Wählen Sie die experimentellen Funktionen, die Sie testen möchten.

Dieses Dokument ist ein Auszug aus dem EUR-Lex-Portal.

Dokument 52017XE2874

    Riżoluzzjoni dwar “Il-kontribut tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew għall-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni għall-2018”

    ĠU C 345, 13.10.2017, S. 1–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    13.10.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 345/1


    Riżoluzzjoni dwar “Il-kontribut tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew għall-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni għall-2018”

    (2017/C 345/01)

    Matul is-sessjoni plenarja tiegħu tal-5 u s-6 ta’ Lulju 2017 (laqgħa tal-5 ta’ Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta r-riżoluzzjoni li ġejja b’191 vot favur, 6 voti kontra u 16-il astensjoni.

    1.   L-iżvilupp ta’ narrattiva pożittiva għall-UE

    1.1.

    Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jenfasizza l-importanza tas-sena 2018 bħala l-aħħar sena kompletament operattiva għall-Kummissjoni attwali – kif ukoll għall-Parlament Ewropew. Għalhekk, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tfassal il-programm ta’ ħidma tagħha b’mod ambizzjuż, iżda prammatiku, sabiex jiġu indirizzati kif xieraq l-isfidi relatati mal-Unjoni Ewropea li tinsab f’salib it-toroq. Minħabba fl-inċertezzi dwar il-Brexit u żviluppi globali, issa huwa meħtieġ aktar minn qatt qabel dibattitu wiesa’, parteċipatorju u strutturat dwar il-futur tal-Ewropa. Huwa importanti li mmorru lura lejn l-għeruq tagħna u nfakkru l-proġett oriġinali u l-valuri u l-objettivi fundamentali tal-Unjoni kif inhuma minquxa fit-Trattati tal-UE.

    1.2.

    Għandna nibnu fuq ir-riżultati pożittivi miksuba s’issa. Madankollu, id-dehra ta’ orjentazzjonijiet u movimenti nazzjonalisti, protezzjonisti, awtoritarji u populisti għandhom jidhru bħala appell qawwi għall-mexxejja tal-istituzzjonijiet u l-Istati Membri tal-UE sabiex neżaminaw x’jeħtieġ li jsir biex terġa’ tinkiseb il-fiduċja pubblika u jiġi salvagwardjat futur li jirnexxi għall-proġett Ewropew.

    1.3.

    Għaldaqstant, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni biex tistinka għal Unjoni qawwija, solida u koeżiva li tkun kapaċi tiġġenera tkabbir sostenibbli, l-impjiegi ta’ kwalità, il-benessri u l-opportunitajiet indaqs għall-poplu Ewropew kollu, abbażi ta’ viżjoni kondiviża u narrattiva pożittiva msejsa fuq l-involviment u l-parteċipazzjoni tal-pubbliku. Unjoni magħquda u koeżiva, mibnija fuq l-impenn tal-Istati Membri favur il-kawża, hija bżonnjuża ferm sabiex twieġeb għall-isfidi ekonomiċi, soċjali u ambjentali li qed tiffaċċja l-UE. Il-koeżjoni interna hija wkoll prerekwiżit għall-UE biex taġixxi bħala attur qawwi u globali f’oqsma bħall-kummerċ internazzjonali, is-sigurtà, l-enerġija, il-politika dwar it-tibdil fil-klima, u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem.

    1.4.

    Il-KESE jirrikonoxxi li n-negozjati tal-Brexit se jagħmlu l-2018 sena ta’ sfida. Madankollu, huwa importanti li l-Kummissjoni tkompli timplimenta miżuri diġà miftiehma, b’mod speċjali dawk relatati ma’ inizjattivi tas-suq uniku. Fl-istess ħin, hija meħtieġa tħejjija għall-futur fit-tul tal-UE. Il-KESE hawnhekk jirreferi għall-opinjonijiet tiegħu dwar il-White Paper dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa. Il-KESE se jippreżenta wkoll opinjonijiet dwar id-dokumenti ta’ riflessjoni assoċjati; għal din ir-raġuni, dawn is-suġġetti ssir referenza għalihom fil-qosor biss f’dan il-kontribut.

    1.5.

    Billi hemm rabta qawwija bejn l-ekonomija, l-impjiegi, il-benessri tan-nies u l-ambjent, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tadotta l-iżvilupp sostenibbli bħala approċċ globali fil-programm ta’ ħidma tagħha. Il-KESE għaldaqstant jinkwadra l-kontribut tiegħu f’termini tat-tliet “pilastri” tas-sostenibbiltà, kif ġej:

    (a)

    It-tisħiħ tal-pedamenti ekonomiċi tal-Ewropa;

    (b)

    It-trawwim tad-dimensjoni soċjali tagħha; u

    (c)

    L-iffaċilitar tat-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari u b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju.

    1.6.

    Il-KESE jenfasizza li l-pilastri huma universali, indiviżibbli u interdipendenti. L-UE għandha tkun ambizzjuża u tistinka biex jinkisbu politiki u inizjattivi li jwasslu għal soluzzjonijiet ta’ benefiċċju (win-win-win) f’termini ta’ benefiċċji ekonomiċi, soċjali u ambjentali.

    1.7.

    Għaldaqstant, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżviluppa l-politiki tagħha b’mod integrat u tapplika approċċ koerenti u konsistenti, filwaqt li tinvolvi l-partijiet kollha tal-Kummissjoni u tiddekompartimentalizza t-tfassil tal-politika u tal-liġijiet. Il-KESE jistieden ukoll lill-Kummissjoni tkompli – b’mod konformi mal-prinċipji tar-regolamentazzjoni aħjar – ittejjeb il-kwalità tat-tfassil tal-liġijiet tal-UE u s-semplifikazzjoni u l-kjarifika tal-leġislazzjoni, bil-għan li jinħolqu benefiċċji prattiċi għall-atturi kollha.

    1.8.

    Barra minn hekk, il-KESE jtenni t-talba tiegħu biex tinħoloq strateġija globali biex l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tal-Aġenda 2030 tan-Nazzjonijiet Uniti jiġu integrati fil-politiki rilevanti kollha tal-UE u jistieden lill-Kummissjoni tħejji viżjoni u strateġija fit-tul dwar is-sostenibbiltà, li jibnu fuq l-opinjoni li jmiss tal-KESE dwar “It-tranżizzjoni lejn futur Ewropew aktar sostenibbli – strateġija għall-2050”.

    1.9.

    Il-KESE jenfasizza l-importanza kruċjali tal-parteċipazzjoni strutturata tas-soċjetà ċivili fit-tfassil, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-politiki, il-programmi u inizjattivi oħra tal-UE sabiex jinkisbu riżultati tanġibbli u l-aċċettazzjoni pubblika u biex tiġi promossa l-koeżjoni fis-soċjetà. L-imsieħba soċjali għandhom rwol speċifiku x’jaqdu fil-ħolqien u l-implimentazzjoni tal-politiki li direttament jew indirettament jaffettwaw l-impjiegi u s-swieq tax-xogħol.

    1.10.

    Filwaqt li l-proposti għall-azzjoni huma ppreżentati f’aktar dettall fit-taqsimiet 2.-5., il-KESE jiġbor fil-qosor il-prijoritajiet ta’ politika ewlenin tiegħu għall-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni għall-2018 kif ġej:

    Il-KESE jappella lill-Kummissjoni biex tkompli l-implimentazzjoni tal-istrateġiji u l-programmi mmirati lejn l-iżvilupp ulterjuri tas-suq uniku, filwaqt li tqis id-dimensjonijiet ekonomiċi u soċjali fil-qafas tal-iżvilupp sostenibbli. Filwaqt li jirrikonoxxi li l-UEM hija fil-qalba tas-suq uniku, il-miżuri huma partikolarment meħtieġa fl-oqsma tas-swieq kapitali, kif ukoll tas-swieq diġitali, tal-enerġija u tat-trasport. Barra minn hekk, il-KESE jappella għal politika kummerċjali attiva, filwaqt li titqies il-ħtieġa għal trasparenza u involviment mill-qrib tas-soċjetà ċivili.

    Il-Kummissjoni għandha tadotta strateġija komprensiva għall-promozzjoni tal-intraprenditorija, l-innovazzjoni u l-iżvilupp industrijali, inklużi l-opportunitajiet u l-isfidi miġjuba minn megatendenzi globali bħal progress rapidu fid-diġitalizzazzjoni u l-Internet tal-Oġġetti, u t-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari u b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju.

    Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa d-dimensjoni soċjali tal-UE bl-għan li jiġi promoss il-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità, jittejbu l-ħiliet u l-kompetenzi, jiżdiedu l-investimenti soċjali u tiġi żviluppata l-ekonomija soċjali, kif ukoll għall-prevenzjoni tal-faqar, l-inugwaljanzi, id-diskriminazzjoni u l-esklużjoni soċjali, b’enfasi speċjali fuq l-inklużjoni taż-żgħażagħ fis-soċjetà. Barra dan, għandha tingħata attenzjoni partikolari lir-rispons għat-tibdil profond għas-soċjetà kollha ikkawżat mid-diġitalizzazzjoni.

    Il-KESE jitlob miżuri biex ir-riżorsi finanzjarji pubbliċi jiġu orjentati b’mod effiċjenti u biex jingħata rispons għall-isfidi futuri kkawżati mill-Brexit u l-ħtieġa għal tkabbir sostenibbli, innovazzjoni, impjiegi u koeżjoni. Barra mill-investiment pubbliku, l-inkoraġġiment tal-investiment privat huwa bl-istess mod meħtieġ biex iwieġeb għall-ħtiġijiet ta’ investiment sostanzjali.

    Il-Kummissjoni għandha tissokta bl-implimentazzjoni ta’ miżuri, inkluż il-kontroll effettiv tal-fruntieri esterni, biex tipproteġi lill-Ewropej kontra t-theddid tas-sigurtà. Din għandha ssaħħaħ ukoll il-miżuri biex l-UE tkun attur aktar effettiv fil-livell dinji permezz tal-kooperazzjoni multilaterali u l-prevenzjoni attiva tal-kunflitti. Barra minn hekk, il-KESE jikkunsidra li hemm bżonn tissaħħaħ il-kooperazzjoni dwar id-difiża.

    Il-KESE jistieden, u joffri l-appoġġ tiegħu lill-Kummissjoni, biex tiżviluppa strateġija bl-għan li jsir djalogu ċivili strutturat li huwa organizzat b’mod effiċjenti u fuq bażi permanenti.

    2.   It-tisħiħ tal-pedamenti ekonomiċi tal-Ewropa

    2.1.    Is-Semestru Ewropew u l-UEM

    2.1.1.

    Il-proċess tas-Semestru Ewropew għandu jsaħħaħ ir-rwol ta’ koordinazzjoni tal-Kummissjoni sabiex tiġi żgurata l-konformità tal-Istati Membri mal-miri u r-rakkomandazzjonijiet tal-istrateġija tal-Ewropa 2020 u l-implimentazzjoni tar-riformi strutturali meħtieġa għal tkabbir ekonomiku sostenibbli fit-tul, il-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità u l-progress soċjali. L-involviment aktar mill-qrib tal-imsieħba soċjali u organizzazzjonijiet rappreżentattivi oħrajn tas-soċjetà ċivili u sjieda akbar min-naħa tagħhom fil-formulazzjoni u l-implimentazzjoni tal-programmi ta’ riforma huma fattur ewlieni għas-suċċess f’dan il-proċess, filwaqt li jiġi rikonoxxut li l-imsieħba soċjali għandhom rwol speċifiku x’jaqdu, fid-dawl tal-kompetenzi esklużivi, ir-responsabbiltajiet u l-kompiti tagħhom.

    2.1.2.

    Il-KESE jitlob aġġustament makroekonomiku simmetriku fiż-żona tal-euro, kondiviż kemm mill-Istati Membri b’defiċit kif ukoll minn dawk b’eċċess. Dan jinkludi wkoll pożizzjoni fiskali pożittiva aggregata għaż-żona tal-euro kollha kemm hi.

    2.1.3.

    L-Unjoni Ekonomika u Monetarja hija element ewlieni tal-integrazzjoni Ewropea. Il-KESE jirreferi għall-pożizzjonijiet preċedenti tiegħu u jitlob inizjattivi għall-ikkompletar tal-UEM, inkluż l-iżvilupp tal-governanza, il-kontroll demokratiku u d-djalogu makroekonomiku tagħha.

    2.2.    Riżorsi finanzjarji u investiment

    2.2.1.

    Bil-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) li jmiss, il-Kummissjoni għandha twitti t-triq biex tiffoka r-riżorsi b’mod effiċjenti u twieġeb għal sfidi futuri kkawżati mill-Brexit u l-ħtieġa għal żvilupp sostenibbli, kompetittività, innovazzjoni, impjiegi u koeżjoni soċjali, billi tuża approċċ orjentat lejn il-prestazzjoni u r-riżultati. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tallinja d-durata tal-QFP li jmiss maċ-ċiklu politiku tal-Kummissjoni u tal-Parlament. Jitlob ukoll li jsiru tħejjijiet għall-introduzzjoni ta’ tipi ġodda ta’ riżorsi proprji tal-UE.

    2.2.2.

    Il-KESE jilqa’ t-tieni fażi tal-FEIS (Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi) biex tingħata spinta lill-investiment bl-involviment ta’ aktar kapital privat, flimkien ma’ kapital pubbliku minn sorsi kemm nazzjonali kif ukoll reġjonali. Għaldaqstant, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-FEIS għandu jkopri wkoll fergħat oħra ta’ finanzjament minbarra l-banek.

    2.2.3.

    Il-KESE jenfasizza li jinħtieġ użu effettiv u effiċjenti tal-fondi Ewropej. Jeħtieġ li jiġi prijoritizzat l-investiment fl-innovazzjoni, l-intraprenditorija, l-iżvilupp tal-ħiliet, il-politiki attivi dwar is-suq tax-xogħol, u s-sistemi diġitali, tal-enerġija u tat-trasport, filwaqt li jiġi żgurat li l-fondi jkunu allokati b’mod adegwat għal proġetti b’impatt soċjali għoli.

    2.2.4.

    Il-KESE jenfasizza li tinħtieġ implimentazzjoni ulterjuri tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali biex jittejjeb l-aċċess għal finanzjament privat, b’enfasi speċjali fuq il-ħtiġijiet tal-SMEs. Għandu jiġi promoss ukoll aktar użu tal-ekwità u tal-finanzjament tas-suq tal-kapital.

    2.2.5.

    Fil-każ tal-ikkompletar tal-Unjoni Bankarja, il-KESE jenfasizza li kondiviżjoni ulterjuri tar-riskju trid tiġi akkompanjata minn aktar proposti dwar it-tnaqqis tar-riskju. Fir-riformi li jmiss tar-regolamentazzjoni bankarja, il-Kummissjoni għandha tagħti attenzjoni xierqa lill-karatteristiċi speċifiċi u l-possibbiltajiet ta’ banek żgħar u mhux kumplessi.

    2.2.6.

    Il-KESE jitlob passi biex jitrażżnu l-frodi tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa u l-ippjanar aggressiv tat-taxxa. Il-preġudizzju eżistenti fis-sistemi fiskali li jiffavorixxi l-finanzjament tad-dejn tan-negozju għandu jinbidel. Fir-rigward tal-VAT, il-KESE jtenni r-rakkomandazzjoni tiegħu għal tranżizzjoni lil hinn mis-sistema tranżitorja attwali lejn reġim definittiv tal-VAT imfassal għal suq uniku Ewropew.

    2.3.    Sistemi diġitali, tal-enerġija u tat-trasport

    2.3.1.

    Il-KESE jenfasizza l-importanza tas-suq uniku diġitali għas-soċjetà kollha. Il-ħiliet diġitali, ambjent tan-negozju abilitanti u l-fiduċja tal-konsumaturi huma fost il-kundizzjonijiet l-aktar kritiċi biex isir użu mill-potenzjal tad-diġitalizzazzjoni. Billi d-data hija fattur ta’ produzzjoni u materja prima għall-ħolqien ta’ valur ekonomiku miżjud, l-aċċessibilità u l-fluss liberu tad-data huma ta’ importanza kbira ħafna. Fl-istess ħin, jeħtieġ li tkun żgurata l-protezzjoni adegwata ta’ data privata u kummerċjali, b’attenzjoni speċjali għad-data ġġenerata minn negozji individwali. Il-KESE jħeġġeġ ukoll lill-Kummissjoni tkompli bl-isforzi tagħha biex iżżid il-kapaċitajiet u l-kooperazzjoni fir-rigward taċ-ċibersigurtà. Barra minn hekk, il-KESE jitlob kooperazzjoni internazzjonali fil-qasam diġitali, pereżempju fi ħdan il-qafas tal-OECD.

    2.3.2.

    Irid jitkompla l-iżvilupp tal-infrastruttura diġitali, inklużi konnessjonijiet tal-banda wiesgħa u mingħajr fili, sistemi tal-enerġija diġitali u t-trasport, u bini u komunitajiet “intelliġenti”. Bl-istess mod jeħtieġ li jiġi promoss l-użu tad-diġitalizzazzjoni fis-setturi tal-edukazzjoni, tas-saħħa u dawk soċjali. Għandu jiġi promoss ukoll l-użu sħiħ tad-diġitalizzazzjoni biex il-proċessi amministrattivi jsiru aktar faċli. Għandha ssir enfasi speċjali biex tingħata kopertura għal żoni remoti u aċċess diġitali minimu għal kulħadd, filwaqt li tiġi msaħħa wkoll l-inklużjoni ta’ gruppi vulnerabbli tas-soċjetà.

    2.3.3.

    Il-KESE appoġġja b’mod qawwi l-inizjattiva tal-Unjoni tal-Enerġija sa mill-bidu nett. Jistieden lill-Kummissjoni ssegwi l-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-Unjoni tal-Enerġija, filwaqt li tiżgura li hemm infrastruttura tal-enerġija adegwata u swieq tal-enerġija li jiffunzjonaw mingħajr intoppi filwaqt li tiġi żgurata d-disponibbiltà ta’ enerġija sikura, affordabbli u li ma tagħmilx ħsara llil-klima għall-pubbliku ġenerali u n-negozji. Il-KESE jenfasizza s-sinifikat tad-djalogu dwar l-enerġija fil-livelli tal-UE, nazzjonali u lokali, bl-involviment sħiħ tas-soċjetà ċivili. Se joħroġ, b’mod regolari, l-opinjonijiet tiegħu dwar l-istat tal-Unjoni tal-Enerġija u inizjattivi individwali.

    2.3.4.

    It-trasport huwa marbut mill-qrib mal-Unjoni tal-Enerġija. Billi t-trasport huwa wieħed mill-fatturi determinanti bażiċi tal-attivitajiet għas-soċjetà kollha, jixraqlu profil għoli fil-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni. L-għan ewlieni tal-miżuri għandu jkun li jipprovdu lill-nies u lin-negozji b’mobilità u trasport aċċessibbli, mingħajr intoppi, sikuri, affordabbli u li ma jagħmlux ħsara lill-klima. Dan jirrikjedi investiment pubbliku u privat sostanzjali f’sistemi tat-trasport u fl-iżvilupp tat-trasport pubbliku. Il-kwistjonijiet tal-enerġija u tal-klima relatati mat-trasport, u l-introduzzjoni ta’ teknoloġiji ġodda ma għandhomx jiġu żviluppati b’mod iżolat mill-kwistjonijiet tas-suq tat-trasport.

    2.3.5.

    Filwaqt li titqies l-importanza orizzontali ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (SGEIs), il-KESE jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb ir-regoli dwar kumpens pubbliku għall-provvista ta’ SGEIs u l-applikazzjoni tagħhom, sabiex jiġu pprovduti linji gwida u jinħoloq kompendju tal-aħjar prattiki.

    2.3.6.

    Il-KESE jirrikonoxxi r-rwol tal-ibliet kif ukoll taż-żoni rurali fl-iżvilupp u l-koeżjoni ekonomiċi, soċjali u territorjali. B’enfasi fuq ir-rwol tal-ibliet, l-UE għandha tkompli taħdem fuq Aġenda Urbana definita sew u implimentata kif suppost. Il-potenzjal konsiderevoli taż-żoni rurali, muntanjużi u l-gżejjer għandu jiġi utilizzat fl-approċċ il-ġdid tal-Kummissjoni għal żvilupp territorjali integrat.

    2.4.    L-iżvilupp tal-produzzjoni u s-servizzi

    2.4.1.

    Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tadotta approċċ komprensiv u strateġija għall-iżvilupp industrijali. Għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-opportunitajiet u l-isfidi miġjuba minn megatendenzi globali bħal progress rapidu fid-diġitalizzazzjoni u l-Internet tal-Oġġetti, ir-rabta mill-qrib bejn l-industriji tal-manifattura u tas-servizzi, u t-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju.

    2.4.2.

    Il-potenzjal ta’ tkabbir li għandhom is-servizzi, inkluż is-settur tal-bejgħ bl-imnut, għandu jiġi sfruttat ukoll, filwaqt li jiġu salvagwardati d-drittijiet tal-konsumaturi u tal-ħaddiema u jiġi rikonoxxut li għad baqa’ xi ostakli fis-Suq Uniku.

    2.4.3.

    Il-politika dwar l-innovazzjoni, inkluż l-innovazzjoni soċjali hija kruċjali għall-kompetittività u t-tiġdid ekonomiku u biex jinkisbu l-benefiċċji soċjali. Il-KESE jitlob il-promozzjoni ta’ netwerks sovranazzjonali u netwerks trasversali bejn universitajiet, negozji u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fi ħdan il-kuntest tal-Orizzont 2020. Il-KESE jirrakkomanda wkoll is-semplifikazzjoni ta’ regoli amministrattivi dwar il-finanzjament u l-għajnuna mill-Istat.

    2.4.4.

    Tinħtieġ strateġija tal-Industrija 4.0 u s-Soċjetà 4.0 madwar l-UE, li tiffoka fuq teknoloġiji u pjattaformi, standards u arkitetturi ta’ referenza, netwerks ta’ Ċentri ta’ Innovazzjoni reġjonali u ħiliet fil-livelli kollha.

    2.4.5.

    Fir-rigward tal-isfidi li jġibu magħhom megatendenzi globali f’setturi individwali bħall-industriji awtomobilistiċi, tal-azzar u tal-faħam, il-KESE jitlob ġestjoni xierqa tat-tibdil strutturali, permezz ta’ oqfsa ta’ tranżizzjoni ġusti u xierqa u djalogu dwar kwistjonijiet speċifiċi għas-settur mal-imsieħba soċjali. Mill-banda l-oħra, l-opportunitajiet li qed jinħolqu f’oqsma bħall-industriji spazjali u tad-difiża jeħtieġ jinħatfu u jittieħed vantaġġ minnhom, filwaqt li jiġu żgurati kundizzjonijiet favorevoli għall-iżvilupp tas-setturi industrijali inġenerali, b’kundizzjonijiet tajbin tax-xogħol.

    2.4.6.

    Għandhom jiġu ffokati sforzi speċjali fuq it-titjib tal-finanzjament, l-innovazzjoni u internazzjonalizzazzjoni tal-impriżi ta’ daqs żgħir u medju, u l-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar għall-Ewropa jrid jiġi implimentat b’mod sħiħ. Il-politiki dwar l-SMEs għandhom jitfasslu skont il-ħtiġijiet differenti ta’ tipi differenti ta’ intrapriżi bħal negozji tal-familja, intrapriżi tradizzjonali żgħar u mikrointrapriżi, negozji ġodda u negozji li qed jespandu, inklużi intrapriżi tal-ekonomija soċjali. Il-KESE jistieden ukoll lill-Kummissjoni tniedi konsultazzjoni dwar id-definizzjoni ta’ SME.

    2.4.7.

    Il-KESE jqis li huwa importanti li tittieħed opinjoni komprensiva dwar it-tendenzi ġodda fil-mudelli tal-produzzjoni u tal-konsum, bħal mudelli ekonomiċi kollaborattivi, ċirkolari, ta’ kondiviżjoni u funzjonali, kif ukoll li jiġu żviluppati opportunitajiet bħall-ekonomija soċjali Jinħtieġu miżuri biex tiġi faċilitata l-introduzzjoni ta’ dawn il-mudelli ġodda u diversi, iżda fl-istess ħin, iridu jiġu garantiti kundizzjonijiet ekwi u konformità ma’ leġislazzjoni rilevanti u xierqa sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni pubblika u tal-konsumatur, u d-drittijiet tal-ħaddiema.

    2.4.8.

    Filwaqt li jitqies ir-rwol speċifiku tal-ekonomija soċjali, il-KESE jtenni t-talba tiegħu li jitnieda Pjan ta’ Azzjoni komprensiv għall-Ekonomija Soċjali f’konformità mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill ta’ Diċembru 2015 dwar “Il-Promozzjoni tal-ekonomija soċjali bħala mutur ewlieni tal-iżvilupp ekonomiku u soċjali fl-Ewropa”.

    2.4.9.

    Il-multifunzjonalità, id-diversità ta’ mudelli tal-biedja u s-sostenibbiltà għandhom jinżammu fil-qalba tal-kwistjoni meta jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tal-finanzjament, l-immodernizzar u s-semplifikazzjoni tal-Politika Agrikola Komuni (PAK) bħala parti mill-QFP li jmiss. Jinħtieġu wkoll aktar sforzi fir-riċerka u d-diġitalizzazzjoni fis-settur agrikolu.

    2.4.10.

    Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni taqleb għal politika agrikola u tal-ikel aktar integrata, filwaqt li tqis ukoll il-ħtieġa li timxi lejn ekonomija ċirkolari u tnaqqas b’mod drastiku l-iskart tal-ikel. Il-Kummissjoni għandha tadotta wkoll leġislazzjoni biex jiġu elimitati prattiki kummerċjali żleali fil-katina tal-provvista tal-ikel.

    2.4.11.

    Sabiex ikunu permessi l-iżvilupp u t-tiġdid xieraq tal-industriji u l-agrikoltura, il-qafas politiku u regolatorju għandu jipprovdi investiment stabbli u prevedibbli u ambjent operattiv kif ukoll isegwi l-prinċipji tar-regolamentazzjoni aħjar, għall-benesseri taċ-ċittadini.

    2.5.    Il-kummerċ internazzjonali

    2.5.1.

    Il-KESE jappella għal negozjati kummerċjali attivi u ġusti ma’ msieħba bħall-Ġappun, il-Mercosur u l-ASEAN, kif ukoll l-implimentazzjoni bla intoppi ta’ ftehimiet diġà konklużi, filwaqt li jitqiesu l-kwistjonijiet li tqajmu f’opinjonijiet preċedenti tal-KESE. Fl-implimentazzjoni tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Kummerċ għal kulħadd”, il-KESE jikkunsidra li jkun importanti li jiġu konklużi negozjati b’mod bilanċjat u trasparenti, li jwasslu benefiċċji għal negozji u ċittadini, filwaqt li jiġu protetti l-istandards ambjentali, soċjali, tax-xogħol, tal-konsumaturi u oħrajn, kif ukoll is-servizzi pubbliċi. Kollox ma’ kollox, il-KESE jenfasizza s-sinifikat tat-trasparenza u l-involviment tas-soċjetà ċivili fin-negozjar, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ ta’ ftehimiet kummerċjali mill-bidu nett.

    2.5.2.

    Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon it-titjib li sar b’rabta mas-soluzzjoni ta’ tilwim bejn l-investituri bis-saħħa tal-introduzzjoni ta’ sistema ġdida li tissostitwixxi l-ISDS, iżda jitlob lill-Kummissjoni tieħu passi oħra sabiex l-ICS tkun tista’ topera b’mod ġenwin bħala korp ġudizzjarju internazzjonali indipendenti.

    2.5.3.

    L-insegwiment tan-negozjati kummerċjali bilaterali m’għandux idgħajjef l-impenn tal-UE lejn id-WTO u favur ftehim multilaterali globali b’saħħtu. Il-KESE jistenna segwitu attiv għall-Konferenza Ministerjali tad-WTO tal-2017 f’oqsma bħall-agrikoltura u l-kummerċ elettroniku. Barra minn hekk, hemm ħtieġa urġenti li jiġu vvalutati r-riskji u l-opportunitajiet, mill-perspettiva tas-soċjetà ċivili, sabiex tiġi ddeterminata t-triq ’il quddiem fin-negozjati multilaterali li għaddejjin fir-rigward tal-Ftehim dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (TiSA) u l-Ftehim dwar il-Beni Ambjentali (EGA). Il-KESE jitlob ukoll adozzjoni u implimentazzjoni rapidi tar-riformi tal-politika tal-EU dwar id-Difiża Kummerċjali.

    2.5.4.

    Il-KESE jqis li huwa importanti li tiġi żgurata l-konsistenza bejn il-politika kummerċjali u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-Tibdil fil-Klima u l-politika kummerċjali tal-UE. Għaldaqstant, għandha ssir ħidma biex, fil-ftehimiet kummerċjali, jiġu inklużi kapitoli ta’ kummerċ ambizzjuż u żvilupp sostenibbli b’mekkaniżmi ta’ monitoraġġ qawwija tas-soċjetà ċivili.

    2.5.5.

    Barra minn hekk, il-KESE jitlob il-monitoraġġ mis-soċjetà ċivili fir-rigward tal-aspetti kollha tal-ftehimiet, inkużi dawk li d-dispożizzjonijiet tagħhom ma jinkludux b’mod speċifiku korp ta’ monitoraġġ konġunt li jinvolvi s-soċjetà ċivili. Il-kompetenza tal-KESE tagħti benefiċċji uniċi lil din il-ħidma.

    2.5.6.

    Jitlob ukoll li jkun hemm diskussjonijiet mas-soċjetà ċivili dwar il-valutazzjoni tal-impatt u l-implimentazzjoni prattika tal-Qorti tal-Investiment Multilaterali propost.

    3.   It-trawwim tad-dimensjoni soċjali tal-Ewropa

    3.1.    Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali

    3.1.1.

    Il-KESE jieħu nota tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u l-proposta għal Proklamazzjoni tal-EPSR, u l-inizjattivi leġislattivi u mhux leġislattivi ta’ akkumpanjament. Il-KESE qed jaħdem fuq dan il-pakkett u se jagħti l-opinjonijiet tiegħu fi żmien debitu.

    3.1.2.

    Sa issa, il-KESE jirreferi għall-Opinjoni aktar bikrija tiegħu dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (1), li fih indika l-objettivi ġenerali tiegħu għall-iżvilupp tal-Pilastru permezz ta’ taħlita ta’ strumenti legali u mhux legali relatati ma’ oqsma bħall-futur tax-xogħol, kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti, l-impjiegi, l-infurzar tal-acquis soċjali eżistenti tal-UE, u l-investiment soċjali. Huwa ddikjara li l-Pilastru għandu japplika għall-Istati Membri kollha, filwaqt li jirrikonoxxi li ż-żona tal-Euro jista’ jkollha bżonn strumenti/mekkaniżmi partikolari. Huwa tal-fehma li s-Semestru Ewropew u l-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma għandhom isiru l-mekkaniżmi prinċipali għall-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-Pilastru, u talab għal limiti ta’ referenza konkreti fis-Semestru Ewropew.

    3.1.3.

    Il-kundizzjonijiet qafas fis-swieq tax-xogħol jeħtieġ li jappoġġjaw mogħdijiet ta’ karriera ġodda u iżjed varjati. Jinħtieġu fil-ħajja tax-xogħol forom differenti ta’ kif jinstabu l-ħaddiema kif ukoll forom differenti ta’ ħidma. Dan jirrikjedi li jiġi provdut ambjent leġislattiv adatt għall-protezzjoni tal-impjiegi sabiex ikun provdut qafas għal kundizzjonijiet ta’ xogħol ġusti u sabiex jiġi stimolat ir-reklutaġġ taħt kwalunkwe kuntratt ta’ impjieg.

    3.1.4.

    Sabiex jingħata rispons għad-domanda li qed tinbidel għall-ħiliet u l-kompetenzi, il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li jittejbu s-sistema tal-edukazzjoni bbażata fuq ix-xogħol, l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, it-tagħlim tul il-ħajja, kif ukoll it-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid. Għandhom jiġu żviluppati wkoll modi kif jissaħħu tranżizzjonijiet bla xkiel bejn l-impjiegi u mill-qgħad u l-edukazzjoni lejn ix-xogħol, bil-għan li jinkiseb suq tax-xogħol inklużiv.

    3.1.5.

    Filwaqt li jirrikonoxxi l-fatt li l-futur tal-UE huwa marbut mill-qrib ħafna mal-fiduċja tal-ġenerazzjonijiet iżgħar fil-proġett tal-UE, il-KESE jenfasizza li l-Kummissjoni għandha ssaħħaħ l-attivitajiet tagħha biex tindirizza b’mod effettiv il-kawżi primarji tal-qgħad fost iż-żgħażagħ u tal-esklużjoni.

    3.1.6.

    Sabiex jissaħħu t-tkabbir inklużiv u l-koeżjoni soċjali, il-KESE jitlob li jkun hemm miżuri biex tiġi sodisfatta l-ħtieġa għal investiment soċjali, fis-sens tal-investiment f’persuni u f’infrastruttura u servizzi soċjali. Jeħtieġ li tingħata aktar konsiderazzjoni dwar kif il-“Pjan Juncker 2” jista’ jintrabat mal-għanijiet tal-Pakkett ta’ Investiment Soċjali, inkluż permezz tal-FEIS. Barra minn hekk, il-KESE talab Patt ta’ Investiment Soċjali Ewropew, li għandu jappoġġja r-riformi soċjali u l-investimenti soċjali u jgħin biex tinħoloq konverġenza ekonomika, soċjali u territorjali mġedda. L-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir għandu jenfasizza wkoll l-investiment soċjali.

    3.1.7.

    Il-Fond Soċjali Ewropew għandu jkompli jkun komponent ewlieni tal-Fondi SIE, b’attenzjoni speċifika għall-promozzjoni tat-taħriġ u l-integrazzjoni tax-xogħol ta’ gruppi vulnerabbli fil-popolazzjoni (eż. iż-żgħażagħ, l-immigranti u r-refuġjati, u l-persuni b’diżabilità). Il-konsolidazzjoni u l-użu mill-ġdid tal-proċessi l-ġodda tal-Erasmus iridu jsiru aktar sistematiċi u inklużivi. Barra minn hekk, il-KESE jtenni t-talba tiegħu għal opportunitajiet biex iż-żgħażagħ kollha jibbenefikaw minn skambji Ewropej.

    3.1.8.

    Filwaqt li jirrikonoxxi li t-tnaqqis fil-faqar huwa primarjament il-kompetenza tal-Istati Membri, il-KESE jindika li: it-tnaqqis tal-faqar għandu jiġi indirizzat b’mod sistematiku permezz tal-proċess tas-Semestru Ewropew; ir-riċerka akkademika dwar “baġits ta’ referenza” li jippermettu ħajja b’dinjità għandha tkompli tiġi appoġġjata; u għandu jkun hemm indikaturi komparabbli u komuni eż. dwar il-faqar u l-inugwaljanza, kif ukoll valutazzjonijiet tal-impatt soċjali obbligatorji tal-aġendi tar-riformi kollha proposti mill-Programm Nazzjonali ta’ Riforma u r-Rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-Pajjiż. Il-KESE kien ukoll favur il-ħolqien ta’ fond Ewropew integrat għall-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali, abbażi tal-esperjenzi fl-implimentazzjoni tal-FEAD u l-FSE. Barra minn hekk, l-Istrateġija Ewropa 2020 għandha tkun marbuta mal-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030.

    3.2.    Drittijiet taċ-ċittadini u tal-konsumaturi

    3.2.1.

    Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib il-konformità mal-valuri u l-prinċipji fundamentali tal-UE fl-Istati Membri kollha, u ssaħħaħ il-proċeduri biex tipproteġi u tiddefendi d-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet fundamentali, id-drittijiet tal-bniedem u l-aċċess għall-ġustizzja.

    3.2.2.

    Il-politika tal-konsumaturi hija qrib l-interessi tal-pubbliku u għalhekk tista’ tinfluwenza l-impenn tan-nies lejn il-proċess ta’ integrazzjoni tal-UE. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li d-drittijiet tal-konsumaturi huma rrispettati fil-proċess tar-REFIT, fid-dinja diġitali u fis-sikurezza tal-prodotti u s-servizzi. Il-Kummissjoni għandha ssaħħaħ miżuri biex jiġu eliminati l-faqar enerġetiku u l-faqar tal-konsum u biex jissaħħaħ l-aċċess għall-ikel u s-servizzi għall-Ewropej kollha. Il-Kummissjoni għandha tippromovi wkoll id-drittijiet tal-konsumaturi għall-informazzjoni, l-edukazzjoni u l-parteċipazzjoni u d-dritt tagħhom li jorganizzaw lilhom infushom sabiex l-interessi tagħhom jiġu rappreżentati meta jkunu qed jitfasslu r-regoli li jikkonċernawhom.

    3.2.3.

    Il-Kummissjoni għandha tlesti r-rieżami tagħha tal-istrumenti legali u mhux legali prinċipali tal-politika tal-konsumatur tal-UE bħala politika ta’ ċittadinanza orizzontali trasversali, u trid tippreżenta pjan ta’ azzjoni ġdid biex tipproteġi u tiddefendi l-konsumaturi matul l-għaxar snin li ġejjin.

    3.2.4.

    Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tieħu l-miżuri xierqa kollha biex tiġġieled id-diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru fis-suq tax-xogħol, l-edukazzjoni u t-teħid tad-deċiżjonijiet, kif ukoll il-vjolenza abbażi tal-ġeneru. Il-KESE jistieden ukoll lill-Kummissjoni tistabbilixxi aġenda biex tipproteġi l-minoranzi u l-gruppi vulnerabbli, filwaqt li tippromovi r-rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali u n-nondiskriminazzjoni. Il-Kummissjoni għandha tintensifika l-isforzi biex tiżblokka d-Direttiva dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipji tat-trattament indaqs, u tindirizza l-kundizzjonijiet tat-tfal, in-nisa u l-anzjani f’sitwazzjonijiet vulnerabbli kif ukoll forom ġodda ta’ vulnerabbiltà.

    3.2.5.

    Il-Kummissjoni għandha ttejjeb l-Istrateġija Ewropea tad-Diżabilità f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u timplimenta l-UNCRPD fil-politiki u l-programmi esterni tagħha, inkluża t-tnedija ta’ karta tad-diżabilità tal-UE rikonoxxuta fl-Istati Membri kollha. Għandhom jibdew ukoll it-tħejjijiet għal Aġenda Ewropea dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità 2020-2030, u s-sena 2021 għandha tiġi ddikjarata s-Sena Ewropea tad-Drittijiet marbuta mad-Diżabilità.

    3.2.6.

    L-aċċessibbiltà għal kulħadd għandha tkun integrata fl-inizjattivi tas-suq Uniku Diġitali. Għaldaqstant, il-Kummissjoni għandha żżid l-isforzi tagħha biex tikkonkludi n-negozjati mal-istituzzjonijiet l-oħrajn dwar l-Att Ewropew dwar l-Aċċessibilità. Għandhom jissaħħu wkoll drittijiet tal-passiġġieri, b’attenzjoni speċjali għall-persuni b’diżabilità u b’mobilità mnaqqsa.

    3.2.7.

    Il-KESE jħeġġeġ ukoll lill-Kummissjoni biex tappoġġja l-attivitajiet fl-istituzzjonijiet edukattivi fil-livelli kollha li jgħinu lill-istudenti biex jiddistingwu bejn l-aħbarijiet foloz u l-fatti bbażata fuq ix-xjenza.

    3.3.    Il-migrazzjoni

    3.3.1.

    Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li jiġu assistiti u integrati r-refuġjati u l-applikanti għal asil. Jappoġġja riforma effiċjenti tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil li tirrispetta d-drittijiet tal-bniedem u l-istabbiliment ta’ sistema ġenwinament komuni għall-Istati Membri kollha. Jirrakkomanda wkoll li jsir progress fir-rigward tar-risistemazzjoni u l-viżi umanitarji għar-refuġjati sabiex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet reali. Jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja l-implimentazzjoni tal-ftehim dwar id-distribuzzjoni tar-refuġjati fost l-Istati Membri.

    3.3.2.

    Barra minn hekk, jitlob reviżjoni ta’ ftehimiet ta’ sħubija ma’ partijiet terzi ta’ tranżitu u ta’ oriġini ta’ flussi migratorji biex jiġu rispettati d-drittijiet tal-bniedem u l-liġi internazzjonali, u biex jiġu żviluppati strumenti finanzjarji li jindirizzaw il-kawżi ewlenin tal-migrazzjoni.

    3.3.3.

    Filwaqt li japprezza l-ħidma tal-Kummissjoni fuq il-mezzi legali tal-migrazzjoni permezz tal-evalwazzjoni ta’ direttivi eżistenti, il-KESE jitlob governanza fit-tul tal-migrazzjoni tal-ħaddiema, l-ippjanar għal mezzi tal-mobilità legali aġġornati, u l-iskambju ta’ informazzjoni dwar opportunitajiet tas-suq tax-xogħol. Filwaqt li jqis l-istruttura demografika tal-Ewropa, il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li l-isfida tal-integrazzjoni tar-refuġjati u l-migranti fis-suq tax-xogħol tissarraf f’opportunità. L-investiment fit-taħriġ u sistemi adegwati ta’ appoġġ ser ikunu fattur prinċipali biex jiffaċilitaw l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol biex il-migranti jiġu megħjuna jilħqu l-potenzjal tagħhom, u b’hekk jużaw il-ħiliet, l-ispirtu intraprenditorjali u d-dinamiżmu tagħhom, u filwaqt li jiġi rikonoxxut il-valur tad-diversità u tal-kulturi differenti fis-soċjetà tagħna b’mod ġenerali.

    3.3.4.

    Il-KESE jikkunsidra li l-2018 – bħala s-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali – tippreżenta opportunità unika biex jiġu mobilizzati l-atturi kollha biex jiġu miġġielda l-populiżmu u n-nazzjonaliżmu u biex tiġi promossa narrattiva pożittiva għall-futur tal-Ewropa. F’dan il-kuntest, tista’ tiġi msaħħa wkoll is-sensibilizzazzjoni dwar il-ħtieġa għal fehim interkulturali fir-rigward tar-refuġjati u l-migranti.

    3.4.    Is-sigurtà interna u l-politika esterna

    3.4.1.

    Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tkompli timplimenta miżuri, inkluż il-kontroll effettiv ta’ fruntieri esterni, biex tipproteġi lill-Ewropej kontra theddid ta’ sigurtà bħat-terroriżmu, il-kriminalità organizzata u ċ-ċiberkriminalità.

    3.4.2.

    Barra minn hekk, jikkunsidra li huwa meħtieġ li tissaħħaħ il-kooperazzjoni dwar id-difiża. Għaldaqstant, il-KESE jappoġġja l-ħolqien ta’ Unjoni Ewropea tad-Difiża u jilqa’ l-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew għad-Difiża.

    3.4.3.

    Filwaqt li jqis l-isfidi miġjuba min-nuqqas ta’ previdibilità tal-politika tal-Istati Uniti u r-riskju ta’ żieda fil-protezzjoniżmu u l-unilateraliżmu, il-KESE jinkoraġġixxi lill-UE tkompli taħdem f’konformità mal-Istrateġija Globali tagħha, filwaqt li tappoġġja l-multilateraliżmu fil-qafas tan-Nazzjonijiet Uniti u taħdem b’mod attiv favur il-prevenzjoni tal-kunflitti u s-soluzzjoni ta’ kriżijiet internazzjonali. Il-KESE jenfasizza wkoll il-ħtieġa għal koordinazzjoni aktar mill-qrib tal-objettivi, il-politiki u r-riżorsi fost l-Istati Membri sabiex l-UE tkun attur aktar effettiv fix-xena dinjija.

    3.4.4.

    L-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 għandha tifforma l-bażi ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE. Biex turi sens ta’ tmexxija, l-UE għandha tippreżenta reviżjoni volontarja tal-attivitajiet interni u esterni tagħha dwar l-SDGs fil-Forum Politiku ta’ Livell Għoli tan-NU.

    3.4.5.

    Il-KESE jappoġġja l-istabbiliment ta’ pjattaforma għal djalogu mal-imsieħba soċjali fil-kuntest tal-Politika Ewropea tal-Viċinat sabiex is-suq tax-xogħol jiġi valutat aħjar, u jistieden lill-Istati Membri tal-UE jiżviluppaw approċċ Ewropew komuni għall-koordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali bejn l-UE u pajjiżi tal-viċinat tan-Nofsinhar. Il-politika tal-viċinat trid tiċċara r-rabta bejn l-instabbiltà u l-faqar, u l-inugwaljanza u n-nuqqas ta’ opportunitajiet, li jistgħu jżidu l-vulnerabbiltà għar-radikalizzazzjoni u jfixklu l-proċess tad-demokratizzazzjoni.

    3.4.6.

    Il-KESE jenfasizza s-sinifikat tar-relazzjonijiet ekonomiċi esterni u d-diplomazija internazzjonali għas-salvagwardja u ż-żieda fl-istabbiltà u s-sigurtà, Jinkoraġġixxi wkoll lill-UE tagħmel użu sħiħ mir-rwol li l-kultura jista’ jkollha fir-relazzjonijiet internazzjonali.

    4.   L-iffaċilitar tat-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari u b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju

    4.1.

    Il-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Ekonomija Ċirkolari għandu jitwettaq b’mod integrat u konsistenti, u jagħmel użu mill-opportunitajiet għar-rikonċiljazzjoni tal-aspetti ekonomiċi, soċjali u ambjentali. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi l-attivitajiet immexxija mis-suq permezz tal-promozzjoni tal-innovazzjoni, l-iffaċilitar ta’ inizjattivi minn ta’ quddiem, inkluż f’żoni remoti u urbani, u l-espansjoni tagħhom, u l-provvista ta’ qafas regolatorju abilitanti. Jindika wkoll ir-rabtiet bejn l-ekonomija ċirkolari u “mudelli ekonomiċi ġodda” oħrajn.

    4.2.

    Għandha tingħata wkoll attenzjoni lill-implimentazzjoni ta’ politika u leġislazzjoni ambjentali “tradizzjonali”, li jkopru l-ġestjoni tal-iskart u l-protezzjoni tal-arja, l-ilma, il-ħamrija u l-bijodiversità. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli din il-ħidma bħala parti mill-proċess tar-Reviżjoni Ambjentali Ewropea.

    4.3.

    Il-miri klimatiċi għall-2030 għandhom jiġu implimentati b’mod kemm jista’ jkun kosteffiċjenti. Għaldaqstant, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni komprensiva tal-istrumenti attwali ta’ politika ta’ livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju, u tiżgura li l-għodod huma xierqa u jintużaw bl-aktar mod effiċjenti.

    4.4.

    Il-Kummissjoni għandha tikkunsidra wkoll kwistjonijiet klimatiċi mil-lat tal-ġustizzja tal-klima, jiġifieri mill-perspettiva ta’ kwistjonijiet bħall-ugwaljanza, id-drittijiet tal-bniedem u l-faqar.

    4.5.

    Id-diplomazija dwar il-klima tibqa’ missjoni importanti għall-UE fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Huwa meħtieġ li l-akbar emittenti jimpenjaw ruħhom għal miri li huma tal-inqas ambizzjużi daqs dawk tal-UE. Il-KESE jinkoraġġixxi wkoll lill-Kummissjoni biex tistinka biex tikseb ipprezzar globali għall-emissjonijiet tal-karbonju sabiex jinħolqu kundizzjonijiet ekwi fir-rigward tal-kompetituri barra mill-UE.

    4.6.

    Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tħejji strateġija dwar iż-żieda tal-“handprint” tal-klima u ambjentali tagħha, jiġifieri l-impatt globali pożittiv tagħha. Dan jeħtieġ ambjent li jwassal għall-innovazzjoni u l-investiment u kundizzjonijiet kummerċjali favorevoli għall-esportazzjoni ta’ soluzzjonijiet klimatiċi u prodotti b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju. Dan huwa l-mod kif l-UE tista’ tagħmel kontribut effiċjenti għat-tibdil fil-klima u l-isfidi ambjentali u jista’ jkollha impatt ħafna akbar milli sempliċement topera fi ħdan il-fruntieri tagħha stess.

    5.   Ir-responsabilizzazzjoni, l-involviment u l-konsultazzjoni tas-Soċjetà Ċivili

    5.1.

    Il-KESE jenfasizza r-rwol kruċjali tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fit-tfassil, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-politiki fl-istadji kollha u fil-livelli kollha, inkluż il-livell lokali. Dan jirrikjedi bidla fil-kultura u rikonoxximent tal-valur tas-soċjetà ċivili fil-livelli tal-UE u tal-Istati Membri, li diġà huwa minqux fl-Artikolu 11 tat-TUE, li jipprevedi l-promozzjoni u l-iffaċilitar mill-istituzzjonijiet tal-UE tad-djalogu ċivili orizzontali u vertikali, biex iwettqu konsultazzjonijiet wiesgħa u jistabbilixxu l-pedamenti għall-inizjattivi taċ-ċittadini Ewropej. Dawn huma proċessi komplementari li jseħħu mingħajr preġudizzju għall-konsultazzjoni tal-KESE u d-djalogu soċjali.

    5.2.

    Il-KESE jsegwi mill-qrib u huwa involut b’mod attiv fi djalogi strutturati jew fora konsultattivi (eż. il-Pjattaforma tal-Partijiet Interessati tal-Ekonomija Ċirkolari, il-Forum Ewropew dwar il-Migrazzjoni) li jiġbru flimkien u jinvolvu organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u atturi oħrajn mill-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri, u jitlob appoġġ għall-inizjattivi tiegħu għall-ħolqien ta’ Pjattaforma għal Bidla (ugwaljanza bejn il-ġeneri fis-settur tat-trasport) u Forum Istituzzjonali dwar il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini (fil-qafas tal-inizjattiva taċ-ċittadini). Meta tikkostitwixxi dawn il-pjattaformi, eżempju r-REFIT, il-Kummissjoni għandha tqis ir-rappreżentanza tal-KESE, f’konformità mal-mandat li t-trattati jikkonferixxu lill-Kumitat. B’hekk tiżgura li dan jirrifletti l-kompożizzjoni tal-Kumitat fil-forma tat-tliet gruppi tagħha.

    5.3.

    Bħala proċess komplementarju għall-inizjattivi msemmija hawn fuq, reċentement il-Kummissjoni stabbiliet portal tal-Internet iddedikat imsemmi “Nikkontribwixxu għat-tfassil tal-liġijiet” biex tiġbor l-opinjonijiet tal-pubbliku ġenerali, u għaldaqstant tinkludi kemm organizzazzjonijiet kif ukoll individwi. Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tagħmel distinzjoni bejn kontributi minn organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u dawk minn individwi. Għaldaqstant, il-Kummissjoni għandha twettaq immappjar tal-partijiet interessati f’kooperazzjoni mal-KESE biex tidentifika gruppi destinatarji rappreżentattivi u ġeografikament ibbilanċjati, bl-użu tar-Reġistru ta’ Trasparenza. Minbarra dan, il-Kummissjoni għandha tiżgura li t-tweġibiet ikollhom ponderazzjoni kwantitattiva u kwalitattiva. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha taħdem kontinwament fuq it-titjib tat-trasparenza, l-aċċessibbiltà, il-feedback u l-obbligu ta’ rendikont għall-parteċipanti.

    5.4.

    Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa approċċ aktar strateġiku għal dawn il-prattiki, filwaqt li tpoġġihom fuq bażi istituzzjonali u rappreżentattiva aktar strutturata billi tieħu vantaġġ mir-riżorsi tal-korpi konsultattivi rappreżentattivi li diġà jeżistu fil-livelli Ewropew, nazzjonali u reġjonali. Għaldaqstant, il-Kummissjoni għandha taħdem mill-qrib mal-KESE u titlob opinjoni esploratorja dwar kif id-djalogu ċivili jista’ jiġi organizzat b’mod effettiv u fuq bażi permanenti, li twassal għal komunikazzjoni speċifika mill-Kummissjoni.

    5.5.

    Il-KESE jenfasizza li jeħtieġ li tittejjeb l-effettività tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej, f’konformità mat-tħabbira tar-reviżjoni tar-regolament tal-ECI li saret mill-Ewwel Viċi President tal-KE Timmermans, u biex jiġu esplorati modi ġodda, bħall-użu ta’ għodod diġitali, biex b’mod partikolari jiżdied l-involviment taż-żgħażagħ u ta’ persuni minn gruppi vulnerabbli.

    5.6.

    Fl-aħħar nett, il-KESE jirrikonoxxi li l-Kummissjoni qieset ħafna elementi tal-kontribut tal-KESE għall-programm ta’ ħidma għall-2017. Madankollu, hemm ukoll kwistjonijiet li ma ġewx inklużi u għalhekk dawn ġew imtennija f’dan id-dokument. Fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni għall-2018, il-KESE huwa lest li jippreżenta l-opinjonijiet tiegħu u jipparteċipa f’ħidma fuq inizjattivi speċifiċi matul is-sena li ġejja.

    Brussell, il-5 ta’ Lulju 2017.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Georges DASSIS


    (1)  Opinjoni tal-25 ta’ Jannar 2017 dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni “Tnedija ta’ konsultazzjoni dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali” (ĠU C 125, 21.4.2017, p. 10).


    nach oben