EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017D2174

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2174 tal-20 ta' Novembru 2017 li temenda l-Anness E tad-Direttiva tal-Kunsill 92/65/KEE fir-rigward taċ-ċertifikat tas-saħħa għall-kummerċ tan-naħal u n-naħal bagħli (notifikata bid-dokument C(2017) 7588) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

C/2017/7588

ĠU L 306, 22.11.2017, p. 28–30 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 20/04/2021; Impliċitament imħassar minn 32016R0429

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2017/2174/oj

22.11.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 306/28


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/2174

tal-20 ta' Novembru 2017

li temenda l-Anness E tad-Direttiva tal-Kunsill 92/65/KEE fir-rigward taċ-ċertifikat tas-saħħa għall-kummerċ tan-naħal u n-naħal bagħli

(notifikata bid-dokument C(2017) 7588)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 92/65/KEE tat-13 ta' Lulju 1992 li tistabbilixxi l-ħtiġijiet dwar saħħa tal-annimali li jirregolaw il-kummerċ ta', u l-importazzjoni fil-Komunità ta' annimali, semen, ova u embrijuni mhux suġġetti għal ħtiġijiet ta' saħħa tal-annimali meħtieġa f'regoli speċifiċi tal-Komunità li hemm referenza għalihom fl-Anness A(I) ta' Direttiva 90/425/KEE (1), u b'mod partikolari l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 22 tagħha,

Billi:

(1)

Il-mudell taċ-ċertifikat tas-saħħa għall-kummerċ intern tal-UE tan-naħal ħaj (Apis mellifera) u tan-naħal bagħli (Bombus spp.) huwa stipulat fil-Parti 2 tal-Anness E tad-Direttiva 92/65/KEE. Iċ-ċertifikat jistabbilixxi rekwiżiti għas-saħħa tal-animali, fost oħrajn, b'rabta mal-okkorrenza tal-koleotteru tal-ġabsala (Aethina tumida) u d-dudu tat-Tropilaelaps (Tropilaelaps spp.) applikabbli għan-naħal u n-naħal bagħli.

(2)

Ir-rekwiżiti stabbiliti f'dak il-mudell taċ-ċertifikat tas-saħħa jippermettu biss movimenti tan-naħal u tan-naħal bagħli minn żoni ta' radjus ta' mill-inqas 100 km li ma għandhomx restrizzjonijiet assoċjati mal-okkorrenza suspetta jew ikkonfermata ta' dawn il-patoġeni.

(3)

Fuq il-bażi tal-informazzjoni li waslet mill-awtoritajiet kompetenti Taljani fir-rigward tal-esperjenza tagħhom tal-okkorrenzi tal-koleotteru tal-ġabsala fil-kolonji tan-naħal tal-għasel fl-Italja mill-adozzjoni tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/909/UE (2) biex jevitaw it-tixrid tal-koleotteru tal-ġabsala mir-reġjuni affettwati tal-Italja, jidher li dawn ir-rekwiżiti huma disproporzjonati għall-ġestjoni tas-settur tal-apikultura affettwat għal perjodu pjuttost twil wara l-iskoperta tal-okkorrenza.

(4)

B'mod partikolari, dawn ir-rekwiżiti ma jqisux li jistgħu jeżistu żoni li, għalkemm ikunu eqreb minn 100 km mit-tali okkorrenzi, xorta huma barra ż-żoni ta' protezzjoni stabbiliti madwar l-okkorrenzi mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, mhumiex ristretti mill-miżuri ta' protezzjoni tal-Unjoni u huma koperti minn sorveljanza attiva ppjanata u implimentata b'mod uffiċjali u konformi mal-Linji Gwida għas-sorveljanza tal-infestazzjoni tal-koleotteru tal-ġabsala mfassla mil-Laboratorju ta' Referenza tal-Unjoni Ewropea għas-saħħa tan-naħal tal-għasel (3), li tipprovdi fiduċja fl-assenza tal-koleotteru tal-ġabsala.

(5)

Barra minn hekk, jenħtieġ li r-rekwiżiti jiġu aġġornati biex iqisu li l-eżami viżwali u l-applikazzjoni immedjata ta' xibka rqiqa madwar il-kunsinna fil-post tal-oriġini huma effettivi ħafna u teknikament fattibbli għall-kunsinni tal-irġejjen tan-naħal flimkien ma' għadd limitat ta' attendenti, biex jitnaqqas ir-riskju potenzjali li jinxtered il-koleotteru tal-ġabsala. Dan huwa kkonfermat minn Opinjoni Xjentifika tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel dwar is-sopravivenza, it-tixrid u l-istabbiliment tal-koleotteru tal-ġabsala, adottata fil-15 ta' Diċembru 2015 (4).

(6)

Peress li r-rekwiżiti attwali huma restrittivi ż-żejjed, huwa għalhekk neċessarju li jiġi emendat il-mudell taċ-ċertifikat tas-saħħa għall-kummerċ intern tal-UE fin-naħal u n-naħal bagħli billi jiżdied rekwiżit alternattiv dwar is-saħħa tal-annimali għall-kunsinni tal-irġejjen tan-naħal li jirrikonoxxi l-valur ikkombinat tas-sorveljanza attiva mill-awtoritajiet kompetenti fl-aċċertar tan-nuqqas tal-okkorrenzi tal-koleotteru tal-ġabsala flimkien mal-miżuri msaħħa għat-tnaqqis tar-riskji għall-kummerċ intern tal-UE.

(7)

In-naħal bagħli mhuwiex suxxettibbli għad-dudu tat-Tropilaelaps. Dan huwa kkonfermat minn Opinjoni Xjentifika tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel dwar ir-riskju ta' dħul tal-Aethina tumida u t-Tropilaelaps spp. fl-UE, adottata fis-27 ta' Frar 2013 (5).

(8)

Fil-maġġoranza tal-każijiet, in-naħal bagħli jitrabba fi strutturi ambjentalment iżolati li huma soġġetti għal miżuri għolja tal-bijosigurtà u li jiġu kkontrollati b'mod regolari mill-awtorità kompetenti u vverifikati għall-preżenza tal-mard. It-tali stabbilimenti li huma rikonoxxuti u sorveljati mill-awtorità kompetenti tal-pajjiżi kkonċernati x'aktarx ma jiġux affettwati mill-preżenza tal-koleotteru tal-ġabsala, bil-kontra tal-kolonji fil-miftuħ. Diġà huwa possibbli għall-awtoritajiet kompetenti li jiċċertifikaw il-kunsinni mit-tali stabbilimenti għall-importazzjoni tan-naħal bagħli f'konformità mar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 206/2010 (6).

(9)

Huwa għalhekk meħtieġ li l-mudell taċ-ċertifikat ta' saħħa jiġi emendat għall-kummerċ intern tal-UE fin-naħal u n-naħal bagħli biex jiddaħħal rekwiżit alternattiv għas-saħħa tal-annimali għan-naħal bagħli mrobbi fi struttura ambjentalment iżolata.

(10)

Il-maġġoranza l-kbira tal-kunsinni tan-naħal bagħli tinbiegħ u tintbagħat lil hinn mill-fruntieri għal skopijiet ta' dakkir u għalhekk ma għandhiex tiġi ċċertifikata għal skopijiet ta' tnissil jew ta' transumanza minħabba li dan in-naħal qatt ma jitrabba u qatt ma jerġa' lura fil-post tal-oriġini tiegħu. Għalhekk huwa xieraq li tiżdied għażla oħra fiċ-ċertifikat li tippermetti li dawn l-annimali jiġu ċċertifikati għall-produzzjoni.

(11)

In-naħal tal-għasel jista' jiġi kkumerċjalizzat f'forom diversi, bħal pereżempju rġejjen bi ftit attendenti biss, kolonji sħaħ, kolonji tan-nukleu u f'pakketti. Iċ-ċarezza dwar in-natura tal-kunsinna f'dan ir-rigward tiffaċilita l-analiżi tar-riskju mill-awtoritajiet kompetenti għall-kontrolli uffiċjali tal-kunsinni fil-postijiet ta' destinazzjoni. Għalhekk jenħtieġ li tiżdied informazzjoni dettaljata addizzjonali fiċ-ċertifikat.

(12)

Il-Parti 2 tal-Anness E tad-Direttiva 92/65/KEE għalhekk jenħtieġ li tiġi emendata skont dan.

(13)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Parti 2 tal-Anness E tad-Direttiva tal-Kunsill 92/65/KEE - Ċertifikat tas-Saħħa għall-kummerċ fin-naħal u n-naħal bagħli - huwa emendat kif ġej:

1.

Fl-entrata I.25 tiżdied kaxxa li tista' tiġi mmarkata bil-kliem li ġej: “Produzzjoni (dakkir)”.

2.

Fl-entrata I.31 tiżdied kolonna bit-titlu “Natura tal-prodott bażiku” u taħt it-titlu jiżdiedu l-punti li ġejjin li jistgħu jintgħażlu, kull wieħed f'ringiela separata: “irġejjen, pakketti ta' naħal, kolonji tan-nukleu, kolonji”.

3.

Fl-entrata II. 1 jiddaħħal dan li ġej fil-punt (b), wara l-kliem “mhumiex preżenti”:

“Jew

(b)

Il-kunsinna tikkonsisti biss minn gaġeġ ta' irġejjen tan-naħal kull waħda fiha naħla reġina waħda b'massimu ta' 20 attendent li jakkumpanjawha u ġejja minn żona ta' radjus ta' mill-inqas 100 km li mhijiex soġġetta għal restrizzjonijiet assoċjati mal-okkorrenza suspetta jew ikkonfermata tad-dudu tat-Tropilaelaps (Tropilaelaps spp.) u minn stabbiliment li jissodisfa r-rekwiżiti li ġejjin:

tinsab mill-inqas 30 km mil-limiti ta' żona ta' protezzjoni ta' radjus ta' mill-inqas 20 km madwar okkorrenza/i kkonfermata/i tal-koleotteru tal-ġabsala; u

tinsab barra minn żona li hija ristretta permezz ta' miżuri protettivi stabbiliti mill-Unjoni minħabba l-okkorrenza tal-koleotteru tal-ġabsala; u

tinsab f'żona fejn l-awtorità kompetenti għadha twettaq sorveljanza għad-detezzjoni tal-koleotteru tal-ġabsala biex tipprovdi livell ta' fiduċja ta' mill-inqas 95 % ta' detezzjoni tal-koleotteru tal-ġabsala jekk mill-inqas 2 % tal-imġiebaħ kienu infettati; u

tiġi spezzjonata kull xahar mill-awtorità kompetenti b'riżultati negattivi biex tipprovdi livell ta' fiduċja ta' mill-inqas 95 % ta' detezzjoni tal-koleotteru tal-ġabsala jekk mill-inqas 2 % tad-duqqajs kienu infettati; u

fejn kull gaġġa jew il-kunsinna kollha hija koperta b'xibka rqiqa bil-pori ta' daqs massimu ta' 2 mm minnufih wara li jsir l-eżami viżwali għaċ-ċertifikazzjoni tas-saħħa;

Jew

(b)

In-naħal bagħli ġej minn struttura ambjentalment iżolata rikonoxxuta u sorveljata mill-awtorità kompetenti, li hija ħielsa mill-koleotteru tal-ġabsala.”

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta' Novembru 2017.

Għall-Kummissjoni

Vytenis ANDRIUKAITIS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 268, 14.9.1992, p. 54.

(2)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/909/UE tat-12 ta' Diċembru 2014 dwar ċerti miżuri protettivi fir-rigward tal-okkorrenzi konfermati tal-koleotteru tal-ġabsala fl-Italja (ĠU L 359, 16.12.2014, p. 161).

(3)  Kif riveduti l-aħħar fl-1 ta' April 2016: https://sites.anses.fr/en/minisite/abeilles/free-access-documents-0

(4)  EFSA Journal 2015;13(12):4328.

(5)  EFSA Journal 2013;11(3):3128.

(6)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 206/2010 tat-12 ta' Marzu 2010 li jistabbilixxi listi ta' pajjiżi terzi, territorji jew partijiet minnhom awtorizzati għall-introduzzjoni fl-Unjoni Ewropea ta' annimali partikulari u laħam frisk u r-rekwiżiti relatati maċ-ċertifikazzjoni veterinarja (ĠU L 73, 20.3.2010, p. 1).


Top