This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52021AE3918
Opinion of the European Economic and Social Committee on ‘Proposal for a Directive of the European Parliament and of the Council amending Directive 2003/87/EC establishing a system for greenhouse gas emission allowance trading within the Union, Decision (EU) 2015/1814 concerning the establishment and operation of a market stability reserve for the Union greenhouse gas emission trading scheme and Regulation (EU) 2015/757’ (COM(2021) 551 final — 2021/0211 (COD)) ‘Proposal for a Decision of the European Parliament and of the Council amending Decision (EU) 2015/1814 as regards the amount of allowances to be placed in the market stability reserve for the Union greenhouse gas emission trading scheme until 2030’ (COM(2021) 571 final — 2021/0202 (COD))
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/87/KE li tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Unjoni, id-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 dwar l-istabbiliment u l-funzjonament ta’ riżerva tal-istabbiltà tas-suq għall-iskema ta’ negozjar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-Unjoni u r-Regolament (UE) 2015/757” (COM(2021) 551 final — 2021/0211 (COD)) u “Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 fir-rigward tal-ammont ta’ kwoti li għandhom jitqiegħdu fir-riżerva tal-istabbiltà tas-suq għall-iskema tal-Unjoni għan-negozjar ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra sal-2030” (COM(2021) 571 final — 2021/0202 (COD))
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/87/KE li tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Unjoni, id-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 dwar l-istabbiliment u l-funzjonament ta’ riżerva tal-istabbiltà tas-suq għall-iskema ta’ negozjar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-Unjoni u r-Regolament (UE) 2015/757” (COM(2021) 551 final — 2021/0211 (COD)) u “Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 fir-rigward tal-ammont ta’ kwoti li għandhom jitqiegħdu fir-riżerva tal-istabbiltà tas-suq għall-iskema tal-Unjoni għan-negozjar ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra sal-2030” (COM(2021) 571 final — 2021/0202 (COD))
EESC 2021/03918
ĠU C 152, 6.4.2022, p. 175–180
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
6.4.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 152/175 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/87/KE li tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Unjoni, id-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 dwar l-istabbiliment u l-funzjonament ta’ riżerva tal-istabbiltà tas-suq għall-iskema ta’ negozjar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-Unjoni u r-Regolament (UE) 2015/757”
(COM(2021) 551 final — 2021/0211 (COD))
u
“Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 fir-rigward tal-ammont ta’ kwoti li għandhom jitqiegħdu fir-riżerva tal-istabbiltà tas-suq għall-iskema tal-Unjoni għan-negozjar ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra sal-2030”
(COM(2021) 571 final — 2021/0202 (COD))
(2022/C 152/29)
Relatur: |
Stefan BACK |
Konsultazzjoni |
Parlament Ewropew, 13.9.2021 Kunsill, 20.9.2021 |
Bażi legali |
Artikoli 192(1) u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea |
Sezzjoni kompetenti |
Sezzjoni għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent |
Adottata fis-sezzjoni |
25.11.2021 |
Adottata fil-plenarja |
8.12.2021 |
Sessjoni plenarja Nru |
565 |
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
219/3/13 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1. |
Il-KESE jilqa’ l-ambizzjoni li jitħaffef u jiżdied it-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 sabiex tintlaħaq konformità mal-objettivi stabbiliti fil-Liġi Ewropea dwar il-Klima u fil-Patt Ekoloġiku Ewropew u jappoġġja bis-sħiħ l-objettiv ġenerali ta’ tnaqqis ta’ 55 % tas-CO2 sal-2030 u ta’ ekonomija newtrali f’termini ta’ emissjonijiet tal-karbonju sal-2050. |
1.2. |
Il-KESE jappoġġja l-miżuri proposti u għal din ir-raġuni jqis li huwa estremament importanti li l-problemi inerenti fit-tranżizzjoni prevista jiġu indirizzati u solvuti b’mod adegwat. Fil-fehma tagħna, din hija kundizzjoni fundamentali għas-suċċess. |
1.3. |
Għalhekk, huwa importanti li l-effetti potenzjalment negattivi tal-miżuri proposti fuq il-kompetittività tal-industrija Ewropea u l-fornituri tas-servizzi, kemm fis-setturi b’użu intensiv tal-karbonju kif ukoll b’mod ġenerali, jiġu analizzati bir-reqqa u jittieħdu miżuri sabiex jiġu evitati, kemm jista’ jkun, l-effetti negattivi fuq l-ekonomija u l-effetti soċjali negattivi bħall-qgħad, il-faqar enerġetiku jew il-faqar relatat mal-mobbiltà. |
1.4. |
Il-KESE jinnota li r-riżorsi disponibbli għat-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid kif ukoll għas-soluzzjoni tal-effetti soċjali negattivi li jirriżultaw mill-proposta tal-ETS se jiddependu mid-destin tal-proposti li għadhom pendenti quddiem il-koleġiżlaturi, inkluż il-ħolqien ta’ Fond Soċjali għall-Klima. Il-KESE, filwaqt li japprova dawn il-proposti kif inhuma, xorta waħda jistaqsi jekk ir-riżorsi disponibbli humiex se jkunu biżżejjed anke jekk il-proposti ta’ finanzjament jiġu approvati mingħajr emendi sinifikanti. |
1.5. |
Jeħtieġ ukoll li jiġi kkunsidrat il-mod kif il-kwistjonijiet klimatiċi jiġu ttrattati madwar id-dinja u li jiġu evitati d-diverġenzi li jistgħu jqiegħdu lin-negozju Ewropew fi żvantaġġ. Il-KESE, f’dan il-kuntest, jirreferi għall-Opinjoni tiegħu dwar il-mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-karbonju fil-fruntieri (CBAM), fost l-oħrajn. |
1.6. |
Il-pass mgħaġġel u l-livell għoli ta’ ambizzjoni tat-tnaqqis tas-CO2 u d-disponibbiltà mnaqqsa tal-kwoti tal-gassijiet serra se jfissru spejjeż ogħla għas-setturi kollha koperti mis-sistema tal-ETS. Filwaqt li xi setturi se jiġu protetti mis-CBAM (Mekkaniżmu ta’ Aġġustament tal-Karbonju fil-Fruntieri), dan se jinfluwenza b’mod negattiv il-kompetittività fis-suq dinji sakemm għadd sostanzjali ta’ stati ma jsegwux il-pożizzjoni ewlenija tal-UE, li għadha mhux magħrufa. Jistgħu jkunu meħtieġa miżuri ta’ appoġġ għall-esportazzjoni u l-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jinstabu soluzzjonijiet effiċjenti li jkunu kompatibbli mal-qafas tad-WTO, u għal din il-għan il-Kummissjoni Ewropea għandha tieħu azzjoni politika immedjata. Barra minn hekk, il-ftehimiet kummerċjali bilaterali kollha tal-UE jeħtieġ li jiġu modifikati b’mod li jirriflettu dan. |
1.7. |
Il-KESE jistaqsi wkoll jekk il-livell ogħla ta’ spejjeż ipprovokat mill-modifiki tal-ETS jistax ikollu effetti negattivi fuq il-prospetti ta’ rkupru wara l-kriżi tal-COVID-19. |
1.8. |
Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li t-trasport marittimu huwa wieħed mis-setturi fejn it-tnaqqis tas-CO2 huwa partikolarment diffiċli u għali biex isir sal-2030; madankollu, is-settur ħabbar li ser isir newtrali għall-klima sal-2050. Il-Kummissjoni Ewropea għandha teżamina jekk l-inklużjoni ppjanata tat-trasport marittimu tistax twassal għal żieda ġenerali fil-prezz tal-kwoti tal-emissjonijiet b’riperkussjonijiet fuq is-setturi kollha tal-ETS. |
1.9. |
Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon, fil-prinċipju, il-proposta li tiġi estiża l-applikabbiltà tal-ETS għal bastimenti ta’ pajjiżi terzi u għal vjaġġi minn u lejn portijiet ta’ pajjiżi terzi, iżda jiġbed l-attenzjoni għall-ħidma li għaddejja fi ħdan l-OMI (Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali) biex tinstab soluzzjoni globali fir-rigward tal-emissjonijiet tat-trasport marittimu u jħeġġeġ lill-UE taħdem b’mod attiv biex tinstab soluzzjoni fil-qafas tal-OMI. |
1.10. |
Fir-rigward tas-soluzzjoni magħżula għall-estensjoni tal-ETS għall-bini u t-trasport bit-triq fil-forma ta’ sistema parallela bid-distributuri tal-fjuwil bħala suġġetti ta’ skambjar, il-KESE jinnota li l-impatt ewlieni fuq dawk responsabbli għall-bini, għall-operaturi tat-trasport jew għas-sidien tal-karozzi tal-passiġġieri se jkun sinjal tal-prezz, sal-punt li d-distributur tal-fjuwil jippermetti lill-ispejjeż tal-iskambjar jinfluwenzaw il-prezz tal-fjuwil b’effetti konsiderevoli fuq l-unitajiet domestiċi/il-konsumaturi u l-kumpaniji. |
1.11. |
Billi f’dan il-każ l-atturi soġġetti għall-ETS mhumiex l-atturi proprja fis-setturi kkonċernati, jiġifieri, it-trasport bit-triq jew il-ġestjoni tal-bini, iżda d-distributuri tal-fjuwil, il-possibbiltajiet ta’ dawk fis-settur ikkonċernat li jinfluwenzaw is-sitwazzjoni tagħhom huma limitati ħafna u, f’ħafna każijiet, ineżistenti. Dak li jiġi introdott huwa sinjal tal-prezz, b’effetti simili għal, pereżempju, żieda fit-taxxa. Għalhekk, il-valur miżjud tas-soltu tas-sistema tal-ETS huwa fil-biċċa l-kbira nieqes. |
1.12. |
L-effetti tal-estensjoni għat-trasport bit-triq jistgħu jkunu partikolarment b’saħħithom fuq l-unitajiet domestiċi li, għal raġunijiet finanzjarji jew ta’ natura oħra, ma jistgħux jagħżlu vettura elettrika jew ta’ fjuwil alternattiv, jew għal trasport heavy duty, b’mod partikolari fir-rigward tat-trasport fuq distanzi twal, fejn s’issa, ma hija disponibbli l-ebda alternattiva reali għall-fjuwils fossili. |
1.13. |
Fir-rigward tal-estensjoni għat-trasport bit-triq, il-KESE jieħu nota li din il-miżura ġiet deċiża minkejja l-fehmiet xettiċi tas-settur privat, tat-trade unions u tal-NGOs. Dawn il-fehmiet jidhru li ftit li xejn kellhom piż meta mqabbla ma’ dawk ta’ ċittadini privati u l-qasam akkademiku. Peress li l-leġiżlazzjoni hija proċess politiku b’effetti fuq is-soċjetà, il-KESE huwa tal-fehma li, f’tali teħid tad-deċiżjonijiet, huwa kruċjali li jiġu kkunsidrati b’mod wiesa’ l-effetti fuq is-soċjetà, inklużi l-ekonomija u l-impjieg. |
1.14. |
Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li n-navigazzjoni domestika, il-bini u t-trasport bit-triq fil-livell tal-UE ser jibqgħu soġġetti għar-Regolament dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi (ESR) u li r-riżultati tal-ETS f’dawn is-setturi ser jgħoddu għall-isforzi tal-Istati Membri biex jissodisfaw l-obbligi tal-ESR. Is-settur tat-trasport huwa affettwat ukoll mill-istandards tal-emissjonijiet, u s-settur tal-bini huwa affettwat mid-dispożizzjonijiet dwar l-effiċjenza enerġetika, u t-tnejn li huma affettwati wkoll mid-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli. Għalhekk, il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jittrattaw l-interfaċċja bejn is-sistemi b’mod trasparenti u bla xkiel. |
1.15. |
Il-KESE japprova l-proposta li jiġu aġġustati l-volumi u jittejbu l-istabbiltà u l-prevedibbiltà fir-rigward tar-Riżerva tal-Istabbiltà tas-Suq. Bl-istess mod, il-KESE jilqa’ l-ħolqien ta’ Riżerva tal-Istabbiltà tas-Suq inkluż fir-rigward tal-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet għat-trasport bit-triq u l-bini. |
2. Kuntest
2.1. |
Il-Kummissjoni ppreżentat iż-żewġ proposti li ġejjin li jaġġornaw u jestendu s-Sistema għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet.
|
2.2. |
Il-proposti huma parti mill-pakkett “Lesti għall-mira ta’ 55 %”, li huwa maħsub biex jistabbilixxi l-qafas regolatorju ħalli tintlaħaq il-mira stabbilita fil-Liġi dwar il-Klima biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 b’mill-inqas 55 % sal-2030 meta mqabbla mal-1990 b’mod ġust, kosteffiċjenti u kompetittiv. |
2.3. |
Dan l-objettiv għandu jintlaħaq permezz ta’ tlettax-il proposta leġiżlattiva, li jitqiesu bħala interkonnessi u li fihom miżuri ta’ pprezzar, iffissar tal-miri, iffissar tal-istandards u appoġġ. |
2.4. |
Il-proposti inkwistjoni hawnhekk huma dawk maħsuba biex jistabbilixxu sistema aktar b’saħħitha għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet u jestendu l-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet għat-trasport marittimu, bit-triq u għall-bini. Aktar proposti dwar l-ETS fis-settur tal-avjazzjoni qed jiġu indirizzati f’Opinjoni separata. |
2.5. |
Il-proposti jorbtu mal-proposti għal Direttiva aġġornata dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija (1) u l-proposta għal Mekkaniżmu ta’ Aġġustament tal-Karbonju fil-Fruntieri (CBAM) (2). Hemm ukoll rabta mal-proposta għal Regolament li jistabbilixxi Fond Soċjali għall-Klima (3) li huwa maħsub biex jimmitiga l-impatti soċjali negattivi li jirriżultaw mill-proposta tal-ETS. |
2.6. |
Iż-żieda fil-mira għat-tnaqqis tal-emissjonijiet minn 43 % għal 61 % sal-2030 tfisser tnaqqis annwali akbar tal-emissjonijiet mill-perċentwal attwali ta’ 2,2 % għal dak ta’ 4,2 %. Dan għandu jseħħ permezz ta’ tnaqqis fl-għadd ta’ kwoti disponibbli kull sena. Fir-rigward ta’ dawk is-setturi li għandhom jiġu salvagwardjati mill-Mekkaniżmu ta’ Aġġustament tal-Karbonju fil-Fruntieri (CBAM) li ġie propost (siment, elettriku, fertilizzanti, ħadid u azzar u aluminju) mhu se jkun hemm l-ebda kwota bla ħlas wara li l-mekkaniżmu jkun ġie introdott kompletament b’mod gradwali. Dan se jkun ukoll il-każ fir-rigward tal-bini u t-trasport bit-triq fejn ma huwa mistenni l-ebda riskju ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju. |
2.7. |
Fir-rigward tal-estensjoni tas-sistema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet għat-trasport bit-triq u għall-bini, hemm ukoll rabta mal-Proposta għal Regolament aġġornat dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi (4). |
3. Kummenti ġenerali
Il-proposta tal-ETS inġenerali
3.1. |
Il-KESE jilqa’ l-ambizzjoni li jitħaffef u jiżdied it-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 sabiex ikun hemm konformità mal-objettivi stabbiliti fil-Liġi Ewropea dwar il-Klima u fil-Patt Ekoloġiku Ewropew. Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ l-objettiv ġenerali ta’ tnaqqis ta’ 55 % tas-CO2 sal-2030 u ekonomija newtrali għall-karbonju sal-2050. Il-KESE jappoġġja wkoll il-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas. Kif muri wkoll mir-rapport reċenti tal-IPCC, huma meħtieġa miżuri urġenti u b’saħħithom biex jiġi mmitigat it-tibdil fil-klima. |
3.2. |
Għalhekk, huwa importanti li l-effetti potenzjalment negattivi tal-miżuri proposti fuq il-kompetittività tal-industrija Ewropea u l-fornituri tas-servizzi, kemm fis-setturi b’użu intensiv tal-karbonju kif ukoll b’mod ġenerali, jiġu analizzati bir-reqqa u jittieħdu miżuri sabiex jiġu evitati, kemm jista’ jkun, l-effetti negattivi fuq l-ekonomija u l-effetti soċjali negattivi bħall-qgħad, il-faqar enerġetiku jew il-faqar relatat mal-mobbiltà. |
3.3. |
Jeħtieġ ukoll li jiġi kkunsidrat il-mod kif il-kwistjonijiet klimatiċi jiġu ttrattati madwar id-dinja u li jiġu evitati d-diverġenzi li jistgħu jqiegħdu lin-negozju Ewropew fi żvantaġġ u/jew jikkawżaw problemi soċjali bħall-faqar enerġetiku jew relatat mal-mobbiltà. Il-KESE jesprimi dispjaċir li jidher li ngħatat ftit wisq attenzjoni lil dawn il-problemi u li s-soluzzjonijiet offruti ma jidhrux kompletament suffiċjenti. |
3.4. |
Fir-rigward tal-effetti soċjali, se jkun hemm ħtieġa ovvja għal taħriġ mill-ġdid u titjib tal-ħiliet biex il-forza tax-xogħol tkun tista’ tadatta u tissodisfa r-rekwiżiti l-ġodda fir-rigward ħiliet. Barra minn hekk, l-effetti fuq l-unitajiet domestiċi bħall-ispejjeż ogħla għall-elettriku u l-mobbiltà x’aktarx li jikkawżaw faqar enerġetiku u faqar relatat mal-mobbiltà; il-faqar relatat mal-mobbiltà huwa partikolarment prevalenti f’reġjuni mbiegħda skarsament popolati. Hemm pjani biex dawn il-problemi jiġu indirizzati permezz ta’ diversi miżuri ta’ mitigazzjoni li għandhom jiġu ffinanzjati l-aktar mid-dħul mill-ETS, inklużi dawk li huma responsabbli għalihom l-Istati Membri u dawk li huma maħsuba biex jiffinanzjaw il-Fond Soċjali għall-Klima propost. Il-KESE jieħu nota li r-riżorsi disponibbli għas-soluzzjoni ta’ dawk il-problemi se jiddependu mid-destin tal-proposti li għadhom pendenti quddiem il-koleġiżlaturi. Il-KESE jemmen li l-ispejjeż biex jiġu indirizzati dawn il-problemi ser ikunu konsiderevoli u jdumu fit-tul. Il-KESE għalhekk jistaqsi wkoll jekk ir-riżorsi disponibbli humiex se jkunu biżżejjed anke jekk il-proposti ta’ finanzjament jiġu approvati mingħajr emendi sinifikanti, meta jitqies in-numru ta’ persuni involuti u ż-żmien meħtieġ għat-tranżizzjoni prevista. |
3.5. |
Il-pass mgħaġġel u l-livell għoli ta’ ambizzjoni tat-tnaqqis tas-CO2 u d-disponibbiltà mnaqqsa tal-kwoti tal-gassijiet serra, filwaqt li jġibu benefiċċji ambjentali, se jfissru wkoll spejjeż ogħla għas-setturi kollha koperti mis-sistema tal-ETS. Filwaqt li l-effetti fuq l-ispejjeż se jitnaqqsu bid-disponibbiltà ta’ kwoti bla ħlas u għal xi setturi permezz tas-CBAM, dawn il-miżuri mhux se japplikaw għas-setturi kollha li jużaw l-enerġija f’diversi proċessi u li se jiffaċċjaw kompetizzjoni minn pajjiżi terzi fis-suq intern. Barra minn hekk, dawn il-miżuri mhux se jipproteġu lill-intrapriżi tal-UE minn żvantaġġ kompetittiv fis-swieq esterni, minħabba ż-żieda fil-livell tal-ispejjeż. |
3.6. |
Il-KESE jiġbed l-attenzjoni wkoll għall-fatt li għadha miftuħa l-kwistjoni jekk il-prodotti b’emissjonijiet żero humiex se jsiru attraenti biżżejjed biex jikkumpensaw għad-differenza fl-ispejjeż ikkawżata mill-ETS jew jekk il-miżuri b’effetti ta’ spejjeż ekwivalenti għal dawk tal-ETS humiex se jiġu introdotti b’mod ġenerali fis-swieq dinjija. Jekk dan ma jkunx il-każ, il-kompetittività tan-negozju Ewropew fis-swieq dinjija tista’ ssir problematika. |
Dan iqajjem il-kwistjoni dwar jekk il-prodotti jew is-servizzi li għandhom jiġu esportati lejn pajjiżi terzi għandhomx jiġu eżentati mill-ETS jew jekk għandhomx jiġu kkunsidrati miżuri oħrajn ta’ appoġġ. Jidher dubjuż jekk l-appoġġ għall-innovazzjoni, li jidher li huwa l-unika miżura ta’ appoġġ kompatibbli mal-qafas tad-WTO, huwiex biżżejjed biex isolvi problema possibbli ta’ kompetittività.
3.7. |
Mistoqsija oħra hija jekk il-livell ogħla ta’ spejjeż ipprovokat mill-modifiki tal-ETS jistax ikollu effetti negattivi fuq il-prospetti ta’ rkupru wara l-kriżi tal-COVID-19. Il-KESE jistaqsi jekk dan ir-riskju tqiesx biżżejjed. |
3.8. |
Il-KESE jinnota b’sodisfazzjon li l-proposta tal-ETS tipprevedi li d-dħul tas-sistema tal-ETS jintuża b’diversi modi, permezz tar-riżorsi proprji tal-Kummissjoni jew skont id-dispożizzjonijiet dwar l-użu tad-dħul mill-Istati Membri, biex tiġi promossa s-sostenibbiltà, inklużi l-effetti soċjali fuq it-tranżizzjoni għal soċjetà newtrali għall-karbonju. |
3.9. |
Il-KESE jenfasizza li l-kummenti ta’ hawn fuq m’għandhomx jitqiesu li jixħtu dubju fuq il-ħtieġa urġenti għal azzjoni biex jittaffew l-effetti negattivi tal-emissjonijiet fuq il-klima, iżda bħala twissija rigward ir-riskju ta’ effetti negattivi, kemm soċjalment kif ukoll fuq il-kompetittività, jekk kwistjonijiet bħal dawk imsemmija hawn fuq ma jiġux indirizzati u solvuti. |
Estensjoni tat-trasport marittimu
3.10. |
Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-bastimenti kollha li jaslu fil-portijiet tal-UE jew li jitilqu minnhom se jkunu soġġetti għall-istess regoli. Madankollu, il-livell tal-ispiża tas-sidien jew tal-operaturi tal-bastimenti tal-UE li kieku jkunu jagħmlu parti mill-ambitu tal-ETS jista’ jkun ogħla minn dak tal-kompetituri mhux tal-UE, li, f’ċerti każijiet, inaqqsu wkoll l-ispejjeż tagħhom permezz tad-dumping soċjali. Jeħtieġ li l-UE tagħti attenzjoni lill-effetti ta’ kompetittività mnaqqsa tas-settur tat-tbaħħir tal-UE. |
3.11. |
Għandu jitqies ukoll li t-trasport marittimu huwa wieħed mis-setturi fejn it-tnaqqis tas-CO2 huwa partikolarment diffiċli u għali u li, għalhekk, l-inklużjoni tat-trasport marittimu tista’ tipprovoka żieda ġenerali fil-prezz tal-kwoti tal-emissjonijiet li jkollha riperkussjonijiet fuq il-kompetittività tas-setturi tal-ETS b’mod ġenerali. |
3.12. |
Skont il-proposta tal-ETS, l-iskambjar tal-ETS fis-settur marittimu huwa limitat għal bastimenti b’tunnellaġġ gross ta’ aktar minn 5 000 tunnellata grossa f’konformità mar-Regolament (UE) 2015/757 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) dwar il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika ta’ emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju mit-trasport marittimu. Dan jista’ jipprovoka effetti perversi fil-forma ta’ bini ġdid u estiż ta’ bastimenti li jiżnu inqas minn 5 000 tunnellata jew ta’ rikostruzzjoni ta’ bastimenti biex jgħaddu taħt il-limitu ta’ 5 000 tunnellata grossa. Soluzzjoni raġonevoli tkun li jitbaxxa l-livell limitu b’mod konsiderevoli, u li l-ETS tapplika għal – pereżempju – bastimenti ta’ aktar minn 400 tunnellata grossa. Soluzzjoni oħra tista’ tkun li jiġi adattat l-obbligu ta’ monitoraġġ kif imiss. |
3.13. |
Filwaqt li jilqa’ fil-prinċipju l-proposta li tiġi estiża l-applikabbiltà tal-ETS għal bastimenti ta’ pajjiżi terzi u għal vjaġġi minn u lejn portijiet ta’ pajjiżi terzi, il-KESE madankollu jiġbed l-attenzjoni għall-ħidma li għaddejja fi ħdan l-OMI biex tinstab soluzzjoni globali fir-rigward tal-emissjonijiet tat-trasport marittimu u jħeġġeġ lill-UE taħdem b’mod attiv biex tinstab soluzzjoni fil-qafas tal-OMI. |
Bini u estensjoni tat-trasport bit-triq f’sistema parallela
3.14. |
Is-soluzzjoni magħżula fil-forma ta’ sistema parallela mad-distributuri tal-fjuwil bħala suġġetti tal-iskambjar tfisser li l-impatt ewlieni fuq dawk responsabbli għall-bini, għall-operaturi tat-trasport jew għas-sidien tal-karozzi tal-passiġġieri se jkun sinjal tal-prezz, sal-punt li d-distributur tal-fjuwil jippermetti l-ispejjeż tal-iskambjar jinfluwenzaw il-prezz tal-fjuwil. Jekk dan iseħħ, l-effetti jistgħu jkunu konsiderevoli kemm fuq l-unitajiet domestiċi/il-konsumaturi kif ukoll fuq il-kumpaniji. |
3.15. |
Fir-rigward tal-estensjoni għat-trasport bit-triq, il-KESE jieħu nota li din il-miżura ġiet deċiża minkejja l-fehmiet xettiċi tas-settur privat, tat-trade unions u tal-NGOs. Dawn il-fehmiet jidhru li ftit li xejn kellhom piż meta mqabbla ma’ dawk ta’ ċittadini privati u l-qasam akkademiku. Peress li l-leġiżlazzjoni hija proċess politiku b’effetti fuq is-soċjetà, il-KESE huwa tal-fehma li, f’tali teħid tad-deċiżjonijiet, huwa kruċjali li jiġu kkunsidrati b’mod wiesa’ l-effetti fuq is-soċjetà, inklużi l-ekonomija u l-impjieg. |
3.16. |
L-effetti jistgħu jkunu partikolarment b’saħħithom fuq l-unitajiet domestiċi li, għal raġunijiet finanzjarji jew ta’ natura oħra, ma jistgħux jagħżlu vettura elettrika jew ta’ fjuwil alternattiv, jew għal trasport heavy duty fejn, b’mod partikolari fir-rigward tat-trasport fuq distanzi twal, s’issa, ma hemm l-ebda alternattiva reali għall-fjuwils fossili disponibbli. |
3.17. |
Biż-żieda fid-domanda, il-prezzijiet tal-fjuwils alternattivi x’aktarx li jiżdiedu, b’mod partikolari meta wieħed iżomm f’moħħu l-leġiżlazzjoni stretta dwar il-fjuwils rinnovabbli, li tillimita d-disponibbiltà u li twassal għal spejjeż ogħla. |
3.18. |
Karatteristika essenzjali, u valur miżjud essenzjali tal-ETS, jidhru li huma li tħeġġeġ lill-atturi fis-setturi kkonċernati jieħdu azzjoni biex inaqqsu l-piżijiet imposti mis-sistema billi jibdlu l-imġiba tagħhom jew jiżviluppaw b’diversi modi. Billi f’dan il-każ l-atturi soġġetti għall-ETS mhumiex l-atturi proprja fis-setturi kkonċernati, jiġifieri, it-trasport bit-triq jew il-ġestjoni tal-bini, iżda d-distributuri tal-fjuwil, il-possibbiltajiet ta’ dawk fis-settur ikkonċernat li jinfluwenzaw is-sitwazzjoni tagħhom huma limitati ħafna u, f’ħafna każijiet, ineżistenti. Dak li jiġi introdott huwa sinjal tal-prezz, b’effetti simili għal, pereżempju, żieda fit-taxxa. Għalhekk, il-valur miżjud tas-soltu tas-sistema tal-ETS huwa fil-biċċa l-kbira nieqes. |
L-interfaċċa bejn l-ETS fit-trasport marittimu, il-bini u t-trasport bit-triq u r-Regolament (UE) 2018/842 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi (ESR)
3.19. |
Il-KESE jinnota li n-navigazzjoni domestika, il-bini u t-trasport bit-triq il-livell tal-UE ser jibqgħu soġġetti għall-ESR u li dawn is-setturi se jkunu affettwati wkoll minn regolamenti ġodda oħra marbutin mal-pakkett “lesti għall-mira ta’ 55 %”; eż. permezz tal-proposti tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika (7), id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli (8) u r-rekwiżiti tal-emissjonijiet għall-vetturi bil-mutur. Dan jidher li jfisser li l-livelli tal-emissjonijiet li jirriżultaw mill-ETS f’dawk is-setturi se jgħoddu mal-isforzi tal-Istati Membri biex jissodisfaw l-obbligi tal-ESR. Dan jidher li jfisser ukoll li l-Istati Membri jżommu l-kapaċità regolatorja li jimponu aktar obbligi fuq dawk is-setturi biex jgħinu fil-kisba tal-obbligi tagħhom skont l-ESR, u d-dispożizzjonijiet tal-ESR dwar il-flessibbiltà u l-ġustizzja japplikaw fl-istess ħin. Għalhekk, il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-importanza li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jittrattaw l-interfaċċa bejn iż-żewġ sistemi b’mod trasparenti u bla xkiel. |
Il-Proposta dwar l-Istabbiltà tas-Suq
3.20. |
Il-KESE jieħu nota tal-aġġustament tal-kalkolu tal-għadd totali ta’ kwoti biex ir-Riżerva tal-Istabbiltà tas-Suq tkun tista’ tittratta wkoll is-settur tal-avjazzjoni u marittimu kif ukoll l-emenda tal-hekk imsejħa rata ta’ dħul biex jiġi introdott element ta’ flessibbiltà billi tinħoloq riżerva ta’ stabbiltà tas-suq buffer. |
3.21. |
Bl-istess mod, il-KESE jilqa’ l-ħolqien ta’ Riżerva tal-Istabbiltà tas-Suq, inkluż fir-rigward tal-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet għat-trasport bit-triq u l-bini. |
3.22. |
Il-KESE jinnota bi pjaċir l-emendi għad-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) dwar ir-Riżerva tal-Istabbiltà tas-Suq u l-intenzjoni li jitqiesu l-ħtiġijiet tal-avjazzjoni u tat-trasport marittimu kif ukoll il-bini u t-trasport bit-triq. Il-KESE japprezza l-objettiv li jittejbu l-prevedibbiltà u l-istabbiltà fir-rigward tad-disponibbiltà tal-kwoti. Bl-istess mod, il-KESE jinnota bi pjaċir il-proposta li jiġi estiż l-irduppjar tal-perċentwali u tal-kwoti sabiex ikunu jistgħu jiġu permessi għadd suffiċjenti ta’ kwoti fir-Riżerva tal-Istabbiltà tas-Suq. |
Brussell, it-8 ta’ Diċembru 2021.
Christa SCHWENG
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
(1) https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX%3A52021PC0563
(2) https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX%3A52021PC0564&qid=1634050477623
(3) https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:52021PC0568
(4) https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=COM%3A2021%3A555%3AFIN
(5) Ir-Regolament (UE) 2015/757 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2015 dwar il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika ta' emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju mit-trasport marittimu, u li jemenda d-Direttiva 2009/16/KE (ĠU L 123, 19.5.2015, p. 55).
(6) Ir-Regolament (UE) 2018/842 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar it-tnaqqis annwali vinkolanti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-Istati Membri mill-2021 sal-2030 li jikkontribwixxi għall-azzjoni klimatika biex jiġu onorati l-impenji li saru fil-Ftehim ta’ Pariġi, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 525/2013 (ĠU L 156, 19.6.2018, p. 26).
(7) COM(2021) 558 final.
(8) COM(2021) 557 final.
(9) Id-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Ottubru 2015 dwar l-istabbiliment u l-funzjonament ta' riżerva tal-istabbiltà tas-suq għall-iskema ta’ skambju tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-Unjoni u li temenda d-Direttiva 2003/87/KE (ĠU L 264, 9.10.2015, p. 1).