Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022TN0625

    Kawża T-625/22: Rikors ippreżentat fis-7 ta’ Ottubru 2022 – L-Awstrija vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 24, 23.1.2023, p. 43–45 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    23.1.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 24/43


    Rikors ippreżentat fis-7 ta’ Ottubru 2022 – L-Awstrija vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-625/22)

    (2023/C 24/59)

    Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

    Partijiet

    Rikorrent: Ir-Repubblika tal-Awstrija (rappreżentanti: A. Posch, M. Klamert u F. Koppensteiner, kif ukoll S. Lünenbürger, K. Reiter u M. Kottmannn, avukati)

    Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet

    Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tannulla r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/1214 tad-9 ta’ Marzu 2022 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2021/2139 fir-rigward tal-attivitajiet ekonomiċi f’ċerti setturi tal-enerġija u r-Regolament Delegat (UE) 2021/2178 fir-rigward ta’ divulgazzjonijiet pubbliċi speċifiċi għal dawn l-attivitajiet ekonomiċi, kif ippubblikat f’Il- Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tal-15 ta’ Lulju 2022, L 188, p. 1 sa 45;

    tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż tal-kawża.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka sittax-il motiv. L-ewwel tmien motivi jikkonċernaw l-enerġija nukleari filwaqt li t-tmien motivi l-oħra jikkonċernaw il-gass fossili.

    Motivi li jikkonċernaw l-enerġija nukleari

    1.

    L-ewwel motiv: bl-adozzjoni tar-Regolament Delegat ikkontestat, il-Kummissjoni kisret il-prinċipji u d-dispożizzjonijiet legali li joħorġu mir-Regolament (UE) 2020/852 (1) u mill-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet. L-evalwazzjoni tal-impatt u l-konsultazzjoni pubblika ma twettqux minkejja li kienu meħtieġa. Il-gruppi ta’ esperti tal-Istati Membri u l-pjattaforma kienu involuti biss b’mod insuffiċjenti. Barra minn hekk, l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tar-Regolament Delegat ikkontestat mal-għanijiet [tar-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 401/2009 u (UE) 2018/1999 (“il-Liġi Ewropea dwar il-Klima”)], prevista fl-Artikolu 6(4) tal-Liġi Ewropea dwar il-Klima, ma twettqitx.

    2.

    It-tieni motiv: ir-Regolament Delegat ikkontestat jikser l-Artikolu 10(2) tar-Regolament (UE) 2020/852. Qabelxejn, id-dispożizzjoni tapplika biss għal attivitajiet ta’ tranżizzjoni b’livell għoli ta’ dijossidu tal-karbonju u għalhekk ma tkoprix l-enerġija nukleari li għandha livell baxx ta’ dijossidu tal-karbonju. Fi kwalunkwe każ, l-enerġija nukleari ma tissodisfax ir-rekwiżiti speċifiċi previsti fl-Artikolu 10(2) tar-Regolament (UE) 2020/852. Minn tal-inqas, ir-Regolament Delegat ikkontestat huwa vvizzjat b’nuqqas ta’ evalwazzjoni u b’motivazzjoni insuffiċjenti. Huwa b’hekk jikser ukoll l-Artikolu 19(1)(f) u (g) tar-Regolament (UE) 2020/852 u l-prinċipju ta’ prekawzjoni previst fid-dritt primarju.

    3.

    It-tielet motiv: il-klassifikazzjoni tal-enerġija nukleari bħala enerġija ambjentalment sostenibbli tmur kontra l-kriterju ta’ “ma tagħmilx ħsara sinjifikattiva” (magħruf bħala l-“kriterju DNSH”) fis-sens tal-Artikolu 17 u tal-Artikolu 19(1)(f) u (g) tar-Regolament (UE) 2020/852 kif ukoll kontra l-prinċipju ta’ prekawzjoni previst fid-dritt primarju. Il-Kummissjoni tonqos milli tilħaq il-livell ta’ protezzjoni u l-livell ta’ prova meħtieġa mir-Regolament (UE) 2020/852. Hija tonqos milli tieħu inkunsiderazzjoni r-riskji ta’ ħsara sinjifikattiva għal diversi għanijiet ambjentali protetti minħabba inċidenti serji marbuta ma’ reatturi u minħabba skart b’livell għoli ta’ radjoattività. Barra minn hekk, lanqas ma tista’ tiġi eskluża b’ċertezza ħsara sinjifikattiva għall-għan ambjentali tal-adattament għat-tibdil fil-klima. Hemm ukoll ksur tar-rekwiżit li titwettaq analiżi taċ-ċiklu tal-ħajja. B’hekk, minn tal-inqas, ir-Regolament Delegat ikkontestat huwa vvizzjat b’nuqqas ta’ evalwazzjoni u b’motivazzjoni insuffiċjenti.

    4.

    Ir-raba’ motiv: il-kriterji ta’ evalwazzjoni teknika previsti fir-Regolament Delegat ikkontestat ma jippermettux li tiġi eskluża ħsara sinjifikattiva għall-għanijiet ambjentali. Il-kriterji ta’ evalwazzjoni teknika jmorru kontra l-kriterju DNSH previst fl-Artikolu 17 kif ukoll fl-Artikolu 19(1)(f) tar-Regolament (UE) 2020/852 u kontra l-prinċipju ta’ prekawzjoni previst fid-dritt primarju. Barra minn hekk, ma ġewx osservati l-livell ta’ protezzjoni u r-rekwiżiti f’termini ta’ prova, u dan mhux biss fir-rigward ta’ inċidenti serji marbuta ma’ reatturi u fir-rigward tal-iskart b’livell għoli ta’ radjoattività iżda wkoll fir-rigward tal-operat normali. Ma tistax tiġi eskluża b’ċertezza ħsara sinjifikattiva għall-għan ambjentali tal-adattament għat-tibdil fil-klima. Il-kriterji ta’ evalwazzjoni teknika previsti fl-Anness II tar-Regolament Delegat ikkontestat huma inqas eżiġenti minn dawk previsti fl-Anness I, mingħajr ma ngħatat ġustifikazzjoni għal dan. B’hekk, fir-rigward tal-kriterji ta’ evalwazzjoni teknika, ir-Regolament Delegat ikkontestat huwa vvizzjat, minn tal-inqas, b’nuqqas ta’ evalwazzjoni u b’motivazzjoni insuffiċjenti.

    5.

    Il-ħames motiv: sa fejn jikklassifika l-enerġija nukleari bħala li tipprovdi kontribut sinjifikattiv għall-adattament għat-tibdil fil-klima, ir-Regolament Delegat ikkontestat jikser l-Artikolu 11 u l-Artikolu 19(1)(f) tar-Regolament (UE) 2020/852 kif ukoll il-prinċipju ta’ prekawzjoni.

    6.

    Is-sitt motiv: ir-Regolament Delegat ikkontestat jikser l-Artikolu 19(1)(k) tar-Regolament (UE) 2020/852. Il-kriterji ta’ evalwazzjoni teknika ma jissodisfawx ir-rekwiżit ta’ applikabbiltà u ta’ verifikabbiltà faċli.

    7.

    Is-seba’ motiv: ir-Regolament Delegat ikkontestat jikser, minħabba l-frammentazzjoni tas-suq ikkawżata mill-klassifikazzjoni tal-enerġija nukleari bħala enerġija ambjentalment sostenibbli, l-għan tar-Regolament (UE) 2020/852 u r-rekwiżit li jitħares l-effett utli tiegħu.

    8.

    It-tmien motiv: l-interpretazzjoni tar-Regolament (UE) 2020/852 li fuqha huwa bbażat ir-Regolament Delegat ikkontestat, fis-sens li l-leġiżlatur tal-Unjoni ħalla l-kwistjoni miftuħa u għadda r-responsabbiltà lill-Kummissjoni, tmur kontra l-kundizzjoni ta’ materjalità prevista fl-Artikolu 290 TFUE. Dan jeħtieġ li jkun il-leġiżlatur tal-Unjoni stess li jiddeċiedi dwar il-klassifikazzjoni tal-enerġija nukleari. Issa, il-leġiżlatur tal-Unjoni diġà ħa tali deċiżjoni u eskluda l-klassifikazzjoni tal-enerġija nukleari bħala ambjentalment sostenibbli.

    Motivi li jikkonċernaw il-gass fossili

    9.

    L-ewwel motiv: fir-rigward tal-attivitajiet ekonomiċi li jikkonċernaw il-gass fossili, bl-adozzjoni tar-Regolament Delegat ikkontestat il-Kummissjoni kisret il-prinċipji u d-dispożizzjonijiet legali li joħorġu mir-Regolament (UE) 2020/852 u mill-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet. L-argumenti magħmula fir-rigward tal-enerġija nukleari japplikaw mutatis mutandis.

    10.

    It-tieni motiv: ir-Regolament Delegat ikkontestat jikser l-Artikolu 10(2) u l-Artikolu 19(1)(f) u (g) tar-Regolament (UE) 2020/852 kif ukoll il-prinċipju ta’ prekawzjoni previst fid-dritt prinċipali minn tal-inqas sa fejn jipprevedi, fir-rigward ta’ attivitajiet marbuta mal-gass fossili, livelli minimi ta’ 270g ta’ ekwivalenti ta’ dijossidu tal-karbonju għal kull kilowatt fis-siegħa u ta’ 550kg ta’ ekwivalenti ta’ dijossidu tal-karbonju għal kull kilowatt fis-siegħa għal kull sena fuq perijodu ta’ 20 sena. Ir-Regolament Delegat ikkontestat huwa bbażat fuq rilassament illegali tal-kundizzjoni li għall-attivitajiet ta’ tranżizzjoni ma jkun hemm ebda alternattiva teknoloġikament u ekonomikament vijabbli fis-sens tal-Artikolu 10(2) tar-Regolament (UE) 2020/852. B’hekk, il-livelli minimi ma humiex konformi mal-għan ta’ 1,5 oC tal-Ftehim ta’ Pariġi dwar il-protezzjoni tal-klima u mal-għanijiet tal-Unjoni dwar il-klima. Peress li l-livelli minimi huma marbuta biss mal-emissjonijiet diretti ta’ gassijiet serra, hemm ukoll ksur tar-rekwiżit li titwettaq analiżi taċ-ċiklu tal-ħajja. Il-livelli minimi huma inferjuri għall-aħjar prattiki tas-settur jew tal-industrija u b’hekk jostakolaw l-iżvilupp ta’ alternattivi li jipproduċu inqas dijossidu tal-karbonju u jwasslu għal effett “lock-in” inammissibbli. Minn tal-inqas, ir-Regolament Delegat ikkontestat huwa b’hekk ivvizzjat b’nuqqas ta’ evalwazzjoni u b’motivazzjoni insuffiċjenti.

    11.

    It-tielet motiv: l-inklużjoni tal-valuri limitu ta’ 270g u ta’ 550kg fir-Regolament Delegat ikkontestat tikser ir-rekwiżit fundamentali ta’ newtralità teknoloġika previst fl-Artikolu 19(1)(a) u (j) tar-Regolament (UE) 2020/852 kif ukoll il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni.

    12.

    Ir-raba’ motiv: ir-Regolament Delegat ikkontestat imur kontra l-kriterju ta’ DNSH previst fl-Artikolu 17 u fl-Artikolu 19(1)(f) u (g) tar-Regolament (UE) 2020/852 kif ukoll il-prinċipju ta’ prekawzjoni previst fid-dritt primarju. Permezz tal-valuri limitu ta’ 270g u ta’ 550kg, huwa mhux talli jonqos milli jagħmel kontribut sinjifikattiv għall-protezzjoni tal-klima, iżda jwassal għal iktar tibdil fil-klima.

    13.

    Il-ħames motiv: sa fejn jikklassifika l-gass fossili bħala li jipprovdi kontribut sinjifikattiv għall-adattament għat-tibdil fil-klima, ir-Regolament Delegat ikkontestat jikser l-Artikolu 11 u l-Artikolu 19(1)(f) tar-Regolament (UE) 2020/852 kif ukoll il-prinċipju ta’ prekawzjoni.

    14.

    Is-sitt motiv: ir-Regolament Delegat ikkontestat jikser l-Artikolu 19(1)(i) tar-Regolament (UE) 2020/852. Fid-dawl tal-pressjoni ekonomika dejjem tikber fuq il-gass fossili bħala sors ta’ enerġija, l-inklużjoni tiegħu fil-klassifikazzjoni timplika, minn tal-inqas, riskju sinjifikattiv li jinħolqu assi mingħajr ebda valur.

    15.

    Is-seba’ motiv: ir-Regolament Delegat ikkontestat jikser l-Artikolu 19(1)(k) tar-Regolament (UE) 2020/852. Il-kriterji ta’ evalwazzjoni teknika fir-rigward tal-gass fossili ma jissodisfawx ir-rekwiżit ta’ applikabbiltà u ta’ verifikabbiltà faċli.

    16.

    It-tmien motiv: ir-Regolament Delegat ikkontestat jikser, minħabba l-frammentazzjoni tas-suq ikkawżata mill-klassifikazzjoni tal-gass fossili bħala enerġija ambjentalment sostenibbli, l-għan tar-Regolament (UE) 2020/852 u r-rekwiżit li jitħares l-effett utli tiegħu.


    (1)  Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli, u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/2088 (ĠU 2020, L 198, p. 13, rettifika fil-ĠU 2022, L 156, p. 159).


    Top