Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CN0574

    Kawża C-574/17 P: Appell ippreżentat fit-28 ta’ Settembru 2017 mill-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) fid-19 ta’ Lulju 2017 fil-Kawża T-752/14, Combaro SA vs Il-Kummissjoni Ewropea

    ĠU C 382, 13.11.2017, p. 35–36 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    13.11.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 382/35


    Appell ippreżentat fit-28 ta’ Settembru 2017 mill-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) fid-19 ta’ Lulju 2017 fil-Kawża T-752/14, Combaro SA vs Il-Kummissjoni Ewropea

    (Kawża C-574/17 P)

    (2017/C 382/43)

    Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

    Partijiet

    Appellanti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: A. Caeiros u B.-R. Killmann, aġenti)

    Parti oħra fil-proċedura: Combaro SA

    Talbiet tal-appellanti

    1.

    tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) tad-19 ta’ Lulju 2017 fil-Kawża T-752/14, Combaro SA vs Il-Kummissjoni Ewropea;

    2.

    tiċħad ir-rikors ta’ Combaro SA bħala infondat;

    3.

    tikkundanna lil Combaro SA għall-ispejjeż tal-proċeduri tal-ewwel istanza u tal-appell.

    Aggravji u argumenti prinċipali

    Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka l-aggravji segwenti:

    1.

    Il-Qorti Ġenerali wettqet klassifikazzjoni legali żbaljata tal-fatti fir-rigward tal-eżistenza ta’ sitwazzjoni partikolari skont l-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali (1).

    Il-Qorti Ġenerali kkonstatat aġir irregolari fir-rigward tal-Kummissjoni sa fejn attribwixxiet poteri lill-Kummissjoni li hija ma għandhiex u, min-naħa l-oħra, obbligatha teżerċita l-poteri li ma setgħux iktar jikkontribwixxu għal kjarifika tal-fatti. Madankollu, ma kienx hemm aġir irregolari min-naħa tal-Kummissjoni, bil-konsegwenza li ma kien hemm ebda sitwazzjoni partikolari fis-sens tal-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali.

    2.

    Il-Qorti Ġenerali żnaturat il-provi relatati mal-eżistenza ta’ sitwazzjoni partikolari skont l-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali.

    Il-Qorti Ġenerali sostniet, kuntrarjament għall-atti tal-proċess, li l-firem fuq iċ-ċertifikati ta’ ċirkulazzjoni kienu dawk ta’ R u li l-Latvja ma kinitx ipprovdiet kopji oriġinali tat-timbri użati mill-uffiċċji doganali ta’ Jelgava u ta’ Bauska. Li kieku l-Qorti Ġenerali eżaminat il-provi korrettament, hija kienet neċessarjament tikkonkludi li l-Kummissjoni wettqet evalwazzjoni suffiċjenti tal-fatti tal-kawża fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ tessut tal-għażel u li kienet awtorizzata tikkonkludi li ma kien hemm ebda sitwazzjoni partikolari fis-sens tal-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali.

    3.

    Il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat l-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali dwar l-eżistenza ta’ sitwazzjoni partikolari.

    Il-Qorti Ġenerali naqset milli tibbilanċja effettivament l-allegat aġir irregolari tal-Kummissjoni mal-interessi tal-importatur, li kien għamel użu minn ċertifikati foloz għaċ-ċirkulazzjoni tal-beni. Fin-nuqqas ta’ bbilanċjar tal-interessi, il-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat l-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali, peress li f’din il-kawża, l-interessi tal-Unjoni li tiżgura konformità mad-dispożizzjonijiet doganali għandhom jipprevalu fuq l-interessi tal-importatur.

    4.

    Il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat l-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali dwar in-negliġenza manifesta ta’ Combaro SA.

    Il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta talbet lill-Kummissjoni tattesta l-fatt li l-importatur kien intenzjonalment wettaq ksur tar-regoli ta’ oriġini. Li kieku r-regoli tal-oneru tal-prova ġew applikati b’mod korrett, il-Qorti Ġenerali kienet neċessarjament tirrikonoxxi li dubji li tqajmu leġittimament kienu jkunu suffiċjenti sabiex importatur jiġi obbligat jipproduċi informazzjoni jew kjarifiki dwar il-proċeduri ta’ żdoganar inkwistjoni, minn tal-inqas mingħand l-esportaturi tiegħu.


    (1)  Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307).


    Top