Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016XG1215(01)

    Konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, dwar il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni li twassal għal estremiżmu vjolenti

    ĠU C 467, 15.12.2016, p. 3–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    15.12.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 467/3


    Konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, dwar il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni li twassal għal estremiżmu vjolenti

    (2016/C 467/02)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA U R-RAPPREŻENTANTI TAL-GVERNIJIET TAL-ISTATI MEMBRI,

    WAQT LI JFAKKRU fil-kuntest politiku ta’ din il-kwistjoni kif deskritt fl-Anness u b’mod partikolari fid-Dikjarazzjoni dwar il-promozzjoni taċ-ċittadinanza u l-valuri komuni tal-libertà, it-tolleranza u n-nondiskriminazzjoni permezz tal-edukazzjoni (1) u

    WAQT LI JIRRIKONOXXU li:

    L-Unjoni Ewropea hija spazju komuni għall-bini ta’ żona prospera u paċifika ta’ koeżistenza u rispett għad-diversità abbażi tal-valuri u l-prinċipji komuni rikonoxxuti mill-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea;

    L-isfidi għall-Ewropa li ġejjin mill-atti reċenti ta’ terroriżmu jenfasizzaw l-urġenza tal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni li twassal għal estremiżmu vjolenti (2). Ħafna suspettati terroristi kienu ċittadini radikalizzati tal-Unjoni Ewropea spiss imminati minn influwenzi ideoloġiċi b’motivazzjoni esterna u li jużaw mezzi teknoloġiċi b’saħħithom u akuti għar-reklutaġġ u l-inċitament flimkien ma’ metodi wiċċ imb’wiċċ;

    Il-kondizzjonijiet umani u soċjali li jipprovdu kuntest li jiffavorixxi r-radikalizzazzjoni, b’mod partikolari fost iż-żgħażagħ, huma kumplessi u multidimensjonali u jistgħu jinkludu: sens profond ta’ aljenazzjoni personali u/jew kulturali, problemi reali u/jew perċepiti, ksenofobija u diskriminazzjoni, opportunitajiet limitati ta’ edukazzjoni, taħriġ jew impjieg, marġinalizzazzjoni soċjali, degradazzjoni urbana u rurali, interessi ġeopolitiċi, twemmin ideoloġiku u reliġjuż imfixkel, rabtiet tal-familja mhux strutturati, trawmi personali jew kwistjonijiet marbutin mas-saħħa mentali;

    L-isfidi għall-mitigazzjoni tal-vulnerabbiltajiet sottostanti tas-soċjetà għar-radikalizzazzjoni u biex jiġu identifikati u diżattivati l-elementi ideoloġiċi li jwasslu għall-estremiżmu vjolenti, jeħtieġu alleanza transistituzzjonali fost l-atturi f’oqsma ta’ politika differenti;

    Huwa kruċjali li jiġu indirizzati t-tipi kollha ta’ radikalizzazzjoni li jwasslu għal estremiżmu vjolenti, irrispettivament mill-ideoloġija reliġjuża u/jew politika li ssostnihom;

    JIRRIKONOXXU l-ħtieġa imperattiva għal kooperazzjoni transsettorjali, kif ukoll għal appoġġ tal-UE għall-azzjonijiet tal-Istati Membri fil-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni, biex jiġi salvagwardjat il-mod tal-għajxien tagħna u jiġu provduti opportunitajiet aħjar għaż-żgħażagħ (3);

    JENFASIZZAW l-importanza li tissaħħaħ il-kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali involuti b’mod attiv fil-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, bħan-Nazzjonijiet Uniti (b’mod partikolari l-Unesco), il-Kunsill tal-Ewropa, l-OECD u fora multilaterali oħra;

    JILQGĦU l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni (4) dwar l-appoġġ għall-prevenzjoni mir-radikalizzazzjoni li twassal għal estremiżmu vjolenti;

    Ir-rwol ta’ prevenzjoni tal-edukazzjoni u l-ħidma fost iż-żgħażagħ

    JAQBLU li l-edukazzjoni u t-taħriġ, inkluż it-tagħlim formali, mhux formali u informali, jirrappreżentaw mezz b’saħħtu għall-promozzjoni ta’ valuri komuni (5), eż. permezz tal-edukazzjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem u dwar iċ-ċittadinanza, programmi edukattivi li jikkonċentraw fuq it-tagħlimiet li nistgħu nieħdu mill-imgħoddi u ambjent ta’ tagħlim inklużiv, li jrawwem il-parteċipazzjoni, il-mobbiltà u l-inklużjoni soċjali, u b’hekk pedamenti aktar b’saħħithom għas-soċjetà u l-ħajja demokratika;

    JAQBLU li l-ħidma fost iż-żgħażagħ, l-isport tal-massa u l-attivitajiet kulturali jistgħu wkoll ikunu effettivi biex wieħed jilħaq liż-żgħażagħ li jkunu f’riskju ta’ radikalizzazzjoni. Peress li l-ambjenti li ġejjin minnhom huma differenti, huwa essenzjali approċċ individwali;

    JENFASIZZAW li huwa vitali li wieħed jindividwa imġiba allarmanti u jaġixxi għas-sinjali bikrija tar-radikalizzazzjoni, permezz ta’ komunikazzjoni fost l-atturi rilevanti kollha (6) u ħidma mill-qrib mal-ġenituri, il-pari u l-qraba;

    JENFASIZZAW li filwaqt li l-ħiliet konjittivi jibqgħu essenzjali, il-kompetenzi soċjali, ċiviċi u interkulturali, il-ħiliet ta’ komunikazzjoni u ta’ riżoluzzjoni ta’ konflitti, l-empatija, ir-responsabbiltà, il-ħsieb kritiku u l-litteriżmu medjatiku (7) jeħtieġ li jiġu żviluppati bl-istess mod fil-proċess tat-tagħlim;

    JAQBLU li l-għalliema, l-edukaturi (8) u persunal ieħor fil-qasam tat-tagħlim jeħtieġ li jkunu mħarrġa u mgħammra aħjar biex jindirizzaw id-diversità u l-ħtiġijiet ta’ dawk kollha li qed jitgħallmu u li jgħaddu l-valuri komuni permezz ta’ narrattivi pożittivi, esperjenzi tal-ħajja u perspettivi paċifiċi tad-dinja;

    IQISU li l-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni għandha tiġi appoġġata permezz ta’azzjonijiet iffinanzjati b’mod partikolari minn Erasmus+, il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej, Orizzont 2020, Ewropa Kreattiva, Ewropa għaċ-Ċittadini, il-Programm dwar id-Drittijiet, l-Ugwaljanza u ċ-Ċittadinanza u l-Fond għas-Sigurtà Interna;

    Id-dimensjoni tas-sigurtà fl-indirizzar tar-radikalizzazzjoni

    JINNOTAW li r-radikalizzazzjoni li twassal għat-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti toħloq sfidi sinifikanti li jevolvu għas-sigurtà taċ-ċittadini tagħna li jeħtieġ li jiġu indirizzati b’mod komprensiv, primarjament mill-Istati Membri, b’mod partikolari fil-livell lokali, iżda wkoll b’appoġġ koordinat fil-livell tal-UE f’konformità mat-Trattati;

    JINNOTAW li l-attakki terroristiċi u l-attentati ta’ attakki fl-Ewropa juru li t-theddida terroristika globali saret aktar deċentralizzata, aktar kumplessa, u li ħafna drabi aktar diffiċli biex tiġi individwata, parzjalment minħabba proċess ta’ radikalizzazzjoni dejjem aktar mgħaġġel;

    JIEĦDU KONT TAL-FATT li n-numru ta’ dawk li jirritornaw lura pajjiżhom, inkluż, b’mod partikolari, il-ġellieda terroristi barranin li jerġgħu lura f’pajjiżhom, il-familji tagħhom u persuni minorenni, jista’ jiżdied;

    JIRRIKONOXXU li rispons b’saħħtu għat-theddid transnazzjonali tar-radikalizzazzjoni minbarra l-użu ta’ miżuri preventivi interni tal-UE, jeħtieġ l-implimentazzjoni rapida ta’ sforzi esterni tal-UE biex jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin tagħha, filwaqt li wieħed jiffoka b’mod partikolari fuq il-kooperazzjoni mar-reġjun tal-Balkani tal-Punent, it-Turkija u l-Afrika ta’ Fuq u fuq appoġġ mingħandhom;

    Il-ġlieda kontra l-propaganda terroristika u d-diskors ta’ mibegħda online

    JINNOTAW il-ħtieġa li jiġu involuti u jkun hemm kooperazzjoni mal-fornituri ta’ servizzi fil-ġlieda kontra d-diskors ta’ mibegħda illegali online (9), b’rispett sħiħ għal-libertà ta’ espressjoni, fid-dawl tar-rwol tal-mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali bħala mezz ewlieni għall-immirar, is-solleċitazzjoni u l-attivazzjoni ta’ persuni potenzjalment radikali biex iwettqu reati vjolenti, u JENFASIZZAW l-importanza ta’ approċċ li jinvolvi lil diversi partijiet ikkonċernati (10);

    JENFASIZZAW ir-rwol tal-Forum tal-UE dwar l-Internet fl-iżvilupp ta’ mezzi li jnaqqsu l-aċċessibbiltà ta’ kontenut terroristiku online u sabiex tingħata l-possibbiltà lis-sħab tas-soċjetà ċivili biex iwasslu narrattivi alternattivi online;

    JIRRIKONOXXU l-ħidma siewja li saret mill-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali (FRA), in-Netwerk ta’ Sensibilizzazzjoni dwar ir-Radikalizzazzjoni (RAN) u ċ-Ċentru ta’ Eċċellenza tiegħu u l-Grupp Konsultattiv għall-Komunikazzjoni Strateġika dwar is-Sirja (SSCAT) u JENFASIZZAW l-importanza ta’ konnessjoni adatta bejn l-atturi nazzjonali u dawk lokali;

    IQISU li l-inizjattivi online u offline li jippreżentaw narrattivi alternattivi, pożittivi u moderati jistgħu jkunu kruċjali fil-promozzjoni ta’ rispett reċiproku u fil-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni; JINNOTAW il-ħtieġa għal aktar evalwazzjoni u analiżi tal-impatt tal-kontronarrattivi;

    JISTIEDNU LILL-ISTATI MEMBRI BIEX

    jinkoraġġixxu kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet edukattivi u ta’ taħriġ, il-komunitajiet lokali, l-amministrazzjonijiet lokali u reġjonali, il-ġenituri, il-qraba, dawk li jaħdmu fost iż-żgħażagħ, il-voluntiera u s-soċjetà ċivili biex jissaħħu l-inklużjoni u s-sens ta’ appartenenza u identità pożittiva;

    japprofondixxu l-kompetenzi tal-għalliema, l-edukaturi u persunal ieħor fil-qasam tat-tagħlim biex dawn ikunu jistgħu jagħrfu s-sinjali bikrija ta’ mġiba radikalizzata u jkun jista’ jkollhom “taħditiet diffiċli” (11), li jiftħu djalogu ma’ studenti u żgħażagħ oħrajn dwar suġġetti sensittivi relatati ma’ sentimenti, prinċipji u twemmin personali;

    fejn meħtieġ, jużaw l-għodod u l-materjal eżistenti jew jiżviluppaw għodod u materjal ġodda għall-għalliema, l-edukaturi u persunal ieħor fil-qasam tat-tagħlim, inkluż netwerks fejn huma jkunu jistgħu jikkondividu pariri u gwida dwar kif għandhom jiġu ttrattati każijiet diffiċli, kif ukoll hotlines li jipprovdu għajnuna liż-żgħażagħ;

    jippromwovu edukazzjoni globali u dwar iċ-ċittadinanza, kif ukoll volontarjat, biex jissaħħu l-kompetenzi soċjali, ċiviċi u interkulturali;

    jinkoraġġixxu l-edukazzjoni inklużiva (12) għat-tfal u ż-żgħażagħ kollha, filwaqt li jiġġieldu r-razziżmu, il-ksenofobija, il-bullying u d-diskriminazzjoni tkun xi tkun ir-raġuni;

    jindirizzaw, bl-appoġġ tal-Kummissjoni u l-aġenziji tal-UE kkonċernati, l-użu tal-Internet għar-radikalizzazzjoni li twassal għat-terroriżmu u r-reklutaġġ, b’mod partikolari billi jiżviluppaw kooperazzjoni mal-fornituri tas-servizzi, kooperazzjoni b’rabta mal-komunikazzjoni strateġika u, fejn xieraq, mal-unitajiet ta’ indikazzjoni ta’ kontenut fuq l-Internet (IRU), b’rispett sħiħ għad-drittijiet fundamentali u f’konformità mal-obbligi skont id-dritt internazzjonali;

    jappoġġaw il-ħidma tal-Forum tal-UE dwar l-Internet u l-ħidma taċ-Ċentru Ewropew għall-Ġlieda kontra t-Terroriżmu (ECTC) tal-Europol, b’mod partikolari l-ħidma mwettqa l-EU IRU;

    jappoġġaw lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex jiġi promoss ir-rispett reċiproku u biex ir-reati ta’ mibegħda, id-diskors ta’ mibegħda u l-propaganda terroristika jiġu miġġielda permezz ta’ alternattivi pożittivi għan-narrattivi u l-ideoloġiji ta’ estremiżmu vjolenti kif ukoll permezz ta’ kontronarrattivi għall-ideoloġiji ta’ estremiżmu vjolenti;

    jużaw in-netwerks mifruxa madwar l-UE kollha biex ikomplu bl-iskambju tal-“aħjar prattiki” b’rabta mal-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni, bħaċ-Ċentru ta’ Eċċellenza tar-RAN;

    bit-transizzjoni minn SSCAT (Grupp Konsultattiv għall-Komunikazzjoni Strateġika dwar is-Sirja) għan-Netwerk Ewropew ta’ Komunikazzjoni Strateġika (ESCN), ikomplu jagħmlu użu mis-servizzi ta’ konsulenza u kondiviżjoni ta’ informazzjoni tal-ESCN biex jifhmu u jipprovdu rispons aħjar għar-radikalizzazzjoni u l-polarizzazzjoni f’komunitajiet Ewropej, pereżempju permezz tal-inkorporazzjoni ta’ persunal fl-ESCN fi Brussell;

    ikomplu jiżviluppaw programmi ta’ deradikalizzazzjoni, diżimpenn u riabilitazzjoni għall-persuni li jerġgħu lura f’pajjiżhom, inkluż b’mod partikolari l-ġellieda terroristi barranin li jerġgħu lura f’pajjiżhom, il-familji tagħhom u persuni minorenni;

    JISTIEDNU lill-Kummissjoni biex

    f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri tkompli bil-ħidma fuq sett ta’ miżuri speċifiċi (13) bbażati fuq l-aħjar prattiki għall-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ biex iż-żgħażagħ jiġu megħjuna jiżviluppaw ir-reżiljenza demokratika, il-litteriżmu medjatiku, it-tolleranza, il-ħsieb kritiku u l-ħiliet marbutin mar-riżoluzzjoni tal-konflitti tagħhom;

    tippromwovi u tappoġġa t-tagħlim bejn il-pari u r-riċerka għall-għalliema, l-edukaturi, persunal ieħor fil-qasam tat-tagħlim, l-esperti, dawk li jfasslu l-politika u r-riċerkaturi, bil-għan li jiġu kondiviżi l-aħjar prattiki u jinkiseb fehim aħjar tal-kwistjoni tar-radikalizzazzjoni, inkluż billi jiġi żviluppat qafas ta’ politika u kompendju online tal-prattiki tajba (14);

    fid-dawl tal-isfida urġenti u multidimensjonali ħafna tal-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni u l-ġlieda kontriha, torganizza konferenza għal diversi partijiet ikkonċernati (15) li tlaqqa’ setturi differenti u partijiet ikkonċernati rilevanti (eż. mill-qasam tal-ġustizzja, l-affarijiet interni, l-edukazzjoni, iż-żgħażagħ, l-isport, il-kultura u l-affarijiet soċjali), u ż-żgħażagħ;

    tippromwovi fehim u rispett reċiproċi fost l-istudenti u żgħażagħ oħra mill-UE u pajjiżi terzi permezz ta’ skambji diretti u virtwali, bħall-estensjoni tan-netwerk eTwinning Plus għal ċerti pajjiżi magħżula tal-viċinat tal-UE u l-iskambji virtwali taż-żgħażagħ taħt Erasmus+;

    tinkoraġġixxi kuntatti diretti fost żgħażagħ li ġejjin minn ambjenti żvantaġġati u bnedmin eżemplari, bħal artisti, personaġġi sportivi jew imprendituri u kwalunkwe suċċess rilevanti għaż-żgħażagħ biex dawn jiġu ispirati mill-esperjenzi fil-ħajja reali (16). Bħala għajnuna biex jinħolqu alternattivi pożittivi kredibbli għan-narrattivi ta’ estremiżmu vjolenti, il-persuni li ġew radikalizzati fil-passat jistgħu jitkellmu dwar l-esperjenzi personali tagħhom;

    issaħħaħ il-kooperazzjoni mal-fornituri tas-servizzi, filwaqt li tilqa’ l-involviment qawwi tal-industrija diġitali u s-soċjetà ċivili u l-iżvilupp ta’ inizjattivi biex tkompli ssaħħaħ it-tneħħija effettiva tal-kontenut terroristiku (b’mod partikolari permezz tal-iżvilupp ta’ Pjattaforma Konġunta ta’ Senjalazzjoni) kif ukoll it-tixrid ta’ narrattivi alternattivi, b’mod partikolari permezz tal-Programm ta’ Responsabbilizzazzjoni tas-Soċjetà Ċivili li tħabbar;

    tikkonsolida l-ħidma tal-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali fil-promozzjoni tar-rispett reċiproku, in-nondiskriminazzjoni, il-libertajiet fundamentali u s-solidarjetà fl-UE kollha;

    tikkunsidra dawn il-konklużjonijiet meta tkun qed tħejji jew timplimenta l-azzjonijiet proposti.


    (1)  Dikjarazzjoni dwar il-promozzjoni taċ-ċittadinanza u l-valuri komuni tal-libertà, it-tolleranza u n-nondiskriminazzjoni permezz tal-edukazzjoni, Pariġi, 17 ta’ Marzu 2015.

    (2)  Filwaqt li hu rikonoxxut li mhux kull radikalizzazzjoni neċessarjament twassal għal estremiżmu vjolenti, bil-għan li d-dokument jinżamm fil-qosor, minn hawn ‘il quddiem ser issir referenza għar-radikalizzazzjoni.

    (3)  Id-Dikjarazzjoni ta’ Bratislava tas-16 ta’ Settembru 2016.

    (4)  10466/16

    (5)  It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, Artikolu 2.

    (6)  Dok. 9640/16 - Bħal pereżempju l-għalliema, il-persunal edukattiv fl-universitajiet, ħaddiema soċjali, persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ, fornituri ta’ servizzi għall-kura tas-saħħa, voluntiera, ġirien, coaches tal-isport, mexxejja reliġjużi u informali, uffiċjali tal-pulizija lokali.

    (7)  9641/16

    (8)  Għall-finijiet ta’ dan it-test it-terminu “edukatur” jirreferi għal persuni li jipprovdu tagħlim formali, non-formali u/jew informali.

    (9)  Kodiċi ta’ Kondotta kontra d-diskors ta’ mibegħda illegali online tal-31 ta’ Mejju 2016 (il-Kummissjoni flimkien ma’ Facebook, Twitter, YouTube u Microsoft).

    (10)  F’dan il-kuntest tiġi nnotata l-proposta tal-Kummissjoni (dok. 9479/16) li testendi ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva, b’mod partikolari l-projbizzjoni ta’ inċitament għal vjolenza u mibegħda, għall-pjattaformi tal-iskambjar ta’ filmati.

    (11)  RAN Manifesto for Education - Empowering Educators and Schools [mhux disponibbli bil-Malti]

    (12)  Kif imsemmi fir-Rapport Konġunt tal-2015 tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (ET 2020) (2015/C-417/04)

    (13)  Ħidma li għaddejja bħalissa tal-grupp ta’ esperti dwar il-ħidma maż-żgħażagħ għal ċittadinanza attiva, il-prevenzjoni tal-marġinalizzazzjoni u r-radikalizzazzjoni vjolenti, kif tinsab fil-Pjan ta’ Ħidma tal-UE għaż-Żgħażagħ 2016–2018 (ĠU C 417, 15.12.2015, p. 1).

    (14)  Skont il-mandat tal-Grupp ta’ Ħidma ET2020 dwar il-Promozzjoni taċ-ċittadinanza u l-valuri komuni tal-libertà, it-tolleranza u n-nondiskriminazzjoni permezz tal-edukazzjoni.

    (15)  Bħall-Konferenza ta’ Livell Għoli tar-RAN dwar ir-Radikalizzazzjoni li ssir fuq bażi regolari.

    (16)  In-netwerk ser jiġi amministrat lokalment mill-Aġenziji Nazzjonali Erasmus+, li ser jippermetti wkoll l-adattament għaċ-ċirkostanzi lokali.


    ANNESS

    Fl-adozzjoni ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-Kunsill IFAKKAR, b’mod partikolari, f’dan li ġej:

    L-Istrateġija tal-UE għal Kontra t-Terroriżmu (14469/4/05)

    L-Istrateġija Riveduta tal-UE għall-Ġlieda kontra r-Radikalizzazzjoni u r-Reklutaġġ għat-Terroriżmu (9956/14)

    Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tad-9 ta’ Frar 2015 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu (6026/15)

    Il-Kunsill Ewropew tat-12 ta’ Frar 2015 fejn il-Kapijiet ta’ Stat u ta’ Gvern appellaw għal approċċ komprensiv, li jinkludi inizzjattivi rigward l-integrazzjoni soċjali, fost l-oħrajn, li huma ta’ importanza kbira għall-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni vjolenti.

    Id-Dikjarazzjoni dwar il-promozzjoni taċ-ċittadinanza u l-valuri komuni tal-libertà, it-tolleranza u n-nondiskriminazzjoni permezz tal-edukazzjoni li ġiet adottata fil-Laqgħa informali tal-Ministri għall-Edukazzjoni tal-Unjoni Ewropea f’Pariġi fis-17 ta’ Marzu 2015.

    L-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà (8293/15)

    L-Abbozz ta’ Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Istrateġija ta’ Sigurtà Interna Mġedda għall-Unjoni Ewropea 2015-2020 (9798/15)

    Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri mlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill dwar it-titjib tar-reazzjoni tal-ġustizzja kriminali għar-radikalizzazzjoni li twassal għat-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti (14419/15)

    Ir-Rapport Konġunt ET2020 dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ ta’ Novembru 2015 (14440/1/15 REV 1)

    In-Nota mill-Koordinatur tal-UE għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu lill-Kunsill dwar is-“Sitwazzjoni attwali tal-implimentazzjoni tad-dikjarazzjoni tal-Membri tal-Kunsill Ewropew tat-12 ta’ Frar 2015, il-Konklużjonijiet tal-Kunsill ĠAI tal-20 ta’ Novembru 2015, u l-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-18 ta’ Diċembru 2015” (6785/16)

    Id-Dikjarazzjoni konġunta tal-Ministri tal-UE għall-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni u r-rappreżentanti tal-istituzzjonijiet tal-UE dwar l-attakki terroristiċi fi Brussell tat-22 ta’ Marzu 2016, li tagħmel appell għal 10 miżuri fil-qasam tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, inkluż li jitkompla l-iżvilupp ta’ miżuri preventivi (7371/16)

    Il-Komunikazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà għall-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-preparazzjoni għal Unjoni tas-Sigurtà effettiva u ġenwina (8128/16)

    Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2016 dwar ir-rwol tas-settur taż-żgħażagħ f’approċċ integrat u transsettorjali biex tiġi evitata u miġġielda r-radikalizzazzjoni vjolenti taż-żgħażagħ (9640/16)

    Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2016 dwar l-iżvilupp tal-litteriżmu fil-media u l-ħsieb kritiku permezz tal-edukazzjoni u t-taħriġ (9641/16)

    Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali fl-2015 (b’mod partikolari l-parti li tikkonċerna n-nondiskriminazzjoni, l-inċitament għall-mibegħda, ir-razziżmu u l-ksenofobija) (10005/16)

    Id-Dikjarazzjoni ta’ Bratislava tas-16 ta’ Settembru 2016

    L-Istrateġija ta’ Sigurtà Interna Mġedda tal-Unjoni Ewropea u d-Dokument dwar l-Implimentazzjoni tal-Ġlieda kontra t-Terroriżmu: it-tieni nofs tal-2016 (11001/1/16 REV 1)

    L-ewwel rapport ta’ progress lejn Unjoni tas-Sigurtà effettiva u ġenwina tat-12 ta’ Ottubru 2016 (COM(2016) 670 final)


    Top