EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016XC1210(04)

Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għal emenda skont l-Artikolu 50(2)(a), tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

ĠU C 461, 10.12.2016, p. 35–45 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

10.12.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 461/35


Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għal emenda skont l-Artikolu 50(2)(a), tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

(2016/C 461/10)

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oppożizzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

TALBA GĦALL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA MHUX MINURI FL-ISPEĊIFIKAZZJONI TA’ DENOMINAZZJONI TAL-ORIĠINI PROTETTA JEW TA’ INDIKAZZJONI ĠEOGRAFIKA PROTETTA

Applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012

“MOGETTE DE VENDÉE”

Nru tal-UE: PGI-FR-02129 — 18.3.2016

DOP ( ) IĠP ( X )

1.   Grupp applikant u interess leġittimu

Vendée Qualité - Section Mogette

Indirizz: Maison de l’Agriculture

21 Boulevard Réaumur

85013 La Roche-sur-Yon cedex

FRANCE

Tel. +33 251368251

Fax +33 251368454

Posta elettronika: contact@vendeequalite.fr

Kompożizzjoni u interess leġittimu: Produtturi ta’ Mogette, grupp ta’ produtturi, kolletturi/separaturi, industriji tal-ikel ippreżervat u manifatturi miġbura f’assoċjazzjoni rregolata mil-liġi tal-1 ta’ Lulju 1901. Peress li jiġbor l-operaturi kollha involuti fl-IĠP “Mogette de Vendée”, il-grupp huwa leġittimu li jressaq l-applikazzjoni għal emenda tal-ispeċifikazzjoni.

2.   Stat Membru jew pajjiż terz

Franza

3.   L-intestatura fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott affettwat mill-emenda(i)

Isem il-prodott

Deskrizzjoni tal-prodott

Żona ġeografika

Prova tal-oriġini

Metodu ta’ produzzjoni

Rabta

Tikkettar

Oħrajn: Grupp applikant/Struttura ta’ kontroll/Rekwiżiti nazzjonali/Żona ġeografika

4.   Tip ta’ emenda(i)

Emenda għall-Ispeċifikazzjoni tal-prodott ta’ DOP jew IĠP irreġistrata li ma għandhiex tikkwalifika bħala minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

Emenda għall-Ispeċifikazzjoni ta’ DOP jew IĠP irreġistrata li għaliha ma jkun ġie rreġistrat l-ebda Dokument Uniku (jew ekwivalenti) u li ma għandhiex tikkwalifika bħala minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012

5.   Emenda(i)

Deskrizzjoni tal-prodott

Il-karatteristiċi tal-pjanta ġew imħassra għaliex il-prodott li jibbenefika mill-IĠP huwa l-ħabba. Id-deskrizzjoni tal-ħabba ma tinbidilx.

Għalhekk, dawn il-karatteristiċi ġew imħassra wkoll mill-punt 3.2 tad-Dokument Uniku.

Id-deskrizzjoni tal-“Mogette de Vendée” hija mifruxa fi tliet paragrafi li fihom hija deskritta bħala żerriegħa niexfa, żerriegħa nofsha niexfa ffriżata, jew “Mogette de Vendée” pasturizzata jew sterilizzata. Kull deskrizzjoni tinkludi l-mod ta’ preżentazzjoni u l-imballaġġ. Din ir-riorganizzazzjoni tikkjarifika d-deskrizzjoni tal-“Mogette de Vendée”.

Diversi dispożizzjonijiet huma emendati:

fir-rigward tal-mod ta’ preżentazzjoni, il-piżijiet tal-imballaġġi differenti awtorizzati għall-konsumatur (“500 gramma, ta’ kilo (1 kg), ta’ 2 kilos, eċċ.” u “kilo (1 kg), eċċ.”) ġew imħassra. Din l-emenda editorjali ma tbiddilx il-prattiki tal-imballaġġ fil-miżura li fiha t-test preċedenti ma kienx limitattiv;

Minn din l-emenda jsegwi t-tħassir tal-piżijiet tal-imballaġġi differenti fil-punt 3.6, li issa sar 3.5, tad-Dokument Uniku.

is-sentenza “l-ippakkjar bil-grossa biex il-fażola tkun ipproċessata jew l-ippakkjar għal klijenti li jixtru bil-grossa li għandhom ftehim ta’ sħubija” għandha titħassar bil-għan li jiġu elenkati l-prattiki pprojbiti u mhux dawk kollha previsti. Għalhekk, dan it-tħassir ma jemendax il-prattiki ta’ kummerċjalizzazzjoni bl-ingrossa li jibqgħu possibbli.

L-istess sentenza għandha titħassar fil-punt 3.6, li issa sar 3.5, tad-Dokument Uniku.

is-sentenza “t-tranżazzjonijiet kollha huma suġġetti għal traċċabilità preċiża u għandu jkun hemm sistema għar-reġistrazzjoni tal-istokk li tinkludi d-data tal-ippakkjar, in-numru tal-lott tal-Mogette de Vendée użata, in-numru tal-kunsinna, u n-numru tal-lottijiet tal-prodotti ppakkjati jew manifatturati u l-kwantitajiet korrispondenti” għandha titħassar sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet jerġgħu jiġu indirizzati fil-parti 4 (“Elementi li jagħtu prova li l-prodott joriġina miż-żona ġeografika”).

Il-firxa tar-rata ta’ umdità tal-ħabba niexfa minn 10 sa 16 % tinbidel għal 12 sa 17 % għall-preservazzjoni ottima tal-kwalità. Wara ħafna snin ta’ implimentazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni, jidher fil-fatt li r-rata ta’umdità baxxa wisq (< 12 %) mhijiex favorevoli għall-kwalità tal-prodott: meta jintlaħaq il-limitu ta’ 10 %, jkun hemm iktar ħbub maqsuma u l-ħin tat-tisjir tal-ħbub jiżdied; min-naħa l-oħra, rata ta’ umdità tal-ħabba li tkun aktar għolja (17 %) tiffavorixxi t-tisjir u l-irtubija tagħha.

Għaldaqstant, ir-rata ta’ umdità tal-ħabba niexfa msemmija fil-punt 3.2 tad-Dokument Uniku hija bejn 12 u 17 %.

Għall-ħabba nofsha niexfa, is-sentenza “ir-rata ta’ umdità tagħha hija medja ta’ 50 %” titħassar. Ir-rata ta’ umdità ġiet ipprovduta b’mod indikattiv u mhux bħala valur mira. Dan ma jżid xejn aktar mad-deskrizzjoni tal-prodott.

Il-paragrafu

“Il-profil sensorjali tal-Mogette de Vendée msajra ppreżentat fl-Anness 10 jenfasizza l-karatteristiċi partikolari tal-prodott:

sawra ratba ħafna, mhux soda, ftit granuluża u qoxra ftit iebsa,

omoġeneità taż-żrieragħ (l-istess daqs, forma u kulur, bi ftit difetti),

togħma tipika ftit mielħa u ftit ħelwa, b’riħa ta’ qastan u noti ta’ kurrat”

jinbidel bil-paragrafu li ġej:

“Deskrizzjoni tal-‘Mogette de Vendée’ pasturizzata jew sterilizzata:

Il-ħbub huma ta’ lewn abjad krema ċar (bi sfumaturi).

Jistgħu jkunu f’forma daqsxejn maqsuma minħabba l-irtubija tagħhom.

Il-ħbub jiġu ppreżentati f’meraq li jinxtorob magħmul biss minn ilma (mielaħ jew le).

Dawn jippreżentaw sawra ratba, b’forom u b’daqsijiet omoġenji.

Il-“Mogette de Vendée” msajra mingħajr ingredjenti miżjuda u pasturizzata tiġi offruta f’kontenitur magħluq jew f’pakkett UVC jew imballaġġ ieħor ta’ piżijiet differenti.

Il-“Mogette de Vendée” msajra mingħajr ingredjenti miżjuda usterilizzata, biex tinbiegħ bħala UVC, tiġi ppakkjata f’vażetti tal-ħġieġ”

Din l-emenda tirriżulta mix-xogħlijiet imwettqa mill-grupp sabiex jiġi ddefinit aħjar il-profil sensorjali tal-“Mogette de Vendée”. Din timmira li tiġbor l-informazzjoni sensorjali essenzjali. Barra minn hekk, minħabba r-riorganizzazzjoni tal-paragrafi, it-test il-ġdid jinkludi l-kundizzjonijiet ta’ preżentazzjoni.

Prova tal-oriġini

Għandu jiżdied paragrafu “Żamma ta’ reġistri”. Dan jispeċifika l-informazzjoni li għandha tkun fil-fajl tal-kultivazzjoni: il-varjetà, id-dati taż-żrigħ, tat-tħammil u/jew tad-dris, u l-kultivazzjoni preċedenti.

Id-dijagrammi relatati mat-traċċabilità tal-prodotti differenti jiġu sostitwiti minn tabelli. B’hekk il-preżentazzjoni tiġi ssimplifikata u kjarifikata. Tabella unika tiddeskrivi t-traċċabilità tal-prodott niexef u tal-prodott nofsu niexef iffriżat. Tabella oħra tiddeskrivi t-traċċabilità tal-prodott pasturizzat u tal-prodott sterilizzat. Dawn l-emendi tal-forma ma jaffettwawx il-mezzi implimentati sabiex tiġi garantita t-traċċabilità.

Fir-rigward tal-evoluzzjonijiet regolamentari nazzjonali, l-inizjali DLUO (id-data limitu tal-użu ottimali) jiġu sostitwiti mill-inizjali DDM (id-data tad-durabbiltà minima).

Metodu ta’ produzzjoni

Id-dijagrammi tal-ħajja

Għal aktar ċarezza, id-dijagrammi tal-ħajja tal-kultivazzjoni u tal-imballaġġ tal-prodott niexef u nofsu niexef iffriżat jiġu sostitwiti minn dijagrammi simplifikati. Iż-żewġ dijagrammi tal-ħajja dwar il-preparazzjoni tal-“Mogette de Vendée” msajra mingħajr ingredjenti miżjuda u pasturizzata minn naħa u sterilizzat fuq in-naħa l-oħra jiġu sostitwiti minn dijagramma komuni għall-prodott pasturizzat u għall-prodott sterilizzat.

Il-karatteristiċi tar-roqgħa:

Il-paragrafu dwar il-karatteristiċi tar-roqgħa għandu jiġi ssimplifikat. L-elementi deskrittivi mhux vinkolanti ġew imħassra, dan il-paragrafu għandu jiġi riformulat sabiex jinftiehem aħjar.

L-elementi li jistgħu jitkejlu biss ġew ippreservati u f’ċerti każijiet ippreċiżati. Dawn huma:

valuri mira għar-rati ta’ ħama u ta’ tafal għall-għażla tal-irqajja’:

Dawn il-valuri mira ma jiġux modifikati għall-mod ta’ ħsad indirett (massimu ta’ 25 % ta’ tafal u minimu ta’ 35 % ta’ ħama għall-kultivazzjoni tal-“Mogette de Vendée” niexfa u massimu ta’ 35 % ta’ tafal u minimu ta’ 35 % ta’ ħama għall-kultivazzjoni tal-“Mogette de Vendée” nofsha niexfa).

Peress li ġie inkluż il-ħsad dirett fl-Ispeċifikazzjoni għall-ħsad tal-fażola niexfa, ġew speċifikati valuri mira għal dan il-mod ta’ ħsad: massimu ta’ 35 % ta’ tafal u minimu ta’ 35 % ta’ ħama.

tal-kultivazzjoni preċedenti (mhux modifikata).

Ir-rekwiżit ta’ analiżi granulometrika għall-kwalifikazzjoni tar-roqgħa għandu jiġi mħassar mill-Ispeċifikazzjoni, din id-dispożizzjoni tirriżulta minn modalitajiet ta’ kontroll u għalhekk mill-pjan ta’ kontroll.

Ir-rekwiżit li jinżamm fajl ta’ referenza u reġistru tal-irqajja’ kwalifikati skont l-istaġuni tal-fażola jiġi mħassar. Iż-żamma ta’ dan ir-reġistru ma tirriżultax minn kundizzjoni ta’ produzzjoni iżda mill-ġestjoni tad-dokumentazzjoni interna tal-grupp.

Il-paragrafu “Preparazzjoni tal-ħamrija – Fertilizzant” jiġi ssimplifikat, jinżamm biss il-kriterju objettiv relatat mal-provvista ta’ klorur tal-potassju (ipprojbita matul it-3 xhur qabel iż-żrigħ). Il-punt li jiddeskrivi l-modalitajiet ta’ preparazzjoni tal-ħamrija sabiex tinkiseb “ħamrija fina” jirriżulta minn prattiki agrikoli tajbin. Mhuwiex assoċjat ma’ valur mira u għandu jitħassar. Is-sentenza li tindika li l-fertilizzazzjoni bin-nitroġenu hija “razzjonali u li d-doża tiġi stabbilita mill-produttur bl-għajnuna tal-metodu tal-bilanċ”, tirreferi għar-regolamentazzjoni fis-seħħ, u għalhekk tiġi mħassra.

Iż-żrigħ:

Il-paragrafu

“Iż-żrigħ għandu jsir mill-10 ta’ Mejju bil-varjetajiet attwali, sabiex jiġi garantit li jsir f’ħamrija sħuna u niexfa biżżejjed. L-iżgurar tal-omoġeneità tat-tkabbir jipprovdi garanzija supplimentari tal-omoġeneità tal-ħsad. Qabel din id-data hemm riskju li l-ħamrija tkun kiesħa wisq, il-Mogette tikber b’mod imqassam, ma tiżviluppax b’mod korrett u l-prodott finali ma jkollux il-kwalità mistennija. Jekk iż-żewġ kriterji, it-temperatura u l-umdità, ma jiġux rispettati, il-kultivazzjoni ssofri dewmien fl-iżvilupp, tkabbir eteroġenu u gradwali. Id-data ta’ 20 ta’ Ġunju ġiet stabbilita għaliex il-klima ta’ Vendée, b’ħarifa fejn tagħmel ħafna xita, twassal biex il-ħsad li jsir minn Ottubru jkun ipotetiku ħafna. Il-perjodu taż-żrigħ huwa limitat mill-10 ta’ Mejju sal-20 ta’ Ġunju.”

jiġi sostitwit bi:

“Iż-żrigħ għandu jsir mill-10 ta’ Mejju sal-20 ta’ Ġunju. Il-produttur huwa awtorizzat li jiżra’ qabel id-data tal-10 ta’ Mejju jekk it-temperatura tal-ħamrija fil-fond taż-żrigħ (bejn 1 u 4 cm) tkun mill-inqas 12 °C”.

Din id-dispożizzjoni hija aktar preċiża u tippermetti ż-żrigħ qabel l-10 ta’ Mejju fis-snin fejn il-kundizzjonijiet tal-klima jiġu ssodisfati qabel din id-data.

Il-varjetajiet:

Il-paragrafu

“Il-varjetajiet taż-żrieragħ użati huma magħżula fuq bażi regolari minn fergħa interna ta’ organizzazzjoni responsabbli mill-Mogette de Vendée, minn fost il-varjetajiet kummerċjali disponibbli fil-katalogu uffiċjali tal-varjetajiet li jikkorrispondu għall-kriterji mistennija għall-Mogette de Vendée u li jaqblu mal-kriterji tradizzjonali tal-Mogette de Vendée magħrufa f’Vendée. Il-lista tal-varjetajiet tiġi elenkata kull sena u titqassam lill-produtturi.

Il-fergħa interna tal-organizzazzjoni responsabbli tibbaża l-għażliet tagħha fuq bosta elementi:

L-analiżi agronomika u teknika tat-tekniki agrikoli li jiggarantixxu s-segwitu tal-produzzjoni u jistgħu jittestaw varjetajiet oħra sabiex tiġi kompletata l-lista, kif ukoll ir-risposti tal-osservazzjonijiet tal-produtturi stess.

Ir-riżultati tad-dewqan li jsir internament (grupp ta’ produtturi u konservaturi, akkumpanjat minn persuni mistiedna) matul ix-xitwa fuq il-produzzjoni maħsuda.

Ċerti varjetajiet magħżula jistgħu jiġu adattati biss għal wieħed miż-żewġ tipi ta’ ħsad, u f’dan il-każ, din il-karatteristika tiġi speċifikata fil-lista tal-fergħa interna tal-organizzazzjoni responsabbli”

jiġi sostitwit minn proċedura ta’ selezzjoni tal-varjetajiet aktar preċiża, li tgħid hekk:

“Il-‘Mogette de Vendée’ tiġi prodotta minn żrieragħ standard:

li għandhom ir-referenza ‘Regoli u standards KE’. Dawn huma rreġistrati f’katalogu uffiċjali Franċiż jew Ewropew u soġġetti għall-kontrolli tas-servizzi uffiċjali.

irreġistrati fil-lista tal-varjetajiet rikonoxxuti mill-grupp.

L-użu ta’ żrieragħ tal-irziezet huwa pprojbit.

Ir-reġistrazzjoni ta’ varjetà ġdida għandha tirrispetta proċedura li tippermetti li jiġi garantit li:

il-karatteristiċi fiżiċi deskritti fil-Kapitolu ‘Deskrizzjoni tal-prodott’ ta’ din l-Ispeċifikazzjoni għandhom jiġu verifikati.

il-karatteristiċi organolettiċi li ġejjin huma preżenti wara t-tisjir: ‘ħbub rotob’ u ‘qoxra rqiqa’.

Varjetà ġdida ma tistax tiġi rreġistrata fil-lista tal-varjetajiet rikonoxxuti mill-grupp ħlief jekk:

matul żewġ perjodi ta’ ttestjar u wara l-opinjoni tal-grupp, hija tissodisfa l-kriterji msemmija hawn fuq

tkun soġġetta għall-opinjoni favorevoli ta’ kumitat ta’ dewqan imsemmi ‘kumitat ta’ esperti’.

Varjetà diġà rreġistrata tista’ tiġi eskluża jekk tkun soġġetta għal opinjoni mhux favorevoli ta’ kumitat ta’ dewqan imsemmi ‘kumitat ta’ esperti’ tal-grupp, wara l-kampjunar u d-dewqan ta’ kampjuni rappreżentattivi.

Il-‘kumitat ta’ esperti’ huwa magħmul minn mill-inqas 5 persuni li jirrappreżentaw minimu ta’ 2 mit-3 assoċjazzjonijiet li ġejjin: konsumaturi, persuni li eżerċitaw jew jeżerċitaw attività fid-dinja agrikola u sidien ta’ ristoranti. Id-deċiżjonijiet finali ta’ reġistrazzjoni jew esklużjoni ta’ varjetà fil-lista tal-varjetajiet rikonoxxuti għandhom jittieħdu mill-grupp. Il-lista ta’ varjetajiet awtorizzati hija disponibbli fi ħdan il-grupp u tiġi trażmessa lill-korp ta’ kontroll kull sena.”

L-objettiv ta’ din il-modifika huwa l-użu esklussiv ta’ żrieragħ iċċertifikati għal raġunijiet sanitarji.

Fil-fatt, l-użu ta’ żrieragħ iċċertifikati huwa l-aktar mezz effikaċi sabiex jiġi garantit l-użu ta’ żerriegħa ħielsa mill-mard. Dan jippermetti fost oħrajn il-ġlieda kontra l-grass batterjali. Din il-marda tal-fażola hija partikolarment diffiċli li tinqered, għaliex tniġġes il-ħamrija matul is-snin u tittrażmetti ruħha minn roqgħa għal oħra. Mingħajr aktar viġilanza, il-ħamrija tat-territorju tista’ tiġi infestata malajr u tikkomprometti l-ħsad u l-futur tal-fażola fiż-żona.

Barra minn hekk, l-użu ta’ żrieragħ iċċertifikati għandu impatt dirett fuq l-omoġeneità tal-prodott għall-kuntrarju taż-żerriegħa tal-irziezet li jistgħu jiddeġeneraw matul is-snin. Il-produttur taż-żerriegħa għall-“Mogette de Vendée” għandu jkun iċċertifikat sabiex tiġi garantita żerriegħa b’saħħitha u stabbli. Fil-każ ta’ produzzjoni ta’ żerriegħa tal-irziezet, ir-riskji ta’ deġenerazzjoni u r-riskji sanitarji huma aktar importanti, għaliex jikkompromettu wkoll il-ħsad.

Il-proċedura li twassal għar-reġistrazzjoni ta’ varjetà ġdida tiġi speċifikata: l-obbligu li jiġu rrispettati żewġ perjodi ta’ ttestjar, ir-rispett tal-karatteristiċi fiżiċi u organolettiċi tal-prodott u l-opinjoni tal-kumitat ta’ esperti. Din il-proċedura tikkodifika l-prattika normali tal-grupp.

Il-ġestjoni tal-kultivazzjoni:

Peress li dan il-paragrafu ma fih l-ebda valur mira, għandu jitħassar. Id-dispożizzjonijiet deskritti jagħmlu parti mill-prattiki tajbin tal-produzzjoni minbarra r-rekwiżiti dokumentarji li jiġu trasferiti fil-paragrafu “Żamma ta’ reġistri”.

Il-ħsad u l-imballaġġ tal-“Mogette de Vendée” niexfa:

It-teknika tal-ħsad “dirett”, diġà awtorizzata għall-produzzjoni ta’ fażola nofsha niexfa, tiżdied għall-ħsad tal-fażola niexfa. L-evoluzzjonijiet tekniċi jippermettu minn hawn ‘il quddiem il-ħsad dirett (dris mingħajr il-fażi ta’ tħammil iżda b’fażi ta’ tnixxif fil-pjanta) għall-fażola niexfa. Għoxrin sena ilu, il-fażola nofsha niexfa biss setgħet tiġi midrusa bil-metodu ta’ dris dirett. L-użu ta’ dan il-metodu għad-dris tal-ħbub niexfa seta’ jiżnaturahom: il-ħbub niexfa huma fraġli ħafna u d-dris dirett mal-materjal tal-epoka kien ikisser il-ħbub. Għalhekk il-kamra tad-dris evolviet. Qabel kienet qasira u d-dris kien isir b’mod mekkaniku mingħajr il-possibilità li jiġu rfinati l-aġġustamenti. Illum, il-kamra tad-dris hija twila (5 m). Il-materja veġetali għalhekk tibqa’ aktar fit-tul fil-magna u l-ħabba tista’ tiġi estratta b’mod aktar ġentili, mingħajr ma ssir l-ebda ħsara lill-prodott, bl-użu ta’ parametri differenti bħall-inklinazzjoni tal-kamra. Dan it-tip ta’ materjal jippermetti l-adattament għall-umdità tal-prodott u għall-kwantità tal-veġetazzjoni: għalhekk l-imżiewed ma għandhomx isofru minn tnixxif komplut permezz tal-fażi ta’ tnixxif fuq is-superfiċe. Fil-ħsad dirett, il-fażola tibqa’ fil-medja bejn 6 u 10 ijiem supplimentari fil-ħamrija. It-tnixxif huwa aktar progressiv u kkontrollat aħjar minn meta l-pjanta tiġi mqaċċta u mitluqa fuq il-ħamrija fil-ħsad indirett (meta l-pjanta tibqa’ fil-ħamrija, din terġa’ tassorbi l-umdità billejl). Għalhekk ġiet introdotta l-possibilità tal-ħsad dirett għall-fażola niexfa, filwaqt li tinżamm it-teknika ta’ ħsad indirett.

Id-dispożizzjonijiet relatati mal-valutazzjoni tal-istadju tal-ħsad (“meta l-biċċa l-kbira tal-weraq ħodor tinxef u ż-żerriegħa tkun kisbet ir-rata ta’ umdità (stmata) adegwata (10-20 %)”) jiġu sostitwiti b’dispożizzjoni aktar oġġettiva u aktar faċli biex tiġi kkontrollata: “Minimu ta’ 90 % ta’ mżiewed niexfa”. Din ir-riformulazzjoni ma timmodifikax l-istadju tal-ħsad.

Ir-rata ta’ umdità tal-ħbub meta jaslu fil-post tal-ħsad tgħaddi minn 10-20 % għal 12-25 %, sabiex titqies il-modernizzazzjoni tal-apparat ta’ tnixxif fil-post. Fil-fatt, il-preċiżjoni tal-parametri ta’ aġġustament tal-materjal eżistenti minn hawn ‘il quddiem tippermetti t-tnixxif ta’ prodott li l-umdità tiegħu tilħaq 25 % f’kundizzjonijiet ottimali li jippreservaw il-kwalitajiet tal-ħabba. Barra minn hekk, bl-esperjenza, jidher li r-rata ta’ umdità ta’ 10 % mhijiex favorevoli għall-kwalità tal-prodott. Fil-fatt, b’tali umdità, il-ħbub li jinqasmu huma aktar numerużi u t-tisjir huwa itwal. Il-limitu ta’ umdità huwa għalhekk limitat għal 12 %.

L-obbligi tat-tnixxif huma modifikati: l-umdità teħtieġ tnixxif obbligatorju bejn 16 sa 20 % tiġi sostitwita minn umdità ta’ aktar minn 17 % peress li rata aktar għolja tiffavorixxi t-tisjir tal-ħabba u l-irtubija tagħha.

Il-fażi tat-tindif minn qabel taż-żerriegħa niexfa ssir fakultattiva. It-twettiq tagħha ma jaffettwax il-kwalità tal-prodott finali. Sabiex tiġi preċiżata r-referenza “perċentwali ta’ impuritajiet dgħajfa ħafna”, għandhom jiżdiedu karatteristiċi fiżiċi preċiżi li l-lottijiet issortjati għandhom jissodisfaw: massimu ta’ 0,4 % (fil-massa) ta’ materjali barranin, trab, żrieragħ barranin, fdalijiet veġetali, ħbub mhux adegwati għall-konsum u massimu ta’ 4 % (fil-massa) ta’ ħbub imtebba’, imkemmxa, mgħawġin, u maqsumin.

Ħsad u imballaġġ tal-“Mogette de Vendée” nofsha niexfa:

Id-dispożizzjonijiet relatati mal-valutazzjoni tal-istadju tal-ħsad (“Meta l-maġġoranza tal-pjanti tkun kisbet l-istadju tajjeb ta’ ħsad (…). L-imżiewed ma għandhomx ikunu ħodor wisq: l-istadju nofsu niexef ma jkunx jista’ jinkiseb. Lanqas ma għandhom ikunu niexfa wisq,”) għandhom jiġu sostitwiti minn dispożizzjoni aktar preċiża “fl-istadju fejn mill-inqas 65 % tal-ħbub ikunu bojod”. Din ir-riformulazzjoni ma timmodifikax l-istadju tal-ħsad.

It-titolu tal-Parti 7.6 “Produzzjoni tal-Mogette de Vendée nofsha niexfa ffriżata” jitħassar. Il-kontenut ta’ din il-parti jiġi integrat fil-Parti 5.4. “Ħsad u imballaġġ tal-‘Mogette de Vendée’ nofsha niexfa ffriżata”.

Għandu jiżdied obbligu relatat mat-temperatura tal-prodott nofsu niexef malli jasal: din għandha tkun inqas jew ugwali għal 30 °C malli jasal il-prodott. Din iż-żieda tikkontribwixxi għall-kwalità tal-prodott għaliex timmira li jiġi garantit in-nuqqas ta’ fermentazzjoni tal-ħbub u għalhekk in-nuqqas ta’ degradazzjoni fil-kwalità tagħhom.

Il-proċess tal-ħasil attwali jsir fi 3 stadji: ħasil/ħżin tal-ħbub mingħajr ilma f’kontenituri apposta. L-obbligu li jsiru 2 ħasliet distinti separati minn perjodu ta’ ħżin jitħassar:

minn naħa sabiex titħalla l-possibilità, jekk ikun meħtieġ mil-lottijiet, li jsiru 3 ħasliet jew aktar

min-naħa l-oħra sabiex ikun permess l-użu ta’proċess aktar effiċjenti “kontinwu” ta’ ħasil u ta’ omoġenizzazzjoni tal-lottijiet.

Għalhekk, il-preċiżjoni tal-“ewwel” ħasil titħassar ukoll.

Id-deskrizzjoni kompluta tal-proċess tal-iffriżar għandha tiġi sostitwita mill-isem tal-metodu “Il-prodott huwa ffriżat IQF” li d-definizzjoni tiegħu tinsab f’qiegħ il-paġna tal-ispeċifikazzjoni (“IQF (Individually Quick Frozen): teknika ta’ manifattura tal-prodotti ffriżati adattata għall-prodotti fraġli żgħar li tevita li l-biċċiet jeħlu flimkien.”). L-isem ta’ dan il-metodu jinsab diġà fl-Ispeċifikazzjoni fis-seħħ fil-paragrafu “Rekwiżiti nazzjonali”.

Sabiex tiġi preċiżata r-referenza “rata ta’ impuritajiet dgħajfa”, għandhom jiżdiedu karatteristiċi fiżiċi preċiżi li l-lottijiet issortjati għandhom jissodisfaw: massimu ta’ 0,4 % (fil-massa) ta’ materjali barranin, trab, żrieragħ barranin, fdalijiet veġetali, ħbub mhux adegwati għall-konsum u massimu ta’ 4 % (fil-massa) ta’ ħbub imtebba’, imkemmxa, mgħawġin, u maqsumin.

“Mogette de Vendée” msajra mingħajr ingredjenti miżjuda, pasturizzata u sterilizzata:

Id-dispożizzjonijiet relatati mal-meraq li fih hija ppreservata l-fażola għandhom jiġu riformulati sabiex jinftiehmu aħjar. Fil-fatt, il-formulazzjoni “meraq magħmul minn ilma u melħ tal-baħar (jew le)” ma tippermettix li jinftiehem jekk hijiex il-preżenza tal-melħ jew l-oriġini tal-baħar li hija fakultattiva. Din l-espressjoni għandha tiġi sostitwita minn “meraq magħmula minn ilma bil-melħ tal-baħar jew mingħajru”.

Fir-rigward tal-evoluzzjonijiet leġiżlattivi u regolamentari u partikolarment tar-Regolament (KE) Nru 852/2004, l-iskali ta’ pasturizzazzjoni u sterilizzazzjoni għandhom jitħallew għall-valutazzjoni tal-operaturi li huma responsabbli li japplikaw trattament termali li jiggarantixxi l-istabbilità batterjoloġika tal-prodott sad-DLC (id-data limitu ta’ konsum) jew DDM (id-data tad-durabbiltà minima). Għalhekk, ir-referenzi li ġejjin għandhom jitħassru: “It-temperatura ta’ pasturizzazzjoni tinsab madwar 98 °C. Il-valur minimu ta’ pasturizzazzjoni huwa 1 000.” u “Il-valur minimu ta’ sterilizzazzjoni huwa ugwali għal 10.”.

Il-formulazzjoni “Il-ħin ta’ smit huwa minn 30 sa 40 minuta” tiġi sostitwita minn “Il-ħin ta’ smit għandu jkun massimu ta’ 40 minuta”. Fil-fatt, ħin ta’ smit imtawwal għandu impatt negattiv fuq it-tessut tal-prodott li jitkemmex faċilment. Min-naħa l-oħra, ħin ta’ smit qasir ma jaffettwax it-tessut tal-prodott li l-irtubija tiegħu hija garantita għat-trattament termali li jsegwi. Għalhekk, hekk kif inhu l-każ bħalissa għall-prodott pasturizzat, għandu jinżamm biss ħin ta’ smit massimu għall-prodott sterilizzat.

Huwa speċifikat għall-prodotti sterilizzati li l-imballaġġ f’vażetti tal-ħġieġ huwa obbligatorju biss għall-prodotti maħsuba għall-bejgħ UVC. Fil-fatt, tipi oħra ta’ imballaġġi huma awtorizzati sakemm il-prodott ikun maħsub, pereżempju, għall-bejjiegħa bl-ingrossa.

L-obbligu li jinħażnu l-prodotti sterilizzati fid-dell jitħassar ladarba jitqiegħdu fuq l-ixkafef fl-istadju tad-distribuzzjoni, dan ir-rekwiżit ma jkunx jista’ jiġi implimentat.

Il-punti li ġejjin li jagħmlu parti mir-regolamentazzjoni ġenerali jitħassru: “L-unitajiet ta’ bejgħ wara jiġu tikkettati”, “Il-katina tal-kesħa għandha tiġi rrispettata sal-punt tal-bejgħ billi tinżamm it-temperatura taħt + 4 °C.”, “Il-vażetti wara jiġu tikkettati.”.

Ir-referenzi mhux preċiżi li ma jirreferu għal ebda valur mira jitħassru: “il-kwalità tas-smit għandha tiġi verifikata b’mod viżiv”, “it-temperatura ta’ pasturizzazzjoni tinsab madwar 98 °C”, “test tat-tisjir għandu jsir sabiex tiġi verifikata l-koerenza mal-karatteristiċi tal-Mogette de Vendée”, “Il-prodotti pasturizzati u sterilizzati jagħtu l-possibilità lill-konsumatur li jkollu fl-istess ħin prodott ta’ kwalità u rapidità ta’ preparazzjoni. Il-proċessi jippreservaw il-karatteristiċi tal-Mogette de Vendée”.

Dispożizzjonijiet oħra li jagħmlu parti mill-pjan ta’ kontroll jitħassru: “Il-kompatibbiltà tal-materja u t-traċċabilità tal-lottijiet tal-Mogette de Vendée għandhom jiġu verifikati. Kontrolli dokumentarji għandhom isiru sabiex jiġi verifikat ir-rispett tal-Ispeċifikazzjoni fl-istadji differenti tal-proċess. Il-fażola ta’ grad inferjuri għandha tiġi kummerċjalizzata taħt l-isem ‘Fażola bajda’.”

Rabta mal-oriġini

Ir-“Rabta mal-oriġini” reġgħet inkitbet sabiex jiġu karatterizzati aħjar l-ispeċifiċitajiet taż-żona ġeografika, l-ispeċifiċitajiet tal-prodott u r-rabta kawżali.

Il-formulazzjoni tal-punt 5 tad-Dokument Uniku ġiet armonizzata mar-riformulazzjoni tar-rabta mal-oriġini fl-Ispeċifikazzjoni.

Il-modifika ta’ din il-parti hija marbuta mal-introduzzjoni tal-ħsad dirett tal-fażola niexfa u tikkonċerna t-tnixxif tal-prodott niexef fuq ir-roqgħa. Bl-integrazzjoni tal-metodu tal-ħsad dirett, it-tnixxif tal-prodott ma’ dan it-tip ta’ ħsad isir minn hawn ‘il quddiem “fil-pjanta” minflok ma jsir biss fuq is-superfiċe tal-art. L-introduzzjoni ta’ possibilità ġdida ta’ ħsad għalhekk tippermetti li l-Mogettes jinħasdu wara t-tnixxif “fl-għalqa”“fil-ħamrija” (metodu ta’ ħsad indirett ippreservat), jew “fil-pjanta” (metodu ta’ ħsad dirett miżjud). Il-“Mogette de Vendée” maħsuda skont dan l-aħħar metodu għandha ċiklu ta’ kultivazzjoni (miż-żrigħ għall-ħsad) ta’ madwar 6 sa 10 ijiem addizzjonali. Madankollu ma timmodifikax ir-rabta mal-oriġini għaliex hija tirriżulta mill-evoluzzjoni tal-għarfien lokali u mit-titjib tat-tagħmir, partikolarment tal-apparat ta’ ħsad. Hija ma tippreġudikax l-ispeċifiċitajiet tal-prodott.

Tikkettar

Iż-żewġ sentenzi li ġejjin:

“Il-prodotti koperti mill-IĠP għandhom jinbiegħu bid-denominazzjoni Mogette de Vendée”.

“It-tikketta “Indication géographique protégée” (Indikazzjoni Ġeografika Protetta) u/jew il-logo Komunitarju għandhom jidhru fuq l-imballaġġ”.

jitħassru mid-Dokument Uniku. Id-denominazzjoni IĠP “Mogette de Vendée” u s-simbolu IĠP tal-Unjoni Ewropea minn issa ‘l quddiem huma obbligatorji skont ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

Intestaturi oħra

Grupp applikant:

L-isem tal-grupp applikant kif ukoll id-dettalji ta’ kuntatt tiegħu jiġu aġġornati:

il-grupp applikant “Vendée Qualité – Section Mogette”.

id-dettalji ta’ kuntatt tiegħu huma:

Maison de l’Agriculture

21 boulevard Réaumur

85013 La Roche-sur-Yon cedex

FRANCE

Tel. +33 251368251

Fax +33 251368454

Posta elettronika: contact@vendeequalite.fr

L-informazzjoni dwar l-organizzazzjoni tal-katina titħassar għaliex ma tikkonċernax id-dispożizzjonijiet relatati mal-“Mogette de Vendée”

Intestaturi oħra

Referenzi li jikkonċernaw l-istrutturi ta’ kontroll

Struttura ta’ kontroll: skont l-applikazzjoni tar-regoli fis-seħħ fil-livell nazzjonali li jimmiraw li jarmonizzaw il-formulazzjoni tal-Ispeċifikazzjonijiet, l-isem u d-dettalji ta’ kuntatt tal-korp ta’ ċertifikazzjoni jitħassru. Din l-intestatura ssemmi minn hawn ‘il quddiem id-dettalji ta’ kuntatt tal-awtoritajiet kompetenti fir-rigward tal-kontroll fil-livell Franċiż: Institut national de l’origine et de la qualité (INAO) u Direction générale de la concurrence, de la consommation et de la répression des fraudes (DGCCRF). L-isem u d-dettalji tal-korp ta’ ċertifikazzjoni jistgħu jiġu kkonsultati fuq is-sit tal-INAO u fuq il-bażi tad-dejta tal-Kummissjoni Ewropea.

Intestaturi oħra

Rekwiżiti nazzjonali:

Fir-rigward tal-evoluzzjonijiet leġiżlattivi u regolamentarji nazzjonali, din l-intestatura għandha tiġi riveduta u r-rekwiżiti ffokati mill-ġdid fuq il-punti prinċipali li għandhom jiġu kkontrollati.

Intestaturi oħra

Żona ġeografika:

Il-mappa li tippreżenta ż-żona ġeografika għandha tiġi sostitwita minn mappa simplifikata. It-tqassim tal-operaturi differenti fit-territorju jitħassar għaliex huwa soġġett għal tibdil.

Il-preżentazzjoni tal-muniċipalitajiet skont id-distrett tiġi sostitwita minn lista tal-muniċipalitajiet (fużjonijiet, bidliet tal-ismijiet…).

Fil-formulazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni fis-seħħ, tneħħew tliet muniċipalitajiet. Dawn jagħmlu parti minn tliet distretti interament fiż-żona ġeografika kif imsemmija fil-fajl ta’ sommarju rreġistrat.

Il-belt ta’ Mallièvre tħalliet barra mil-lista tal-muniċipalitajiet tad-distrett ta’ Mortagne-sur-Sèvre. Il-belt ta’ Montaigu tħalliet barra mil-lista tal-muniċipalitajiet tad-distrett ta’ Montaigu. Il-belt ta’ Longève tħalliet barra mil-lista tal-muniċipalitajiet tad-distrett ta’ Fontenay-le-Comte. Għalhekk il-muniċipalitajiet ta’ Montaigu, Mallièvre, Longèves għandhom jerġgħu jiġu inklużi fil-lista tal-muniċipalitajiet imsemmija fl-Ispeċifikazzjoni. Il-limiti taż-żona ġeografika ta’ produzzjoni jibqgħu l-istess.

L-argumenti dwar iż-żoni esklużi miż-żona għandhom jitħassru għaliex mhumiex ta’ interess għall-karatterizzazzjoni taż-żona ġeografika tal-isem.

L-istadji speċifiċi tal-produzzjoni li għandhom iseħħu fiż-żona ġeografika ddefinita, definiti fil-Kapitolu 3 tal-Ispeċifikazzjoni relatata mad-delimitazzjoni taż-żona ġeografika, u mhux mibdula, huma speċifikati fid-Dokument Uniku. Fil-punt 3.4, li issa sar 3.5, tad-Dokument Uniku, is-sentenza “Il-Mogette de Vendée għandha tkun ikkultivata fiż-żona ġeografika tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti (IĠP)” għandha tiġi sostitwita minn “L-istadji li għandhom jitwettqu fiż-żona ġeografika huma l-istadji tal-kultivazzjoni tal-‘Mogette de Vendée’, sal-ħsad”. Din il-modifika tirriżulta minn garanzija tal-konsistenza mal-Ispeċifikazzjoni.

DOKUMENT UNIKU

“MOGETTE DE VENDÉE”

Nru tal-UE: PGI-FR-02129 — 18.3.2016

DOP ( ) IĠP ( X )

1.   Isem/Ismijiet

“Mogette de Vendée”

2.   Stat Membru jew pajjiż terz

Franza

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott

Klassi 1.6. Frott, ħaxix u ċereali friski jew ipproċessati

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)

Il-“Mogette de Vendée” hija fażola bajda tal-ispeċi Phaseolus vulgaris tat-tip lingot. Din tinħasad fl-istadju niexef (maturità sħiħa) jew fl-istadju nofsu niexef.

Il-ħabba għandha forma regolari ellittika simili ħafna għal kilwa, twila bejn ċentimetru u 2 ċentimetri, rettangolari u ħafna drabi bil-ponta ċatta u bi ħxuna ta’ 4,5 mm jew aktar.

Deskrizzjoni tal-“Mogette de Vendée” bħala ħbub niexef:

Il-kulur abjad huwa konsistenti, mingħajr ħafna vini viżibbli.

Il-qoxra tagħha hija rqiqa u tleqq.

Il-ħabba hija niexfa, ir-rata ta’ umdità tagħha hija bejn 12 u 17 %.

Il-piż ta’ elf ħabba huwa ta’ bejn 400 g u 650 g.

Deskrizzjoni tal-“Mogette de Vendée” bħala ħbub nofshom niexfa ffriżati

Forma regolari, ellittika simili ħafna għal kilwa, ta’ daqs ftit akbar minn ħabba niexfa.

Il-kulur huwa bejn abjad u aħdar ċar ħafna skont l-istadju ta’ maturità tagħha.

Il-qoxra hija lixxa u tleqq.

Il-ħabba hija prodott frisk u ma hemmx għalfejn titħalla tixxarrab qabel tintuża.

Il-ħabba tkun kisbet il-maturità fiżjoloġika iżda tkun għadha ma nixfitx, u r-rata ta’ umdità tagħha tkun ta’ medja ta’ 50 %.

Deskrizzjoni tal-“Mogette de Vendée” pasturizzata jew sterilizzata:

Il-ħbub huma ta’ lewn abjad krema ċar (bi sfumaturi).

Jistgħu jkunu f’forma daqsxejn maqsuma minħabba l-irtubija tagħhom.

Il-ħbub jiġu ppreżentati f’meraq li jinxtorob magħmul biss minn ilma (mielaħ jew le).

Dawn jippreżentaw sawra ratba, b’forom u b’daqsijiet omoġenji.

3.3.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

3.4.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

L-istadji li għandhom jitwettqu fiż-żona ġeografika huma l-istadji tal-kultivazzjoni tal-“Mogette de Vendée”, sal-ħsad.

3.5.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-tħakkik, l-ippakkjar, eċċ.,

 

Il-bejgħ bl-ingrossa b’mod partikolari tal-“Mogette de Vendée” bħala ħbub niexef għandu jiġi eskluż: il-prodott għandu jiġi ppreżentat bħala UVC (unità ta’ bejgħ tal-konsumatur): boroż, xbieki jew oġġetti oħra għall-imballaġġ ta’ piżijiet differenti.

 

Il-bejgħ bl-ingrossa b’mod partikolari tal-“Mogette de Vendée” bħala ħbub nofshom niexfa ffriżati għandu jiġi eskluż: il-prodott għandu jiġi ppreżentat bħala UVC (unità ta’ bejgħ tal-konsumatur): boroż, jew oġġetti oħra għall-imballaġġ ta’ piżijiet differenti.

 

Il-“Mogette de Vendée” msajra mingħajr ingredjenti miżjuda u pasturizzata tiġi offruta f’kontenitur magħluq jew pakkett UVC.

 

Il-“Mogette de Vendée” msajra mingħajr ingredjenti miżjuda u sterilizzata, għall-bejgħ UVC, tiġi ppakkjata f’vażetti tal-ħġieġ.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

4.   Deskrizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

Id-dipartiment ta’ Loire-Atlantique:

il-muniċipalitajiet ta’ Geneston, Legé, La Limouzinière, La Marne, Montbert, Paulx, La Planche, Saint-Colomban, Corcoué-sur-Logne, Saint-Étienne-de-Mer-Morte, Saint Philbert-de-Grand-Lieu (minbarra l-lag), Touvois u Vieillevigne.

Id-dipartiment ta’ Vendée:

id-distretti ta’: Aizenay, Challans (minbarra l-muniċipalitajiet ta’ Bois-de-Cené, Chateauneuf, Sallertaine), Chantonnay, La Châtaigneraie, Fontenay-le-Comte (minbarra l-muniċipalitajiet ta’ Damvix, Maillé, Le Mazeau, Saint Sigismond u Vix), Les Herbiers, Mareuil-sur-Lay-Dissay (minbarra l-muniċipalitajiet ta’ Angles, La Jonchère, St Benoist-sur-Mer, La Tranche-sur-Mer), Montaigu, Mortagne-sur-Sèvre, La Roche-sur-Yon Nord, La Roche-sur-Yon Sud.

il-muniċipalitajiet ta’: Beaulieu-sous-la-Roche, La Chapelle-Achard, La Chapelle-Hermier, Chasnais, Coëx, Le Girouard, Lairoux, Landeronde, Luçon, Les Magnils-Reigniers, Martinet, La Mothe-Achard, Mouzeuil-Saint-Martin, Nalliers, Nieul-le-Dolent, Pouillé, Sainte-Flaive-des-Loups, Sainte-Gemme-la-Plaine, Saint-Georges-de-Pointindoux, Saint-Julien-des-Landes, Saint-Mathurin.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

Iż-żona tal-“Mogette de Vendée” hija karatterizzata minn ġeoloġija, klima u fatturi umani li jikkostitwixxu l-ispeċifiċità ta’ din iż-żona.

Billi hija estensjoni ‘l isfel tal-Massif Armoricain, Vendée tidher essenzjalment bħala reġjun ta’ foresti (70 % tal-wiċċ totali tad-dipartiment) b’riżalt daqsxejn ondulat, karatterizzat minn xibka tal-għollieq fluttwanti - li għandhom rwol ta’ lqugħ kontra l-flussi tal-Grigal spiss attivi fir-rebbiegħa. Il-ħamrija hija ħamrija kannella ta’ profondità medja spiss tat-tip kannella tal-foresti jew ħamrija li jgħaddi l-ilma minnha. Hija tippreżenta bilanċ tajjeb ta’ tafal u ħama li minnu tirriżulta riżerva utli tal-ilma medja (bejn 120 u 160 mm).

It-temperaturi medji huma moderati fir-rebbiegħa (15-16 °C f’Mejju) u b’varjazzjonijiet baxxi tat-temperatura kuljum. Matul l-aktar xhur sħan (Ġunju sa Awwissu), it-temperaturi minimi medji tal-ħamrija li tinsab lejn it-tarf tal-kosta jvarjaw minn 12 sa 16 °C u l-medji massimi tal-gżejjer ta’ Vendée lejn l-artijiet interni jvarjaw minn 22 sa 26 °C. Minbarra din il-klima partikolarment moderata u bix-xemx, tagħmel ukoll xita biżżejjed (medja ta’ 1 000 mm fiż-żona) bi kwantitajiet kumulattivi minn Ġunju sa Awwissu bejn 120 u 150 mm. Awwissu huwa karatterizzat minn nuqqas ta’ xita, medja ta’ 44 mm fiż-żona. Ix-xita li tagħmel fil-perjodu minn Ottubru sa Marzu, konsistenti u regolari, tippermetti li l-ħamrija terġa’ tibni r-riżerva tal-ilma tagħha. Fir-rigward tax-xemx fiż-żona, Vendée tibbenefika minn għadd ta’ sigħat ta’ xemx ta’ 10 % aktar mill-bqija tar-reġjun, jiġifieri 2 000 sa 2 500 siegħa fis-sena.

F’dan it-territorju, ideali għall-kultivazzjoni tal-fażola bajda, il-persuni żviluppaw għarfien li ġie trażmess minn ġenerazzjoni għal oħra u mtejjeb b’mod li jippermetti produzzjoni ta’ kwalità. Dan l-għarfien jippermetti, fost oħrajn lill-produtturi, li jintervjenu b’mod preċiż u rigoruż ħafna fl-istadji ewlenin tal-kultivazzjoni tal-fażola niexfa u tal-fażola nofsha niexfa. L-ewwel nett, protokoll ta’ selezzjoni ta’ varjetajiet permezz ta’ testijiet tal-kultivazzjoni, skambji u dewqan jippermetti l-garanzija u ż-żamma, sena wara sena, tal-awtentiċità tal-“Mogette de Vendée”. Barra minn hekk, dan l-għarfien huwa espress fl-għażla tal-ħamrija li r-rata ta’ tafal u ħama tagħha tiffavorixxi l-kultivazzjoni tal-“Mogette de Vendée”. Fl-aħħar nett, id-determinazzjoni tad-data adegwata għaż-żrigħ (f’ħamrija sħuna biżżejjed) u d-dijanjostika tal-istadju ottimali tad-dris (90 % ta’ mżiewed niexfa għall-fażola niexfa jew 65 % taż-żerriegħa bajda għall-fażola nofsha niexfa) huma l-frott ta’ ħafna snin ta’ xogħol fil-ħamrija, tal-kultivazzjoni u tal-għarfien tal-prodott.

Il-“Mogette de Vendée” hija fażola bajda tat-tip lingot, b’forma regolari simili ħafna għal kilwa. Il-prodott finali niexef (12 sa 17 % ta’ umdità) għandu kulur abjad. Il-prodott maħsud nofsu niexef huwa kombinazzjoni ta’ ħbub bojod u ta’ ħbub ħodor ċari. Il-qoxra hija rqiqa, lixxa u tleqq, li tagħti lill-prodott sawra ratba wara t-tisjir u qoxra ftit iebsa. Il-ħbub huma partikolarment omoġenji fid-daqs, fil-forma u fil-kuluri (bojod għall-ħbub niexfa; bojod u ħodor ċari għall-ħbub nofshom niexfa) jew fir-rigward ta’ imperfezzjonijiet (li jippreżentaw ftit difetti).

L-ispeċifiċità ta-IĠP “Mogette de Vendée” tiddependi mill-kwalità u mir-reputazzjoni tal-prodott matul is-snin. Il-“Mogette de Vendée” tikseb l-identità tagħha kemm mill-karatteristiċi tal-ħamrija u tal-klima taż-żona kif ukoll mill-għarfien speċifiku marbut mal-għarfien ta’ din il-produzzjoni u mill-ambjent li tinteraġixxi miegħu. Is-sawra partikolarment ratba tal-“Mogette de Vendée” u l-omoġeneità tal-ħbub tagħha huma marbuta direttament mal-karatteristiċi tal-ħamrija u tal-klima taż-żona tal-IĠP u mal-għarfien tal-irġiel u tan-nisa li jikkultivawha.

Ix-xita abbondanti tax-xitwa tippermetti li l-ħamrija taż-żona terġa’ takkwista r-riżerva tal-ilma tagħha. Fir-rebbiegħa, id-disponibbiltà ta’ dan l-ilma assoċjata mat-temperaturi baxxi ta’ kuljum tippermetti, meta l-ħamrija tikseb temperatura ideali (madwar 12 °C), t-tinbit u l-iżvilupp omoġenju tal-pjanti kollha. Permezz tal-għarfien tiegħu il-prodottur jista’ jagħżel data ottimali għaż-żrigħ. Fir-rigward tal-preżenza ta’ għollieq, dan għandu r-rwol li jilqa’ r-riħ kontra t-tnixxif tal-ħamrija u b’dan il-mod jiffavorixxi t-tkabbir rapidu u regolari tal-pjanti. Din ir-regolarità tat-tkabbir għandha rwol importanti fl-omoġeneità tal-prodott fil-ħsad.

Il-ħamrija taż-żona għandha bilanċ tajjeb ta’ tafal u ħama li minnu tirriżulta riżerva tal-ilma medja u suffiċjenti sabiex jiġi limitat b’mod naturali l-istress tal-ilma. Meta l-kundizzjonijiet naturali ma jibqgħux sodisfaċenti, l-għarfien tal-produttur jippermettilu li jintervjeni billi jsaqqi l-kultivazzjoni tiegħu. Din il-provvista ta’ ilma regolari għall-pjanti tal-fażola, u għaldaqstant għall-ħbub, tevita li jinbidlu u jibbiesu l-membrani ċellulari. Din għandha rwol importanti fl-iżvilupp tal-kriterju tal-irtubija u tal-omoġeneità tal-fażola.

Il-klima sħuna u xemxija tas-sajf tagħmel it-tnixxif naturali tar-raba’ possibbli, kemm fis-superfiċe tal-ħamrija (fit-tħammil qabel id-dris) jew inkella fl-għeruq (fid-dris dirett), li jippermetti li jitnaqqsu d-differenzi fl-istadji tal-fażola u li għalhekk ikun hemm prodott omoġenju. L-għażla tad-data tat-tħammil u/jew tad-dris hija għalhekk importanti u dan l-istadju għandu jsir fil-mument li l-fażola tkun fi stadju tajjeb ta’ maturità (mill-inqas 90 % ta’ mżiewed niexfa għall-fażola niexfa u 65 % taż-żrieragħ bojod għall-fażola nofsha niexfa) u b’umdità partikolari (bejn 12 u 25 % għall-fażola niexfa; madwar 50 % għall-fażola nofsha niexfa). Esperjenza u għarfien vasti tal-kultivazzjoni biss jistgħu jippermettu li jiġi identifikat dan l-istadju ottimali, stadju finali li jiggarantixxi l-kwalità tipika tal-prodott.

Il-“Mogette de Vendée” hija produzzjoni tradizzjonali, li għandha l-għeruq fit-territorju tagħha. Mill-aħħar tas-seklu XVII, it-tobba jindikaw il-kultivazzjoni tal-“fażola” f’Vendée. “Huwa f’dan ir-reġjun (…) li l-fażola Amerikana tidher fil-fatt li sabet l-art magħżula tagħha, (…). Matul is-seklu, ir-reputazzjoni tal-Mogettes kellha mbagħad testendi għal reġjuni oħra ta’ Vendée billi, fl-1931, il-gwida UNA ma rrakkomandatx biss lill-gastronimi l-fażola ta’ Fontenay-le-Comte, Luçon u Nalliers, fin-Nofsinhar tad-dipartiment, iżda wkoll dik ta’ Pouzauges, fil-foresti ta’ fuq.” (Prom’Agri, 1995; GUICHARD, O. et, 1993).

Fl-1930 T. Sarrazin, li kien responsabbli mill-qasam agrikolu, kien qal fir-rigward tal-kultivazzjoni ortikulturali f’Vendée: “l-iktar importanti minn kollox hija l-fażola li tokkupa madwar 9 000 ettaru ta’ art u li minnhom, varjetà lokali bl-isem Mogette, hija l-bażi tal-ikel tan-nies tal-kampanja ta’ Vendée. Din tinsab imxerrda fid-dipartiment kollu.” Aktar riċenti, f’gazzetta tal-1966 ġie ppubblikat, fir-rigward tal-bejgħ ta’ din il-kampanja: “Minkejja l-fażola importata bi prezz baxx, il-popolarità tal-Mogette baqgħet l-istess u dan huwa dovut għall-kwalità tal-produzzjonijiet ta’ Vendée li hija rikonoxxuta u apprezzata minn numru kbir ta’ xerrejja. (…) Il-produtturi tal-fażola ta’ Vendée, li għandhom ix-xorti li jinsabu f’reġjun privileġġat fejn din il-produzzjoni hija ta’ kwalità inkomparabbli (…).” (COURADETTE, 1966).

Din il-kwalità tal-prodott “Mogette de Vendée” hija kkonfermata wkoll minn uffiċjali nazzjonali: “F’reġjun bħal Vendée, (…) għandna possibilitajiet fir-rigward tal-fażola, fir-rigward tal-lingot, li nistgħu ngħidu huma uniċi fid-dinja. Madankollu għandu jiġi rikonoxxut li l-lingot ta’ Vendée jibqa’, f’dan it-tip ta’ fażola, assolutament inkonsistenti”, indika Wallery-Masson, President tal-Fédération nationale du légume sec, f’wieħed mill-interventi tiegħu (Les légumes secs, Ed. Invuflec, 1978). Jeżistu wkoll fuljetti jew tikketti ta’ aktar minn 20 sena, li jfaħħru l-“Mogette de Vendée”, il-lingot jew il-fażola ta’ Vendée; dan juri d-dinamiżmu fir-rigward tal-“Mogette de Vendée”, ir-reputazzjoni kummerċjali tagħha u l-anterjorità ta’ din id-denominazzjoni.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni

(it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-Regolament)

https://info.agriculture.gouv.fr/gedei/site/bo-agri/document_administratif-96e588fd-319f-431b-9c3e-503a19baa1d3/telechargement


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.


Top