;”;

(6)

l-Artikolu 36 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, il-punt (d) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(d)

jiżgura li s-sanzjonijiet applikabbli fir-rigward tal-ksur, u sa fejn hu possibbli skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali għal ksur serju ripetut, b’mod partikolari dak identifikat taħt l-Artikolu 35(3), il-punt (c) (iii) u (iv), ikunu adegwati fis-severità biex ikunu effettivi biex jiżguraw konformità, iwaqqfu milli jsir ksur ieħor jew milli jirrepeti ruħu, u jċaħħad lill-awturi tar-reati milli jgawdi l-benefiċċji li jokkorru mill-ksur.”;

(b)

fil-paragrafu 2, jinżdiedu l-punti li ġejjin:

“(e)

rekwiżiti ta’ rappurtar miżjuda jew addizzjonali, bħal rappurtar iktar frekwenti jew data addizzjonali li għandha tiġi rrapportata; u

(f)

rekwiżiti ta’ monitoraġġ miżjuda jew addizzjonali, bħal l-użu ta’ osservatur jew ta’ spettur abbord jew l-installazzjoni ta’ monitoraġġ elettroniku mill-bogħod f’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi rilevanti għall-bastimenti tas-sajd li joperaw fiż-Żona Regolatorja.”;

(7)

fl-Artikolu 40, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   L-Istat Membru għandu jibgħat lill-Kummissjoni d-dettalji ta’ kuntatt tal-awtorità kompetenti, li ser taġixxi bħala l-punt ta’ kuntatt biex tirċievi t-talbiet skont l-Artikolu 39(5) u biex tibgħat il-konfermi skont l-Artikolu 39(6). Il-Kummissjoni għandha tibgħat dik l-informazzjoni lis-Segretarju Eżekuttiv tan-NAFO.”;

(8)

fl-Artikolu 50, il-paragrafu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(c)

il-proċeduri li jikkonċernaw bastimenti b’ qabda totali abbord ta’ aktar minn 50 tunnellata ta’ piż ħaj, li jidħlu fiż-Żona Regolatorja biex jistadu għall-ħalibatt ta’ Greenland fir-rigward tal-kontenut tan-notifiki previsti fl-Artikolu 10(2), fil-punti (a) u (b), tal-kondizzjonijiet għall-bidu tas-sajd previsti fl-Artikolu 10(2), il-punt (d) u tad-dispożizzjonijiet dwar il-ħatt l-art u l-ispezzjonijiet għall-ħalibatt ta’ Greenland previsti fl-Artikolu 10(1), il-punt (e);”,

(b)

jinżdied il-punt li ġej:

“(l)

miżuri ta’ kontroll għall-bakkaljaw fid-Diviżjoni 3M kif previst fl-Artikolu 9a.”.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, id-19 ta’ Ottubru 2022.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

M. BEK


(1)   ĠU C 290, 29.7.2022, p. 149.

(2)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta’ Settembru 2022 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-4 ta’ Ottubru 2022.

(3)  Ir-Regolament (UE) 2019/833 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 li jistabbilixxi miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ infurzar li japplikaw fiż-Żona Regolatorja tal-Organizzazzjoni tas-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral, li jemenda r-Regolament (UE) 2016/1627 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2115/2005 u (KE) Nru 1386/2007 (ĠU L 141, 28.5.2019, p. 1).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2021/1231 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Lulju 2021 li jemenda r-Regolament (UE) 2019/833 li jistabbilixxi miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ infurzar li japplikaw fiż-Żona Regolatorja tal-Organizzazzjoni tas-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral (ĠU L 274, 30.7.2021, p. 32).

(5)   ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.


Top