EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R0628

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 628/2013 tat- 28 ta’ Ġunju 2013 dwar metodi ta’ operat tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni għat-twettiq ta’ spezzjonijiet ta’ standardizzazzjoni u għal-monitoraġġ tal-applikazzjoni tar-regoli fir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 736/2006 Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 179, 29.6.2013, p. 46–54 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2013/628/oj

29.6.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 179/46


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 628/2013

tat-28 ta’ Ġunju 2013

dwar metodi ta’ operat tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni għat-twettiq ta’ spezzjonijiet ta’ standardizzazzjoni u għal-monitoraġġ tal-applikazzjoni tar-regoli fir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 736/2006

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Frar 2008 dwar regoli komuni fil-kamp tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni, u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 91/670/KEE, ir-Regolament (KE) Nru 1592/2002 u d-Direttiva 2004/36/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 24(5) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 24(1) u l-Artikolu 54 tar-Regolament (KE) Nru 216/2008 jeżiġu li l-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (minn hawn ’il quddiem “l-Aġenzija”), tgħin lill-Kummissjoni biex tagħmel monitoraġġ tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tiegħu, kif ukoll tar-regoli ta’ implimentazzjoni tiegħu, mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, billi twettaq spezzjonijiet ta’ standardizzazzjoni.

(2)

L-Artikolu 54(4) tar-Regolament (KE) Nru 216/2008 jistipula li fejn spezzjoni ta’ awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tinvolvi spezzjoni ta’ impriża jew ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi, l-Aġenzija għandha ssegwi d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 55 tiegħu.

(3)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 736/2006 (2) jistabbilixxi l-metodi ta’ operat tal-Aġenzija biex twettaq spezzjonijiet ta’ standardizzazzjoni (minn hawn ’il quddiem “il-metodi kurrenti tal-operat”).

(4)

Għaddew sitt snin mill-adozzjoni tal-metodi kurrenti tal-operat. Ġew adottati tibdiliet konsiderevoli fir-regoli komuni; ġew adottati wkoll għadd ta’ ftehimiet internazzjonali; barra minn hekk, l-Aġenzija u l-Istati Membri akkumulaw ukoll l-esperjenza prezzjuża, li trid tiġi meqjusa.

(5)

Meta ġie adottat ir-Regolament (KE) Nru 736/2006, ir-regoli komuni fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili kienu limitati għas-sikurezza fl-ajru oriġinali tal-inġenji tal-ajru u s-sikurezza tagħhom tul iż-żmien. Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1702/2003 (3) li jistabbilixxi regoli ta’ implimentazzjoni biex inġenji tal-ajru, prodotti, partijiet u tagħmir relatat jiġu ċertifikati bħala tajbin għall-ajru u li ma jagħmlux ħsara ambjentali, kif ukoll għaċ-ċertifikazzjoni ta’ organizzazzjonijiet relatati mad-disinn u l-produzzjoni tagħhom, Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2042/2003 (4) dwar il-kapaċità kontinwata li jintużaw fl-ajru ta’ inġenji tal-ajru u prodotti, partijiet u tagħmir ajrunawtiku, u dwar l-approvazzjoni ta’ organizzazzjonijiet u persunal involut f’dan ix-xogħol.

(6)

Minn dak iż-żmien ’l hawn, ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 ħa post ir-Regolament (KE) Nru 1592/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2002 dwar regoli komuni fil-kamp tal-avjazzjoni ċivili u li jistabblixxi Aġenzija tas-Sigurtà tal-Avjazzjoni Ewropea (5), u r-regoli komuni żdiedu darbtejn: l-ewwel darba biex jiġu inklużi l-ekwipaġġi tal-ajruplani, l-operazzjonijiet ajrunawtiċi u l-ispezzjonijiet fuq l-art; it-tieni darba, biex ġew inklużi is-servizzi tal-amministrazzjoni tat-traffiku fl-ajru u tan-navigazzjoni fl-arja (ATM/ANS) kif ukoll is-sikurezza tal-ajruporti, u minħabba f’hekk il-Kummissjoni adottat għadd ta’ regoli ta’ implimentazzjoni li jikkorrispondu ma’ dawn l-oqsma ġodda ta’ kompetenza, bħalma hu r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 805/2011 tal-10 ta’ Awwissu 2011 li jistabbilixxi regoli ddettaljati għal liċenzji u ċerti ċertifikati tal-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru (6), ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1034/2011 (7) dwar il-monitoraġġ tas-sikurezza fil-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru u s-servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1035/2011 tas-17 ta’ Ottubru 2011 li jistabbilixxi rekwiżiti komuni għall-forniment ta’ servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru (8), ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 691/2010 tad-29 ta’ Lulju 2010 li jistabbilixxi skema ta’ prestazzjoni għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru u għall-funzjonijiet tan-netwerk u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2096/2005 li jistabbilixxi rekwiżiti komuni għall-forniment ta’ servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru (9), ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91 tas-16 ta’ Diċembru 1991 dwar l-armonizzazzjoni tal-ħtiġijiet tekniċi u proċeduri amministrattivi fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili (10), li jistabbilixxi r-rekwiżiti tekniċi komuni applikabbli għat-trasport bl-ajru u l-proċeduri amministrattivi li jiżguraw l-implimentazzjoni korretta mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 859/2008 (11), u d-Direttiva 2004/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12) tal-21 ta’ April 2004 dwar is-sigurta ta’ ajruplani ta’ pajjiżi terzi li jużaw ajruporti tal-Komunità, emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2008/49/KE tas-16 ta’ April 2008 li temenda l-Anness II għad-Direttiva 2004/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward il-kriterji għat-twettiq ta’ spezzjonijiet fir-rampa fuq ajruplani li jużaw l-ajruporti Komunitarji (13), ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 965/2012 tal-5 ta’ Ottubru 2012 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi relatati mal-operazzjonijiet bl-ajru (14), u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1178/2011 tat-3 ta’ Novembru 2011 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi relatati mal-ekwipaġġi tal-ajruplani tal-avjazzjoni ċivili (15).

(7)

Ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 daħħal ukoll għadd ta’ dispożizzjonijiet li jridu jkunu riflessi fil-metodi tal-operat tal-Aġenzija fit-twettiq tal-ispezzjonijiet ta’ standardizzazzjoni. B’mod partikolari, l-Artikolu 11 jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-għarfien reċiproku ta’ ċertifikati li jinħarġu mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, kif ukoll il-kundizzjonijiet fejn dan l-għarfien jiġi sospiż, fejn l-ispezzjonijiet ta’ standardizzazzjoni huma strument importanti biex jittieħdu dawn id-deċiżjonijiet. L-Artikolu 15 jistabbilixxi netwerk tal-informazzjoni li jipprovdi informazzjoni utli li għandha titqies fl-ispezzjonijiet ta’ standardizzazzjoni, filwaqt li ċerti riżultati ta’ dawn l-ispezzjonijiet ta’ standardizzazzjoni jista’ jkun hemm ħtieġa li jiddaħħlu f’dan in-netwerk tal-informazzjoni mingħajr dewmien. L-Artikolu 27(3) jistabbilixxi li l-Aġenzija trid tappoġġja lill-Istati Membri fil-qadi ta’ dmirhom lejn l-ICAO.

(8)

Minkejja aktar tibdil fir-regoli komuni kif ġew stabbiliti bir-Regolament (KE) Nru 216/2008 u r-regoli ta’ implimentazzjoni tiegħu, l-Aġenzija għandha tappoġġja lill-Kummissjoni fil-monitoraġġ tagħha tal-implimentazzjoni ta’ rekwiżiti oħra ta’ sikurezza li joħorġu, pereżempju, mil-leġiżlazzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew, jew il-leġiżlazzjoni dwar l-investigazzjoni tal-inċidenti jew ir-rappurtaġġ ta’ avvenimenti.

(9)

Sa mill-2006, fil-politika Ewropea dwar l-avjazzjoni esterna wkoll kien hemm żviluppi sinifikanti, kemm rigward l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO), kemm rigward Stati oħra ġirien tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll ċerti msieħba ewlenin f’livell dinji.

(10)

Fl-2010 ġie ffirmat Memorandum ta’ Kooperazzjoni mal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (16), u dan joħloq qafas għal kooperazzjoni strutturata bejn il-partijiet, partikolarment rigward l-iskambju tal-informazzjoni marbuta mas-sikurezza, bil-ħsieb li kemm jista’ jkun jiġi evitat l-irduppjar ta’ ħidmiet, u bħala riżultat ta’ dan, il-programm ta’ spezzjonijiet tal-istandardizzazzjoni tal-Aġenzija u l-Programm Universali ta’ Verifika tal-Monitoraġġ (USOAP) għandhom jitħalltu iżjed. Il-metodi tal-operat tal-ispezzjonijiet għandhom iqisu wkoll id-Dokument 9735 tal-ICAO — il-Manwal ta’ Monitoraġġ Kontinwu tal-USOAP.

(11)

Fil-politika tal-UE dwar il-viċinat u t-tkabbir fejn tirrigwarda l-Istati, notevolment dawk l-Istati li huma Parti għall-Ftehim dwar Żona Ewropea Komuni tal-Avjazzjoni, l-ispezzjonijiet ta’ standardizzazzjoni għandhom jiġu organizzati skont l-istess metodi ta’ operat, u skont l-istess standards bħal dawk tal-Istati Membri, soġġett għal Ftehimiet jew Arranġamenti ta’ Operat xierqa.

(12)

Fir-rigward tal-Istati li ffirmaw Ftehimiet Bilaterali dwar is-Sikurezza fl-Ajru li jipprevedu l-approvazzjoni reċiproka ta’ ċerti sejbiet u approvazzjonijiet dwar iċ-ċertifikazzjoni, l-ispezzjonijiet ta’ standardizzazzjoni għandhom jappoġġjaw il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-ftehim u jirrappurtaw ir-riżultati lill-bord bilaterali ta’ monitoraġġ rilevanti bil-għan li jsiru xi aġġustamenti. L-ispezzjonijiet ta’ dawk l-Istati Membri li s-sejbiet dwar iċ-ċertifikazzjoni u l-approvazzjonijiet jkunu aċċettati fil-qafas tal-ftehimiet bilaterali, għandhom jinkludu verifiki addizzjonali biex jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jaqdu dmirhom skont il-ftehimiet bilaterali b’mod korrett.

(13)

Biex tiġi sorveljata b’mod effiċjenti l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 216/2008 u r-regoli ta’ implimentazzjoni tiegħu, kif ukoll regoli oħrajn dwar is-sikurezza tal-avjazzjoni ġejjin mir-Regolamenti u l-ftehimiet eżistenti, jeħtieġ li jiġu riveduti l-metodi tal-operat kurrenti, notevolment biex ikun żgurat li dawn jorjentaw ruħhom aktar lejn sistema, isegwu approċċ ta’ monitoraġġ kontinwu li jkun aktar iffukat fuq il-prestazzjoni tas-sikurezza, biex jipprevedu użu aktar effiċjenti tar-riżorsi biex ma jkunx hemm piż żejjed fuq l-awtoritajiet kompetenti, u jinkludu ħolqa biex jingħataw lura r-reazzjonijiet lejn l-attivitajiet ta’ tfassil tar-regoli tal-Aġenzija. Għandhom jiġu stabbiliti timijiet ta’ spezzjoni magħmulin minn persunal li jkun imħarreġ u kkwalifikat f’dan ix-xogħol, u l-Aġenzija għandha tipprova tibbilanċja l-parteċipazzjoni ta’ persunal awtorizzat minn Stati Membri differenti.

(14)

Il-metodi tal-operat għandhom jirriflettu d-definizzjonijiet u l-prinċipji tal-awditjar kif iddefiniti fl-ISO 19011.

(15)

Lil hinn mil-livell tal-ispezzjoni, il-metodi tal-operat għandhom jiddeskrivu fid-dettall il-monitoraġġ fil-livell tas-sistema u fil-livell tas-sejbiet.

(16)

Il-metodi tal-operat għandhom jagħtu aktar flessibbiltà lill-Aġenzija biex taġixxi fi kwistjonijiet marbutin mal-kompetenza teknika tagħha filwaqt li żżomm iċ-ċertezza legali dwar il-metodi tal-operat.

(17)

Ir-Regolament (KE) Nru 736/2006 għalhekk għandu jiġi emendat skont dan.

(18)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 65 tar-Regolament (KE) Nru 216/2008.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-metodi tal-operat għal:

(a)

monitoraġġ tal-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 216/2008 u r-regoli ta’ implimentazzjoni tiegħu fl-oqsma li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 1(1) tiegħu, mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri;

(b)

it-twettiq ta’ spezzjonijiet ta’ standardizzazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri;

(c)

il-verifikazzjoni li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri qegħdin joħorġu u jissorveljaw iċ-ċertifikati b’konformità mar-Regolament (KE) Nru 216/2008 u r-regoli ta’ implimentazzjoni tiegħu;

(d)

il-kontribuzzjoni għall-valutazzjoni tal-impatt tal-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 216/2008 u r-regoli ta’ implimentazzjoni tiegħu mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri.

2.   Il-metodi tal-operat stabbiliti f’dan ir-Regolament għandhom japplikaw ukoll, kemm jista’ jkun, meta l-Aġenzija tkun inkarigata bil-kompitu li tissorvelja l-applikazzjoni tar-rekwiżiti tas-sikurezza tal-avjazzjoni stabbiliti b’leġiżlazzjoni oħra tal-UE, bi ftehimiet konklużi mill-Unjoni jew arranġamenti ta’ operat konklużi mill-Aġenzija.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“spezzjoni” tfisser l-ispezzjoni ta’ standardizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 24(1) u l-Artikolu 54 tar-Regolament (KE) Nru 216/2008, inkluża l-ispezzjoni ta’ impriżi jew assoċjazzjonijiet ta’ impriżi msemmijin fl-Artikolu 54(4) u l-Artikolu 55 ta’ dak ir-Regolament, imwettqin mill-Aġenzija;

(2)

“awtorità kompetenti” tfisser l-entità maħtura bħala kompetenti mill-Istat Membru għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 216/2008 u r-regoli ta’ implimentazzjoni tiegħu;

(3)

“persunal awtorizzat” tfisser il-persuni awtorizzati mill-Aġenzija biex iwettqu l-ispezzjonijiet, dawn jinkludi persunal li jkun issekondat;

(4)

“persunal issekondat” tfisser l-uffiċjali li jitressqu mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, mill-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO), minn organizzazzjonijiet tal-avjazzjoni internazzjonali oħrajn, jew mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Pajjiżi Terzi li jkollhom ftehim mal-Unjoni jew arranġamenti tal-operat mal-Aġenzija, li jiġu nnominati minn dawn l-awtoritajiet biex jgħinu lill-Aġenzija twettaq l-ispezzjonijiet;

(5)

“evidenza” tfisser rekords, dikjarazzjonijiet tal-fatti, jew informazzjoni oħra li tkun rilevanti u verifikabbli;

(6)

“sejba” tfisser ir-riżultat tat-tqabbil bejn l-evidenza disponibbli u r-rekwiżiti applikabbli;

(7)

“korrezzjoni” tfisser azzjoni biex telimina sejba ta’ nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti applikabbli;

(8)

“azzjoni korrettiva” tfisser azzjoni biex telimina l-kawża ta’ sejba ta’ nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti applikabbli biex tipprevjeni li dan jerġa’ jiġri;

(9)

“tħassib immedjat dwar is-sikurezza” tfisser sitwazzjoni fejn ikun hemm evidenza li prodott, servizz, sistema, kostitwent, tagħmir jew faċilità, jew ikunu f’kundizzjoni bħal din, jew qed jiġu mħaddmin, fornuti jew miżmumin b’mod li x’aktarx jikkawżaw deni lil xi persuni jekk is-sitwazzjoni ma tiġix korretta minnufih.

Artikolu 3

Il-prinċipji applikabbli għall-monitoraġġ

1.   L-Aġenzija għandha tissorvelja l-applikazzjoni tar-rekwiżiti msemmijin fl-Artikolu 1, u l-implimentazzjoni uniformi tagħhom mill-awtoritajiet kompetenti skont il-metodoloġija stipulata f’dan ir-Regolament u għandha tirrapporta dwar dan.

2.   Il-monitoraġġ għandu jkun kontinwu u bbażat fuq ir-riskju, abbażi tal-informazzjoni li tkun disponibbli għall-Aġenzija. Din tfisser valutazzjoni tal-abbiltà tal-awtoritajiet kompetenti biex iwettqu r-responsabbiltajiet li jissorveljaw is-sikurezza, it-twettiq ta’ ispezzjonijiet fejn u meta jkun hemm bżonn, u s-segwitu ta’ sejbiet li joħorġu mill-ispezzjonijiet, biex ikun żgurat li l-korrezzjonijiet u l-azzjonijiet ta’ korrezzjoni xierqa jsiru minnufih.

3.   Il-monitoraġġ għandu jsegwi approċċ ta’ sistema. Għandha tindirizza l-oqsma u l-elementi kritiċi kollha tas-sistema ta’ monitoraġġ tas-sikurezza kif iddefiniti mill-ICAO. Għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-interfaċċi bejn l-oqsma.

4.   Il-monitoraġġ għandu jitwettaq b’mod trasparenti, effiċjenti, effikaċi, armonizzat u konsistenti.

5.   L-Aġenzija għandha tanalizza r-riżultat tal-attivitajiet ta’ monitoraġġ tagħha biex tidentifika l-ħtieġa għal-tejbien regolatorju.

Artikolu 4

Il-prinċipji applikabbli għall-ispezzjonijiet u s-sejbiet

1.   L-ispezzjonijiet tal-awtoritajiet kompetenti għandhom iqisu r-riżultati ta’ spezzjonijiet li jkunu saru qabel u b’mod partikolari jieħdu ħsieb it-tibdiliet fir-rekwiżiti regolatorji, il-kapaċità tal-awtorità kompetenti li tissorvelja, u jkunu proporzjonati għal-livell u l-kumplessità tal-industrija taħt il-monitoraġġ tagħhom, filwaqt li bħala prijorità jiżguraw livell għoli u uniformi ta’ sikurezza għat-trasport bl-ajru kummerċjali.

2.   L-ispezzjonijiet jistgħu jinkludu spezzjonijiet ta’ impriżi jew assoċjazzjonijiet ta’ impriżi taħt il-monitoraġġ tal-awtorità kompetenti li qed tiġi spezzjonata.

3.   L-ispezzjonijiet jistgħu jinkludu, meta dan jiġi miftiehem bejn il-partijiet ikkonċernati, spezzjonijiet ta’ faċilitajiet militari li jkunu miftuħin għall-użu tal-pubbliku, jew ta’ servizzi pprovduti minn persunal militari lill-pubbliku, biex jiġi vverifikat li qegħdin jiġu sodisfatti r-rekwiżiti tal-Artikolu 1(3) tar-Regolament (KE) Nru 216/2008.

4.   L-ispezzjonijiet għandhom jitwettqu minn tim magħmul minn persunal awtorizzat mill-Aġenzija, li jkunu kkwalifikati u mħarrġin fl-oqsma rispettivi tagħhom. Il-persunal awtorizzat għandu japplika l-prinċipji ta’ indipendenza, integrità, kondotta b’etika tajba, diliġenza, preżentazzjoni ġusta u konfidenzjalità.

5.   Fejn l-Aġenzija ssib li jkun hemm ċertifikat wieħed jew iżjed li ma jikkonformawx mar-Regolament (KE) Nru 216/2008 u r-Regoli ta’ Implimentazzjoni tiegħu, din is-sejba ta’ nuqqas ta’ konformità għandha tiġi rrappurtata lill-awtorità kompetenti kkonċernata. Fejn is-sejba ta’ nuqqas ta’ konformità ma tiġix korretta kemm jista’ jkun malajr, l-Aġenzija għandha tagħmel ir-rakkomandazzjonijiet skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 216/2008 biex tippermetti deċiżjoni dwar ir-rikonoxximent reċiproku taċ-ċertifikat(i) msemmijin.

6.   L-Aġenzija għandha tikklassifika u ssegwi s-sejbiet ta’ nuqqas ta’ konformità identifikati waqt l-ispezzjonijiet imsemmijin fil-paragrafi 1, 2 u 3, skont l-impatt li jkollhom fuq is-sikurezza, u sejbiet marbutin mas-sikurezza għandhom ikunu prijoritizzati. L-Aġenzija trid ukoll tinforma mingħajr dewmien, lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri meta ma tkunx ġiet indirizzata b’mod sodisfaċenti korrezzjoni ta’ xi ħaġa li tagħti lok għal tħassib immedjat.

7.   Dan ir-Regolament huwa mingħajr ħsara għall-Artikoli 15 u 58 tar-Regolament (KE) Nru 216/2008, għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/844/KE, ECSC, Euratom (17), għar-Regolament (KE) Nru 2111/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18) u għar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 473/2006 (19).

Artikolu 5

Skambju ta’ informazzjoni

1.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jagħtu l-informazzjoni kollha meħtieġa li hija rilevanti għall-monitoraġġ tas-sikurezza tagħhom, li tindirizza l-elementi kritiċi kollha tal-monitoraġġ tas-sikurezza, inklużi l-istabbilimenti jew l-assoċjazzjonijiet ta’ stabbilimenti taħt il-monitoraġġ tagħhom, lill-Aġenzija. L-informazzjoni għandha tingħata f’sura u b’mod speċifikat mill-Aġenzija, filwaqt li titqies l-informazzjoni li tkun tpoġġiet għad-dispożizzjoni tal-ICAO.

2.   L-Aġenzija tista’ wkoll titlob informazzjoni ad hoc mingħand l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri. Meta tressaq talba bħal din għall-informazzjoni, l-Aġenzija għandha tiddikjara l-bażi legali u l-għan tagħha, trid tispeċifika l-informazzjoni li tkun meħtieġa u tiffissa limitu ta’ żmien għall-forniment ta’ din l-informazzjoni.

3.   L-Aġenzija għandha tipprovdi l-informazzjoni rilevanti lill-Istati Membri li ssostni l-implimentazzjoni uniformi tar-rekwiżiti applikabbli.

Artikolu 6

Koordinatur Nazzjonali tal-Istandardizzazzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jaħtru koordinatur nazzjonali tal-istandardizzazzjoni li jkun il-punt ta’ kuntatt ewlieni għall-attivitajiet kollha ta’ standardizzazzjoni, u b’mod partikolari biex jikkoordina l-iskambju tal-informazzjoni stipulat fl-Artikolu 5(1). Il-koordinatur nazzjonali tal-istandardizzazzjoni jkun responsabbli li:

(a)

imantni u jaġġorna l-informazzjoni li tingħata lill-Aġenzija fuq bażi kontinwa, inkluża l-informazzjoni mitluba skont l-Artikoli 3, 4 u 5, pjanijiet ta’ korrezzjoni u ta’ azzjonijiet korrettivi u l-evidenza tal-implimentazzjoni tal-azzjonijiet korrettivi miftehmin;

(b)

jgħin lill-Aġenzija f’kull stadju ta’ spezzjoni u jiżgura li t-tim tal-ispezzjoni jkun akkumpanjat il-ħin kollu waqt l-ispezzjonijiet fuq il-post.

2.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li jkun hemm linji ċari ta’ komunikazzjoni bejn il-koordinatur nazzjonali tal-istandardizzazzjoni maħtur u l-organizzazzjoni interna tagħhom, biex dan ikun jista’ jwettaq id-dmirijiet tiegħu sew.

Artikolu 7

Il-monitoraġġ kontinwu

1.   Il-monitoraġġ kontinwu msemmi fl-Artikolu 3 għandu jinkludi dawn li ġejjin:

(a)

il-ġbir u l-analiżi tad-dejta u l-informazzjoni pprovduti mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili (ICAO), mill-Kummissjoni jew minn sorsi rilevanti oħrajn;

(b)

il-valutazzjoni tal-abbiltà tal-awtorità kompetenti li twettaq id-dmirijiet tagħha ta’ monitoraġġ tas-sikurezza;

(c)

skont il-valutazzjoni msemmija fil-punt (b), il-prijoritizzazzjoni, l-ippjanar u d-determinazzjoni tal-ambitu tal-ispezzjonijiet;

(d)

kif jitwettqu dawn l-ispezzjonijiet, inkluż ir-rappurtaġġ dwarhom;

(e)

is-segwitu u r-riżoluzzjoni tas-sejbiet ta’ nuqqas ta’ konformità li joħorġu mill-ispezzjonijiet.

2.   Għall-valutazzjoni msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 1, l-Aġenzija għandha tistabbilixxi, tiżviluppa u żżomm mudell wieħed filwaqt li tqis mill-inqas dawn l-elementi li ġejjin:

(a)

id-daqs u l-kumplessità tal-industrija tal-avjazzjoni;

(b)

inċidenti gravi, aċċidenti, aċċidenti fatali u fatalitajiet relatati;

(c)

ir-riżultati tal-ispezzjonijiet fuq l-art;

(d)

ir-riżultati ta’ spezzjonijiet preċedenti;

(e)

il-kapaċità tal-awtoritajiet kompetenti li jimplimentaw il-korrezzjonijiet u l-azzjonijiet korrettivi b’mod effikaċi;

(f)

ir-riżultat tal-awditjar li jitwettaq fi ħdan konvenzjonijiet internazzjonali jew programmi ta’ sikurezza tal-Istat;

(g)

l-eżistenza ta’ miżuri skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 216/2008 jew l-Artikolu 258 tat-Trattat;

3.   Ir-riżultat tal-mudell stabbilit fil-paragrafu 2 u d-dejta mdaħħla u r-riżultati tal-valutazzjoni għandhom jingħataw lill-koordinatur nazzjonali tal-istandardizzazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat.

4.   L-Aġenzija għandha taddatta l-programm ta’ spezzjoni fid-dawl tal-monitoraġġ kontinwu tagħha, li juri kemm it-titjib, kif ukoll id-deterjorazzjoni fil-prestazzjoni tas-sikurezza. L-Aġenzija għandha tieħu l-passi xierqa meta jkun hemm evidenza li l-prestazzjoni tas-sikurezza tkun qed tiddeterjora.

Artikolu 8

Programm ta’ Spezzjoni

1.   B’koordinazzjoni mal-Kummissjoni, l-Aġenzija għandha tistabbilixxi programm multiannwali li jindika l-ispezzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 10(1)(a), kif ukoll programm annwali li jindika l-ispezzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 10(1)(a) u (b).

2.   Filwaqt li jitqies il-mudell imsemmi fl-Artikolu 7, il-programmi ta’ spezzjoni għandhom jispeċifikaw l-Istati Membri kkonċernati, it-tip ta’ spezzjoni, l-oqsma li għandhom jiġu spezzjonati u l-perjodu ta’ żmien previst tal-fażi ta’ spezzjonijiet li ssir fuq il-post.

3.   Il-programmi ta’ spezzjoni jistgħu jiġu addattati mill-Aġenzija biex iqisu r-riskji emerġenti li jixirfu mill-monitoraġġ kontinwu msemmi fl-Artikolu 7.

4.   Il-programm annwali għandu jiġi kkomunikat lill-Kummissjoni, lill-membri tal-Bord ta’ Ġestjoni tal-Aġennzija bħala parti mill-programm ta’ ħidma tal-Aġenzija skont l-Artikolu 33(2)(c) tar-Regolament (KE) Nru 216/2008, u lill-koordinatur nazzjonali tal-istandardizzazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat.

Artikolu 9

L-oqsma fejn se jsiru l-ispezzjonijiet

1.   L-Aġenzija għandha twettaq l-ispezzjonijiet fuq kull qasam iddefinit fil-Kapitolu II tar-Regolament (KE) Nru 216/2008. Dawn l-oqsma għandhom jinkludu:

(a)

kemm ikun tajjeb għat-titjir l-inġenju, kif iddefinit fl-Artikolu 5 u l-ħarsien tal-ambjent, kif iddefinit fl-Artikolu 6 tar-Regolament imsemmi.

(b)

L-ekwipaġġ tal-ajruplan, kif iddefinit fl-Artikoli 7 u 8 tar-Regolament imsemmi;

(c)

Attivitajiet fl-ajru, kif iddefinit fl-Artikoli 8 u 9 tar-Regolament imsemmi;

(d)

Spezzjonijiet fuq l-art, kif iddefiniti fl-Artikoli 10 tar-Regolament imsemmi;

(e)

Ajrudromi, kif iddefiniti fl-Artikolu 8a tar-Regolament imsemmi;

(f)

ATM/ANS u kontrolluri tat-traffiku tal-ajru, kif iddefiniti fl-Artikoli 8b u 8c tar-Regolament imsemmi;

Jistgħu jiġu ddefiniti aktar oqsma skont l-evoluzzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 216/2008 jew fuq talba tal-Kummissjoni.

2.   L-Aġenzija għandha tiżgura li r-riżorsi tagħha jkunu allokati b’mod xieraq għall-monitoraġġ u l-ispezzjoni tal-oqsma differenti skont ir-riżultati tal-monitoraġġ kontinwu msemmi fl-Artikolu 7.

Artikolu 10

Tipi ta’ spezzjonijiet

1.   L-Aġenzija għandha twettaq:

(a)

spezzjonijiet komprensivi, bil-għan li tispezzjoni qasam wieħed jew iżjed; dawn l-ispezzjonijiet għandhom isiru perjodikament skont skeda bbażata fuq ir-riżultati tal-monitoraġġ kontinwu;

(b)

spezzjonijiet iffokati, biex jiġu spezzjonati kampijiet speċifiċi f’qasam wieħed jew f’iżjed minn qasam wieħed, u/jew biex jiġi vvalutat l-istatus ta’ implimentazzjoni ta’ korrezzjonijiet jew azzjonijiet korrettivi miftiehma;

(c)

spezzjonijiet ad hoc bil-għan li jiġu investigati punti ta’ tħassib li jixirfu mill-monitoraġġ kontinwu tal-Aġenzija jew fuq talba tal-Kummissjoni.

2.   Minkejja l-ispezzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, l-Aġenzija tista’ tqajjem sejbiet barra mill-post meta tkun ġabret biżżejjed evidenza ta’ nuqqas ta’ konformità.

Artikolu 11

It-taħriġ, il-kwalifiki u l-kriterji għall-awtorizzazzjoni tat-timijiet ta’ spezzjoni

1.   L-Aġenzija għandha tistabbilixxi l-kriteri ta’ kwalifikazzjoni għall-persunal li jkunu membri tat-timijiet ta’ spezzjoni.

2.   Il-kriterji ta’ kwalifikazzjoni għandhom jinkludu:

(a)

għarfien tal-qafas istituzzjonali u regolatorju, b’mod partikolari għarfien ta’ dan ir-Regolament kif ukoll tal-ftehimiet internazzjonali rilevanti,

(b)

għarfien u esperjenza ta’ metodi ta’ awditjar,

(c)

kompetenza teknika u esperjenza prattika fl-oqsma rilevanti msemmijin fl-Artikolu 9.

3.   Il-mexxejja tat-timijiet għandhom ikunu membri tal-persunal impjegati mill-Aġenzija. Il-kriterji ta’ kwalifikazzjoni tagħhom għandhom jinkludu, minbarra dawk imsemmijin fil-paragrafu 2, kapaċitajiet ta’ amministrazzjoni ta’ tim, u ta’ komunikazzjoni f’ambjent internazzjonali u f’sitwazzjonijiet sensittivi.

4.   Il-membri tat-timijiet għandhom ikunu membri tal-persunal impjegati mill-Aġenzija jew persunal issekondat.

5.   Kemm il-mexxejja tat-timijiet kif ukoll il-membri tat-timijiet għandhom jitħarrġu fir-rekwiżiti ta’ standardizzazzjoni applikabbli u fil-proċeduri tal-Aġenzuija. L-Aġenzija għandha tiżgura l-kompetenza kontinwa tal-mexxeja u tal-membri tat-timijiet li se jipparteċipaw fl-ispezzjonijiet bħala membri tal-persunal awtorizzati. L-Aġenzija għandha tistabbilixxi programmi ta’ taħriġ kontinwu addattati għal dan l-għan.

6.   Il-membri tal-persunal li jissodisfaw il-kriterji ta’ kwalifikazzjoni u li jkunu ħadu t-taħriġ rilevanti, jistgħu jiġu awtorizzati mill-Aġenzija li jkunu parti mit-timijiet ta’ spezzjoni.

Artikolu 12

L-istabbiliment ta’ timijiet għall-ispezzjonijiet

1.   L-ispezzjonijiet għandhom jitwettqu minn timijiet stabbiliti mill-Aġenzija u magħmulin minn membri tal-persunal awtorizzati skont l-Artikolu 11.

2.   L-Aġenzija għandha tiddetermina l-kompożizzjoni tat-timijiet biex tistabbilixxi d-daqs minimu tat-tim li jkun meħtieġ biex ikopri l-kompetenzi tekniki meħtieġa u l-kwantità ta’ xogħol meħtieġ, filwaqt li tqis it-tip ta’ spezzjoni, l-ambitu, l-għadd ta’ oqsma li se jiġu kkunsidrati u l-programm mistenni. Kull tim għandu jkun magħmul mill-inqas minn mexxej wieħed u membru wieħed. F’kull każ, l-Aġenzija għandha tiżgura li d-daqs tat-timijiet ikun xieraq għall-ambitu tal-ispezzjonijiet.

3.   L-Aġenzija għandha tiżgura li, fl-istabbiliment tat-timijiet, ma għandu jkun hemm l-ebda kunflitt ta’ interessi la mal-awtoritajiet nazzjonali spezzjonati u lanqas mal-impriżi jew mal-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi spezzjonati.

4.   Żmien xieraq qabel l-ispezzjoni, l-Aġenzija għandha titlob l-informazzjoni mingħand l-awtoritajiet jew l-organizzazzjonijiet li jkunu ssekondaw il-persunal, dwar id-disponibbiltà ta’ membri tat-timijiet biex jipparteċipaw fil-fażi ta’ fuq il-post.

5.   L-ispejjeż li jinġarrbu minħabba l-parteċipazzjoni ta’ koordinaturi nazzjonali tal-istandardizzazzjoni, kif previst fl-Artikolu 14(2), l-Artikolu 19(2) u tal-persunal issekondat għall-ispezzjonijiet imwettqa mill-Aġenzija, għandhom jitħallsu mill-Aġenzija, b’konformità mar-regoli tal-Unjoni u mingħajr ħsara għall-proċedura baġitarja annwali tal-Unjoni.

Artikolu 13

Kif jitwettqu l-ispezzjonijiet

1.   L-ispezzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 10(1)(a) u (b) għandhom jinkludu l-istadji li ġejjin:

(a)

fażi ta’ tħejjija ta’ mill-inqas 10 ġimgħat qabel ma ssir l-ispezzjoni;

(b)

fażi fuq il-post;

(c)

fażi ta’ rapportaġġ, li ddum għal massimu ta’ 10 ġimgħat wara t-tmiem tal-fażi fuq il-post.

2.   L-ispezzjonijiet ad hoc imsemmijin fl-Artikolu 10(1)(c) għandhom jiġu mħabbra lill-awtorità kompetenti kkonċernata b’avviż ta’ ħmistax (2 ġimgħat), iżda ma għandhomx għalfejn jikkonformaw mal-limiti taż-żmien u l-proċeduri previsti fl-Artikoli 14, 15 u 16, minbarra l-ħtieġa ta’ rapport finali.

3.   Sejbiet ta’ nuqqas ta’ konformità li jiġu identifikati waqt l-ispezzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 10 għandhom jiġu rrapportati b’konformità mal-Artikolu 16, iridu jiġu segwiti u solvuti b’konformità mal-Artikolu 17, u kklassifikati b’konformità mal-Artikolu 18.

Artikolu 14

Il-fażi ta’ tħejjija

1.   Waqt il-fażi tat-tħejija ta’ spezzjoni, l-Aġenzija għandha:

(a)

tibgħat avviż dwar l-ispezzjoni lill-awtorità kompetenti mill-inqas 10 ġimgħat qabel il-fażi tal-ispezzjoni fuq il-post, dan għandu jinkludi t-tip ta’ spezzjoni maħsuba, il-qasam/oqsma u l-kampijiet li hu maħsub li se jiġu spezzjonati;

(b)

tiġbor l-informazzjoni meħtieġa għat-tħejjija tal-ispezzjoni, filwaqt li tqis l-informazzjoni li tkun saret disponibbli b’riżultat tal-monitoraġġ kontinwu;

(c)

tiddefinixxi l-ambitu, id-daqs u l-programm tal-ispezzjoni, dan jinkludi l-ispezzjoni ta’ impriżi, filwaqt li tqis l-informazzjoni li tkun saret disponibbli b’riżultat tal-monitoraġġ kontinwu;

(d)

tiddetermina d-daqs tat-tim tal-ispezzjoni, u kif dan se jkun magħmul.

2.   Meta tirċievi l-avviż dwar l-ispezzjoni, l-awtorità kompetenti għandha tikkoopera mal-Aġenzija biex il-fażi ta’ fuq il-post titħejja malajr. Jekk ikun hemm bżonn, tista’ tiġi organizzata laqgħa preliminarja bejn it-tim ta’ spezzjoni u l-koordinatur nazzjonali ta’ standardizzazzjoni.

3.   L-Aġenzija għandha tipprovdi l-programm tal-ispezzjoni u l-kompożizzjoni tat-tim lill-awtorità kompetenti mill-inqas ħmistax qabel il-fażi ta’ fuq il-post.

Artikolu 15

Il-fażi ta’ fuq il-post

1.   Waqt il-fażi ta’ fuq il-post ta’ spezzjoni, l-Aġenzija għandha:

(a)

torganizza laqgħa ta’ ftuħ mal-koordinatur nazzjonali ta’ standardizzazzjoni u mal-awtorità kompetenti li qed tiġi spezzjonata;

(b)

issegwi s-sejbiet ta’ nuqqas ta’ konformità identifikati fi spezzjonijiet preċedenti u li jkunu għadhom ma ssolvewx, u tanalizza l-korrezzjonijiet u azzjonijiet ta’ korrezzjoni li jikkorrispondu;

(c)

tavża lill-awtorità kompetenti dwar kull kwistjoni ta’ tħassib, fejn din il-kwistjoni tkun identifikata waqt l-ispezzjoni;

(d)

f’sessjoni ta’ għeluq, tippreżenta lista ta’ sejbiet ta’ nuqqas ta’ konformità preliminarji li jkunu ġew identifikati jew segwiti waqt l-ispezzjoni, lill-awtorità kompetenti taħt l-ispezzjoni.

2.   Barra minn hekk, l-Aġenzija tista’:

(a)

tispezzjona l-uffiċini prinċipali, u safejn ikun meqjus li hu meħtieġ, kull uffiċċju reġjonali tal-awtorità kompetenti u tal-entitajiet ikkwalifikati li jkunu ngħataw il-kompiti mill-awtorità kompetenti;

(b)

jispezzjonaw impriżi jew assoċjazzjonijiet ta’ impriżi taħt il-monitoraġġ tal-awtorità kompetenti bħala parti mill-ispezzjoni ta’ din l-awtorità kompetenti; f’dan il-każ, l-awtorità kompetenti tista’ takkompanja lit-tim ta’ spezzjoni;

(c)

iwettqu l-intervisti mal-persunal tal-awtorità taħt l-ispezzjoni u, jekk ikun hemm, tal-entitajiet ikkwalifikati, u tal-impriżi jew l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi li jkunu ġew miżjurin, jekk ikun hemm minn dawn;

(d)

teżamina l-leġiżlazzjoni, il-proċeduri, iċ-ċertifikati, ir-rekords, id-dejta, u kull materjal rilevanti ieħor.

Artikolu 16

Il-fażi ta’ rappurtar

1.   Waqt il-fażi ta’ rappurtar ta’ spezzjoni, l-Aġenzija għandha, fi żmien sitt ġimgħat wara s-sessjoni tal-għeluq tal-fażi ta’ fuq il-post, teżamina s-sejbiet preliminarji, tikklassifikahom u abbażi ta’ dan tabbozza rapport indirizzat lill-awtorità kompetenti taħt l-ispezzjoni.

2.   L-abbozz tar-rapport irid ikun fih mill-inqas:

(a)

sommarju eżekuttiv li jippreżenta l-konklużjonijiet;

(b)

id-dettalji ta’ kif twettqet l-ispezzjoni, inkluż it-tip ta’ spezzjoni, l-oqsma koperti, l-ambitu u l-kompożizzjoni tat-tim;

(c)

analiżi tal-elementi kritiċi, li tiffoka fuq is-sejbiet prinċipali;

(d)

lista ta’ sejbiet ta’ nuqqas ta’ konformità identifikati jew segwiti waqt l-ispezzjoni, u l-klassifika tagħhom;

(e)

rakkomandazzjonijiet, li jinkludu, fejn jeħtieġ, rakkomandazzjonijiet dwar ir-rikonoxximent reċiproku taċ-ċertifikati.

3.   Is-sejbiet ta’ nuqqas ta’ konformità għandhom jiġu nnotifikati permezz tal-abbozz tar-rapport imsemmi fil-paragrafu 2, ħlief f’każ li dawn diġà jkunu ġew innotifikati mod ieħor bil-miktub mill-Aġenzija.

4.   L-awtorità kompetenti tista’ tressaq il-kummenti tagħha bil-miktub lill-Aġenzija fi żmien ħmistax mid-data tan-notifika.

5.   L-Aġenzija għandha, fi żmien 10 ġimgħat wara s-sessjoni tal-għeluq, toħroġ rapport finali abbażi tal-abbozz tar-rapport imsemmi fil-paragrafu 2, fejn ikunu mniżżlin kwalunkwe kummenti li tkun għamlet l-awtorità kompetenti li tkun ġiet spezzjonata, jekk din tkun ikkummentat. L-Aġenzija tista’ taddatta d-deskrizzjoni tas-sejba ta’ nuqqas ta’ konformità, il-bażi legali tagħha, il-klassifika jew l-istatus tagħha, skont ir-rilevanza, biex jiġu meqjusin il-kummenti, kif ukoll il-korrezzjonijiet jew l-azzjonijiet ta’ korrezzjoni mressqin waqt il-fażi ta’ rappurtaġġ.

6.   L-Aġenzija għandha tistabbilixxi u żżomm status kontinwu ta’ monitoraġġ għal kull Stat Membru’ li jingħata fuq talba lill-Istat Membru kkonċernat u lill-Kummissjoni.

7.   Ir-rapport finali għandu jiġi indirizzat lill-awtorità kompetenti taħt l-ispezzjoni u lill-Kummissjoni, li sossegwentement tista’ tibgħat dan ir-rapport lill-Istat Membru kkonċernat u lil awtoritiajiet kompetenti oħrajn skont ir-rilevanza.

Artikolu 17

Is-segwitu tas-sejbiet u l-għeluq

1.   Għas-sejbiet kollha ta’ nuqqas ta’ konformità kklassifikati skont l-Artikolu 18(1)(b) u (c), l-awtorità kompetenti għandha tipproponi korrezzjoni u azzjoni korrettiva mhux aktar tard minn erba’ ġimgħat wara li tirċievi n-notifika mingħand l-Aġenzija.

2.   Għas-sejbiet kollha ta’ nuqqas ta’ konformità kklassifikati skont l-Artikolu 18(1)(a), l-awtorità kompetenti għandha tipproponi azzjoni korrettiva mhux aktar tard minn 10 ġimgħat wara li tirċievi n-notifika mingħand l-Aġenzija;

3.   Meta tlesti l-azzjonijiet korrettivi, l-awtorità kompetenti għandha tibgħat rapport lill-Aġenzija u tipprovdilha l-evidenza li dawn saru.

4.   L-Aġenzija għandha:

(a)

tevalwa l-korrezzjonijiet u l-azzjonijiet korrettivi mressqin mill-awtorità kompetenti jew titlob aktar kjarifika fi żmien xieraq;

(b)

taqbel jew tirrifjuta l-korrezzjonijiet u/jew l-azzjonijiet korrettivi mressqin fi żmien 16-il ġimgħa wara n-notifika;

(c)

tissorvelja l-implimentazzjoni xierqa tal-azzjonijiet korrettivi;

(d)

tidentifika kull ħtieġa ta’ azzjonijiet supplimentari skont l-Artikolu 22;

(e)

tirrapporta regolarment lill-awtorità kompetenti u lill-Kummissjoni, l-istatus tas-sejbiet ta’ nuqqas ta’ konformità u l-korrezzjonijiet/l-azzjonijiet korrettivi marbutin magħhom permezz ta’ rapporti dwar l-istatus;

(f)

ladarba tkun sodisfatta li jkunu tlestew l-azzjonijiet korrettivi u li jkollha l-evidenza ta’ dan, tagħlaq is-sejbiet ta’ nuqqas ta’ konformità, tirreġistra dan l-għeluq u tinforma lill-awtorità kompetenti dwar dan.

5.   Għall-għanijiet tal-punt (c), l-Aġenzija tista’ titlob l-evidenza jew il-kjarifiki lill-awtorità kompetenti. L-Aġenzija tista’ wkoll tiddeċiedi li tivverifika l-implimentazzjoni fuq il-post permezz ta’ spezzjoni.

6.   Meta s-sejbiet ta’ nuqqas ta’ konformità jkunu suġġetti għal azzjoni ta’ ksur skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 216/2008 jew skont it-Trattati, l-Aġenzija għandha tiżgura konsultazzjoni ta’ segwitu xierqa mal-Kummissjoni, u ma għandhiex tagħlaq dawn is-sejbiet mingħajr koordinazzjoni minn qabel mal-Kummissjoni.

Artikolu 18

Il-klassifikazzjoni tas-sejbiet

1.   Kull sejba ta’ nuqqas ta’ konformità identifikata mill-Aġenzija fil-qafas tal-ispezzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 10 għandha tiġi kklassifikata u rrappurtata mill-Aġenzija, kemm jekk ikollha x’taqsam ma’ rekwiżiti amministrattivi kif ukoll ma’ dawk tekniċi, f’waħda mill-klassifiki li ġejjin:

(a)

Klassifika C: nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti applikabbli, li jagħtu lok prinċipalment għal tħassib dwar l-istandardizzazzjoni;

(b)

Klassifika D nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti applikabbli li jagħtu lok għall-tħassib dwar l-istandardizzazzjoni u dwar is-sikurezza jekk ma jiġux korretti malajr;

(c)

Klassifika G: kwistjoni immedjata ta’ tħassib dwar is-sikurezza.

2.   Ir-rappurtaġġ, is-segwitu u l-għeluq għandhom jiġu pprijoritizzati skont il-klassifika tagħhom.

Artikolu 19

Kwistjoni immedjata ta’ tħassib dwar is-sikurezza

1.   Meta tiġi nnotifikata kwistjoni ta’ tħassib immedjat dwar is-sikurezza mill-Aġenzija:

(a)

l-Aġenzija għandha titlob lill-awtorità kompetenti biex tieħu l-azzjonijiet korrettivi xierqa, dan jinkludi korrezzjonijiet immedjati;

(b)

l-awtorità kompetenti għandha tagħmel il-korrezzjonijiet effikaċi biex tinnewtralizza s-sejba u għandha tipprovdi l-evidenza ta’ dan lill-Aġenzija.

2.   Fi żmien ħmistax min-notifika tal-kwistjoni ta’ tħassib immedjata, l-Aġenzija tista’ titlob lill-awtorità kompetenti biex tattendi laqgħa biex jivvalutaw l-implimentazzjoni tal-korrezzjonijiet immedjati.

3.   Meta l-korrezzjonijiet ma jissodisfawx lill-Aġenzija, l-Aġenzija għandha tagħmel ir-rakkomandazzjonijet tagħha lill-Kummissjoni, inkluż, fejn jeħtieġ, talba dwar ir-rikonoxximent reċiproku taċ-ċertifikat(i) maħruġin mill-awtorità kompetenti. L-Aġenzija għandha tinforma wkoll minnufih lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri.

Artikolu 20

Rekords

1.   L-Aġenzija għandha tistabbilixxi sistema ta’ żamma tar-rekords li tipprovdi għall-ħażna adegwata, l-aċċessibbiltà u t-traċċabbiltà affidabbli għal:

(a)

it-taħriġ, il-kwalifikazzjoni u l-awtorizzazzjoni tal-mexxejja u l-membri tat-timijiet;

(b)

programm ta’ spezzjoni;

(c)

ir-rapporti;

(d)

is-sejbiet u evidenza marbuta magħhom;

(e)

il-korrezzjonijiet u azzjonijiet korrettivi miftehmin;

(f)

l-għeluq tas-sejbiet ta’ nuqqas ta’ konformità u l-evidenza marbuta magħhom;

(g)

ir-rakkomandazzjonijiet dwar ir-rikonoxximent reċiproku taċ-ċertifikati;

(h)

il-valutazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 7(1)(b).

2.   Ir-rekords kollha għandhom jinżammu għal perjodu minimu ta’ 15-il sena, suġġett għal-liġi applikabbli dwar il-protezzjoni tad-dejta.

Artikolu 21

Aċċess għall-informazzjoni li tinsab fir-rapporti ta’ spezzjoni

1.   Meta l-informazzjoni li tinsab f’rapport ta’ spezzjoni tikkonċerna impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi taħt il-monitoraġġ tas-sikurezza ta’ pajjiż terz u tidħol fl-ambitu tal-applikazzjoni ta’ ftehim tal-Unjoni konkluż skont l-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 216/2008, din l-informazzjoni għandha tkun disponibbli għall-pajjiż terz bħala parti għal dan il-ftehim skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tiegħu.

2.   Fejn l-informazzjoni li tkun f’rapport ta’ spezzjoni tkun tidħol fl-ambitu tal-applikazzjoni tal-Memorandum ta’ Kooperazzjoni bejn l-Unjoni u l-ICAO, din l-informazzjoni għandha titpoġġa għad-disponibbiltà tal-ICAO b’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Memorandum ta’ Kooperazzjoni u l-anness korrispondenti dwar is-sikurezza.

3.   Fejn l-informazzjoni li tinsab f’rapport ta’ spezzjoni jkollha x’taqsam ma’ investigazzjonijiet tas-sikurezza li jkunu qegħdin jitwettqu skont ir-Regolament (UE) Nru 996/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (20), din l-informazzjoni għandha titpoġġa għad-disponibbiltà tal-awtorità responsabbli mill-investigazzjoni dwar is-sikurezza minnufih.

4.   Għall-għanijiet tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (21), il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet marbutin ma’ rapport ta’ spezzjoni ma għandux jitqies li ġie konkluż qabel ma jingħalqu s-sejbiet ta’ nuqqas ta’ konformità relatati.

Artikolu 22

Azzjonijiet supplimentari

1.   L-Aġenzija għandha tidentifika kull okkażjoni fejn ma ssegwietx sejba ta’ nuqqas ta’ konformità bħal:

(a)

azzjoni korrettiva mhux imressqa fil-perjodu ta’ żmien imsemmi fl-Artikolu 17(1);

(b)

azzjoni korrettiva li l-Aġenzija ma tasalx fi ftehim dwarha fil-perjodu ta’ żmien imsemmi fl-Artikolu 17(4)(b);

(c)

azzjoni korrettiva mhux implimentata.

2.   Fil-każijiet imsemmijin fil-paragrafu 1, l-Aġenzija għandha titlob lill-awtorità kompetenti tipprovdi l-kjarifiki dwar dan in-nuqqas u tressaq azzjonijiet supplimentari, u tiffissa limitu ta’ żmien biex tingħata risposta.

3.   L-Aġenzija għandha tivvaluta l-konsegwenzi ta’ dan in-nuqqas, flimkien mar-risposta mogħtija mill-awtorità kompetenti fil-limitu taż-żmien. Abbażi tar-riżultat ta’ din il-valutazzjoni, l-Aġenzija tista’:

(a)

taqbel mal-azzjonijiet supplimentari mressqa; jew

(b)

tibgħat rapport supplimentari lill-awtorità kompetenti kkonċernata u lill-Kummissjoni. Dan ir-rapport għandu jinkludi l-valutazzjoni tal-Aġenzija u rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni, inklużi, meta jitqies li jkun meħtieġ, rakkomandazzjonijiet dwar ir-rikonoxximent reċiproku taċ-ċertifikat(i) maħruġin mill-awtorità kompetenti.

4.   Mingħajr ħsara għar-Regolament (KE) Nru 2111/2005, wara li tirċievi r-rapport supplimentari msemmi fil-paragrafu 3(b), il-Kummissjoni tista’ tieħu kull wieħed minn dawn il-passi:

(a)

tindirizza l-kummenti lill-Istat Membru kkonċernat jew titolbu aktar spjegazzjoni biex jiċċara s-sejbiet kollha ta’ nuqqas ta’ konformità jew parti minnhom;

(b)

teżiġi li l-Aġenzija twettaq spezzjoni ad hoc biex taċċerta li tkun saret implimentazzjoni tajba tal-korrezzjonijiet u tal-azzjonijiet korrettivi;

(c)

tagħti bidu għall-proċedura msemmija fl-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 216/2008 biex tiddeċiedi jekk iċ-ċertifikati maħruġin mill-awtorità kompetenti jikkonformawx mar-rekwiżiti applikabbli;

(d)

tagħti bidu għal proċedura skont l-Artikolu 258 tat-Trattat.

Artikolu 23

Ir-rapport annwali

Mhux aktar tard mill-31 ta’ Marzu ta’ kull sena, l-Aġenzija għandha tippreżenta rapport annwali dwar l-attivitajiet kontinwi ta’ monitoraġġ u dwar l-ispezzjonijiet li twettqu fis-sena ta’ qabel, lill-Kummissjoni. Ir-rapport irid jinkludi analiżi tar-riżultati tal-attivitajiet u tal-ispezzjonijiet, filwaqt li jirrifletti l-kapaċità tal-awtorità biex taqdi d-dmirijiet tagħha ta’ monitoraġġ tas-sikurezza, u rakkomandazzjonijiet għat-tejbien possibbli. B’mod partikolari, ir-rakkomandazzjonijiet għandhom jidentifikaw ir-regoli tekniċi li jkollhom jiġu stabbiliti jew emendati skont l-Artikolu 17(2)(b) tar-Regolament (KE) Nru 216/2008 u lill-miżuri tal-Aġenziji li jkollhom bżonn jiġu stabbiliti jew emendati skont l-Artikolu 18(c) tar-Regolament (KE) Nru 216/2008.

Artikolu 24

Proċeduri tal-operat

L-Aġenzija għandha tirrevedi l-proċeduri tal-operat tagħha biex timplimenta l-kompiti li jkunu ngħatawlha skont l-Artikoli 3 sa 23 l-aktar tard fi żmien sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 25

Arranġamenti ta’ tranżizzjoni

1.   Sejbiet ta’ nuqqas ta’ konformità li jiġu identifikati mill-Aġenzija skont ir-Regolament (KE) Nru 736/2006 u li l-evidenza tal-għeluq tagħhom ma tkunx tressqet lill-Aġenzija fiż-żmien tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, jitqiesu li jkunu saru skont dan ir-Regolament u jiġu ttrattati skont dan.

2.   Pjanijiet ta’ azzjoni korrettiva li tkun ftiehmet dwarhom l-Aġenzija skont ir-Regolament (KE) Nru 736/2006 għandhom jitqiesu li ġew miftiehma skont dan ir-Regolament.

3.   Il-membri u l-mexxeja tat-timijiet awtorizzati mill-Aġenzija skont ir-Regolament (KE) Nru 736/2006 għandhom jitqiesu li huma persunal awtorizzat skont dan ir-Regolament.

Artikolu 26

Revoka

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 736/2006 huwa rrevokat.

Artikolu 27

Id-dħul fis-seħħ u l-applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2014.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Ġunju 2013.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 79, 19.3.2008, p. 1.

(2)  ĠU L 129, 17.5.2006, p. 10.

(3)  ĠU L 243, 27.9.2003, p. 6.

(4)  ĠU L 315, 28.11.2003, p. 1.

(5)  ĠU L 240, 7.9.2002, p. 1.

(6)  ĠU L 206, 11.8.2011, p. 21.

(7)  ĠU L 271, 18.10.2011, p. 15.

(8)  ĠU L 271, 18.10.2011, p. 23.

(9)  ĠU L 201, 3.8.2010, p. 1.

(10)  ĠU L 373, 31.12.1991, p. 4.

(11)  ĠU L 254, 20.9.2008, p. 1.

(12)  ĠU L 143, 30.4.2004, p. 76.

(13)  ĠU L 109, 19.4.2008, p. 17.

(14)  ĠU L 296, 25.10.2012, p. 1.

(15)  ĠU L 311, 25.11.2011, p. 1.

(16)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/531/UE, ĠU L 232, 9.9.2011, p. 8.

(17)  ĠU L 317, 3.12.2001, p. 1.

(18)  ĠU L 344, 27.12.2005, p. 15.

(19)  ĠU L 84, 23.3.2006, p. 8.

(20)  ĠU L 295, 12.11.2010, p. 35.

(21)  ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43.


Top