Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014BP1121(01)

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat- 23 ta' Ottubru 2014 b'kummenti li jiffurmaw parti integrali mid-Deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Uffiċċju tal-Korp ta' Regolaturi Ewropej għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi għas-sena finanzjarja 2012

    ĠU L 334, 21.11.2014, p. 90–92 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/res/2014/1121(1)/oj

    21.11.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 334/90


    RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

    tat-23 ta' Ottubru 2014

    b'kummenti li jiffurmaw parti integrali mid-Deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Uffiċċju tal-Korp ta' Regolaturi Ewropej għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi għas-sena finanzjarja 2012

    IL-PARLAMENT EWROPEW,

    wara li kkunsidra l-kontijiet annwali definittivi tal-Uffiċċju tal-Korp ta' Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi għas-sena finanzjarja 2012,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Uffiċċju tal-Korp ta' Regolaturi Ewropej għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi għas-sena finanzjarja 2012, flimkien mat-tweġibiet tal-Uffiċċju (1),

    wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-18 ta' Frar 2014 (05849/2014 — C7-0054/2014),

    wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu tat-3 ta' April 2014 (2) li tipposponi d-deċiżjoni tiegħu dwar l-għoti ta' kwittanza għas-sena finanzjarja 2012, u r-riżoluzzjoni ta' akkumpanjament,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (3), u b'mod partikolari l-Artikolu 185 tiegħu,

    wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li tirrevoka r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (4), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

    wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1211/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 li jistabbilixxi l-Korp ta' Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC) u l-Uffiċċju (5), u b' mod partikolari tal-Artikolu 13 tiegħu,

    wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta' Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (6),

    wara li kkunsidra r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar ir-regolament finanzjarju qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), u b'mod partikolari Artikolu 108 tiegħu,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra t-tieni rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0011/2014),

    Kummenti dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet

    1.

    Jinnota li sabiex jindirizza n-nuqqasijiet relatati mal-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet, l-Uffiċċju tal-Korp ta' Regolaturi Ewropej għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (“l-Uffiċċju”) inkluda fil-Manwal Finanzjarju u ta' Kontabilità tiegħu proċeduri ċari, passi dettaljati u flussi ta' xogħol li għandhom jintużaw mill-atturi finanzjarji kollha; jilqa' l-fatt li proċessi relatati mal-eżerċizzju ta' riport kienu suġġetti għal attenzjoni partikolari;

    Baġit u ġestjoni finanzjarja

    2.

    Jikkonferma mill-kontijiet annwali definittivi tal-Uffiċċju li kemm ir-rata ta' implimentazzjoni tal-baġit ta' 89,55 % kif ukoll ir-rata ta' eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' pagament ta' 76,57 % wrew titjib meta mqabbla mar-riżultati tal-2012; jirrikonoxxi l-passi meħuda biex titjieb r-rata ta' implimentazzjoni tal-baġit; jikkunsidra, madankollu, li għad fadal lok għal titjib u jistieden lill-Uffiċċju jtejjeb aktar fil-futur l-isforzi tiegħu ta' monitoraġġ tal-baġit;

    Impenji u riporti

    3.

    Jilqa' l-miżuri meħuda mill-Uffiċċju sabiex jindirizzaw il-kwistjonijiet relatati mal-impenji u r-riporti, bħal ippjanar baġitarju mtejjeb u monitoraġġ strett ta' pagamenti fix-xahar u fi tmiem is-sena; jirrikonoxxi li l-Uffiċċju żgura r-reklutaġġ ta' karigi ewlenin b'impatt dirett fuq iċ-ċirkwit finanzjarju u tejjeb il-politika tiegħu dwar il-preżentazzjoni u r-rimborż f'waqthom ta' spejjeż ta' missjonijiet mitluba minn esperti;

    4.

    Jinnota bi tħassib li r-rata ta' approprjazzjonijiet ta' impenn ikkanċellati riportati fis-sena finanzjarja 2013 kienet 28 %, ċifra li għadha għolja, għalkemm tirrappreżenta tnaqqis sinifikanti mir-rata tas-sena ta' qabel ta' 45 %; jirrikonoxxi mir-rapport tal-Qorti tal-Awdituri li dawn ir-riporti kienu fil-parti l-kbira relatati ma' kuntratti ffirmati fit-tieni semestru tal-2013 għal attivitajiet ippjanati għall-2013 u l-2014;

    5.

    Jinnota li r-rata ta' approprjazzjonijiet mhux użati naqset minn 17 % fl-2012 għal 14,6 % fl-2013, kif ukoll ir-rata ta' riporti għall-2014, li naqset minn EUR 611 223 (19 %) għal EUR 461 983 (13 %); jitlob lill-Uffiċċju jkompli jtejjeb l-ippjanar u l-implimentazzjoni tal-attivitajiet tiegħu u jnaqqas aktar ir-rati ta' riporti;

    Proċeduri ta' akkwist u reklutaġġ

    6.

    Jirrikonoxxi l-inklużjoni ta' lista ta' kontroll tal-akkwisti obbligatorja u dettaljata fil-Manwal Finanzjarju tal-Uffiċċju, kif ukoll il-ħatra ta' Uffiċjal għall-Akkwisti u taħriġ għal akkwisti ġenerali għall-persunal kollu; jilqa' l-fatt li dawn il-miżuri rriżultaw fi tħejjija, eżekuzzjoni, dokumentazzjoni u koordinament aħjar tal-proċeduri ta' akkwist tal-Uffiċċju;

    7.

    Jilqa' l-bidliet u t-titjib li saru għall-proċeduri ta' akkwist eżistenti sabiex iwieġbu t-talbiet tal-awtorità ta' kwittanza u jżidu t-trasparenza tal-proċess ta' reklutaġġ u, b'mod partikolari, tal-punti li ġejjin:

    tfassil ta' testijiet bil-miktub u mistoqsijiet għal intervisti, kif ukoll punteġġi limitu, qabel l-eżami ta' applikazzjonijiet,

    approvazzjoni ta' nomina u bidliet fil-kompożizzjoni tal-bord ta' selezzjoni mill-awtorità li taħtar,

    reviżjoni tal-linji gwida tar-reklutaġġ implimentati fl-2013;

    8.

    Jilqa' l-politika tal-komunikazzjoni riveduta tal-Uffiċċju, li tiżgura li telefons ċellulari jingħataw lill-persunal abbażi ta' esiġenzi professjonali, u l-kontrolli interni magħmula għall-monitoraġġ tal-konformità ma' din il-politika;

    9.

    Jinnota l-inklużjoni ta' kuntratt bankarju ġdid għall-operazzjonijiet f'kontanti tal-Uffiċċju ma' bank bi klassifikazzjoni “A+/A-1”; jirrikonoxxi l-inklużjoni ta' linji gwida ta' ġestjoni tat-teżor fil-Manwal tal-Kontabilità tal-Uffiċċju;

    Prevenzjoni u ġestjoni ta' kunflitti ta' interessi u trasparenza

    10.

    Jirrikonoxxi li d-dikjarazzjonijiet annwali tal-kunflitt ta' interessi mill-Bord ta' Regolaturi, il-Kumitat ta' Ġestjoni u Meniġer Amministrattiv tal-Uffiċċju saru disponibbli permezz ta' sezzjonijiet speċjali tar-reġistru pubbliku ta' dokumenti tal-Uffiċċju; jinnota li l-politika tal-kunflitti ta' interessi rigward il-membri tal-persunal tal-Uffiċċju ssegwi l-istess prinċipji, u li d-dikjarazzjonijiet tal-kunflitti ta' interessi tal-membri tal-persunal huma disponibbli wkoll mir-reġistru pubbliku tal-Uffiċċju;

    11.

    Jinnota li l-Uffiċċju ma ppjanax rieżami tal-politika fis-seħħ dwar il-kunflitti ta' interessi, u li jikkunsidra l-politiki rilevanti kollha dwar il-kunflitti ta' interessi, sa minn Diċembru 2013, bħala konformi mal-Linji Gwida tal-Kummissjoni dwar il-Prevenzjoni u l-Ġestjoni tal-Kunflitti ta' Interess fl-Aġenziji Deċentralizzati tal-UE; jirrikonoxxi li l-Uffiċċju għandu l-għan li jissensibilizza dwar il-politika tiegħu marbuta mal-kunflitti ta' interessi, kif ukoll ta' dik tal-Bord tiegħu, u li se jsegwi mill-qrib il-bidliet rilevanti f'dan il-qasam;

    Awditjar intern

    12.

    Jinnota li l-Uffiċċju ssodisfa r-rekwiżiti formali kollha għall-Istandards ta' Kontroll Intern (ICS) dwar l-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni (ICS 12);

    13.

    Jirrikonoxxi li l-Uffiċċju qed jadatta l-ippjanar u r-rappurtar tiegħu biex jinkludi miri li jistgħu jitkejlu bil-għan li jimplimenta l-ICS għal Objettivi u Indikaturi tal-Prestazzjoni (ICS 5); jinnota li l-Uffiċċju ffinalizza l-manwali ta' proċeduri tiegħu stess u adotta proċedura interna dettaljata għar-reġistrazzjoni tal-avvenimenti kollha mhux konformi biex jimplimenta l-ICS għal Proċessi u Proċeduri (ICS 8); jinnota li l-Uffiċċju adotta l-proċeduri interni tiegħu dwar ġestjoni ta' dokumenti sabiex jikkonforma mal-ICS għal Ġestjoni ta' Dokumenti (ICS 11);

    14.

    Jinnota li l-Uffiċċju stabbilixxa proċedura ta' inventarju rigward ir-reġistrazzjoni u d-disponiment ta' assi fissi li ġiet adottata bħala parti mill-Manwal Finanzjarju tiegħu; jinnota li twettaq inventarju fiżiku f'Awwissu 2013; jilqa' l-fatt li, skont il-proċeduri tal-Uffiċċju, għandu jitlesta inventarju tal-assi kull sena;

    15.

    Jinnota li huwa programmat rieżami tal-ICS mis-Servizz ta' Awditjar Intern; jitlob lill-Uffiċċju jirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar ir-riżultati tar-rieżami hekk kif ikunu disponibbli;

    Prestazzjoni

    16.

    Jilqa' l-passi meħuda dan l-aħħar mill-Uffiċċju lejn komunikazzjoni aħjar maċ-ċittadini Ewropej dwar l-impatt li xogħlu għandu fuqhom, b'mod partikolari l-enfasi fuq objettivi li jistgħu jitkejlu u definiti b'mod ċar li jippermettu valutazzjoni aħjar tal-attivitajiet tiegħu;

    17.

    Jinnota li l-Uffiċċju beda jżid il-profil tiegħu bħala korp tal-Unjoni billi tella' l-logo tal-Unjoni fuq xi paġni tas-sit web tiegħu, u jistenna bil-ħerqa li dan jiġi estiż għall-paġna ewlenija tal-BEREC u sistematikament fuq il-komunikazzjonijiet kollha, u b'hekk tiġi żgurata l-viżibilità tal-kontribuzzjonijiet mill-baġit tal-Unjoni lill-organizzazzjonijiet.

    18.

    Jirreferi, fir-rigward tal-osservazzjonijiet l-oħra li jakkumpanjaw id-Deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, li huma ta' natura orizzontali, għar-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' April 2014 (8) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.


    (1)  ĠU C 365, 13.12.2013, p. 9.

    (2)  ĠU L 266, 5.9.2014, p. 353.

    (3)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

    (4)  ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.

    (5)  ĠU L 337, 18.12.2009, p. 1.

    (6)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.

    (7)  ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.

    (8)  ĠU L 266, 5.9.2014, p. 359.


    Top