Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008R1019

    Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1019/2008 tas- 17 ta’ Ottubru 2008 li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-iġjene tal-oġġetti tal-ikel Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 277, 18.10.2008, p. 7–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/1019/oj

    18.10.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 277/7


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1019/2008

    tas-17 ta’ Ottubru 2008

    li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-iġjene tal-oġġetti tal-ikel

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar l-iġjene tal-prodotti tal-ikel (1), u partikolarment l-Artikoli 13(1) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (KE) Nru 852/2004 jfassal ir-regoli ġenerali għall-operaturi tan-negozju tal-ikel dwar l-iġjene tal-oġġetti tal-ikel. Operaturi tan-negozju tal-ikel involuti fi kwalunkwe stadju tal-produzzjoni, l-ipproċessar u d-distribuzzjoni tal-ikel wara l-ewwel stadju ta’ produzzjoni għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ iġjene ġenerali stipulati fl-Anness II ta’ dak ir-Regolament.

    (2)

    Fir-rigward tal-forniment tal-ilma, il-Kapitolu VII ta’ dak l-Anness jistipula li għandu jintuża ilma tajjeb għax-xorb, kull fejn ikun hemm bżonn, biex jiġi żgurat li l-oġġetti tal-ikel ma jiġux kontaminati u li jista’ jintuża ilma nadif ma’ prodotti tas-sajd sħaħ. Huwa jistipula wkoll li ilma baħar nadif jista’ jintuża ma’ molluski bivalvi, ekinodermi, tunikati u gastropodi tal-baħar ħajjin u li jista’ jintuża ilma nadif għall-ħasil minn barra tagħhom.

    (3)

    L-użu ta’ ilma nadif ma’ prodotti tas-sajd sħaħ u għall-ħasil minn barra ta’ molluski bivalvi, ekinodermi, tunikati u gastropodi tal-baħar ħajjin ma jirrappreżentax riskju għas-saħħa pubblika sakemm ikunu ġew żviluppati u ddaħħlu fis-seħħ proċeduri ta’ kontroll ibbażati, partikolarment, fuq il-prinċipji tal-Analiżi tar-Riskju u l-Punt ta’ Kontroll Kritiku (HACCP) mill-operaturi tan-negozju tal-ikel biex jiġi żgurat li dan ma jkunx għajn ta’ kontaminazzjoni.

    (4)

    Ir-Regolament (KE) Nru 852/2004 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

    (5)

    Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti għall-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Fil-Kapitolu VII tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 852/2004, il-punt 1(b) jinbidel b’dan li ġej:

    “(b)

    Ilma nadif jista’ jintuża ma’ prodotti tas-sajd sħaħ.

    Ilma baħar nadif jista’ jintuża ma’ molluski bivalvi, ekinodermi, tunikati u gastropodi tal-baħar ħajjin; ilma nadif jista’ jintuża wkoll għal ħasil minn barra.

    Meta jintuża ilma nadif, iridu jkunu disponibbli faċilitajiet u proċeduri adegwati għall-forniment tiegħu biex jiġi żgurat li użu ta’ dan it-tip ma jkunx għajn ta’ kontaminazzjoni għall-oġġetti tal-ikel.”

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għaxar jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, 17 ta’ Ottubru 2008.

    Għall-Kummissjoni

    Androulla VASSILIOU

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 139, 30.4.2004 p. 1.


    Top