Wählen Sie die experimentellen Funktionen, die Sie testen möchten.

Dieses Dokument ist ein Auszug aus dem EUR-Lex-Portal.

Dokument 52016IE3121

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Intejbu l-effikaċja tal-politiki tal-UE għall-SMEs” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

    ĠU C 345, 13.10.2017, S. 15–24 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    13.10.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 345/15


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Intejbu l-effikaċja tal-politiki tal-UE għall-SMEs”

    (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

    (2017/C 345/03)

    Relatur:

    Milena ANGELOVA

    Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

    21.1.2016

    Bażi legali

    Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

    Sezzjoni kompetenti

    Suq Uniku, Produzzjoni u Konsum

    Adottata fis-sezzjoni

    7.6.2017

    Adottata fil-plenarja

    6.7.2017

    Sessjoni plenarja Nru

    527

    Riżultat tal-votazzjoni

    (favur/kontra/astensjonijiet)

    157/1/4

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1.

    Il-KESE jfaħħar il-fatt li ġie ddikjarat li l-SMEs huma fil-qalba tal-politiki ekonomiċi fl-UE. Japrezza li, tul l-aħħar għaxar snin, ġew adottati ħafna leġislazzjonijiet u ġew allokati ħafna fondi biex jappoġġjawhom. Madankollu, il-KESE huwa tal-istess opinjoni, li sikwit tiġi espressa mill-komunità tal-SMEs, li għad hemm ineffiċjenzi sinifikanti kemm fit-tfassil kif ukoll fl-implimentazzjoni tal-politiki tal-SMEs, li jfixklu b’mod sostanzjali l-effett tal-miżuri ta’ appoġġ.

    1.2.

    L-istudji reċenti tal-KESE (1) żvelaw li l-politiki tal-SMEs tal-UE u l-mekkaniżmi ta’ appoġġ attwali jikkunsidraw l-għadd kbir ta’ SMEs fl-Ewropa bħala grupp omoġenu u sfortunatament ma jagħmlux distinzjoni bejn il-ħtiġijiet differenti tad-diversi sottogruppi ta’ intrapriżi li huma inklużi fid-definizzjoni ta’ SME. L-eżempji ta’ mekkaniżmi ta’ appoġġ imfassla apposta huma pjuttost rari. L-użu ta’ approċċ “wieħed tajjeb għal kulħadd” biex jiġu żviluppati l-politiki tal-SMEs tal-UE huwa problema kruċjali li jfixkel il-politiki milli jiksbu bis-sħiħ l-effett mixtieq tagħhom fuq l-SMEs (2). Għalhekk, huwa rrakomandat bis-sħiħ li jkun hemm kummerċjalizzazzjoni aħjar tal-politiki tal-SMEs, flimkien ma’ immirar aktar preċiż tal-ħtiġijiet speċifiċi tal-SMEs, apparti l-konsultazzjoni pubblika ppjanata dwar ir-rilevanza tad-definizzjoni tal-SMEs.

    1.3.

    Il-KESE jwissi li approċċ burokratiku u l-kumplessità tar-regoli amministrattivi għadhom prevalenti fil-politiki tal-SMEs tal-UE u l-mekkaniżmi ta’ appoġġ attwali, minkejja sforzi kontinwi fil-livell tal-UE biex jiġi minimizzat il-piż amministrattiv. L-SMEs tal-UE sikwit iħossu li l-uffiċjali responsabbli m’għandhomx idea kif in-negozju tagħhom jaħdem fir-realtà. Il-maġġoranza tal-mekkaniżmi ta’ appoġġ tal-UE ma jidhrux adatti biex jissodisfaw il-ħtiġijiet urġenti tal-SMEs għal soluzzjonijiet rapidi, ċari u effettivi.

    1.4.

    Il-KESE jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-maġġoranza tal-SMEs – l-iktar kumpaniji żgħar u mikro – mhumiex konxji mill-eżistenza ta’ dawn l-għodod u netwerks ta’ appoġġ, minħabba nuqqas ta’ komunikazzjoni. Dan jista’ jiġi indirizzat permezz ta’ sforzi ikbar għas-sensibilizzazzjoni, aktar appoġġ sabiex l-SMEs ikollhom il-kapaċità jaċċessaw l-informazzjoni t-tajba, impenn iktar qawwi tal-korpi uffiċjali ma’ intermedjarji lokali ewlenin fil-livell reġjonali u nazzjonali li jispeċjalizzaw fil-ħidma mal-SMEs (l-impjegaturi u l-assoċjazzjonijiet tal-SMEs, il-kmamar tal-kummerċ), u l-għoti ta’ appoġġ li jkun aktar faċli għall-utent u mfassal apposta għall-ħtiġijiet tan-negozji. Ħafna mill-għodod disponibbli huma kumplessi, mhux ċari u burokratiċi wisq f’termini ta’ disinn u kontenut biex jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-SMEs. Biex tinstab soluzzjoni għal dan, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea (KE) u l-Istati Membri (SM) biex jagħmlu l-aħjar użu tas-Semestru Ewropew, li japplikaw b’mod sistematiku u kullimkien il-prinċipju tas-sħubija (3) u li jagħmlu obbligatorju l-involviment ta’ organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-SMEs fil-livell Ewropew, nazzjonali u reġjonali fit-tfassil, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-politiki u l-miżuri ta’ appoġġ għall-SMEs. Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż għandhom jiffukaw b’mod konsistenti fuq politiki ta’ appoġġ għall-SMEs, sabiex jiġu żgurati tfassil rilevanti, implimentazzjoni effettiva u miżuri kwalitattivi u kwantitattivi tar-riżultati.

    1.5.

    Il-KESE jiddispjaċih li l-monitoraġġ tal-progress tal-politiki tal-SMEs tal-UE għadu frammentat. Filwaqt li l-attivitajiet tan-negozji tal-SMEs huma reġistrati b’mod komprensiv, l-impatt tal-miżuri ta’ appoġġ tal-UE fuq dawn l-attivitajiet u kemm dawn il-bidliet fl-iżvilupp tal-SMEs jistgħu jiġu attribwiti għal dawn il-miżuri mhumiex reġistrati. L-informazzjoni disponibbli fil-biċċa l-kbira tagħha hija kwantitattiva u ma tagħtix ħarsa kwalitattiva; għaldaqstant, ma tipprovdix bażi għal valutazzjoni adatta tal-effikaċja u l-effiċjenza tal-politiki u l-għodod ta’ appoġġ (4).

    1.6.

    B’konformità mal-opinjonijiet preċedenti tiegħu, il-KESE jesprimi t-tħassib tiegħu li l-implimentazzjoni tas-Small Business Act għall-Ewropa (SBA) għadha ’l bogħod milli tkun kompluta (5). Il-kisbiet fl-oqsma differenti mhumiex ugwali, u l-agħar riżultati huma fil-qasam tal-intraprenditorija, is-suq uniku u l-aċċess għall-finanzjament. Il-ħiliet u l-innovazzjoni u l-akkwist statali u pubbliku fil-fatt marru għall-agħar mill-2008 ’l hawn (6). Jidher ċar li l-Istati Membri għandhom jiġu mħeġġa jieħdu miżuri rilevanti u jadottaw is-SBA fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ politiki u leġislazzjoni li għandhom impatt fuq l-SMEs.

    1.7.

    Rakkomandazzjonijiet speċifiċi

    1.7.1.

    Il-politiki tal-SMEs tal-UE għandhom jirrikonoxxu l-eteroġeneità u d-diversità tal-SMEs Ewropej. Għandhom jesploraw il-ħtiġijiet speċifiċi tal-mikrointrapriżi, in-negozji tal-familja u “tradizzjonali”, l-intrapriżi soċjali, il-professjonijiet liberi, il-persuni li jaħdmu għal rashom u s-sottogruppi speċifiċi l-oħra kollha li għandhom forom legali u mudelli operattivi pjuttost differenti sabiex ikun jista’ jiġi provdut portafoll adegwat ta’ miżuri ta’ politka għall-promozzjoni tat-tkabbir tagħhom.

    1.7.2.

    Il-KESE jipproponi li l-KE tivvaluta jekk id-definizzjoni attwali ta’ SMEs tikkorrispondix mal-eteroġeneità tagħhom, mad-dinamika settorjali tagħhom, il-karatteristiċi speċifiċi u d-diversità tagħhom matul l-aħħar deċennju (7). Il-KESE jitlob għal politika orizzontali għall-SMES li tkun viżibbli, koordinata u konsistenti, ibbażata fuq pjan ta’ azzjoni pluriennali.

    1.7.3.

    L-għodod ta’ appoġġ tal-SMEs tal-UE għandhom jiġu tradotti fil-lingwa tan-negozju sabiex ikunu adatti għall-għan tagħhom li jippromovu t-tkabbir u l-impjieg. Sabiex tiġi indirizzata l-kumplessità żejda tal-mekkaniżmi ta’ appoġġ li ġiet identifikata, huwa importanti li jintalbu l-għajnuna u l-pariri tal-organizzazzjonijiet tal-SMEs li huma l-iktar li jafu x’inhuma l-ħtiġijiet tal-SMEs, biex il-politiki tal-SMEs tal-UE jkunu bil-lingwa tan-negozju. F’dan ir-rigward, l-SMEs attwalment jgħoddu fuq l-imsieħba soċjali nazzjonali bħala fattur pożittiv sinifikanti biex iwasslu l-opinjonijiet tagħhom dwar kif jistgħu jtejbu l-politiki ta’ promozzjoni tal-SMEs u biex dawn jiġu msejħa jkunu involuti b’mod iktar attiv fil-PNR. Ir-rwol tagħhom, flimkien ma’ dak tal-assoċjazzjonijiet tal-SMEs, il-kmamar tal-kummerċ u tal-industrija u organizzazzjonijiet intermedjarji oħrajn tal-SMEs, għandhom għalhekk jissaħħu.

    1.7.4.

    Il-politiki tal-SMEs tal-UE għandhom jiddedikaw iktar sforzi biex jinformaw lill-SMEs – u speċjalment lill-aktar sottogruppi vulnerabbli fosthom, bħall-mono u mikrointrapriżi, il-kumpaniji tradizzjonali b’potenzjal baxx ta’ innovazzjoni, kumpaniji minn reġjuni mbiegħda, eċċ. (8) – dwar l-appoġġ disponibbli. In-netwerks ta’appoġġ ewlenin għandhom jinżammu u jsiru aktar popolari u għandhom isiru aktar faċli għall-utenti u komprensivi għall-SMEs. Għandu jiġi kkunsidrat bir-reqqa mill-KE l-potenzjal biex tkun żgurata l-koordinazzjoni ta’ netwerks ta’ appoġġ eżistenti f’sistema komuni ta’ one-stop-shop li tirrispetta s-sitwazzjoni f’kull Stat Membru.

    1.7.5.

    Huwa kruċjali li tiġi stabbilita sħubija b’saħħtiha magħmula minn diversi partijiet interessati bl-imsieħba soċjali u l-partijiet interessati pubbliċi u privati impenjati fl-indirizzar tal-problemi tal-SMEs, speċjalment fil-livell nazzjonali u reġjonali. It-tisħiħ tal-interazzjoni mal-organizzazzjonijiet tal-SMEs, li huma l-aktar intunati mill-qrib għall-ħtiġijiet tal-SMEs, b’mod speċjali fil-livell nazzjonali u reġjonali, huwa vitali biex tingħeleb il-qabża fil-komunikazzjoni li teżisti bejn l-SMEs u l-mekkaniżmi ta’ appoġġ tal-UE. Dan għandu l-potenzjal ukoll li jipprovdi mezz ġdid u effettiv biex jintlaħqu l-SMEs billi jintużaw il-fergħat lokali tal-organizzazzjonijiet tal-impjegaturi, il-kmamar tal-kummerċ u l-ekonomija, l-assoċjazzjonijiet tal-SMEs u organizzazzjonijiet professjonali/settorjali bħala intermedjarji ewlenin fil-popolarizzazzjoni u l-provvista tal-għodod ta’ appoġġ eżistenti.

    1.7.6.

    L-aħjar riżultati għall-SMEs jiġu meta l-awtoritajiet lokali jikkooperaw mal-organizzazzjonijiet tal-SMEs fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politika. It-tendenza li hawn bħalissa għall-medjazzjoni organizzata prinċipalment madwar il-banek mhijiex l-aħjar għażla. Il-banek għandhom ikunu intermedjarji finanzjarji, iżda fl-aspetti l-oħra kollha (it-tfassil, l-informazzjoni, il-promozzjoni tal-politika, eċċ.), l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-SMEs huma aktar xierqa. Għalhekk, il-KESE jistieden lill-KE ssawwar miżuri li jappoġġjaw lill-organizzazzjonijiet tal-SMEs fl-implimentazzjoni tal-politiki tal-SMEs u fit-tixrid ta’ informazzjoni rilevanti lill-SMEs, inkluż billi jingħatalhom appoġġ finanzjarju.

    1.7.7.

    Il-KESE jitlob li s-Small Business Act, u ż-żewġ prinċipji li jistabbilixxi — “Aħseb l-ewwel fiż-żgħir” u “Darba biss” — isiru legalment vinkolanti. Madankollu, l-applikazzjoni tal-prinċipju “Darba biss” jenħtieġ li ma taffettwax il-verifikazzjoni mill-pajjiżi ospitanti tar-rekwiżiti legali u professjonali meħtieġa għat-twettiq tan-negozju. Il-prinċipju ta’ sħubija jenħtieġ li jiġi estiż għall-proċeduri leġislattivi kollha li direttament jew indirettament jaffettwaw l-SMEs. F’termini prattiċi, huma ferm rakkomandati laqgħat annwali ta’ pjattaformi tal-SMEs fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri.

    2.   L-SMEs – l-enfasi ewlenija tal-politiki ekonomiċi fl-UE

    2.1.

    Hemm bżonn ta’ politiki ta’ appoġġ tal-UE għall-SMEs (9) peress li, b’kuntrast ma’ SMEs f’partijiet oħra tad-dinja, l-SMEs Ewropej iridu jikkonformaw mar-regolamenti kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell Ewropew – li spiss ikunu deċiżi mingħajr konsultazzjoni reali mal-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, b’kontradizzjoni mal-approċċ “l-ewwel aħseb fiż-żgħir”. Dan iżid sostanzjalment l-isforzi u l-ispejjeż meħtieġa biex isir negozju, minkejja r-riżorsi umani u tekniċi limitati tal-SMEs.

    2.2.

    Fl-2008, il-KE nediet il-prinċipji ta’ “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir” u “Darba biss” bħala pass deċiżiv lejn il-promozzjoni tal-kompetittività u t-titjib tal-klima tan-negozju għal 23 miljun SME fl-Ewropa (10). Il-KESE laqa’ bis-sħiħ dan it-tentattiv (11), iżda jwissi li jekk l-SBA ma jkunx legalment vinkolanti u l-livelli kollha ta’ governanza – l-UE, l-Istati Membri u r-reġjuni – ma jkunux obbligati li japplikawh, l-SBA ser jibqa’ sempliċement dikjarazzjoni politika.

    2.3.

    L-implimentazzjoni tal-SBA ġiet evalwata u aġġornata fl-2011 (12), iżda l-konklużjonijiet dwar l-impatt reali tiegħu kienu pjuttost mingħajr ħeġġa u jitolbu aktar sforzi (13). Il-KESE kemm ’il darba ressaq proposti għat-titjib tal-effikaċja tal-politiki għall-SMEs (14). Illum il-ġurnata, l-SMEs huma affettwati mill-politiki kollha tal-UE u għalhekk għandhom bżonn li titfassal u tiġi implimentata b’mod effettiv u effiċjenti politika verament orizzontali, viżibbli, koordinata u konsistenti (15).

    2.4.

    Il-politiki tal-SMEs ma jikkunsidrawx il-bżonnijiet differenti tad-diversi kategoriji ta’ SMEs. Sabiex tiżdied l-effikaċja fit-tfassil u l-implimentazzjoni tagħhom, hemm bżonn ta’ sforz ta’ komunikazzjoni sostanzjali sabiex isir distinzjoni bejn dawk li lejhom ikunu indirizzati b’mod aktar preċiż u biex jindirizzaw u jfasslu soluzzjonijiet disponibbli għall-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom. Il-kriterji tas-segmentazzjoni jistgħu jkunu bbażati mhux biss fuq id-daqs (eż. b’mod ġenerali, iktar ma tkun żgħira l-intrapriża, iktar ser ikun diffiċli biex tikseb aċċess għal finanzi u iktar hemm bżonn pariri, taħriġ u mentoring), iżda wkoll fuq il-post (bliet kbar vs bliet żgħar u żoni rurali remoti), fuq il-fażi taċ-ċiklu tal-ħajja (start-up, scale-up), fuq is-settur (industrija, kummerċ, agrikoltura, turiżmu, eċċ.), eċċ.

    2.5.

    Diġà twettqet ħidma preparatorja sostanzjali għal SBA riveduta. Il-programm REFIT ħa l-kariga li jagħmel it-titjib li tant hu meħtieġ għall-qafas leġislattiv tal-UE u li jnaqqas l-ostakli amministrattivi. Matul is-snin, l-ammont ta’ leġislazzjoni tal-UE fis-seħħ żdied għal 19 875 dokument (16). Minn dawn, 1 527 jinkludu dispożizzjonijiet relatati mal-SMEs, li l-aktar jinsabu f’dawn l-oqsma: għajnuna mill-istat (343), kompetizzjoni (293), suq intern (217), riċerka u żvilupp teknoloġiku (133) u baġit (117).

    2.6.

    Mill-istudji reċenti tal-KESE jidher li minkejja d-diversi inizjattivi li tnedew, hemm bżonn ta’ reviżjoni qawwija tal-politiki tal-SMEs tal-UE sabiex jiġu diversifikati l-miżuri ta’ appoġġ, jiġu semplifikati r-regoli applikabbli u jiġu ottimizzati l-komunikazzjoni u l-kollaborazzjoni mal-SMEs u l-organizzazzjonijiet tal-SMEs bil-għan li jkunu jistgħu jiġu indirizzati b’mod effettiv il-varjetà tal-SMEs u d-diversi ħtiġijiet tagħhom. Ir-rwol tar-reġjuni u t-territorji fl-implimentazzjoni tal-politiki u l-leġislazzjoni tal-UE, b’mod partikolari dawk li jaffettwaw lill-SMEs, qed jikber b’mod konsiderevoli (17).

    3.   Politiki ta’ appoġġ għall-SMEs — sfidi u opportunitajiet

    3.1.

    L-SMEs qed jiġu ffaċċjati bi sfidi dejjem aktar serji ta’ diversi tipi:

    kompetizzjoni dejjem b’saħħitha u swieq li qed jiġu globalizzati;

    mudelli ta’ negozju ġodda b’riżultat tal-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda bħad-diġitalizzazzjoni mifruxa (Industry 4.0) u l-kunċett ta’ ekonomija ċirkolari u l-ekonomija kollaborattiva;

    in-nuqqas ta’ manodopera kkwalifikata u b’ħiliet speċjalizzati b’riżultat tal-kriżi demografika fl-Ewropa, it-tixjiħ tal-popolazzjoni u l-migrazzjoni.

    3.2.

    L-SMEs huma grupp pjuttost eteroġenu u divers. Jistgħu jiġu divrenzjati abbażi tad-daqs, l-istadju taċ-ċiklu tal-ħajja, il-post, it-tip ta’ sjieda, is-settur tal-attività tagħhom, eċċ. u l-ħtiġijiet tagħhom għal appoġġ huma pjuttost varjati skont f’liema sottogrupp SME partikolari tinsab fih. Grupp speċjali li jirrikjedi trattament speċjali huwa magħmul mill-“monointraprendituri” (kważi 50 % tal-SMEs), li kważi huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ miżuri ta’ appoġġ. Sabiex dan il-grupp l-aktar vulnerabbli tal-SMEs jiġi megħjun biex jaħdem u jirnexxi, il-kwistjoni tal-impjieg indipendenti fittizju għandha tiġi indirizzata b’mod xieraq ukoll.

    3.3.

    Fuq dan l-isfond, l-ifformular ta’ politiki ta’ promozzjoni bbażati biss fuq id-daqs tal-kumpaniji appoġġjati jista’ jkun antikwat u mmirat b’mod wiesa’ wisq, u jonqos milli jikkunsidra l-ħtiġijiet differenti ta’ gruppi differenti ta’ SMEs. Fl-opinjonijiet tiegħu, il-KESE kontinwament enfasizza l-bżonn ta’ politiki ta’ promozzjoni tal-SMEs fl-Ewropa (18) li jkunu mmirati aħjar u definiti b’mod aktar preċiż, kif ukoll il-bżonn li d-definizzjoni tal-SMEs tiġi aġġornata sabiex tirrifletti aħjar il-varjetà ta’ SMEs u d-differenzi bejn l-Istati Membri (19). Il-KESE jistieden lill-KE biex tniedi konsultazzjoni dwar id-definizzjoni ta’ SME. Dan għandu jinkludi valutazzjoni ta’ kif hija applikata d-definizzjoni fl-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ politika tal-SMEs għal intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju.

    3.4.    L-adegwatezza tal-istrumenti ta’ appoġġ għall-ħtiġijiet tal-SMEs

    3.4.1.

    L-istrumenti ta’ appoġġ tal-SMEs iridu jiġu evalwati mil-lat tal-effett attwali li għandhom fuq it-titjib tas-sitwazzjoni għall-SMEs u jekk jissodisfawx b’mod partikolari l-prinċipji stabbiliti fl-SBA. Il-KESE jqis li hemm bżonn valutazzjoni kwalitattiva u fil-fond tal-effettività u l-effikaċja tal-investiment tal-fondi tal-UE, u hemm bżonn ukoll ta’ sforzi akbar mill-Istati Membri biex jimplimentaw il-prinċipji “aħseb l-ewwel fiż-żgħir” u “darba biss” fil-livell nazzjonali u reġjonali li għandu jkun obbligatorju fil-livell kollha (20).

    3.4.2.

    Il-prinċipji “aħseb l-ewwel fiż-żgħir” u tal-SBA mhumiex espliċitament preżenti fil-pjan Juncker. Sa ċertu punt jinsabu fil-programmi Orizzont 2020 u COSME, iżda jenħtieġ li jiġu implimentati aħjar fil-prattika. Il-KESE jistieden lil dawk li jfasslu l-politika fl-UE biex iqisu l-prinċipji tal-SBA fit-testi leġislattivi kollha tal-UE li jista’ jkollhom impatt dirett jew indirett fuq l-SMEs.

    3.4.3.

    L-ispiża tal-kreditu u l-ispiża tal-bini u tal-kiri naqsu dawn l-aħħar snin minħabba l-kriżi. Dan, flimkien ma xi strumenti ġodda mmirati, joħloq opportunitajiet tajba għan-negozji ġodda, iżda l-fażi fejn il-kumpaniji jespandu għadha mhux apoġġjata biżżejjed. F’dan ir-rigward, il-KESE jilqa’ l-inizjattiva l-ġdida tal-KE biex tindirizza din il-problema (21).

    3.4.4.

    Is-self bankarju jibqa’ s-sors prinċipali ta’ finanzjament għall-SMEs, imma l-aċċess għall-finanzjament bankarju għadu mhux faċli għal ħafna SMEs minħabba bilanċi dgħajfa tal-banek, nuqqas ta’ trażmissjoni tal-politika monetarja tal-BĊE f’xi pajjiżi u l-ostakli relattivament kbar minħabba rekwiżiti ta’ garanziji. Il-finanzjament ibbażat fuq is-suq, permezz ta’ fondi privati ta’ ekwità, kapital ta’ riskju, il-ħruġ ta’ bonds u strumenti ta’ ekwità fis-swieq speċjalizzati u l-finanzjament kollettiv, huwa dejjem aktar importanti iżda l-biċċa l-kbira tal-SMEs għandhom mhux preparati biex jużaw dawn l-opportunitajiet (22). Għandhom bżonn gwida dwar iż-żmien, informazzjoni dettaljata u appoġġ sabiex ikunu jistgħu jesplorawhom. Skont l-istħarriġ tal-KESE, sehem estremanment kbir tal-SMEs ma jafux dwar l-opportunitajiet ta’appoġġ permezz tal-iskemi tal-Fondi SIE jew bil-possibbiltà li jakkwistaw finanzjament permezz ta’ fond ta’ investiment appoġġjat mill-fondi tal-UE.

    3.4.5.

    Stħarriġ (spot survey) juri li l-enfasi u l-prijoritajiet tal-istrumenti ta’ appoġġ mhux dejjem jirriflettu l-ħtiġijiet ta’ prijorità tal-SMEs (23), waħda mir-raġunijiet għal dan hija n-nuqqas li jiġi rikonoxxut il-fatt li għadhom jeżistu differenzi sinifikanti bejn l-Istati Membri. Pereżempju, l-aċċess għas-swieq ġodda huwa indikat bħala l-aktar sfida serja għall-SMEs primarjament minn kumpaniji fin-Nofsinhar tal-Ewropa, filwaqt li l-ikbar appoġġ għat-titjib tal-aċċess għas-swieq, inklużi s-swieq internazzjonali, jingħata lil kumpaniji fit-Tramuntana tal-Ewropa. Din hija evidenza ċara li l-ħtiġijiet tal-SMEs huma differenti b’mod konsiderevoli fil-livell nazzjonali, u dan iqajjem il-mistoqsija ta’ jekk l-istrumenti pan-Ewropj għandhomx jitfasslu f’aktar dettall. Din il-fehma hija appoġġjata għalkollox fir-Rapport Annwali dwar l-SMEs Ewropej 2014/2015 (24), li skontu l-grupp ta’ pajjiżi bl-iktar punti baxxi huma prinċiplament min-Nofsinhar tal-Ewropa. Dawn il-pajjiżi jirrapportaw rati ta’ suċċess estremament baxxi għall-proġetti, inkluż fil-komponent tal-SMEs tal-Orizzont 2020 (25).

    3.4.6.

    L-istennijiet kbar li hemm fir-rigward tar-rwol ta’ “rappreżentant tal-SMEs” sfortunatament ma kienux iġġustifikati s’issa. Ftit huma r-rappreżentati tal-SMEs li jafu min iwettaq l-istess funzjoni fil-pajjiżi taghom. Il-biċċa l-kbira tal-SMEs jistqarru li “r-rappreżentant tal-SMEs” iwettaq funzjonijiet purament ta’ protokoll u ċerimonjali aktar milli jaqdi rwol li huwa marbut ma’ miżuri ġenwini għall-promozzjoni tal-SMEs. Filwaqt li l-għan ewlieni ta’ dan in-netwerk huwa li jipprovdi interfaċċja bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-korpi nazzjonali u jippromovi b’mod effettiv l-interessi tal-SMEs fi ħdan il-korpi nazzjonali u fil-leġislazzjoni nazzjonali, l-SMEs jistennew li jirċievu pariri ġenwini u informazzjoni dwar il-politiki tal-UE f’kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet tal-SMEs.

    3.4.7.

    Il-promozzjoni tal-intraprenditorija hija relatata mal-ħolqien ta’ kundizzjonijiet adatti biex: jiżdied is-sehem tan-negozji ġodda (start-ups) u ta’ kumpaniji ġodda li jibqgħu jeżistu u jkollhom suċċess; tingħata għajnuna lill-kumpaniji ġodda biex itejbu l-kompetittività tagħhom u jikbru b’rata aktar mgħaġġla u b’mod aktar effettiv u jittejbu l-proċeduri ta’ insolvenza kif ukoll l-iżvilupp u t-tisħiħ ta’ trasferimenti tan-negozju (26). Filwaqt li diġà kien hemm kisbiet kbar fir-rigward tas-semplifikazzjoni tat-teknoloġija u tal-proċedura tar-reġistrazzjoni fl-UE, għad hemm aktar xi jsir sabiex jinkisbu t-tieni u t-tielet għan. Il-prinċipju tat-“tieni opportunità” huwa stmat li għandu l-agħar prestazzjoni fl-Istati Membri kollha, u anke l-KE ma tagħtix kuntratti lill-intraprendituri li jkunu fallew.

    3.4.8.

    Barra minn hekk, il-proċeduri għal-likwidazzjoni (kemm f’każijiet ta’ insolvenza kif ukoll ta’ stralċ volontarju) kif ukoll għar-ristrutturar u s-suċċessjoni huma diffiċli minn perspettiva purament proċedurali f’ħafna pajjiżi. Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li tiġi semplifikata u armonizzata l-liġi ta’ insolvenza (27).

    3.4.9.

    Is-seduta pubblika u l-istudji reċenti tal-KESE pprovdew ukoll għarfien importanti dwar l-isfidi ewlenin esperjenzati fl-oqsma ta’ politika prijoritarji ewlenin għall-SMEs tal-UE:

    3.4.9.1.   It-tnaqqis/is-semplfikazzjoni tal-piż:

    l-għadd ta’ inizjattii ta’ eżenzjoni/semplifikazzjoni relatati mal-SMEs fil-qafas tal-porgramm REFIT huwa limitat;

    id-definizzjoni skaduta tal-SMEs għadha ma ġietx indirizzata;

    it-test tal-SME huwa applikat parzjalment u b’mod inugwali mill-Istati Membri peress li għadu mhux obbligatorju;

    il-konsultazzjoni pubblika dwar il-valutazzjoni tal-impatt u l-pjani direzzjonali huma mfixkla minn lingwaġġ istituzzjonali burakratiku u l-fatt li mhumiex aċċessibbli bil-lingwi kollha tal-UE;

    l-SMEs kollha jindikaw il-korruzzjoni u l-amministrazzjoni statali ineffiċjenti bħala problemi serji li għandhom impatt negattiv ħafna fuq in-negozju tagħhom;

    il-ħlas tard mill-amministrazzjonijiet pubbliċi u klijenti kbar jibqgħu xejra debilitanti f’xi Stati Membri, minkejja l-introduzzjoni ta’ rekwiżiti aktar stretti fir-reviżjoni tad-Direttiva dwar Ħlasijiet Tard (28).

    3.4.9.2.   Il-promozzjoni tal-intraprenditorija:

    l-intraprenditorija għadha mhux inkorporata b’mod konsistenti fil-maġġoranza tas-sistemi edukattivi nazzjonali tal-Istati Membri;

    it-taħriġ tal-għalliema fl-intraprenditorija huwa sporadiku u l-aktar assoċjat ma’ proġetti individwali – jeżistu ftit inizjattivi trans-Ewropej f’dan il-qasam (29);

    il-programmi taż-żgħażagħ iffokati fuq l-intraprenditorija, għalkemm ta’ suċċess, huma mhedda li jitbiegħdu mill-għanijiet inizjali tagħhom li jippromovu l-intraprenditorija;

    il-kampanji promozzjonali bħall-Ġimgħa Ewropea tal-SMEs ftit li xejn għandhom impatt biex il-parteċipanti jitħeġġu jikkunsidraw li jsiru intraprendituri;

    l-ispejjeż ta’ negozju ġdid għadhom tliet darbiet ogħla mill-benchmark iddikjarat;

    3.4.9.3.   It-titjib tal-aċċess għas-swieq u l-internalizzazzjoni:

    is-suq uniku għadu mhux komplut, li jfixkel l-aċċess tal-SMEs għas-swieq, inkluż fir-rigward tal-għoti ta’ servizzi transkonfinali;

    proċedrui amminsitrattivi kkumplikati u spejjeż għoljin tal-kunsinji tal-esportazzjonijiet/importazzjonijiet;

    skemi ta’ appoġġ għall-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs huma nieqsa min approċċ imfassal apposta;

    l-istandards u d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali għadhom mhux attraenti għall-SMEs prinċipalment minħabba li l-benefiċċji tagħhom mhumiex ikkomunikati tajjeb lilhom, l-ispejjeż huma għaljin u r-regoli huma kkumplikati wisq.

    3.4.9.4.   Il-faċilitazzjoni tal-aċċess għall-finanzi:

    il-mudell ta’ finanzjament tipiku huwa s-self mill-bank, segwit – fil-bogħod – minn għotjiet u appoġġjat bi strumeti fianzjarji;

    l-għotjiet mhumiex xprunati mis-suq u mhux adattati għal sottogruppi speċifiċi ta’ SMEs u l-orjentazzjoni tal-politika tagħhom rari tikkorrispondi għall-ħtiġijiet tal-SMEs;

    l-istrumenti finanzjarji huma adattati aħjar għall-bżonnijiet immedjati tal-SMEs għal kapital operatorju. Sfortunatament, proporzjon żgħir ħafna ta’ SMEs huma infurmati tajjeb dwarhom; approċċ imfassal apposta għall-applikazzjoni tagħhom għadu rari; il-forniment tagħhom huwa dipendenti ħafna fuq kollaborazzjoni effettiva bejn istituzzjonijiet ta’ finanzjament, l-intermedjarji u l-benefiċjarji finali, u hemm nuqqas ta’ data u analiżi dwar l-effetti reali tagħhom; komplementaritajiet u sinerġiji akbar bejn l-istrumenti u l-parteċipanti eżistenti fuq livell reġjonali, nazzjonali u sovranazzjonali, inkluża l-promozzjoni ta’ strumenti finanzjarji aktar effiċjenti – eż. kontrogaranziji;

    minkejja l-progress sostanzjali li sar biex jiġu pprovduti mezzi ta’ finanzjament innovattivi mhux ta’ self bħal ekwità privata, kapital ta’ riskju, eċċ., dawn jibqgħu relattivament sottożviluppati fil-maġġoranza tal-Istati Membri (30);

    proporzjon sinifikanti tal-SMEs jibżgħu japplikaw għal strumenti finanzjarji ta’ programmi Ewropej, għaliex “biex jinkiseb il-finanzjament jidher li huwa kkumplikat wisq”.

    3.4.9.5.   L-appoġġ tal-kompetittività u l-innovazzjoni:

    għalkemm l-Orizzont 2020 jalloka finanzjament speċjali għall-SMEs, ma jistax isolvi l-problemi kollha tal-SMEs b’aċċess għal finanzjament ta’ riskju għall-innovazzjoni u sfortunatament ftit li xejn hemm proġetti mill-Istati Membri l-ġodda;

    għad m’hemmx biżżejjed interess mill-SMEs fil-programm minħabba regoli ta’ applikazzjoni u ta’ eliġibbiltà iebsin u inġusti;

    ir-regoli eżistenti jistgħu jiskoraġġixxu lill-SMEs milli jipparteċipaw f’konsorzji vijabbli għall-implimentazzjoni ta’ proġetti ta’ innovazzjoni;

    l-ispiża tal-SMEs biex japplikaw għal għodod volontarji żviluppati mill-KE (31) għadha relattivament għolja u għaldaqstant għadd limitat biss ta’ kumpaniji jistgħu jużawhom.

    3.4.9.6.   Il-provista ta’ netwerks ta’ appoġġ ewlenin:

    l-informazzjoni provduta għadha mhux tal-kwalità mistennija;

    l-istruttura, il-kontenut u d-disinn mhumiex faċli ħafna għall-utent;

    l-approċċ għall-provvista tal-informazzjoni sikwit huwa burokratiku;

    l-ostakli lingwistiċi huma komuni peress li l-informazzjoni hija provduta l-aktar bl-Ingliż biss.

    3.5.    Il-konsistenza tal-politika

    3.5.1.

    Biex ikunu konsistenti, il-politiki ta’ promozzjoni tal-SMEs għandhom jikkunsidraw id-diversità tal-SMEs billi jiġbru mikrodata u analiżi fil-livell mikroekonomiku. Dan huwa l-unika mod kif jittejjeb il-fehim tal-ħtiġijiet differenti tal-SMEs b’konformità mal-karatteristiċi partikolari tagħhom.

    3.5.2.

    Bħalissa, is-swieq bankarji u tal-kapital Ewropej għadhom frammentati. Il-proġett tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali, li tnieda biex jindirizza din il-kwistjoni, jista’ jitwettaq biss jekk ikun konsistenti ma’ politiki oħra intiżi biex jappoġġjaw lill-SMEs. L-għarfien u l-fehim limitat tal-biċċa l-kbira tal-SMEs fir-rigward tal-istrumenti finanzjarji differenti jillimita l-iżvilupp tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali. Għal dan il-għan, l-appoġġ għall-SMEs għandu jinkludi l-istabbiliment ta’ approċċ sostenibbli u fit-tul għall-finanzjament u l-bini ta’ fehim tal-istrumenti differenti, il-possibbiltajiet għall-komplementarjetà u l-vantaġġi u r-riskji assoċjati mal-istrumenti differenti.

    3.5.3.

    Ħafna drabi, ir-relazzjonijiet bejn is-sid, il-maniġment u l-impjegati fl-SMEs huma eqreb milli f’kumpaniji kbar u d-djalogu soċjali huwa għalhekk sitwazzjoni fejn jirbaħ kulħadd, billi jiġu stabbiliti s-sisien għal forza tax-xogħol impenjata u involuta b’impjiegi ta’ kwalità għolja. Sabiex il-partijiet interessati kollha jibbenefikaw minn sitwazzjoni bħal din u biex tissaħaħ l-akkumulazzjoni ta’ kapital soċjali fi ħdan l-SMEs, għandu jingħata appoġġ sistematiku lill-SMEs biex isiru konxji dwar l-importanza tad-djalogu soċjali, is-saħħa u s-sikurezza, il-kundizzjonijiet tax-xogħol, forom innovattivi tal-organizzazzjoni tax-xogħol, it-tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol, u l-iżvilupp tal-ħiliet. F’dan l-isforz, ir-rwol tal-imsieħba soċjali u tal-NGOs huwa indispensabbli.

    3.6.    Rakkomandazzjonijiet speċifiċi rigward l-oqsma ta’ prijorità tal-politiki tal-SMEs tal-UE:

    3.6.1.   It-tnaqqis/is-semplfikazzjoni tal-piż:

    tiġi evitata r-regolamentazzjoni żejda (gold-plating) billi tiġi provduta traduzzjoni iktar ċara tal-leġisżlazzjoni tal-UE, billi jiddaħħlu fis-seħħ sistemi biex isolvu tilwim u interpretazzjoni żbaljata ta’ dawn it-testi, u billi jitħejja abbozz ta’ “noti li faċli jinqraw mill-SMEs” u vademecum li jiġbor fil-qosor u jispjega l-informazzjoni rilevanti għall-SMEs;

    it-test tal-SMEs għandu jsir obbligatorju għall-proposti leġislattivi l-ġodda u għandha tiġi garantita l-implimentazzjoni effettiva tiegħu mill-Istati Membri kollha, u sistematikament madwar is-servizzi tal-KE (32);

    tiġi żgurata inklużjoni aktar effettiva b’mod strutturat tal-SMEs u l-organizzazzjonijiet tagħhom fil-valutazzjonijiet tal-impatt ta’ leġislazzjonijiet ġodda permezz tas-semplifikazzjoni tal-format u l-kontenut tagħhom kif ukoll id-disponibbiltà tal-informazzjoni bil-lingwi kollha tal-UE, u jiġi valutat l-impatt fuq il-gruppi differenti ta’ SMEs;

    jitwettaq kontroll tal-idoneità komplut tal-leġislazzjoni tal-UE dwar il-politiki tal-UE fuq bażi regolari;

    l-organizzazzjonijiet nazzjonali u reġjonali tal-SMEs jiġu inklużi b’mod aktar effettiv (b’mod obbligatorju) bħala msieħba fid-dibattitu interistituzzjonali dwar leġislazzjoni ġdida li tikkonċerna lill-SMEs;

    jiġi żgurat il-monitoraġġ effettiv tar-riżultati fil-qafas tal-programm REFIT f’termini ta’ tnaqqis tal-piż għall-SMEs.

    3.6.2.   Il-promozzjoni tal-intraprenditorija:

    jiġu appoġġjati l-azzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tal-SMEs fil-livell tal-UE, nazzjonali u reġjonali biex jipprovdu informazzjoni, taħriġ u gwida/mentoraġġ tal-intrapriżi;

    jiġu arrikkiti l-għodod eżistenti għall-appoġġ tat-tisħiħ ta’ mentalità intraprenditorjali fost iż-żgħażagħ u jiġi żgurat li l-programmi ta’ appoġġ jibqgħu ffokati fuq l-iżvilupp ta’ ħiliet intraprenditorjali ewlenin;

    tiġi introdotta l-intraprenditorija bħala parti mill-kurrikulu fil-livelli kollha tal-edukazzjoni (33);

    isiru sforzi addizzjonali biex ikomplu jiġu ssimplifikati u jitnaqqsu l-ispejjeż tal-proċeduri ta’ negozju ġdid, jitħaffef l-aċċess għal finanzjament u jitħeġġu aktar nies biex jiżviluppaw l-isforzi intraprenditorjali tagħhom;

    jiġu provduti proċeduri ta’ likwidazzjoni u ta’ trasferiment ta’ negozju faċli u sempliċi kif ukoll possibbiltajiet sekondarji,

    3.6.3.   It-titjib tal-aċċess għas-swieq u l-internalizzazzjoni:

    l-ottimizaazzjoni tal-funzjonament tas-suq uniku sabiex jiġu evitati r-regolamentazzjoni żejda, in-nonapplikazzjoni u prattiki ta’ xi Stati Membri oħra li jwasslu għal distorsjoni tal-kompetittività mingħajr ma jiġu limitati d-drittijiet tal-ħaddiema u tal-konsumaturi;

    tiżdied il-viżibbiltà tan-netwerks ta’ appoġġ għall-internalizzazzjonijiet eżistenti permezz ta’ kollaborazzjoni aħjar mal-organizzazzjonijiet tal-SMEs fil-livell nazzjonali u reġjonali;

    jiġu pprovduti għodod li jgħinu lill-SMEs jieħdu sehem f’wirjiet, konvenzjonijiet u fieri barra mill-pajjiż;

    it-tħeġġiġ tal-ħolqien ta’ raggruppamenti settorjali reġjonali u nazzjonali tal-SMEs b’ċertifikat ta’ kwalità garantita;

    jitnaqqsu aktar l-ispejjeż tal-istandards u tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali għall-SMEs u ssir il-promozzjoni tal-benefiċċji tagħhom għall-kompetittività.

    3.6.4.   Il-faċilitazzjoni tal-aċċess għall-finanzi:

    jitnaqqsu l-formalitajiet, il-monitoraġġ u l-kontroll għall-minimu assolutament meħtieġ — l-implimentazzjoni obbligatorja tal-prinċipju “darba biss”, l-użu ta’ formoli elettroniċi, is-semplifikazzjoni tal-applikazzjoni ta’ “de minimis”;

    jitfasslu programmi bbażati fuq l-għotjiet għall-SMEs abbażi ta’ valutazzjoni bir-reqqa tal-ħtiġijiet, tiġi evitata l-prattika detrimentali li jiġu implimentati proġetti bil-għan li jinkiseb finanzjament li ma jitħallasx lura, mingħajr strateġija għall-iżvilupp ta’ negozju;

    tissaħħaħ il-kollaborazzjoni bejn il-FEI, l-intermedjarji finanzjarji u l-organizzazzjonijiet tal-SMEs sabiex jitfasslu strumenti finanzjarji effettivi ħafna li jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-SMEs għall-kapital operatorju, self u garanziji u jipprovdu valutazzjoni tal-effetti li jinħolqu permezz ta’ indikaturi kwantitattivi;

    jiġi stabbilit portafoll diversifikat sħiħ ta’ miżuri ta’ appoġġ imfassla apposta u innovattivi biex b’mod effettiv jilħqu l-grupp eteroġenu ta’ SMEs (34);

    jiġi pprovdut appoġġ għal SMEs li huma mħejjija għal ħruġ ta’ bonds u strumenti ta’ ekwità fuq partijiet tas-suq speċjalizzati;

    jiġu allokati biżżejjed riżorsi għall-Faċilità ta’ Garanzija ta’ Self tal-COSME biex tilħaq l-għanijiet tagħha, filwaqt li jitqies l-impatt finanzjarju tal-Brexit;

    jiġu analizzati modi kif jissaħħu mezzi finanzjarji innovattivi li ma jinvolvux self bħall-ekwità privata, il-kapital ta’ riskju, l-investituri informali u l-finanzjament kollettiv u l-użu effettiv tal-appoġġ tal-istituzzjonijiet garanti.

    3.6.5.   L-appoġġ tal-kompetittività u l-innovazzjoni:

    jiġu pprovduti għodod li jtejbu l-aċċess tal-SMEs għall-kapital ta’ riskju għall-introduzzjoni ta’ innovazzjonijiet;

    tiġi appoġġjata l-kooperazzjoni bejn l-SMEs u l-istituzzjonijiet ta’ riċerka u edukattivi u jiġi ffaċilitat l-iskambju ta’ informazzjoni bejniethom;

    jinħolqu l-kundizzjonijiet favorevoli għall-bini ta’ konsorzji vijabbli fejn l-SMEs u l-ideat innovattivi tagħhom xprunati mis-suq jaqdu rwol ċentrali;

    tiġi appoġġjata l-kompetittività tal-SMEs permezz ta’ gwida/mentoraġġ bil-għan li: jiġu pprovduti l-bini ta’ kapaċità u l-assistenza teknika; tinxtered l-aħjar prattika; tiġi appoġġjata l-kooperazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet tal-SMEs.

    3.6.6.   Il-provista ta’ netwerks ta’ appoġġ ewlenin:

    l-organizzazzjonijiet tal-SMEs fil-livell tal-UE, nazzjonali u reġjonali jiġu promossi bħala l-aktar “ċentri tal-gravità” importanti billi jiġu stabbiliti strateġiji biex dawn ikunu jistgħu jibnu l-kapaċità tagħhom u billi jiġi implimentat il-prinċipju ta’ governanza f’diversi livelli u fatturi fil-livell tal-UE, nazzjonali u reġjonali u jiġu applikati fil-proċess leġislattiv;

    tiġi kkunsidrata l-possibbiltà li jinħoloq portal uniku għall-inizjattivi kollha ta’ appoġġ għall-SMEs b’disinn ċar u faċli għall-utent – b’kontenut-e rikk, ridirezzjonamenti limitati, lingwaġġ li jinftiehem.

    3.6.7.   L-iżvilupp ta’ ħiliet tax-xogħol adatti:

    l-adattament tas-sistemi ta’ taħriġ vokazzjonali għar-rekwiżiti tas-swieq tax-xogħol; il-ħolqien ta’ sistemi għall-monitoraġġ u l-previżjoni tal-ħtiġijiet tas-swieq tax-xogħol;

    jissaħħaħ l-appoġġ għall-Istati Membri biex jiġi ffaċilitat l-involviment tal-SMEs fi skemi ta’ apprendistat;

    l-appoġġ ta’ programmi ta’ taħriġ fuq perjodu qasir; titħeġġeġ il-koperazzjoni bejn l-assoċjazzjonijiet tal-impjegaturi u l-istituzzjonijiet edukattivi.

    Brussell, is-6 ta’ Lulju 2017.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Georges DASSIS


    (1)  Studju tal-KESE: “Assessment of the effectiveness of the EU’s SMEs policies 2007-2015” (Jannar 2017); studju tal-KESE: “Access to finance for SMEs and midcaps in the period 2014-2020: opportunities and challenges” (Mejju 2015), minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “studji tal-KESE” (mhux disponibbli bil-Malti).

    (2)  Il-Faċilità ta’ Garanzija ta’ Self u l-istrumenti finanzjarji kollha tal-COSME huma eżempji tajba ta’ mekkaniżmi ta’ appoġġ imfassla apposta.

    (3)  Skont ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 (Artikolu 5), żviluppat aktar fir-Regolament (UE) Nru 240/2014.

    (4)  http://ec.europa.eu/regional_policy/sources/docgener/evaluation/pdf/expost2013/wp2_final_en.pdf, p. 31.

    (5)  ĠU C 229, 31.7.2012, p. 49, ĠU C 181, 21.6.2012, p. 125.

    (6)  Skeda Informattiva tal-SBA għall-2016. Profil SBA. Il-prestazzjoni mkejla mill-indikaturi tal-SBA.

    (7)  Pereżempju fl-Istati Uniti, l-Amministrazzjoni tan-Negozji ż-Żgħar tistabbilixxi l-kriterji tagħha biex ikunu bbażati mhux biss fuq l-istruttura tas-sjieda, id-dħul u n-numru ta’ impjegati imma wkoll fuq l-attività ekonomika tal-intrapriża. Dan jiffaċilita l-applikazzjoni ta’ politiki industrijali rilevanti.

    (8)  Id-dimensjonijiet differenti tal-SMEs huma ddefiniti tajjeb ħafna f’http://ec.europa.eu/regional_policy/sources/docgener/evaluation/pdf/expost2013/wp2_final_en.pdf, p. 20.

    (9)  Il-Karta Ewropea għall-Intrapriżi ż-Żgħar (2000).

    (10)  COM(2008) 394 final.

    (11)  ĠU C 27, 3.2.2009, p. 7, ĠU C 224, 30.8.2008, p. 32, ĠU C 182, 4.8.2009, p. 30.

    (12)  COM(2011) 78 final.

    (13)  ĠU C 376, 22.12.2011, p. 51.

    (14)  ĠU C 229, 31.7.2012, p. 49, ĠU C 181, 21.6.2012, p. 125.

    (15)  http://www.eesc.europa.eu/resources/docs/final-joint-declaration---horizontal-sme-policy.pdf

    (16)  Ftehimiet, direttivi, regolamenti u deċiżjonijiet.

    (17)  Skont il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, aktar minn 85 % tal-leġislazzjoni tal-UE tiġi applikat fil-livell territorjali.

    (18)  ECO/372; rapport ta’ informazzjoni li ma ġiex ippubblikat fil-ĠU (ĠU C 13, 15.1.2016, p. 8), (ĠU C 383, 17.11.2015, p. 64).

    (19)  Id-definizzjoni komuni tal-SMEs hija stabbilita fir-Rakkomandazzjoni tal-UE 2003/361. Definizzjoni oħra tal-SMEs tingħata fid-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 u fid-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 (ĠU C 383, 17.11.2015, p. 64).

    (20)  ĠU C 303, 19.8.2016, p. 94.

    (21)  http://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/?uri=COM:2016:733:FIN

    (22)  ĠU C 388, 31.12.1994, p. 14.

    (23)  L-istħarriġ sar mill-membri tal-KESE, UEAPME, CEEP u BICA minn April sa Mejju 2016. Ir-riżultati ġew analizzati, u l-Istati Membri nqasmu f’żewġ gruppi abbażi tal-klassifikazzjoni użata f’“Indsutry 4.0. The new industrial revolution. How Europe will succeed”, Roland Berger Strategy Consultants, Marzu 2014. Il-pajjiżi tal-Grupp 1 huma l-Awstrija, il-Belġju, l-Iżvezja, u l-Ġermanja – b’livell għoli ta’ tlestija għall-Industry 4.0 u msejħa pajjiżi “potenzjalisti” u “pijunieri”. Il-pajjiżi li ġew klassifikati fil-Grupp 2 huma l-Bulgarija, ir-Rumanija, l-Ungerija, Spanja u Ċipru – imsejħa pajjiżi “li jżommu lura” u “tradizzjonalisti”. Din id-diviżjoni tippermetti li r-riżultati tal-ispot survey jitqabblu mar-riċerka preċedenti tal-KESE (ara ECO/372).

    (24)  http://ec.europa.eu/DocsRoom/documents/16341/attachments/2/translations/en/renditions/pdf

    (25)  Hemm korrelazzjoni bejn il-konklużjonijiet tar-rapport u l-għadd ta’ proġetti approvati fil-qafas tal-istrument Orizzont 2020 sal-aħħar tal-2015.

    L-Awstrija (25), il-Belġju (12), il-Ġermanja (88), Franza (67), l-Iżvezja (46) u r-Renju Unit (139). Dawn il-pajjiżi esperjenzaw titjib fl-impjieg u l-valur miżjud tal-SMEs fi tmiem l-2014 li kien l-istess għal-livell tal-2008;

    Il-Bulgarija (1), ir-Repubblika Ċeka (6), il-Kroazja (1), Ċipru (2), id-Danimarka, il-Greċja (11), l-Ungerija, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja (5), il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovenja u Spanja għadhom ma laħqux il-livell tal-2008.

    (26)  Lichtenstein, G. A., T. S. Lyons, “Incubating New Enterprises: A Guide to Successful Practice” (The Aspen Institute, Rural Economic Policy Programme, USA, 1996).

    (27)  ĠU C 209, 30.6.2017, p. 21.

    (28)  Direttiva 2011/7/UE.

    (29)  https://ec.europa.eu/growth/smes/promoting-entrepreneurship/support/education/projects-studies_en

    (30)  ĠU C 388, 31.12.1994, p. 14.

    (31)  Eż. l-Iskema tal-UE ta’ Mmaniġġjar u Awditjar Ekoloġiċi, l-Ekotikketta tal-UE, il-Verifika tat-Teknoloġiji Ambjentali tal-UE, jew l-Impronta Ambjentali tal-Prodotti.

    (32)  It-test tal-SMEs diġà huwa inkluż fil-valutazzjoni tal-impatt tal-KE – https://ec.europa.eu/growth/smes/business-friendly-environment/small-business-act/sme-test_en.

    (33)  ĠU C 332, 8.10.2015, p. 20.

    (34)  ĠU C 351, 15.11.2012, p. 45; ĠU C 34, 2.2.2017, p. 66; ĠU C 303, 19.8.2016, p. 94.


    nach oben