Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011D0362

    2011/362/Euratom: Deċiżjoni tal-Kunsill tas- 17 ta’ Ġunju 2011 dwar estensjoni tal-istatus ta’ Intrapriża Konġunta ta’ Hochtemperatur-Kernkraftwerk GmbH (HKG)

    ĠU L 163, 23.6.2011, p. 24–25 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2011/362/oj

    23.6.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 163/24


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    tas-17 ta’ Ġunju 2011

    dwar estensjoni tal-istatus ta’ Intrapriża Konġunta ta’ Hochtemperatur-Kernkraftwerk GmbH (HKG)

    (2011/362/Euratom)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 49 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Bid-Deċiżjoni 74/295/Euratom (1), il-Kunsill stabbilixxa lil Hochtemperatur-Kernkraftwerk GmbH (“HKG”) bħala intrapriża konġunta għal perjodu ta’ 25 sena mill-1 ta’ Jannar 1974.

    (2)

    L-għanijiet ta’ HKG kienu li tibni, tgħammar u topera impjant tal-enerġija nukleari b’kapaċità ta’ madwar 300 MWe f’Uentrop (id-distrett ta’ Unna) fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

    (3)

    Wara li ħadem mill-1987 sal-1988, l-impjant tal-enerġija nukleari fl-aħħar ingħalaq fl-1 ta’ Settembru 1989 minħabba diffikultajiet tekniċi u ekonomiċi.

    (4)

    Mill-1 ta’ Settembru 1989, l-għanijiet ta’ HKG kienu li timplimenta programm għad-dekummissjonar tal-impjant tal-enerġija nukleari sal-istadju taż-żona magħluqa sikura u, sussegwentement, li twettaq programm għas-sorveljanza tal-installazzjonijiet nukleari mdawrin biż-żona magħluqa.

    (5)

    Fid-Deċiżjoni 92/547/Euratom tiegħu tas-16 ta’ Novembru 1992 li estendiet l-istatus ta’ “Kernkraftwerk Lingen GmbH” bħala intrapriża konġunta (2), il-Kunsill irrikonoxxa li ma kien hemm l-ebda proġett ekwivalenti għal dawn il-programmi fil-Komunità, li l-implimentazzjoni tagħhom kienet importanti u li huma kienu qed jipprovdu esperjenza utli għall-industrija nukleari u għall-iżvilupp futur tal-enerġija nukleari fil-Komunità.

    (6)

    Sabiex tilħaq l-għan tagħha, HKG talbet l-estensjoni għall-istatus ta’ Intrapriża Konġunta tagħha b’effett mill-1 ta’ Jannar 1999.

    (7)

    Bid-Deċiżjoni 2002/355/Euratom (3), il-Kunsill estenda l-istatus ta’ HKG bħala intrapriża konġunta sal-31 ta’ Diċembru 2009 sabiex HKG tkun tista’ tikkompleta l-programmi ta’ dekummissjonar u ta’ sorveljanza tagħha, b’mod partikolari bit-tħaffif tal-piż finanzjarju.

    (8)

    Il-perjodu ta’ estensjoni kien jikkorrispondi għat-tul tal-arranġamenti konklużi bejn ir-Repubblika Federali Ġermaniża, il-Land tan-North Rhine-Westphalia, HKG u l-membri tagħha għall-finanzjament tal-attivitajiet ta’ HKG.

    (9)

    B’ittra tas-26 ta’ April 2010, HKG talbet għal estensjoni oħra għall-istatus ta’ Intrapriża Konġunta għal 25 sena oħra sabiex tilħaq l-objettivi tagħha.

    (10)

    Permezz tal-estensjoni tal-istatus ta’ Intrapriża Konġunta tagħha, HKG għandha tkun tista’ tikkompleta l-programmi ta’ dekummissjonar u ta’ sorveljanza tagħha, b’mod partikolari bit-tħaffif tal-piż finanzjarju.

    (11)

    L-arranġamenti konklużi bejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-Land tan-North Rhine-Westphalia, HKG u l-membri tagħha għall-finanzjament tal-attivitajiet ta’ HKG japplikaw biss għal perjodu sal-31 ta’ Diċembru 2017.

    (12)

    Għaldaqstant l-istatus ta’ Intrapriża Konġunta ta’ HKG għandu jiġi estiż għall-istess perjodu,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    1.   L-istatus ta’ Intrapriża Konġunta, fit-tifsira tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, mogħti lil Hochtemperatur-Kernkraftwerk GmbH (HKG) b’dan qed jiġi estiż għal tmien snin b’effett mill-1 ta’ Jannar 2010.

    2.   L-għanijiet ta’ HKG għandhom ikunu li timplimenta programm għad-dekummissjonar tal-impjant tal-enerġija nukleari li jinsab f’Uentrop (id-distrett ta’ Unna) fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, sal-fażi taż-żona magħluqa sikura u, sussegwentement, li twettaq programm għas-sorveljanza tal-installazzjonijiet nukleari mdawrin biż-żona magħluqa.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri u lil HKG.

    Magħmul fil-Lussemburgu, is-17 ta’ Ġunju 2011.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    CZOMBA S.


    (1)  ĠU L 165, 20.6.1974, p. 7.

    (2)  ĠU L 352, 2.12.1992, p. 9.

    (3)  ĠU L 123, 9.5.2002, p. 53.


    Top