EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007R0532

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 532/2007 tal- 14 ta’ Mejju 2007 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1282/2006 li jistipula regoli dettaljati speċjali għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1255/1999 fir-rigward tal-liċenzji ta' l-esportazzjoni u r-rifużjonijiet ta' l-esportazzjoni għall-ħalib u għall-prodotti tal-ħalib u r–Regolament (KEE) Nru 3846/87 li jistabbilixxi nomenklatura ta’ prodotti agrikoli għal rifużjonijiet ta' l-esportazzjoni

ĠU L 125, 15.5.2007, p. 7–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2007/532/oj

15.5.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 125/7


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 532/2007

tal-14 ta’ Mejju 2007

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1282/2006 li jistipula regoli dettaljati speċjali għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1255/1999 fir-rigward tal-liċenzji ta' l-esportazzjoni u r-rifużjonijiet ta' l-esportazzjoni għall-ħalib u għall-prodotti tal-ħalib u r–Regolament (KEE) Nru 3846/87 li jistabbilixxi nomenklatura ta’ prodotti agrikoli għal rifużjonijiet ta' l-esportazzjoni

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1255/1999 tas-17 ta' Mejju 1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq fil-ħalib u fil-prodotti tal-ħalib (1), u partikolarment l-Artikolu 31(14) tiegħu,

Billi:

(1)

Sabiex ma jinqabżux il-kwantitajiet massimi li għandhom jiġu esportati b'rifużjoni ta' l-esportazzjoni stabbilita bil-Ftehim dwar l-Agrikoltura konkluż matul il-Laqgħa tan-Negozjati Multilaterali tal-Kummerċ li saret fl-Urugwaj (2), it-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 16(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1282/2006 (3) jipprevedi li l-ebda rifużjoni m'għandha tingħata fuq il-komponent taz-zokkor fil-prodotti tal-ħalib li fihom iz-zokkor miżjud magħhom meta r-rifużjoni fuq il-parti tal-ħalib f'dawk il-prodotti hija xejn (żero) jew mhix fissa. Fejn kien hemm riskju ġenwin li dawk il-kwantitajiet massimi jistgħu jinqabżu fiż-żmien ta' l-introduzzjoni tad-dispożizzjoni, tali riskju m'għadux jeżisti.

(2)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 61/2007 tal-25 ta' Jannar 2007 li jiffissa r-rifużjonijiet ta' l-esportazzjoni għall-ħalib u għall-prodotti tal-ħalib (4) neħħa rifużjonijiet fuq it-trab tal-ħalib sħiħ u fuq il-ħalib ikkondensat, b'hekk wassal għall-applikazzjoni tat-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 16(3) tar-Regolament (KE) Nru 1282/2006. It-tneħħija tar-rifużjonijiet kemm għall-komponenti tal-ħalib kif ukoll għal dawk taz-zokkor tista' tirriżulta f'telf ta' ishma tas-suq sostanzjali għall-prodotti tal-ħalib li fihom zokkor miżjud. Għalhekk ikun xieraq li r-rifużjonijiet ta' l-esportazzjonijiet jerġgħu jiġu introdotti għall-komponent taz-zokkor tal-prodotti tal-ħalib li fihom zokkor miżjud.

(3)

It-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 24(1) tar-Regolament (KE) Nru 1282/2006 jipprevedi għall-esportazzjoni ta' ġobon lejn l-Istati Uniti ta' l-Amerika skond il-kwoti msemmija fl-Artikolu 23 ta' dak ir-Regolament, li fit-taqsima 16 tal-liċenzji ta' l-esportazzjoni għandu jidher il-kodiċi tal-prodott ta' tmien ċifri tan-Nomenklatura Magħquda. L-esperjenza wriet li wara li jinħarġu l-liċenzji ta' l-esportazzjoni, l-impurtaturi ta' l-Istati Uniti jistgħu jitolbu l-provvista ta' tip ieħor ta' ġobon ta' l-istess grupp ta' prodotti. Sabiex tali flessibbiltà tkun possibbli, huwa xieraq li l-Artikolu 24(1) tar-Regolament (KE) Nru 1282/2006 jiġi aġġustat skond dan.

(4)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 522/2006 tat-30 ta' Marzu 2006 li jiffissa r-rifużjonijiet għall-ħalib u għall-prodotti tal-ħalib (5) jipprevedi li mill-31 ta' Marzu 2006 r-rifużjonijiet ta' l-esportazzjoni jiġu stabbiliti f'euro kull 100 kg. Il-kliem ta' l-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 1282/2006 u s-Settur 9 ta' l-Anness I tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3846/87 (6) għandu jiġi aġġustat skond dan.

(5)

Ir-Regolamenti (KEE) Nru 3846/87 u (KE) Nru 1282/2006 għandhom jiġu emendati kif meħtieġ.

(6)

Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Ħalib u l-Prodotti tal-Ħalib,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 1282/2006 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 16 huwa emendat kif ġej:

(a)

paragrafu 2 jinbidel b'dan li ġej:

“2.   Il-komponent imsemmi fil-paragrafu 1(a) għandu jiġi kkalkulat billi l-ammont fiss tar-rifużjoni jiġi mmultiplikat bil-perċentwal ta' kontenut ta' prodott tal-ħalib fil-prodott sħiħ.”;

(b)

fil-paragrafu 3, it-tieni subparagrafu hu mħassar.

(2)

Fit-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 24(1), tiżdied is-sentenza li ġejja:

“Madankollu l-liċenzji huma validi wkoll għal kwalunkwe kodiċi ieħor li jaqa' taħt il-kodiċi NM 0406.”

Artikolu 2

Fis-Settur 9 ta' l-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 3846/87, l-ewwel sentenza tal-punti a) tan-noti (4) u (14) f'qiegħ il-paġna jinbidlu b'dan li ġej:

“l-ammont għal kull 100 kg li jidher, immultiplikat bil-perċentwal tal-kontenut lattiku fil-100 kg tal-prodott.”

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Punt 2 ta' l-Artikolu 1 għandu japplika għal-liċenzji ta' l-esportazzjoni maħruġa għas-sena tal-kwoti 2007 u ta' wara.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 14 ta’ Mejju 2007.

Għall-Kummissjoni

Mariann FISCHER BOEL

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 160, 26.6.1999, p. 48. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1913/2005 (ĠU L 307, 25.11.2005, p. 2).

(2)  ĠU L 336, 23.12.1994, p. 22.

(3)  ĠU L 234, 29.8.2006, p. 4. Ir-Regolament kif emendat mir-Regolament (KE) Nru 1919/2006 (ĠU L 380, 28.12.2006, p. 1)

(4)  ĠU L 19, 26.1.2007, p. 8.

(5)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 45.

(6)  ĠU L 366, 24.12.1987, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1854/2006 (ĠU L 361, 19.12.2006, p. 1).


Top