Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011R0670

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 670/2011 tat- 12 ta’ Lulju 2011 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 607/2009 li jistabbilixxi ċerti regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2008 fir-rigward tad-denominazzjonijiet tal-oriġini u l-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti, termini tradizzjonali, it-tikkettar u l-preżentazzjoni ta’ ċerti prodotti fis-settur tal-inbid

    ĠU L 183, 13.7.2011, p. 6–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 13/01/2019; Impliċitament imħassar minn 32019R0033

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2011/670/oj

    13.7.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 183/6


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 670/2011

    tat-12 ta’ Lulju 2011

    li jemenda r-Regolament (KE) Nru 607/2009 li jistabbilixxi ċerti regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2008 fir-rigward tad-denominazzjonijiet tal-oriġini u l-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti, termini tradizzjonali, it-tikkettar u l-preżentazzjoni ta’ ċerti prodotti fis-settur tal-inbid

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1), u b’mod partikolari il-punti (k), (l) u (m) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 121 tiegħu u l-Artikolu 203b, flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 792/2009 tal-31 ta’ Awwissu 2009 li jistipula regoli dettaljati għan-notifiki tal-Istati Membri lill-Kummissjoni dwar informazzjoni u dokumenti fl-implimentazzjoni tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq, l-iskema tal-pagamenti diretti, il-promozzjoni tal-prodotti agrikoli u s-sistemi applikabbli għar-reġjuni l-aktar imbiegħda u l-gżejjer iż-żgħar tal-Eġew (2) jistipula regoli komuni għan-notifikazzjoni tal-informazzjoni u tad-dokumenti mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri lill-Kummissjoni. Dawn ir-regoli jkopru partikolarment l-obbligu tal-Istati Membri li jużaw is-sistemi ta’ informazzjoni li l-Kummissjoni tkun qegħditilhom għad-dispożizzjoni tagħhom u l-validazzjoni tad-drittijiet tal-aċċess tal-awtoritajiet u l-individwi awtorizzati li jibagħtu n-notifiki. Minbarra dan, ir-Regolament jistabbilixxi prinċipji komuni li japplikaw għas-sistemi ta’ informazzjoni sabiex ikunu ggarantiti l-awtentiċità, l-integrità u l-leġġibbiltà tul iż-żmien tad-dokumenti u jipprovdi għall-protezzjoni tad-dejta personali.

    (2)

    Skont it-Taqsima IA tal-Kapitolu I tat-Titolu II tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, il-Kummissjoni żviluppat, fil-qafas tal-funzjonament intern tagħha u tar-relazzjonijiet mal-awtoritajiet involuti fl-immaniġġjar tad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini, tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti u tat-termini tradizzjonali, sistema ta’ informazzjoni li tippermetti mmaniġġjar, permezz ta’ mezzi elettroniċi, tad-dokumenti u l-proċeduri mitluba skont ir-Regolament (KE) Nru 1234/2007 u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 607/2009 tal-14 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi ċerti regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2008 fir-rigward tad-denominazzjonijiet tal-oriġini u l-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti, termini tradizzjonali, it-tikkettar u l-preżentazzjoni ta’ ċerti prodotti fis-settur tal-inbid (3), kemm mal-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri u fil-pajjiżi terzi, kemm mal-organizzazzjonijiet professjonali u l-persuni fiżiċi u ġuridiċi li għandhom interess jaġixxu fil-qafas ta’ dan ir-Regolament.

    (3)

    Huwa meqjus li din is-sistema tippermetti, skont ir-Regolament (KE) Nru 792/2009 jew billi jkunu applikati, mutatis mutandis, il-prinċipji li dan jistabbilixxi, ċerti komunikazzjonijiet previsti mir-Regolament (KE) Nru 607/2009, b’mod partikolari fir-rigward tal-proċeduri applikabbli għall-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi, tad-denominazzjonijiet tal-oriġini u tat-termini tradizzjonali, taż-żamma tal-bażi tad-dejta tad-denominazzjonijiet ikkonċernati u tar-reġistri previsti għall-protezzjoni ta’ dawn id-denominazzjonijiet.

    (4)

    Minbarra dan, is-sistemi ta’ informazzjoni li diġà ġew stabbiliti b’mod operazzjonali mill-Kummissjoni u li jservu għall-komunikazzjoni tal-informazzjoni marbuta mal-awtoritajiet u l-korpi li huma responsabbli għall-kontrolli li għandhom jitwettqu fil-qafas tal-politika agrikola komuni, jippermettu li jintlaħqu l-għanijiet speċifiċi f’dan il-qasam fir-rigward tal-indikazzjonijiet ġeografiċi, id-denominazzjonijiet tal-oriġini u t-termini tradizzjonali. Jeħtieġ li dawn is-sistemi japplikaw kemm għall-komunikazzjoni ta’ din l-informazzjoni dwar l-awtoritajiet responsabbli għall-eżaminar tat-talbiet għall-protezzjoni tad-denominazzjonijiet fil-livell tal-Istati Membri jew tal-pajjiżi terzi, kif ukoll għall-komunikazzjoni tal-informazzjoni dwar l-awtoritajiet responsabbli għaċ-ċertifikazzjoni tal-inbejjed li ma jibbenefikawx minn denominazzjoni protetta tal-oriġini jew minn indikazzjoni ġeografika protetta.

    (5)

    Fl-interess ta’ mmaniġġjar amministrattiv effiċjenti u b’kunsiderazzjoni għall-esperjenza miksuba mill-użu tas-sistemi ta’ informazzjoni stabbiliti mill-Kummissjoni, il-komunikazzjonijiet għandhom jiġu ssimplifikati u għandhom jitjiebu l-modi ta’ kif l-informazzjoni tiġi mmaniġġjata u titqiegħed għad-dispożizzjoni, skont ir-Regolament (KE) Nru 607/2009 u f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 792/2009. Għal dan il-għan, sabiex l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jingħataw il-mezzi li permezz tagħhom ikunu jafu d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolatorji u amministrattivi introdotti fil-livell nazzjonali skont l-Artikolu 118z(2) u l-Artikolu 120a tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 u sabiex jiġu ssimplifikati u ffaċilitati l-kontrolli u l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, previsti mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 555/2008 (4), l-Istati Membri għandhom jintalbu jikkomunikaw lill-Kummissjoni ċerta informazzjoni li hija ta’ interess speċifiku fil-qafas taċ-ċertifikazzjoni tal-prodotti bil-għan li l-Kummissjoni tqiegħed din l-informazzjoni għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet kompetenti u tal-pubbliku, jekk din l-informazzjoni tkun utli għall-konsumatur.

    (6)

    Barra dan, sabiex ikun hemm iċ-ċarezza u sabiex il-piżijiet amministrattivi jitnaqqsu, huwa xieraq li jkun stabbilit il-kontenut ta’ ċerti komunikazzjonijiet previsti mir-Regolament (KE) Nru 607/2009 u li jkunu ssimplifikati l-proċeduri.

    (7)

    Il-miżuri tranżitorji adottati sabiex tkun iffaċilitata l-bidla mid-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1493/1999 (5) u (KE) Nru 479/2008 (6) għal dawk tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 jippreżentaw diffikultajiet ta’ interpretazzjoni fir-rigward tal-ambitu u tad-dewmien tal-proċeduri applikabbli. Minbarra dan, huwa xieraq li jkun ippreċiżat l-ambitu tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 118s tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, marbuta ma’ dawk tal-Artikolu 118q fir-rigward tan-natura tal-emendi koperti, il-perjodi ta’ referenza u t-tul tal-perjodu tranżitorju.

    (8)

    Għaldaqstant, ir-Regolament (KE) Nru 607/2009 għandu jiġi emendat kif xieraq.

    (9)

    Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (KE) Nru 607/2009 għandu jiġi emendat kif ġej:

    (1)

    L-Artikolu 3 għandu jinbidel b’dan li ġej:

    “Artikolu 3

    Talba għall-protezzjoni

    It-talba għall-protezzjoni ta’ denominazzjoni tal-oriġini jew ta’ indikazzjoni ġeografika tikkonsisti fid-dokumenti mitluba fl-Artikoli 118c u 118d tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott u fid-dokument waħdieni.

    It-talba u d-dokument waħdieni għandhom jintbagħtu lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 70a(1) ta’ dan ir-Regolament.”

    (2)

    L-Artikolu 9 għandu jinbidel b’dan li ġej:

    “Artikolu 9

    It-tressiq tat-talba

    1.   Id-data tat-tressiq tat-talba lill-Kummissjoni għandha tkun id-data ta’ meta t-talba tasal għand il-Kummissjoni.

    2.   Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru jew lil dawk ta’ pajjiżi terzi jew lill-applikant stabbilit fil-pajjiż terz inkwistjoni li rċeviet it-talba u għandha tagħti numru tal-fajl lit-talba.

    Il-konferma tar-riċevuta għandu jkollha mill-inqas l-affarijiet li ġejjin:

    (a)

    in-numru tal-fajl;

    (b)

    l-isem li għandu jiġi rreġistrat;

    (c)

    id-data tal-wasla tat-talba.”

    (3)

    L-Artikolu 11 għandu jinbidel b’dan li ġej:

    “Artikolu 11

    Ammissibbiltà tat-talba

    1.   Talba tkun tista’ tiġi aċċettata meta d-dokument waħdieni jkun komplut kif xieraq u jkollu miegħu l-provi dokumentati. Id-dokument waħdieni għandu jitqies bħala komplut kif xieraq meta jkunu mtlew ir-rubriki obbligatorji kollha meħtieġa, kif ippreżentati fis-sistemi ta’ informazzjoni msemmija fl-Artikolu 70a.

    F’dan il-każ, it-talba għandha titqies bħala ammissibbli fid-data meta din tasal għand il-Kummissjoni. L-applikant għandu jkun infurmat b’dan.

    Din id-data għandha tkun disponibbli għall-pubbliku.

    2.   Jekk it-talba ma tkunx imtliet kollha jew tkun imtliet biss parzjalment jew jekk il-provi dokumentati msemmija fil-paragrafu 1 ma jkunux intbagħtu flimkien mat-talba jew jekk ma jkunux intbagħtu xi wħud minnhom, it-talba ma tkunx ammissibbli.

    3.   F’każ li t-talba ma tkunx ammissibbli, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru jew dawk tal-pajjiżi terzi jew l-applikant stabbilit fil-pajjiż terz inkwistjoni għandhom ikunu infurmati bir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ ammissibbiltà tagħha u bil-fatt li huma intitolati jressqu talba oħra mimlija kif suppost.”

    (4)

    L-Artikolu 12(1) għandu jinbidel b’dan li ġej:

    “1.   Jekk talba ammissibbli ma tissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 118b u 118c tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-awtoritajiet tal-Istat Membru jew tal-pajjiż terz jew lill-applikant stabbilit fil-pajjiż terz inkwistjoni dwar ir-raġunijiet għaċ-ċaħda tat-talba, billi tistabbilixxi skadenza, li ma tistax tkun ta’ inqas minn xahrejn, għall-irtirar jew l-emendar tat-talba tagħhom jew għat-tressiq tal-kummenti tagħhom.”

    (5)

    L-Artikolu 14 għandu jinbidel b’dan li ġej:

    “Artikolu 14

    It-tressiq ta’ oġġezzjonijiet skont il-proċedura Komunitarja

    1.   L-oġġezzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 118h tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 huma kkomunikati skont l-Artikolu 70a(1) ta’ dan ir-Regolament. Id-data tat-tressiq tal-oġġezzjoni lill-Kummissjoni għandha tkun id-data ta’ meta l-oġġeżżjoni tasal għand il-Kummissjoni. Din id-data għandha tkun disponibbli għall-awtoritajiet u l-persuni kkonċernati minn dan ir-Regolament.

    2.   Il-Kummissjoni għandha tikkonferma li rċeviet l-oġġezzjoni u tagħti numru tal-fajl lill-oġġezzjoni.

    Il-konferma tar-riċevuta għandu jkollha mill-inqas dawn li ġejjin:

    (a)

    in-numru tal-fajl;

    (b)

    id-data tal-wasla tal-oġġezzjoni.”

    (6)

    L-Artikolu 18 għandu jinbidel b’dan li ġej:

    “Artikolu 18

    Ir-reġistru

    1.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi u żżomm aġġornat “reġistru tad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti”, minn issa ’l quddiem imsejjaħ “ir-reġistru”, skont l-Artikolu 118n tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007. Dan għandu jiġi stabbilit fil-bażi tad-dejta elettronika msejħa “E-Bacchus” abbażi tad-deċiżjonijiet li jagħtu protezzjoni lid-denominazzjonijiet inkwistjoni.

    2.   Denominazzjoni tal-oriġini jew indikazzjoni ġeografika li tkun ġiet aċċettata għandha tiddaħħal fir-reġistru.

    Fil-każ ta’ denominazzjonijiet irreġistrati skont l-Artikolu 118s(1) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, il-Kummissjoni għandha ddaħħal id-dejta li dwarha hemm dispożizzjoni fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu fir-reġistru.

    3.   Il-Kummissjoni għandha ddaħħal id-dejta li ġejja fir-reġistru:

    (a)

    id-denominazzjoni protetta;

    (b)

    in-numru tal-fajl;

    (c)

    il-fatt li l-isem huwa protett bħala indikazzjoni ġeografika jew bħala denominazzjoni tal-oriġini;

    (d)

    isem il-pajjiż jew il-pajjiżi tal-oriġini;

    (e)

    id-data tar-reġistrazzjoni;

    (f)

    referenza għall-istrument legali li jipproteġi d-denominazzjoni;

    (g)

    referenza għad-dokument waħdieni.

    4.   Ir-reġistru għandu jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku.”

    (7)

    Il-paragrafi 1, 2 u 3 tal-Artikolu 20 għandhom jinbidlu b’dan li ġej:

    “1.   Talba għall-approvazzjoni ta’ emenda fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott li tkun tressqet minn applikant kif imsemmi fl-Artikolu 118e tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 għal denominazzjoni protetta tal-oriġini jew indikazzjoni ġeografika protetta għandha tkun ikkomunikata skont l-Artikolu 70a(1) ta’ dan ir-Regolament.

    2.   Talba għall-approvazzjoni ta’ emenda fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott skont l-Artikolu 118q(1) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 għandha tkun ammissibbli jekk l-informazzjoni meħtieġa skont l-Artikolu 118c(2) ta’ dak ir-Regolament u t-talba li tkun saret kif xieraq ikunu ġew ikkomunikati lill-Kummissjoni.

    3.   Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 118q(2) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, l-Artikoli 9 sa 18 ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw mutatis mutandis.”

    (8)

    L-Artikolu 21 għandu jinbidel b’dan li ġej:

    “Artikolu 21

    Tressiq ta’ talba għall-kanċellazzjoni

    1.   Talba għall-kanċellazzjoni magħmula skont l-Artikolu 118r tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 għandha tiġi kkomunikata skont l-Artikolu 70a(1) ta’ dan ir-Regolament. Id-data tat-tressiq tat-talba għall-kanċellazzjoni lill-Kummissjoni għandha tkun id-data ta’ meta t-talba tasal għand il-Kummissjoni. Din id-data għandha tkun disponibbli għall-pubbliku.

    2.   Il-Kummissjoni għandha tikkonferma li rċeviet it-talba u tagħti numru tal-fajl lit-talba.

    Il-konferma tar-riċevuta għandu jkollha mill-inqas dawn li ġejjin:

    (a)

    in-numru tal-fajl,

    (b)

    id-data tal-wasla tat-talba.

    3.   Il-paragrafi 1 u 2 ma japplikawx meta l-kanċellazzjoni tinbeda mill-Kummissjoni.”

    (9)

    Mal-Artikolu 22 għandu jiżdied il-paragrafu 5 li ġej:

    “5.   Il-komunikazzjonijiet lill-Kummissjoni msemmija fil-paragrafu 3 għandhom isiru skont l-Artikolu 70a(1).”

    (10)

    Mal-Artikolu 23(1) għandu jiżdied it-tielet subparagrafu li ġej:

    “Il-komunikazzjonijiet lill-Kummissjoni msemmija fl-ewwel u fit-tieni subparagrafi għandhom isiru skont l-Artikolu 70a(1).”

    (11)

    Fl-Artikolu 28(1), it-tieni subparagrafu għandu jinbidel b’dan li ġej:

    “It-talba għandha tiġi kkomunikata skont l-Artikolu 70a(1). Id-data tat-tressiq tat-talba għall-konverżjoni lill-Kummissjoni għandha tkun id-data ta’ meta t-talba tasal għand il-Kummissjoni.”

    (12)

    L-Artikolu 30 għandu jinbidel b’dan li ġej:

    “Artikolu 30

    Talba għall-protezzjoni

    1.   It-talba għall-protezzjoni ta’ terminu tradizzjonali għandha tiġi kkomunikata mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jew tal-pajjiżi terzi jew minn organizzazzjonijiet professjonali rappreżentattivi skont l-Artikolu 70a(1). Hija għandu jkollha magħha l-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru jew ir-regoli applikabbli għall-produtturi tal-inbejjed fil-pajjiżi terzi li jirregolaw l-użu tat-terminu kkonċernat flimkien mar-referenza għal dik il-leġiżlazzjoni jew għal dawk ir-regoli.

    2.   Fil-każ li titressaq talba minn organizzazzjoni professjonali rappreżentattiva stabbilita f’pajjiż terz, l-applikant għandu jikkomunika lill-Kummissjoni l-informazzjoni dwar l-organizzazzjoni professjonali rappreżentattiva u l-membri tagħha skont l-Artikolu 70a(1). Il-Kummissjoni għandha tqiegħed din l-informazzjoni għad-dispożizzjoni tal-pubbliku.”

    (13)

    L-Artikolu 33 għandu jinbidel b’dan li ġej:

    “Artikolu 33

    It-tressiq tat-talba

    1.   Id-data tat-tressiq tat-talba lill-Kummissjoni għandha tkun id-data ta’ meta t-talba tasal għand il-Kummissjoni.

    2.   Il-Kummissjoni għandha tikkonferma lill-awtoritajiet tal-Istat Membru jew ta’ pajjiżi terzi jew lill-applikant stabbilit fil-pajjiż terz inkwistjoni li rċeviet it-talba u għandha tagħti numru tal-fajl lit-talba.

    Il-konferma tar-riċevuta għandu jkollha mill-inqas dawn li ġejjin:

    (a)

    in-numru tal-fajl,

    (b)

    it-terminu tradizzjonali,

    (c)

    id-data tal-wasla tat-talba.”

    (14)

    L-Artikolu 34 għandu jinbidel b’dan li ġej:

    “Artikolu 34

    Ammissibbiltà

    1.   Talba tkun ammissibbli meta l-formola tat-talba tkun imtliet kif xieraq u meta hija jkollha magħha d-dokumenti mitluba skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 30. Il-formola tat-talba għandha titqies bħala mimlija kif xieraq meta jkunu mtlew ir-rubriki obbligatorji kollha meħtieġa, kif ippreżentati fis-sistemi ta’ informazzjoni msemmija fl-Artikolu 70a.

    F’dan il-każ, it-talba għandha titqies bħala ammissibbli fid-data meta din tasal għand il-Kummissjoni. L-applikant għandu jkun infurmat b’dan.

    Din id-data għandha tkun disponibbli għall-pubbliku.

    2.   Jekk il-formola tat-talba ma tkunx imtliet kollha jew tkun imtliet biss parzjalment jew jekk id-dokumenti msemmija fil-paragrafu 1 ma jkunux intbagħtu flimkien mat-talba jew jekk ma jkunux intbagħtu xi wħud minnhom, it-talba ma tkunx ammissibbli.

    3.   F’każ li t-talba ma tkunx ammissibbli, l-awtoritajiet tal-Istat Membru jew dawk tal-pajjiżi terzi jew l-applikant stabbilit fil-pajjiż terz inkwistjoni għandhom ikunu infurmati bir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ ammissibbiltà tagħha u bil-fatt li huma intitolati jressqu talba oħra mimlija kif suppost.”

    (15)

    Fl-Artikolu 37, il-paragrafi 2 u 3 għandhom jinbidlu b’dan li ġej:

    “2.   L-oġġezzjoni għandha tiġi kkomunikata skont l-Artikolu 70a(1). Id-data tat-tressiq tal-oġġezzjoni lill-Kummissjoni għandha tkun id-data ta’ meta l-oġġezzoni tasal għand il-Kummissjoni.

    3.   Il-Kummissjoni għandha tikkonferma li rċeviet l-oġġezzjoni u tagħti numru tal-fajl lill-oġġezzjoni.

    Il-konferma tar-riċevuta għandu jkollha mill-inqas dawn li ġejjin:

    (a)

    in-numru tal-fajl,

    (b)

    id-data tal-wasla tal-oġġezzjoni.”

    (16)

    L-Artikolu 40 għandu jinbidel b’dan li ġej:

    “Artikolu 40

    Protezzjoni ġenerali

    1.   F’każ li terminu tradizzjonali li għalih tkun intalbet il-protezzjoni jkun jissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 118u(1) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 u fl-Artikoli 31 u 35 ta’ dan ir-Regolament u f’każ li dan it-terminu ma jkunx irrifjutat skont l-Artikoli 36, 38 u 39 ta’ dan ir-Regolament, it-terminu tradizzjonali għandu jkun elenkat u ddefinit fil-bażi tad-dejta elettronika msejħa “E-Bacchus” skont l-Artikolu 118u(2) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, abbażi tal-informazzjoni kkomunikata lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 70a(1) ta’ dan ir-Regolament, u għandhom jissemmew l-affarijiet li ġejjin:

    (a)

    il-lingwa msemmija fl-Artikolu 31(1),

    (b)

    il-kategorija jew il-kategoriji tal-prodotti tad-dwieli kkonċernati mill-protezzjoni,

    (c)

    referenza għal-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru jew tal-pajjiż terz li fiha huwa ddefinit u rregolat it-terminu tradizzjonali jew għar-regoli applikabbli għall-produtturi tal-inbid fil-pajjiżi terzi, inklużi dawk li ġejjin mill-organizzazzjonijiet professjonali rappreżentattivi, fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali f’dawk il-pajjiżi terzi,

    (d)

    taqsira tad-definizzjoni jew tal-kundizzjonijiet tal-użu,

    (e)

    isem il-pajjiż jew il-pajjiżi tal-oriġini,

    (f)

    id-data tal-inklużjoni fil-bażi tad-dejta elettronika msejħa “E-Bacchus”.

    2.   It-termini tradizzjonali elenkati fil-bażi tad-dejta elettronika msejħa “E-Bacchus” għandhom ikunu protetti biss fil-lingwa u għall-kategoriji tal-prodotti tad-dwieli ddikkjarati fit-talba, minn:

    (a)

    kwalunkwe użu ħażin, anke jekk it-terminu protett ikollu miegħu espressjoni bħal “stil”, “tip”, “metodu”, “kif magħmul fi”, “imitazzjoni”, “togħma”, “il-mod” jew espressjoni simili,

    (b)

    kwalunkwe indikazzjoni oħra falza jew qarrieqa marbuta man-natura, il-karatteristiċi jew il-kwalitajiet essenzjali tal-prodott, fuq il-pakkett minn barra jew minn ġewwa, fir-riklami jew fid-dokumenti li għandhom x’jaqsmu miegħu,

    (c)

    kwalunkwe prattika oħra li tista’ tqarraq bil-konsumatur, b’mod partikulari biex tingħata l-impressjoni li l-inbid jikkwalifika għat-terminu tradizzjonali protett.

    3.   It-termini tradizzjonali elenkati fil-bażi tad-dejta elettronika msejħa “E-Bacchus” għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku.”

    (17)

    Fl-Artikolu 42(1), it-tielet subparagrafu għandu jinbidel b’dan li ġej:

    “M’għandux jitħalla jintuża terminu omonimu protett sakemm dan it-terminu omonimu protett sussegwentement ma jkunx distint biżżejjed fil-prattika mit-terminu tradizzjonali elenkat fil-bażi tad-dejta elettronika msejħa “E-Bacchus”, filwaqt li titqies il-ħtieġa li l-produtturi kkonċernati jiġu ttrattati b’mod ekwu u li l-konsumatur ma jiġix imqarraq.”

    (18)

    L-Artikolu 45 għandu jinbidel b’dan li ġej:

    “Artikolu 45

    Tressiq ta’ talba għall-kanċellazzjoni

    1.   Talba għall-kanċellazzjoni ġġustifikata kif xieraq tista’ tiġi kkomunikata lill-Kummissjoni minn Stat Membru, minn pajjiż terz jew minn persuna fiżika jew ġuridika li għandha interess leġittimu li tagħmel dan skont l-Artikolu 70a(1). Id-data tat-tressiq tat-talba lill-Kummissjoni għandha tkun id-data ta’ meta t-talba tasal għand il-Kummissjoni. Din id-data għandha tkun disponibbli għall-pubbliku.

    2.   Il-Kummissjoni għandha tikkonferma li rċeviet t-talba u tagħti numru tal-fajl lit-talba.

    Il-konferma tar-riċevuta għandu jkollha mill-inqas dawn li ġejjin:

    (a)

    in-numru tal-fajl,

    (b)

    id-data tal-wasla tat-talba.

    3.   Il-paragrafi 1 u 2 ma japplikawx meta l-kanċellazzjoni tinbeda mill-Kummissjoni.”

    (19)

    L-Artikolu 47(5) għandu jinbidel b’dan li ġej:

    “5.   Meta kanċellazzjoni tidħol fis-seħħ, il-Kummissjoni għandha tneħħi d-denominazzjoni kkonċernata mil-lista li tinsab fil-bażi tad-dejta elettronika msejħa “E-Bacchus”.”

    (20)

    L-Artikolu 63(1) għandu jinbidel b’dan li ġej:

    “1.   L-Istati Membri għandhom jaħtru l-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti responsabbli għaċ-ċertifikazzjoni kif ipprovdut fl-Artikolu 118z(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, skont il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*).

    Kull Stat Membru għandu jikkomunika lill-Kummissjoni l-informazzjoni li ġejja qabel l-1 ta’ Ottubru 2011, kif ukoll il-modifiki eventwali tagħha, skont l-Artikolu 70a(1) ta’ dan ir-Regolament:

    (a)

    l-isem, l-indirizz u l-punti ta’ kuntatt, inklużi l-indirizzi tal-posta elettronika, tal-awtorità jew l-awtoritajiet responsabbli għall-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu,

    (b)

    jekk ikun il-każ, l-isem, l-indirizz u l-punti ta’ kuntatt, inklużi l-indirizzi tal-posta elettronika, tal-entitajiet kollha awtorizzati minn awtorità kompetenti biex japplikaw dan l-Artikolu,

    (c)

    il-miżuri li ttieħdu biex jiġi implimentat dan l-Artikolu, fejn dawn id-dispożizzjonijiet ikunu ta’ interess speċifiku għall-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri msemmija fir-Regolament (KE) Nru 555/2008,

    (d)

    il-varjetajiet tal-għeneb tal-inbid ikkonċernati mill-applikazzjoni tal-Artikoli 118z(2) u 120a tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007.

    Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi u żżomm aġġornata lista li fiha tiġbor l-ismijiet u l-indirizzi tal-awtoritajiet kompetenti u tal-korpi awtorizzati, kif ukoll il-varjetajiet tal-għeneb tal-inbid awtorizzati, abbażi tal-informazzjoni kkomunikata mill-Istati Membri. Il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-pubbliku b’din il-lista.

    (*)  ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1.”"

    (21)

    Fil-Kapitolu V, għandhom jiddaħħlu l-Artikoli l-ġodda 70a u 70b kif ġej:

    “Artikolu 70a

    Metodi applikabbli għall-komunikazzjonijiet bejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri, il-pajjiżi terzi u l-operaturi l-oħra

    1.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, id-dokumenti u l-informazzjoni meħtieġa biex jiġi applikat dan ir-Regolament għandhom jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni skont il-metodu li ġej:

    (a)

    għall-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, permezz tas-sistema ta’ informazzjoni li l-Kummissjoni qegħdet għad-dispożizzjoni tagħhom, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 792/2009,

    (b)

    għall-awtoritajiet kompetenti u l-organizzazzjonijiet professjonali rappreżentattivi tal-pajjiżi terzi, kif ukoll il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li għandhom interess leġittimu jaġixxu skont dan ir-Regolament, permezz ta’ mezzi elettroniċi, billi jużaw il-metodi u l-formoli li l-Kummissjoni qegħdet għad-dispożizzjoni tagħhom u li huma aċċessibbli bil-kundizzjonijiet li huma ppreċiżati fl-Anness XVIII għal dan ir-Regolament.

    Madankollu, il-komunikazzjoni tista’ sseħħ bil-karti permezz tal-formoli msemmija.

    It-tressiq ta’ talba u l-kontenut tal-komunikazzjonijiet jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-awtoritajiet kompetenti maħtura mill-pajjiżi terzi, tal-organizzazzjonijiet professjonali rappreżentattivi jew tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi involuti, skont il-każ.

    2.   Il-Kummissjoni se tikkomunika l-informazzjoni lill-awtoritajiet u l-persuni kkonċernati minn dan ir-Regolament u, jekk ikun il-każ, lill-pubbliku u se tqegħedha għad-dispożizzjoni tagħhom permezz tas-sistemi ta’ informazzjoni stabbiliti mill-Kummissjoni.

    L-awtoritajiet u l-persuni kkonċernati minn dan ir-Regolament jistgħu jikkuntattjaw lill-Kummissjoni, skont l-Anness XIX, sabiex jiksbu informazzjoni dwar id-dettalji prattiċi biex ikollhom aċċess għas-sistemi ta’ informazzjoni, għall-komunikazzjonijiet u għat-tqegħid tal-informazzjoni għad-dispożizzjoni.

    3.   L-Artikolu 5(2) u l-Artikoli 6, 7 u 8 tar-Regolament (KE) Nru 792/2009 japplikaw mutatis mutandis għall-komunikazzjonijiet u għat-tqegħid tal-informazzjoni għad-dispożizzjoni msemmija fil-paragrafu 1(b) u fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

    4.   Fir-rigward tal-applikazzjoni tal-paragrafu 1(b), l-għoti tad-drittijiet għall-aċċess għas-sistemi ta’ informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti u l-organizzazzjonijiet professjonali rappreżentattivi tal-pajjiżi terzi, kif ukoll lill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li għandhom interess leġittimu jaġixxu skont dan ir-Regolament, isir minn dawk responsabbli għas-sistemi tal-informazzjoni fil-Kummissjoni.

    Dawk responsabbli għas-sistemi tal-informazzjoni fil-Kummissjoni għandhom jivvalidaw id-drittijiet għall-aċċess, skont il-każ, abbażi tal-affarijiet li ġejjin:

    (a)

    l-informazzjoni dwar l-awtoritajiet kompetenti maħtura mill-pajjiżi terzi, flimkien mal-punti ta’ kuntatt tagħhom u l-indirizzi tal-posta elettronika tagħhom, li jinżammu mill-Kummissjoni fil-qafas tal-ftehimiet internazzjonali jew li jkunu ġew ikkomunikati lill-Kummissjoni skont dawk il-ftehimiet,

    (b)

    talba uffiċjali minn pajjiż terz li tippreċiża l-informazzjoni dwar l-awtoritajiet responsabbli għall-komunikazzjoni tad-dokumenti u tal-informazzjoni meħtieġa biex jiġi applikat il-paragrafu 1(b), kif ukoll il-punti ta’ kuntatt u l-indirizzi tal-posta elettronika tal-awtoritajiet ikkonċernati,

    (c)

    talba minn organizzazzjoni professjonali rappreżentattiva f’pajjiż terz jew minn persuna fiżika jew ġuridika, li fiha jkun hemm prova tal-identità u tal-interess leġittimu li tittieħed azzjoni, kif ukoll l-indirizz tal-posta elettronika.

    Wara li d-drittijiet tal-aċċess ikunu ġew ivvalidati, dawn għandhom ikunu attivati minn dawk responsabbli għas-sistemi tal-informazzjoni fil-Kummissjoni.

    Artikolu 70b

    Il-komunikazzjoni u l-għoti tal-informazzjoni dwar l-awtoritajiet responsabbli għall-eżaminar tat-talbiet fil-livell nazzjonali

    1.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni, qabel l-1 ta’ Ottubru 2011, skont l-Artikolu 70a(1), l-isem, l-indirizz u l-punti ta’ kuntatt, inklużi l-indirizzi tal-posta elettronika, tal-awtorità jew tal-awtoritajiet responsabbli għall-applikazzjoni tal-Artikolu 118f(2) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, kif ukoll kwalunkwe bidla li jista’ jkun hemm f’dawn id-dettalji.

    2.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi u żżomm aġġornata lista li fiha tiġbor l-ismijiet u l-indirizzi tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jew tal-pajjiżi terzi, abbażi tal-informazzjoni kkomunikata mill-Istati Membri skont il-paragrafu 1 jew mill-pajjiżi terzi skont il-ftehimiet internazzjonali konklużi mal-Unjoni. Il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-pubbliku b’din il-lista.”

    (22)

    Fl-Artikolu 71, il-paragrafi 1 u 2 għandhom jinbidlu b’dan li ġej:

    “Artikolu 71

    Ismijiet tal-inbejjed protetti skont ir-Regolament (KE) Nru 1493/1999

    1.   Id-dokumenti msemmija fl-Artikolu 118s(2) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, minn issa ’l quddiem imsejħin “il-fajl”, u l-emendi għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott imsemmija fl-Artikolu 73(1)(c) u (d) u 73(2) ta’ dan ir-Regolament, għandhom jintbagħtu mill-Istati Membri, f’konformità mal-Artikolu 70a(1) ta’ dan ir-Regolament, skont ir-regoli u l-proċeduri li ġejjin:

    (a)

    il-Kummissjoni għandha tikkonferma li rċeviet il-fajl jew l-emenda, hekk kif imsemmi fl-Artikolu 9 ta’ dan ir-Regolament,

    (b)

    Il-fajl jew l-emenda għandhom jitqiesu bħala ammissibbli fid-data meta dawn jaslu għand il-Kummissjoni, bil-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 11 ta’ dan ir-Regolament u dejjem jekk il-Kummissjoni tirċevihom sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2011,

    (c)

    il-Kummissjoni għandha tikkonferma r-reġistrazzjoni tad-denominazzjoni tal-oriġini jew tal-indikazzjoni ġeografika kkonċernata fir-reġistru skont l-Artikolu 18 ta’ dan ir-Regolament, bi kwalunkwe emenda li jista’ jkun hemm, u tagħtiha numru tal-fajl,

    (d)

    il-Kummissjoni għandha teżamina l-validità tal-fajl u, fejn ikun il-każ, għandha tqis l-emendi li tkun irċeviet fil-perjodi taż-żmien stabbiliti fl-Artikolu 12(1) ta’ dan ir-Regolament.

    2.   Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tħassar id-denominazzjoni tal-oriġini jew l-indikazzjoni ġeografika kkonċernata skont l-Artikolu 118s(4) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 abbażi tad-dokumenti li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha skont l-Artikolu 118s(2) ta’ dak ir-Regolament.”

    (23)

    L-Artikolu 73 għandu jinbidel b’dan li ġej:

    “Artikolu 73

    Dispożizzjonijiet tranżizzjonali

    1.   Il-proċedura stipulata fl-Artikolu 118s tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 għandha tapplika fil-każijiet li ġejjin:

    (a)

    għal kwalunkwe denominazzjoni tal-inbid mibgħuta lil Stat Membru bħala denominazzjoni tal-oriġini jew indikazzjoni ġeografika u approvata minn dan l-Istat Membru qabel l-1 ta’ Awwissu 2009,

    (b)

    għal kwalunkwe denominazzjoni tal-inbid mibgħuta lil Stat Membru bħala denominazzjoni tal-oriġini jew indikazzjoni ġeografika qabel l-1 ta’ Awwissu 2009 u approvata minn dan l-Istat Membru u mibgħuta lill-Kummissjoni qabel il-31 ta’ Diċembru 2011,

    (c)

    għal kwalunkwe emenda fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott mibgħuta lil Stat Membru qabel l-1 ta’ Awwissu 2009 u mibgħuta lill-Kummissjoni minn dan l-Istat Membru qabel il-31 ta’ Diċembru 2011,

    (d)

    għal kwalunkwe emenda minuri fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott mibgħuta lil Stat Membru mill-1 ta’ Awwissu 2009 ’l quddiem u mibgħuta lill-Kummissjoni minn dan l-Istat Membru qabel il-31 ta’ Diċembru 2011.

    2.   Il-proċedura stipulata fl-Artikolu 118q tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 ma tapplikax għall-emendi fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott mibgħuta lill-Istat Membru mill-1 ta’ Awwissu 2009 ’l quddiem u mibgħuta lill-Kummissjoni minn dan l-Istat Membru qabel it-30 ta’ Ġunju 2014, meta dawn l-emendi jkollhom biss l-għan li jġibu l-ispeċifikazzjoni tal-prodott mibgħuta lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 118s(2) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 f’konformità mal-Artikolu 118c tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007.

    3.   L-inbejjed li jitqiegħdu fis-suq jew jiġu ttikkettati qabel il-31 ta’ Diċembru 2010 u li huma konformi mad-dispożizzjonijiet applikabbli qabel l-1 ta’ Awwissu 2009 jistgħu jiġu kkummerċjalizzati sakemm jispiċċaw il-ħażniet tagħhom.”

    (24)

    L-Annessi I sa IX u l-Annessi XI u XII għandhom jitħassru.

    (25)

    L-Annessi XVIII u XIX għandhom jiżdiedu skont it-test mogħti fl-Annessi I u II għal dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Madankollu, l-Artikolu 1(20) ta’ dan ir-Regolament, li jikkonċerna l-Artikolu 63(1) tar-Regolament (KE) Nru 607/2009, kif ukoll l-Artikolu 1(21) ta’ dan ir-Regolament, f’dak li għandu x’jaqsam mal-Artikolu 70b tar-Regolament (KE) Nru 607/2009, għandhom japplikaw mill-1 ta’ Settembru 2011 ’il quddiem.

    Il-komunikazzjonijiet li jsiru bejn l-1 ta’ Ġunju 2011 u d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, fuq bażi volontarja, permezz tas-sistemi ta’ informazzjoni stabbiliti mill-Kummissjoni, f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 607/2009 kif emendat mill-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament, għandhom jitqiesu bħala komunikazzjonijiet li saru f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 607/2009 qabel ma ġie emendat b’dan ir-Regolament.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Lulju 2011.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

    (2)  ĠU L 228, 1.9.2009, p. 3.

    (3)  ĠU L 193, 24.7.2009, p. 60.

    (4)  ĠU L 170, 30.6.2008, p. 1.

    (5)  ĠU L 179, 14.7.1999, p. 1.

    (6)  ĠU L 148, 6.6.2008, p. 1.


    ANNESS I

    “ANNESS XVIII

    Aċċess għall-metodi u l-formoli elettroniċi msemmija fl-Artikolu 70a(1)(b)

    Il-metodi u l-formoli elettroniċi msemmija fl-Artikolu 70a(1)(b), huma aċċessibbli liberament permezz tal-bażi tad-dejta elettronika msejħa “E-Bacchus” li ġiet stabbilita mill-Kummissjoni permezz tas-sistemi tal-informazzjoni tagħha:

    http://ec.europa.eu/agriculture/markets/wine/e-bacchus/”


    ANNESS II

    “ANNESS XIX

    Dettalji prattiċi dwar il-komunikazzjoni u t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 70a(2)

    Sabiex l-awtoritajiet u l-persuni kkonċernati minn dan ir-Regolament jiksbu informazzjoni dwar id-dettalji prattiċi biex ikollhom aċċess għas-sistemi ta’ informazzjoni, għall-komunikazzjonijiet u għat-tqegħid tal-informazzjoni għad-dispożizzjoni, huma għandhom jikkuntattjaw lill-Kummissjoni billi jiktbulha fl-indirizz li ġej:

    Kaxxa tal-ittri elettronika funzjonali: AGRI-CONTACT-EBACCHUS@ec.europa.eu”


    Top