Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32004D0927

    Deċiżjoni tal-Kunsill tat- 22 ta' Diċembru 2004 li tipprovdi sabiex ċerti oqsma koperti mit-Titolu IV tal-Parti Tlieta tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea li għandhom jiġu rregolati mill-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 ta' dak it-Trattat

    ĠU L 396, 31.12.2004, p. 45–46 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
    ĠU L 153M, 7.6.2006, p. 485–486 (MT)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO, HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2004/927/oj

    7.6.2006   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    485


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    tat-22 ta' Diċembru 2004

    li tipprovdi sabiex ċerti oqsma koperti mit-Titolu IV tal-Parti Tlieta tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea li għandhom jiġu rregolati mill-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 ta' dak it-Trattat

    (2004/927/KE)

    IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari t-tieni inċiż ta' l-Artikolu 67(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,

    Billi:

    (1)

    Taħt it-Trattat ta' Amsterdam il-Komunità Ewropea kisbet is-setgħa li tadotta miżuri fil-qasam ta' viżi, asil, immigrazzjoni u linji politiċi oħra relatati mal-moviment liberu ta' persuni, kif stabbilit fit-Titolu IV tal-Parti Tlieta tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “it-Trattat”.

    (2)

    Taħt l-Artikolu 67 tat-Trattat, kif introdott bit-Trattat ta' Amsterdam, bosta mill-miżuri kellhom jiġu adottati mill-Kunsill li jaġixxi b'mod unanimu wara li jikkonsulta lill-Parlament Ewropew.

    (3)

    Taħt it-tieni inċiż tal-paragrafu 2, ta' l-istess Artikolu 67, il-Kunsill, li jaġixxi b'mod unanimu wara li jikkonsulta lill-Parlament Ewropew, għandu jieħu deċiżjoni, wara perijodu transitorju ta' ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Amsterdam, bil-ħsieb li jipprovdi sabiex il-partijiet kollha jew xi partijiet mill-oqsma koperti mit-Titolu IV tat-Trattat jiġu rregolati mill-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 tiegħu.

    (4)

    Skond l-Artikolu 67(5) tat-Trattat li kien miżjud mit-Trattat ta' Nizza l-Kunsill għandu, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251, jadotta l-miżuri relatati ma' l-asil previsti fl-Artikolu 63(1)(2)(a) sakemm il-Kunsill, b'mod unanimu u wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew, ikun adotta leġislazzjoni Komunitarja li tiddefinixxi r-regoli komuni u l-prinċipji bażiċi li jirregolaw dawn il-kwistjonijiet, kif ukoll il-miżuri dwar koperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet ċivili previsti fl-Artikolu 65 bl-eċċezzjoni ta' aspetti relatati mal-liġi tal-familja; dawk id-disposizzjonijiet mhumiex affettwati minn din id-Deċiżjoni.

    (5)

    Barra minn hekk, skond il-Protokoll dwar l-Artikolu 67 tat-Trattat, anness ma' dak it-Trattat mit-Trattat ta' Nizza li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, mill-1 ta' Mejju 2004 il-Kunsill għandu jaġixxi permezz ta' maġġoranza kwalifikata, fuq proposta mill-Kummissjoni u wara li jikkonsulta lill-Parlament Ewropew, meta jkun qed jadotta l-miżuri msemmija fl-Artikolu 66 tat-Trattat; dak il-Protokoll mhux affettwat minn din id-Deċiżjoni.

    (6)

    Minbarra dik li ssegwi t-Trattat ta' Nizza, meta kien qed japprova “il-Programm ta' l-Aja”: “Tisħiħ tal-Libertà, is-Sigurtà u l-Ġustizzja fl-Unjoni Ewropea” fil-laqgħa tiegħu ta' l-4 u l-5 ta' Novembru 2004 il-Kunsill Ewropew staqsa lill-Kunsill biex jadotta deċiżjoni bbażata fuq l-Artikolu 67(2) tat-Trattat sa mhux aktar tard mill-1 ta' April 2005 li tgħid li l-Kunsill hu meħtieġ jaġixxi skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 meta jadotta, b'konfomità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirrelata ma' l-għażla ta' bażi legali għal atti Komunitarji, il-miżuri msemmija fl-Artikolu 62(1), (2)(a) u (3) u l-Artikolu 63(2)(b) u 3(b) tat-Trattat.

    (7)

    Madankollu, il-Kunsill Ewropew kien tal-fehma li, sakemm jidħol fis-seħħ it-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa, il-Kunsill għandu jkompli jaġixxi b'mod unanimu wara li jikkonsulta lill-Parlament Ewropew meta jadotta miżuri fil-qasam tal-migrazzjoni legali ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi għal u bejn l-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 63(3)(a) u (4) tat-Trattat.

    (8)

    It-transizzjoni għal proċeduri ta' ko-deċiżjoni għall-adozzjoni ta' miżuri msemmija fl-Artikolu 62(1) tat-Trattat hi mingħajr preġudizzju għal ħtieġa li l-Kunsill li jaġixxi b'mod unanimu meta jieħu d-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 3(2) ta' l-Att ta' Adeżjoni ta' l-2003, l-Artikolu 15(1) tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera ma' l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni, u l-iżvilupp ta' l-acquis ta' Schengen (1), l-Artikolu 4 tal-Protokoll anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea dwar l-integrazzjoni ta' l-acquis ta' Schengen fil-qafas ta' l-Unjoni Ewropea u kwalunkwe trattat ta' adeżjoni futur.

    (9)

    It-transizzjoni għal proċeduri ta' ko-deċiżjoni għall-adozzjoni ta' miżuri msemmija fl-Artikolu 62(2)(a) tat-Trattat hi mingħajr preġudizzju għall-kompetenza ta' l-Istati Membri li tirrigwarda d-demarkazzjoni ġeografika tal-fruntieri tagħhom, skond il-liġi internazzjonali.

    (10)

    Miżuri ta' inċentivi għas-sostenn ta' l-azzjoni ta' l-Istati Membri li tirrigwarda l-integrazzjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jirresjedu legalment fit-territorji tagħhom tista' tiġi adottata mill-Kunsill li jaġixxi skond il-bażi legali xierqa prevista fit-Trattat.

    (11)

    Bħala konsegwenza tat-transizzjoni għal proċeduri ta' ko-deċiżjoni għall-adozzjoni ta' miżuri msemmija fl-Artikoli 62(2) u (3) tat-Trattat, ir-Regolamenti li jirriservaw għall-Kunsill setgħat ta' implimentazzjoni fir-rigward ta' ċerti disposizzjonijiet dettaljati u proċeduri prattiċi għall-eżaminazzjoni ta' applikazzjonijiet ta' visi u għat-twettiq ta' kontrolli u sorveljanza fil-fruntieri għandhom jiġu emendati sabiex jeħtieġu li l-Kunsill jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata f'dawk il-każijiet.

    (12)

    Skond l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-posizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka ma tieħux sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni, u mhix marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

    (13)

    Skond l-Artikolu 3 tal-Protokoll dwar il-posizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, dawk l-Istati Membri nnotifikaw ix-xewqa tagħhom li jieħdu sehem fl-adozzjoni u fl-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni,

    IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    1.   Sa mill-1 ta' Jannar 2005 il-Kunsill għandu jaġixxi skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat meta jkun qed jadotta miżuri msemmija fl-Artikolu 62(1), (2)(a) u (3) tat-Trattat.

    2.   Sa mill-1 ta' Jannar 2005 il-Kunsill għandu jaġixxi skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat meta jkun qed jadotta miżuri msemmija fl-Artikolu 63(2)(b) u (3)(b) tat-Trattat.

    Artikolu 2

    L-Artikolu 251 tat-Trattat għandu japplika għal opinjonijiet tal-Parlament Ewropew miksuba mill-Kunsill qabel l-1 ta' Jannar 2005 li jirrigwardaw proposti għal miżuri li fir-rigward tagħhom il-Kunsill għandu jaġixxi, skond din id-Deċiżjoni, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat.

    Artikolu 3

    1.   Fl-Artikolu 1(1) u (2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 789/2001 ta' l-24 ta' April 2001 li jirriserva lill-Kunsill il-poteri ta' implimentazzjoni rigward ċerti disposizzjonijiet dettaljati u proċeduri prattiċi sabiex jiġu eżaminati l-applikazzjonijiet għall-viżi (2), il-kliem “waqt li jaġixxi b'mod unanimu” għandhom jiġu sostitwiti bi “waqt li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata” b'effett mill-1 ta' Jannar 2005.

    2.   Fl-Artikolu 1(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 790/2001 ta' l-24 ta' April 2001 li jirriserva lill-Kunsill il-poteri ta' l-implimentazzjoni rigward ċerti disposizzjonijiet dettaljati u proċeduri prattiċi sabiex jitwettqu l-kontrolli u s-sorveljanza fuq il-fruntieri (3), il-kliem “waqt li jaġixxi b'mod unanimu” għandhom jiġu sostitwiti bi “waqt li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata” b'effett mill-1 ta' Jannar 2005.

    Magħmula fi Brussell, nhar it-22 ta' Diċembru 2004.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    C. VEERMAN


    (1)  Dok tal-Kunsill aċċessibbli minn: http://register.consilium.eu.int

    (2)  ĠU L 116 tas-26 ta' April 2001, p. 2.

    (3)  ĠU L 116 tas-26 ta' April 2001, p. 5.


    Top