Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R1368

    Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1368/2013 tat- 13 ta’ Diċembru 2013 dwar l-appoġġ, min-naħa tal-Unjoni, għall-programmi ta’ għajnuna għad-dekummissjonar ta’ impjanti nukleari fil-Bulgarija u s-Slovakkja, u li jirrevoka r-Regolamenti (Euratom) Nru 549/2007 u (Euratom) Nru 647/2010

    ĠU L 346, 20.12.2013, p. 1–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2020; Imħassar b' 32021R0100

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1368/oj

    20.12.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 346/1


    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (EURATOM) Nru 1368/2013

    tat-13 ta’ Diċembru 2013

    dwar l-appoġġ, min-naħa tal-Unjoni, għall-programmi ta’ għajnuna għad-dekummissjonar ta’ impjanti nukleari fil-Bulgarija u s-Slovakkja, u li jirrevoka r-Regolamenti (Euratom) Nru 549/2007 u (Euratom) Nru 647/2010

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 203 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

    Billi:

    (1)

    Skont il-Protokoll dwar il-kundizzjonijiet u l-arranġamenti għall-ammissjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija fl-Unjoni Ewropea (2), il-Bulgarija ntrabtet li tagħlaq l-unitajiet 1 u 2 u l-unitajiet 3 u 4 tal-impjant nukleari ta’ Kozloduy sal-31 ta’ Diċembru 2002 u sal-31 ta’ Diċembru 2006 rispettivament, u li wara tgħaddi għad-dekummissjonar ta’ dawk l-unitajiet. F’konformità mal-obbligi tagħha, il-Bulgarija għalqet l-unitajiet ikkonċernati kollha sal-iskadenzi rispettivi tagħhom.

    (2)

    Skont il-Protokoll Nru 9 dwar l-unitajiet 1 u 2 tal-impjant nukleari ta’ Bohunice V1 fis-Slovakkja (3), li huwa mehmuż mal-Att tal-Adeżjoni tal-2003, is-Slovakkja ntrabtet li tagħlaq l-unitajiet 1 u 2 tal-impjant nukleari ta’ Bohunice V1 sal-31 ta’ Diċembru 2006 u sal-31 ta’ Diċembru 2008 rispettivament, u li wara tgħaddi għad-dekummissjonar ta’ dawk l-unitajiet. F’konformità mal-obbligi tagħha, is-Slovakkja għalqet l-unitajiet ikkonċernati kollha sal-iskadenzi rispettivi tagħhom.

    (3)

    F’konformità mal-obbligi tagħhom taħt it-Trattat tal-Adeżjoni u bl-għajnuna tal-Unjoni, il-Bulgarija u s-Slovakkja għalqu l-impjanti tal-enerġija nukleari ta' Kozloduy u Bohunice V1 u għamlu progress sinifikanti fil-proċess tad-dekummissjonar tagħhom. Hija meħtieġa aktar ħidma biex jitkompla l-progress fl-operazzjonijiet effettivi tad-dekontaminazzjoni, iż-żarmar, il-ġestjoni tal-fjuwil użat u l-iskart radjuattiv u biex jiġi implimentat il-proċess kontinwu lejn l-istat aħħari tad-dekummissjonar f'konformità mal-pjani rispettivi tad-dekummissjonar, waqt li jkun żgurat li jiġu applikati l-ogħla standards ta' sikurezza. Abbażi tal-istimi disponibbli, biex jitlesta x-xogħol ta’ dekummissjonar se jkun hemm bżonn ta’ riżorsi finanzjarji addizzjonali sostanzjali.

    (4)

    L-għeluq prematur u d-dekummissjonar konsegwenti tal-impjant tal-enerġija nukleari ta' Bohunice VI b'żewġ unitajiet tat-tip WWER 440 V 230 b'kapaċità globali ta' 880 MW, minbarra implikazzjonijiet soċjali u ta' enerġija, wassal għal piż finanzjarju sinifikanti ta' spejjeż diretti u indiretti għas-Slovakkja.

    (5)

    L-għeluq prematur u d-dekummissjonar konsegwenti ta' erba' unitajiet tat-tip WWER 440 V 230 tal-impjant tal-enerġija nukleari ta' Kozloduy b'kapaċità totali ta' 1 760 MW impona piż konsiderevoli fuq żmien twil fuq iċ-ċittadini Bulgari f'termini ta' implikazzjonijiet għall-enerġija, ekonomiċi, ambjentali u soċjali.

    (6)

    L-Unjoni impenjat ruħha li tassisti lill-Bulgarija u s-Slovakkja biex tindirizza l-piż finanzjarju eċċezzjonali impost bil-proċess ta' dekummissjonar. Sa mill-perjodu ta’ qabel l-adeżjoni, il-Bulgarija u s-Slovakkja rċevew appoġġ finanzjarju sostanzjali min-naħa tal-Unjoni, partikolarment permezz tal-programmi ta’ Kozloduy u Bohunice li kienu stabbiliti għall-perjodu 2007 - 2013. L-appoġġ finanzjarju mill-Unjoni taħt dawk il-programmi ser jintemm fl-2013.

    (7)

    Wara talba għal iktar fondi min-naħa tal-Bulgarija, tal-Litwanja u tas-Slovakkja, fil-proposta tal-Kummissjoni għall-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss għall-perjodu 2014 - 2020 imsejħa “Baġit għall-Ewropa 2020” huwa previst ammont ta’ EUR 700 miljun mill-baġit ġenerali tal-Unjoni għas-sikurezza u d-dekummissjonar fil-qasam nukleari. Minn dan, ammont ta’ EUR 500 miljun fi prezzijiet tal-2011, li jiġi madwar EUR 553 miljun fi prezzijiet attwali, huwa previst għal programm ġdid sabiex ikompli jiġi appoġġat il-proċess ta’ dekummissjonar tal-unitajiet 1 u 2 ta’ Bohunice V1, tal-unitajiet 1 u 2 ta’ Ignalina u tal-unitajiet 1 sa 4 ta’ Kozloduy għall-perjodu mill-2014 sal-2020.

    (8)

    L-ammont tal-approprjazzjonijiet allokati għall-programmi ta' Kozloduy u Bohunice, kif ukoll il-perjodu tal-ipprogrammar u d-distribuzzjoni tal-fondi fost il-programmi ta' Kozloduy, Bohunice u Ignalina jistgħu jiġu riveduti fuq il-bażi tar-riżultati ta' nofs il-perjodu u r-rapporti ta' evalwazzjoni finali.

    (9)

    L-appoġġ skont dan ir-Regolament għandu jiżgura l-kontinwazzjoni bla waqfien tad-dekummissjonar u jikkonċentra fuq miżuri li jimplimentaw il-proċess kontinwu lejn l-istat aħħari tad-dekummissjonar, waqt li jkun żgurat li jiġu applikati l-ogħla standards ta' sikurezza, peress li miżuri bħal dawn jagħtu l-ikbar valur miżjud lill-Unjoni, waqt li r-responsabbiltà aħħarija għas-sikurezza nukleari tibqa' tal-Istat Membru kkonċernat. Dan ir-Regolament huwa mingħajr ħsara għall-eżitu ta’ kwalunkwe proċedura tal-għajnuna mill-Istat li jistgħu jitwettqu fil-ġejjieni skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

    (10)

    Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għad-drittijiet u l-obbligi tal-Istati Membri kkonċernati taħt it-Trattati tal-Adeżjoni, b’mod partikolari taħt il-Protokolli msemmija fil-premessi 1 u 2.

    (11)

    Sabiex jiġi żgurat l-ogħla livell ta’ effiċjenza possibbli, u b'hekk jittieħed kont tal-aħjar prattika internazzjonali, id-dekummissjonar tal-impjanti tal-enerġija nukleari koperti minn dan ir-Regolament għandu jitwettaq billi jintuża l-aħjar għarfien espert tekniku disponibbli, u billi jitqiesu debitament in-natura tal-unitajiet li għandhom jingħalqu u l-ispeċifikazzjonijiet teknoloġiċi tagħhom.

    (12)

    L-attivitajiet koperti minn dan ir-Regolament u l-operazzjonijiet li huma jappoġġaw għandhom jikkonformaw mal-liġi applikabbli nazzjonali u tal-Unjoni. Id-dekummissjonar tal-impjanti tal-enerġija nukleari koperti minn dan ir-Regolament għandhom isiru skont il-leġiżlazzjoni dwar is-sikurezza nukleari, jiġifieri d-Direttiva tal-Kunsill 2009/71/Euratom (4), il-ġestjoni tal-iskart, jiġifieri d-Direttiva tal-Kunsill 2011/70/Euratom (5) u l-ambjent, b'mod partikolari d-Direttiva 2009/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) u d-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 13 ta’ Diċembru 2011 (7).

    (13)

    L-attivitajiet koperti minn dan ir-Regolament u l-operazzjonijiet li huma jappoġġaw għandhom ikunu bbażati fuq pjan ta' dekummissjonar aġġornat li jkopri l-attivitajiet ta' dekummissjonar u l-iskeda, l-ispejjeż u r-riżorsi umani meħtieġa assoċjati magħhom. L-ispejjeż għandhom jiġu stabbiliti skont standards rikonoxxuti f'livell internazzjonali għall-istima tal-ispejjeż tad-dekummissjonar, bħal, pereżempju, l-International Structure for Decommissioning Costing ippubblikat konġuntament mill-Aġenzija għall-Enerġija Nukleari, l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika u l-Kummissjoni Ewropea.

    (14)

    Il-Kummissjoni għandha tiżgura li jkun hemm kontroll effettiv tal-iżvilupp tal-proċess tad-dekummissjonar sabiex tiżgura l-ogħla valur miżjud tal-Unjoni tal-fondi allokati taħt dan ir-Regolament, għalkemm ir-responsabbiltà aħħarija għall-proċess tad-dekummissjonar hija f’idejn l-Istati Membri kkonċernati. Dan jinkludi l-kejl tal-prestazzjoni effettiva u l-valutazzjoni tal-miżuri korrettivi matul il-programm ikkonċernat.

    (15)

    L-interessi finanzjarji tal-Unjoni għandhom jitħarsu permezz ta’ miżuri proporzjonati tul iċ-ċiklu tal-infiq kollu kemm hu, li jinkludu l-prevenzjoni, il-kxif u l-investigazzjoni tal-irregolaritajiet, l-irkupru ta’ fondi mitlufa, imħallsa bi żball jew użati b’mod ħażin u, fejn xieraq, is-sanzjonijiet.

    (16)

    Peress li l-għanijiet ta' dan ir-Regolament, b’mod partikolari fir-rigward tal-provvedimenti għal riżorsi finanzjarji adegwati għall-kontinwazzjoni tal-proċess tad-dekummissjonar b’mod sikur, ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjonijiet, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu neċessarju biex jintlaħqu dawk l-objettivi.

    (17)

    Ċerti miżuri taħt il-programmi ta' Kozloduy u Bohunice jistgħu jeħtieġu livell għoli ta' finanzjament mill-Unjoni, li jista', f'każijiet eċċezzjonali ġġustifikati tajjeb, jammonta għat-total sħiħ tal-finanzjament. Madanakollu, għandhom isiru l-isforzi kollha biex titkompla l-prattika tal-kofinanzjament stabbilita fil-qafas tal-assistenza ta' qabel l-adeżjoni u l-assistenza pprovduta matul il-perjodu 2007-2013 għall-isforzi ta' dekummissjonar tal-Bulgarija u s-Slovakkja, kif ukoll biex jiġi attirat kofinanzjament minn sorsi oħra kif ikun adatt.

    (18)

    Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, għandhom jingħataw setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni f’dak li għandu x’jaqsam mal-adozzjoni tal-programmi ta’ ħidma annwali u tal-proċeduri ddettaljati ta’ implimentazzjoni. Dawk is-setgħat għandhom ikunu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas (8).

    (19)

    Ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 549/2007 (9) u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 647/2010 (10) għandhom jiġu revokati.

    (20)

    Ittieħed il-kont debitu tar-Rapport Speċjali Nru 16/2011 tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-għajnuna finanzjarja tal-UE għad-diżattivazzjoni ta’ impjanti nukleari fil-Bulgarija, il-Litwanja u s-Slovakkja, ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu u t-tweġiba mill-Kummissjoni,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Suġġett

    Dan ir-Regolament jistabbilixxi programm għall-implimentazzjoni tal-appoġġ finanzjarju tal-Unjoni għall-miżuri marbuta mad-dekummissjonar tal-unitajiet 1 sa 4 tal-impjant nukleari ta' Kozloduy fil-Bulgarija (il-“programm ta' Kozloduy”) u l-nitajiet 1 u 2 tal-impjant nukleari ta' Bohunice V1 fis-Slovakkja (il-“programm ta' Bohunice”) (flimkien “il-programmi ta' Kozloduy u Bohunice”).

    Artikolu 2

    Għanijiet

    1.   L-għan ġenerali tal-programmi ta' Kozloduyu u Bohunice hu li jgħin lill-Istati Membri kkonċernati fl-implimentazzjoni tal-proċess kontinwu lejn l-istat aħħari tad-dekummissjonar tal-unitajiet 1 sa 4 ta' Kozloduy u l-unitajiet 1 u 2ta' Bohunice VI, f'konformità mal-pjani rispettivi tagħhom għad-dekummissjonar, waqt li jinżamm l-ogħla livell ta' sikurezza.

    2.   Fil-perjodu tal-finanzjament, l-għanijiet speċifiċi prinċipali tal-programmi ta’ Kozloduy u Bohunice huma:

    (a)

    fir-rigward tal-programm ta’ Kozloduy:

    (i)

    iż-żarmar fis-swali tat-turbini tal-unitajiet 1 sa 4 u fil-bini sekondarju, li għandu jitkejjel mill-għadd u t-tip ta’ sistemi żarmati;

    (ii)

    iż-żarmar tal-komponenti l-kbar u tat-tagħmir li jinsabu fil-bini tar-reatturi tal-unitajiet 1 sa 4, li għandu jitkejjel mill-għadd u t-tip ta’ sistemi u ta’ tagħmir żarmat;

    (iii)

    il-ġestjoni sikura tal-iskart mill-proċess tad-dekummissjonar skont pjan iddettaljat għall-ġestjoni tal-iskart, li għandu jitkejjel mill-kwantità u t-tip ta’ skart ikkundizzjonat b'mod sikur;

    (b)

    fir-rigward tal-programm ta’ Bohunice:

    (i)

    iż-żarmar fis-sala tat-turbini u fil-bini sekondarju tar-reattur V1, li għandu jitkejjel mill-għadd u t-tip ta’ sistemi żarmati;

    (ii)

    iż-żarmar tal-komponenti u tat-tagħmir ta’ daqs kbir li jinsabu fil-bini tar-reattur V1, li għandu jitkejjel mill-għadd u t-tip ta’ sistemi u ta’ tagħmir żarmat;

    (iii)

    il-ġestjoni sikura tal-iskart li ġej mill-proċess tad-dekummissjonar skont pjan iddettaljat għall-ġestjoni tal-iskart, li għandu jitkejjel mill-ammont u t-tip ta’ skart ikkundizzjonat b'mod sikur.

    3.   Il-programmi ta' Kozloduy u Bohunice jistgħu jinkludu wkoll miżuri għaż-żamma ta' livell għoli ta' sikurezza fl-unitajiet li qed jiġu dekummissjonati, inkluż appoġġ fir-rigward tal-persunal tal-impjanti tal-enerġija nukleari.

    Artikolu 3

    Baġit

    1.   Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-programmi ta' Kozloduy u Bohunice għall-perjodu mill-2014 sal-2020 għandu jkun ta’ EUR 323 318 000 fi prezzijiet attwali. Dak l-ammont għandu jitqassam bejn il-programmi ta’ Kozloduy u Bohunice kif ġej:

    (a)

    EUR 208 503 000 għall-programm ta’ Kozloduy għall-perjodu mill-2014 sal-2020;

    (b)

    EUR 114 815 000 għall-programm ta’ Bohunice għall-perjodu mill-2014 sal-2020.

    Dan ir-Regolament ma jippreġudika bl-ebda mod l-impenji finanzjarji taħt oqfsa finanzjarji pluriennali futuri.

    2.   Sa tmiem l-2017, il-Kummissjoni għandha tirrevedi l-prestazzjoni tal-irogrammi ta' Kozloduy u Bohunice u tivvaluta l-progress ta' dawk il-programmi ta f'relazzjoni mal-passi ewlenin u l-iskadenzi msemmija fl-Artikolu 7 fil-qafas tal-evalwazzjoni ta' nofs it-terminu msemmija fl-Artikolu 9. Fuq il-bażi tar-riżultati ta' dik il-valutazzjoni, l-ammont tal-approprjazzjonijiet allokati lill-programmi, ta' Kozloduy u Bohunice, kif ukoll tal-perjodu tal-ipprogrammar u d-distribuzzjoni tal-fondi bejn il-programmi ta' Kozloduy u Bohunice u l-programm ta' Ignalina kif stabbilit fir-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1369/2013 (11) jistgħu jiġu riveduti biex jittieħed kont tal-progress imwettaq fl-implimentazzjoni ta' dawk il-programmi u jkun żgurat li l-ipprogrammar u l-allokazzjoni tar-riżorsi jkunu bbażati fuq ħtiġijiet ta' pagament u kapaċità ta' assorbiment effettivi.

    3.   L-allokazzjoni finanzjarja għall-programmi ta' Kozloduy u Bohunice tista’ tkopri wkoll l-ispejjeż li jagħmlu parti mill-attivitajiet preparatorji, ta’ monitoraġġ, kontroll, awditjar u evalwazzjoni li huma meħtieġa għall-ġestjoni ta' kull programm u għall-ilħuq tal-għanijiet tagħhom. B’mod partikolari, jistgħu jkunu koperti spejjeż relatati ma' studji, laqgħat tal-esperti, attivitajiet ta’ informazzjoni u komunikazzjoni, fosthom il-komunikazzjoni korporattiva tal-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni sal-punt li dawn ikollhom x’jaqsmu mal-għanijiet ġenerali ta’ dan ir-Regolament, u spejjeż marbutin man-netwerks tal-informatika li jiffukaw fuq l-ipproċessar u l-iskambju tal-informazzjoni, flimkien mal-ispejjeż l-oħra kollha tekniċi u amministrattivi li l-Kummissjoni ġġarrab fil-ġestjoni tal-programmi ta' Kozloduy u Bohunice.

    L-allokazzjoni finanzjarja għall-programmi ta' Kozloduy u Bohunice tista’ tkopri wkoll l-ispejjeż għall-għajnuna teknika u amministrattiva meħtieġa biex tkun żgurata t-tranżizzjoni bejn dawk il-programmi u l-miżuri adottati skont ir-Regolamenti (Euratom) Nru 549/2007 u (Euratom) Nru 647/2010.

    Artikolu 4

    Kundizzjonalitajiet ex ante

    1.   Sal-1 ta' Jannar 2014, il-Bulgarija u s-Slovakkja għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jissodisfaw il-kundizzjonalitajiet ex ante li ġejjin:

    (a)

    jikkonformaw mal-acquis tat-Trattat Euratom fil-qasam tas-sikurezza nukleari, b’mod partikolari fir-rigward tat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali tad-Direttivi 2009/71/Euratom u 2011/70/Euratom;

    (b)

    jistabbilixxu, f'qafas nazzjonali, pjan ta' finanzjament li jidentifika l-ispejjeż kollha u s-sorsi ta' finanzjament previsti meħtieġa għat-tlestija b'mod sikur tad-dekummissjonar tal-unitajiet ta' reattur nukleari, inkluż il-ġestjoni tal-fjuwil użat u l-iskart radjuattiv, skont dan ir-Regolament;

    (c)

    jippreżentaw lill-Kummissjoni pjan iddettaljat rivedut tad-dekummissjonar, imqassam biex jiġi speċifikat il-livell tal-attivitajiet ta' dekummissjonar, inkluż iskeda u struttura korrispondenti tal-ispejjeż ibbażati fuq standards rikonoxxuti f'livell internazzjonali għall-istima tal-ispejjeż tad-dekummissjonar.

    2.   Il-Bulgarija u s-Slovakkja għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni meħtieġa dwar l-ilħuq tal-kundizzjonalitajiet ex ante msemmijin fil-paragrafu 1 sa mhux aktar tard miż-żmien tal-impenn baġitarju fl-2014.

    3.   Il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 meta tkun qed tħejji l-programm ta’ ħidma annwali għall-2014 msemmi fl-Artikolu 6(1). Jekk il-Kummissjoni tkun tal-opinjoni motivata li jkun sar ksur taħt l-Artikolu 258 TFUE minħabba n-nonosservanza tal-kundizzjonalità ex ante stipulata fil-paragrafu 1(a) jew li l-kundizzjonalitajiet ex ante stipulati fil-paragrafu 1(b) jew 1(c) ma jiġux issodisfati b'mod sodisfaċenti, deċiżjoni dwar is-sospensjoni tal-assistenza finanzjarja kollha, jew parti minnha, tal-Unjoni għandha tittieħed f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 11(2). Dik id-deċiżjoni għandha tkun riflessa fl-adozzjoni tal-programm ta' ħidma annwali tal-2014. L-ammont tal-assistenza sospiża għandu jiġi ddefinit skont il-kriterji stipulati fl-atti ta' implimentazzjoni msemmijin fl-Artikolu 7.

    Artikolu 5

    Forom ta’ implimentazzjoni

    1.   Il-programmi ta' Kozloduy u Bohunice għandhom jiġu implimentati permezz ta’ waħda jew aktar mill-forom stipulati fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12), b’mod partikolari b'għotjiet ta' flus u akkwisti.

    2.   Il-Kummissjoni tista’ tinkariga bl-implimentazzjoni tal-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni taħt il-programmi ta' Kozloduy u Bohunice dawk il-korpi stipulati fl-Artikolu 58(1)(c) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012.

    Artikolu 6

    Programmi ta' Ħidma Annwali

    1.   Fil-bidu ta' kull sena, il-Kummissjoni għandha tadotta, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, programm ta' ħidma annwali konġunt għall-programmi ta' Kozloduy u Bohunice li jispeċifika, fir-rigward ta' kull programm, l-għanijiet, ir-riżultati mistennija, l-indikaturi tal-prestazzjoni relatati u l-iskeda taż-żmien għall-użu tal-fondi taħt kull impenn finanzjarju annwali, f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 11(2).

    2.   Fit-tmiem ta' kull sena, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi rapport ta' progress dwar l-implimentazzjoni tal-ħidma mwettqa fis-sena preċedenti. Dak ir-rapport ta' progress għandu jintbagħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill u għandu jkun bażi għall-adozzjoni tal-programm ta' ħidma annwali konġunt li jkun imiss.

    Artikolu 7

    Proċeduri ta' implimentazzjoni ddettaljati

    Sal-31 ta' Diċembru 2014, il-Kummissjoni għandha tadotta, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, proċeduri ta' implimentazzjoni ddettaljati għall-programmi ta' Kozloduy u Bohunice għad-durata kollha tagħhom, f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 11(2). Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhomjiddefinixxu f'aktar dettall, fir-rigward ta' dawk il-programmi, l-għanjiet, ir-riżultati mistennija, il-passi ewlenin, l-iskadenzi, kif ukoll l-indikaturi tal-prestazzjoni. Għandhom jinkludu wkoll l-pjani ddettaljati riveduti għad-dekummissjonar, kif imsemmi fl-Artikolu 4(1)(c), li għandhom iservu bħala l-bażi għall-monitoraġġ tal-progress u tal-ilħuq fil-ħin tar-riżultati mistennija.

    Artikolu 8

    Ħarsien tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni

    1.   Il-Kummissjoni għandha tieħu miżuri x-xierqa biex jiġi żgurat li, meta jiġu implimentati l-azzjonijiet iffinanzjati skont dan ir-Regolament, l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jitħarsu billi jiġu applikati miżuri ta’ prevenzjoni kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra, billi jsiru verifiki effettivi u, jekk jinstabu xi irregolaritajiet, billi jiġu rkuprati ammonti li ma kellhomx jitħallsu u, fejn ikun xieraq, billi jiġu imposti sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi.

    2.   Il-Kummissjoni jew ir-rappreżentanti tagħha u l-Qorti tal-Awdituri għandu jkollhom is-setgħa ta’ awditu, kemm abbażi tad-dokumenti kif ukoll ta’ verifiki fuq il-post, fuq il-benefiċjarji kollha tal-għotjiet u fuq il-kuntratturi u s-sottokuntratturi kollha li jkunu rċevew fondi tal-Unjoni.

    L-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (l-OLAF) jista’ jwettaq verifiki u spezzjonijiet fuq il-post fuq l-operaturi ekonomiċi kkonċernati direttament jew indirettament mill-finanzjament tal-Unjoni, skont il-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13) u fir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 (14), bil-ħsieb li jiġi stabbilit jekk kinitx saret xi frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li tolqot l-interessi finanzjarji tal-Unjoni b’rabta ma’ xi ftehim dwar għotjiet ta’ flus, deċiżjoni dwar għotjiet ta’ flus, jew kuntratt li għandu x’jaqsam mal-finanzjament tal-Unjoni.

    3.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 1 u 2, ftehimiet ta’ kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali, ftehimiet dwar għotjiet ta’ flus, deċiżjonijiet dwar għotjiet ta’ flus u kuntratti li jirriżultaw mill-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandu jkun fihom dispożizzjonijiet li espressament jagħtu s-setgħa lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Awdituri u lill-OLAF biex jwettqu l-awditi, u l-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imsemmija f'dawk il-paragrafi, skont il-kompetenzi rispettivi tagħhom.

    Artikolu 9

    Evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu

    1.   Sal-31 ta' Diċembru 2017, il-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, għandha tistabbilixxi rapport ta’ evalwazzjoni ta' nofs it-terminu dwar il-kisba tal-għanijiet tal-miżuri kollha relatati mal-programmi ta' Kozloduy u Bohunice, fil-livell tar-riżultati u tal-impatti, l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u l-valur miżjud għall-Unjoni tal-kisba tal-għanijiet, bil-ħsieb li tadotta deċiżjoni li temenda jew li tissospendi dawk il-miżuri. L-evalwazzjoni għandha wkoll tindirizza l-ambitu għal modifika tal-għanijiet speċifiċi u l-proċeduri ta' implimentazzjoni ddettaljati deskritti fl-Artikolu 2(2) u l-Artikolu 7 rispettivament.

    2.   L-evalwazzjoni ta' nofs il-perjodu għandha tqis il-progress li jkun sar imqabbel mal-indikaturi tal-prestazzjoni kif imsemmija fl-Artikolu 2(2).

    3.   Il-Kummissjoni għandha tikkomunika l-konklużjonijiet tal-evalwazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    Artikolu 10

    Evalwazzjoni finali

    1.   Il-Kummissjoni għandha twettaq, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, evalwazzjoni ex post dwar l-effettività u l-effiċjenza tal-programmi ta' Kozloduy u Bohunice, kif ukoll tal-effettività tal-miżuri ffinanzjati f'termini ta' impatt, l-użu ta' riżorsi u l-valur miżjud għall-Unjoni.

    2.   L-evalwazzjoni finali għandha tqis il-progress li jkun sar imqabbel mal-indikaturi tal-prestazzjoni kif imsemmija fl-Artikolu 2(2).

    3.   Il-Kummissjoni għandha tikkomunika l-konklużjonijiet tal-evalwazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    Artikolu 11

    Kumitat

    1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fit-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    Meta għandha tinkiseb l-opinjoni tal-kumitat permezz ta' proċedura bil-miktub, dik il-proċedura għandha tintemm mingħajr riżultat meta, fil-limitu ta' żmien għall-ħruġ tal-opinjoni, il-president tal-kumitat jiddeċiedi hekk jew maġġoranza sempliċi tal-membri tal-kumitat jitolbu hekk.

    Artikolu 12

    Dispożizzjoni tranżizzjonali

    Dan ir-Regolament m’għandux jaffettwa l-kontinwazzjoni jew il-modifika, li tinkludi l-kanċellazzjoni totali jew parzjali, tal-proġetti kkonċernati, sal-għeluq tagħhom, jew tal-għajnuna finanzjarja mogħtija mill-Kummissjoni fuq il-bażi tar-Regolamenti (Euratom) Nru 549/2007, (Euratom) Nru 647/2010 jew kwalunkwe leġiżlazzjoni oħra li tapplika għal dik l-assistenza fil-31 ta’ Diċembru 2013, li għandha tibqa' tapplika għall-azzjonijiet ikkonċernati sal-għeluq tagħhom.

    Artikolu 13

    Revoka

    Ir-Regolamenti (Euratom) Nru 549/2007 u (Euratom) Nru 647/2010 huma revokati b’effett mill-1 ta’ Jannar 2014.

    Artikolu 14

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Huwa għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2014.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell it-13 ta’ Diċembru 2013.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    V. MAZURONIS


    (1)  Opinjoni tad-19 ta' Diċembru 2013 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    (2)  ĠU L 157, 21.6.2005, p. 29.

    (3)  ĠU L 236, 23.9.2003, p. 954.

    (4)  Direttiva tal-Kunsill 2009/71/Euratom tal-25 ta’ Ġunju 2009 li tistabbilixxi qafas Komunitarju għas-sigurtà tal-installazzjonijiet nukleari (ĠU L 172, 2.7.2009, p.18).

    (5)  Direttiva tal-Kunsill 2011/70/Euratom tad-19 ta' Lulju 2011 li tistabbilixxi qafas Komunitarju għall-ġestjoni responsabbli u sikura ta' fjuwil użat u skart radjuattiv (ĠU L 199, 2.8.2011, p. 48).

    (6)  Direttiva 2009/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-ħżin ġeoloġiku tad-dijossidu tal-karbonju u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE, id-Direttivi 2000/60/KE, 2001/80/KE, 2004/35/KE, 2006/12/KE, 2008/1/KE u r-Regolament (KE) Nru 1013/2006 (ĠU L 140, 5.6.2009, p. 114).

    (7)  Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU L 26, 28.1.2012, p. 1).

    (8)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

    (9)  Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 549/2007 tal-14 ta' Mejju 2007 dwar l-implimentazzjoni tal-Protokoll Nru 9 dwar Unità 1 u Unità 2 tal-impjant tal-enerġija nukleari ta’ Bohunice V1 fis-Slovakkja mal-Att dwar il-kondizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, is-Slovenja u tas-Slovakkja mal-Unjoni Ewropea (ĠU L 131, 23.5.2007, p. 1).

    (10)  Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 647/2010 tat-22 ta' Lulju 2010 dwar assistenza finanzjarja mill-Unjoni fir-rigward tad-dekummissjonar tal-Unitajiet 1 sa 4 tal-Impjant Nukleari ta' Kozloduy fil-Bulgarija (ĠU L 189, 22.7.2010, p. 9).

    (11)  Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1369/2013 tat-13 ta’ Diċembru 2013 dwar l-appoġġ, min-naħa tal-Unjoni, għall-programm ta' għajnuna għad-dekummissjonar ta' impjanti nukleari fil-Litwanja, u li jirrevoka ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1990/2006 (Ara paġna 7 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

    (12)  Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).

    (13)  Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).

    (14)  Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta' Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolaritajiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2).


    Top