Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015D2039

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2039 tat-13 ta' Novembru 2015 dwar l-ekwivalenza bejn il-qafas regolatorju tal-Afrika t'Isfel għal kontropartijiet ċentrali u r-rekwiżiti tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar derivattivi OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tat-tranżazzjonijiet

ĠU L 298, 14.11.2015, p. 29–31 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 10/06/2022

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2015/2039/oj

14.11.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 298/29


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/2039

tat-13 ta' Novembru 2015

dwar l-ekwivalenza bejn il-qafas regolatorju tal-Afrika t'Isfel għal kontropartijiet ċentrali u r-rekwiżiti tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar derivattivi OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tat-tranżazzjonijiet

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar derivattivi OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tat-tranżazzjonijiet, (1) u b'mod partikolari l-Artikolu 25(6) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-proċedura għar-rikonoxximent ta' kontropartijiet ċentrali (“CCPs”) stabbiliti f'pajjiżi terzi, stipulata fl-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, għandha l-għan li tippermetti lis-CCPs stabbiliti u awtorizzati f'pajjiżi terzi li għandhom standards regolatorji ekwivalenti għal dawk stabbiliti f'dak ir-Regolament, li jipprovdu servizzi tal-ikklirjar lill-membri tal-ikklirjar jew lil ċentri tan-negozjar stabbiliti fl-Unjoni. Għalhekk, din il-proċedura ta' rikonoxximent u d-deċiżjoni tal-ekwivalenza prevista fiha jikkontribwixxu biex jintlaħaq l-għan ġenerali tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, li jitnaqqas ir-riskju sistemiku billi jiġi estiż l-użu ta' CCPs sikuri u sodi biex jikklerjaw il-kuntratti tad-derivattivi barra l-borża (“OTC”), inkluż fejn dawk is-CCPs ikunu stabbiliti u awtorizzati f'pajjiż terz.

(2)

Sabiex reġim legali ta' pajjiż terz jitqies bħala ekwivalenti għar-reġim legali tal-Unjoni fir-rigward ta' CCPs, l-eżitu sostanzjali tal-arranġamenti legali u superviżorji applikabbli għandu jkun ekwivalenti għall-objettivi regolatorji tar-rekwiżiti tal-Unjoni. Għalhekk, l-għan ta' din il-valutazzjoni ta' ekwivalenza huwa li tivverifika li l-arranġamenti legali u superviżorji tal-Afrika t-Isfel jiżguraw li s-CCPs stabbiliti u awtorizzati hemmhekk ma jesponux lill-membri tal-ikklirjar u liċ-ċentri tan-negozjar stabbiliti fl-Unjoni għal livell ogħla ta' riskju milli dawn jistgħu jkunu esposti għalih minn CCPs awtorizzati fl-Unjoni u, konsegwentement, ma joħolqux livelli inaċċettabbli ta' riskju sistemiku fl-Unjoni.

(3)

Din id-Deċiżjoni hija bbażata fuq l-eżitu tal-arranġamenti legali u superviżorji applikabbli fl-Afrika t'Isfel, u fuq kemm dawn huma adegwati biex inaqqsu r-riskji li l-membri tal-ikklirjar u ċ-ċentri tan-negozjar stabbiliti fl-Unjoni jistgħu jkunu esposti għalihom, b'mod li jista' jitqies ekwivalenti għall-effetti tar-rekwiżiti stipulati fir-Regolament (UE) Nru 648/2012. Għalhekk, ir-riskji ferm aktar baxxi inerenti f'attivitajiet ta' kklirjar imwettqa fis-swieq finanzjarji li huma iżgħar mis-suq finanzjarju tal-Unjoni għandhom jiġu kkunsidrati b'mod partikolari.

(4)

Skont l-Artikolu 25(6) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, iridu jintlaħqu tliet kundizzjonijiet sabiex jiġi determinat li l-arranġamenti legali u superviżorji ta' pajjiż terz rigward is-CCPs awtorizzati hemmhekk huma ekwivalenti għal dawk stabbiliti f'dak ir-Regolament.

(5)

Skont l-ewwel kundizzjoni, is-CCPs awtorizzati f'pajjiż terz iridu jikkonformaw mar-rekwiżiti legalment vinkolanti li huma ekwivalenti għar-rekwiżiti stipulati fit-Titolu IV tar-Regolament (UE) Nru 648/2012.

(6)

Ir-rekwiżiti legalment vinkolanti tal-Afrika t'Isfel għas-CCPs awtorizzati hemmhekk jikkonsistu fl-Att tas-Swieq Finanzjarji, l-Att Nru 19 tal-2012 (“FMA”). Ir-Reġistratur tas-Servizzi tat-Titoli (“Reġistratur”) għandu sett komprensiv ta' setgħat biex jissorvelja, jimmonitorja u jinvestiga kmamar tal-ikklirjar awtorizzati biex joperaw fl-Afrika t'Isfel (“kmamar tal-ikklirjar liċenzjati”).

(7)

L-FMA jistabbilixxi d-dazji u r-rekwiżiti li l-kmamar tal-ikklirjar iridu jikkonformaw magħhom. B'mod partikolari, skont l-FMA, ir-Reġistratur jagħti l-awtorizzazzjoni sabiex kamra tal-ikklirjar topera bħala entità liċenzjata, sakemm l-applikant jikkonforma ma' dawn ir-rekwiżiti u jikkontribwixxi biex jiġu milħuqa l-għanijiet stabbiliti fl-FMA, inklużi l-mitigazzjoni tar-riskju sistemiku u l-assigurazzjoni li s-swieq finanzjarji tal-Afrika t'Isfel huma ġusti, effiċjenti u trasparenti. Sabiex jassigura li dawn ir-rekwiżiti huma osservati, ir-Reġistratur jista' jimponi l-kundizzjonijiet li jqis xierqa meta jagħti awtorizzazzjoni. Kmamar tal-ikklirjar liċenzjati għandhom iwettqu l-operat tagħhom b'mod ġust u trasparenti u b'rispett dovut lejn id-drittijiet tal-membri tal-ikklirjar u l-klijenti tagħhom. Barra minn hekk, skont l-FMA, kmamar tal-ikklirjar liċenzjati għandhom jikkonformaw ma' standards internazzjonali ta' sorveljanza, inklużi l-Prinċipji għall-Infrastrutturi tas-Swieq Finanzjarji (“il-PFMIs”) maħruġa f'April 2012 mill-Kumitat dwar is-Sistemi tal-Pagamenti u s-Saldu (2) u l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kummissjonijiet tat-Titoli (“IOSCO”).

(8)

L-FMA jagħti l-poter lill-Ministru tal-Finanzi li jagħmel regolamenti fir-rigward ta' kwalunkwe kwistjoni oħra meħtieġa mill-FMA jew permessa li tiġi preskritta minnu, jew kwalunkwe kwistjoni oħra meħtieġa sabiex ikun hemm amministrazzjoni u implimentazzjoni aħjar tal-FMA. Barra minn hekk, ir-Reġistratur għandu s-setgħa skont l-FMA, li joħroġ linji gwida dwar l-applikazzjoni u l-interpretazzjoni tal-FMA u li jieħu kull miżura li jqis neċessarja għat-twettiq xieraq u l-eżerċizzju tal-funzjonijiet u d-dmirijiet tal-FMA, jew għall-implimentazzjoni tiegħu.

(9)

Il-valutazzjoni ta' ekwivalenza tal-arranġamenti legali u superviżorji applikabbli għall-kmamar tal-ikklirjar liċenzjati għandha tqis ukoll l-eżitu tal-mitigazzjoni tar-riskju żgurat minn dawn l-arranġamenti, f'termini tal-livell ta' riskju li l-membri tal-ikklirjar u ċ-ċentri tan-negozjar stabbiliti fl-Unjoni jkunu esposti għalih minħabba l-parteċipazzjoni tagħhom fi kmamar tal-ikklirjar liċenzjati. L-eżitu tal-mitigazzjoni tar-riskju huwa determinat kemm mill-livell ta' riskju inerenti fl-attivitajiet ta' kklirjar imwettqa mis-CCP kkonċernata, li jiddependi mid-daqs tas-suq finanzjarju li topera fih, u minn kemm huma xierqa l-arranġamenti legali u superviżorji applikabbli għas-CCPs biex inaqqsu dak il-livell ta' riskju. Sabiex jinkiseb l-istess eżitu ta' mitigazzjoni tar-riskju, huwa meħtieġ li jkun hemm rekwiżiti ta' mitigazzjoni tar-riskju aktar stretti għas-CCPs li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fi swieq finanzjarji ikbar li għandhom livell ta' riskju inerenti ogħla, minn dawk ta' CCPs li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fi swieq finanzjarji iżgħar, li għandhom livell ta' riskju inerenti iktar baxx.

(10)

Id-daqs tas-suq finanzjarju fejn il-kmamar tal-ikklirjar liċenzjati jwettqu l-attivitajiet tal-ikklirjar tagħhom huwa ferm iżgħar minn ta' dak fejn iwettqu l-attivitajiet tagħhom is-CCPs stabbiliti fl-Unjoni. B'mod partikolari, tul l-aħħar tliet snin, il-valur totali tat-tranżazzjonijiet tad-derivattivi kklerjati fl-Afrikja t'Isfel irrappreżentaw inqas minn 1 % tal-valur totali tat-tranżazzjonijiet tad-derivattivi kklerjati fl-Unjoni. Għalhekk, il-parteċipazzjoni fi kmamar tal-ikklirjar liċenzjati tesponi lill-membri tal-ikklirjar u liċ-ċentri tan-negozjar stabbiliti fl-Unjoni għal riskji ferm iktar baxxi mill-parteċipazzjoni tagħhom f'CCPs awtorizzati fl-Unjoni.

(11)

L-arranġamenti legali u superviżorji applikabbli għal kmamar tal-ikklirjar liċenzjati jistgħu għalhekk jitqiesu bħala ekwivalenti meta dawn ikunu xierqa biex itaffu dak il-livell iktar baxx ta' riskju. Ir-regoli primarji applikabbli għall-kmamar tal-ikklirjar liċenzjati, li jirrikjedu konformità mal-PFMIs, itaffu l-livell aktar baxx ta' riskju li jeżisti fl-Afrika t'Isfel u jiksbu eżitu ta' mitigazzjoni tar-riskju ekwivalenti għal dak mixtieq fir-Regolament (UE) Nru 648/2012.

(12)

Il-Kummissjoni għalhekk tikkonkludi li l-arranġamenti legali u superviżorji tal-Afrika t'Isfel jiżguraw li l-kmamar tal-ikklirjar liċenzjati awtorizzati hemm jikkonformaw ma' rekwiżiti legalment vinkolanti li huma ekwivalenti għar-rekwiżiti stipulati fit-Titolu IV tar-Regolament (UE) Nru 648/2012.

(13)

Skont it-tieni kundizzjoni msemmija fl-Artikolu 25(6) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, l-arranġamenti legali u superviżorji tal-Afrika t'Isfel fir-rigward ta' CCPs awtorizzati hemm iridu jipprevedu għas-sorveljanza u l-infurzar effettivi ta' dawn is-CCPs fuq bażi kontinwa.

(14)

Ir-Reġistratur jissorvelja u jinforza l-konformità mal-FMA. B'mod partikolari, ir-Reġistratur jevalwa kull sena jekk il-kmamar tal-ikklerjajr liċenzjati jikkonformawx mal-FMA u mar-regoli u l-proċeduri interni tagħhom, kif ukoll mad-direttivi, talbiet, kundizzjonijiet jew rekwiżiti tar-Reġistratur magħmula skont l-FMA. Ir-Reġistratur għandu wkoll is-setgħa li jirrevoka jew jissospendi l-awtorizzazzjoni ta' kamra tal-ikklirjar liċenzjata, jekk din tal-aħħar tonqos milli tikkonforma mal-FMA, mar-regoli u l-proċeduri interni tagħha jew ma' direttiva, talba, kundizzjoni jew rekwiżit magħmula mir-Reġistratur skont l-FMA, fost oħrajn.

(15)

Ir-Reġistratur għandu s-setgħa li jitlob informazzjoni jew dokumenti minn kmamar tal-ikklirjar liċenzjati u li jwettaq spezzjonijiet fuq il-post. Wara li tkun seħħet spezzjoni fuq il-post, ir-Reġistratur jista', fost affarijiet oħra, jitlob lil kamra tal-ikklirjar reġistrata biex tieħu kwalunkwe pass jew li toqgħod lura milli twettaq kwalunkwe azzjoni, sabiex tintemm jew tiġi rrimedjata xi irregolarità. Jistgħu jiġu imposti pieni mir-Reġistratur f'kas li kamra tal-ikklirjar liċenzjata tonqos milli tissottometti kwalunkwe informazzjoni skont l-FMA. Barra minn hekk, sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni u l-amministrazzjoni tal-FMA, ir-Reġistratur jista' joħroġ direttivi ġenerali jew direttivi indirizzati lil entità speċifika.

(16)

Għalhekk il-Kummissjoni tikkonkludi li l-arranġamenti legali u superviżorji tal-Afrika t'Isfel fir-rigward ta' CCPs awtorizzati minnhom jipprovdu superviżjoni u infurzar effettivi fuq bażi kontinwa.

(17)

Skont it-tielet kundizzjoni msemmija fl-Artikolu 25(6) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, l-arranġamenti legali u superviżorji tal-Afrika t'Isfel iridu jinkludu sistema ekwivalenti effettiva għar-rikonoxximent tas-CCPs awtorizzati skont ir-reġimi legali ta' pajjiż terz (“CCPs ta' pajjiż terz”).

(18)

Is-CCPs awtorizzati f'pajjiż terz fejn l-arranġamenti legali u superviżorji huma ekwivalenti għal dawk tal-qafas regolatorju tal-Afrika t'Isfel, li għandhom regolament ekwivalenti dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-ġlieda kontra t-terroriżmu finanzjarju, u fejn is-CCPs ikunu soġġetti għal sorveljanza effettiva, jistgħu jipprovdu servizzi fl-Afrika t'Isfel, sakemm dawn ikunu awtorizzati mir-Reġistratur. Sabiex jagħti awtorizzazzjoni, ir-Reġistratur għandu jivvaluta l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni, filwaqt li jqis il-qafas regolatorju tal-pajjiż terz, u jista' wkoll jieħu kont tal-informazzjoni mogħtija minn kull awtorità superviżorja oħra, inklużi awtoritajiet superviżorji ta' pajjiż terz. Barra minn hekk, ir-Reġistratur jista' jeżenta lis-CCPs ta' pajjiż terz minn uħud mir-rekwiżiti meħtieġa skont l-FMA, jew minnhom kollha. Ir-Reġistratur jista' jidħol f'arranġamenti ta' kooperazzjoni ma' awtoritajiet regolatorji jew superviżorji ta' pajjiżi terzi, bil-għan li s-superviżjoni tiġi koordinata fuq bażi kontinwa, u li jsir skambju ta' informazzjoni rigward CCPs ta' pajjiżi terzi awtorizzati f'pajjiż terz fejn l-arranġamenti legali u superviżorji huma ekwivalenti għal dawk tal-qafas regolatorju tal-Afrika t'Isfel, u li huma soġġetti għal superviżjoni effettiva fil-pajjiż terz li fih huma awtorizzati.

(19)

Filwaqt li ta' min jinnota li l-istruttura tal-proċedura ta' rikonoxximent tar-reġim legali tal-Afrika t'Isfel applikabbli għal CCPs ta' pajjiżi terzi hija differenti mill-proċedura stabbilita fir-Regolament (UE) Nru 648/2012, din għandha madankollu tiġi kkunsidrata bħala waħda li tipprovdi sistema ekwivalenti effettiva għar-rikonoxximent ta' CCPs ta' pajjiżi terzi.

(20)

Il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 25(6) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 jistgħu għalhekk jitqiesu milħuqa mill-arranġamenti legali u superviżorji tal-Afrika t'Isfel rigward kmamar tal-ikklirjar liċenzjati, u dawn l-arranġamenti legali u superviżorji għandhom jitqiesu li huma ekwivalenti għar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 648/2012. Il-Kummissjoni għandha tkompli tagħmel monitoraġġ fuq bażi kontinwa tal-evoluzzjoni tal-qafas legali u superviżorju tas-CCPs fl-Afrika t'Isfel, u tkompli tara li qed jitwettqu l-kundizzjonijiet li abbażi tagħhom ittieħdet din id-deċiżjoni.

(21)

Ir-reviżjoni regolari tal-arranġamenti legali u superviżorji applikabbli fl-Afrika t'Isfel għas-CCPs awtorizzati hemmhekk għandha tkun mingħajr preġudizzju lejn il-possibbiltà li l-Kummissjoni twettaq rieżami speċifiku fi kwalunkwe ħin barra l-ambitu tal-analiżi ġenerali, fejn l-iżviluppi rilevanti jagħmluha neċessarja għall-Kummissjoni li tivvaluta mill-ġdid l-ekwivalenza mogħtija b'din id-deċiżjoni. Tali valutazzjoni mill-ġdid tista' twassal għall-irtirar tar-rikonoxximent tal-ekwivalenza.

(22)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma bi qbil mal-opinjoni tal-Kumitat Ewropew tat-Titoli,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-finijiet tal-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, l-arranġamenti legali u superviżorji tal-Afrika t'Isfel li jikkonsistu fl-Att tas-Swieqi Finanzjarji (FMA) u li huma applikabbli għall-kmamar tal-ikklirjar liċenzjati awtorizzati hemmhekk, jitqiesu li huma ekwivalenti għar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 648/2012.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Novembru 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1.

(2)  Mill-1 ta' Settembru 2014, il-Kumitat dwar is-Sistemi ta' Pagamenti u s-Saldu biddel ismu għal Kumitat dwar is-Sistemi ta' Pagament u l-Infrastrutturi tas-Suq.


Top