EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013AE3176

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi qafas għall-ippjanar spazjali marittimu u għall-ġestjoni integrata tal-kosta” COM(2013) 133 final — 2013/0074 (COD)

ĠU C 341, 21.11.2013, p. 67–70 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

21.11.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 341/67


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi qafas għall-ippjanar spazjali marittimu u għall-ġestjoni integrata tal-kosta”

COM(2013) 133 final — 2013/0074 (COD)

2013/C 341/15

Relatur: is-Sur BUFFETAUT

Nhar is-27 ta' Marzu 2013 u nhar il-15 ta' April 2013, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikoli 43(2), 100(2), 192(1), 194(2) u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi qafas għall-ippjanar spazjali marittimu u għall-ġestjoni integrata tal-kosta

COM(2013) 133 final — 2013/0074 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-3 ta' Settembru 2013.

Matul l-492 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-18 u d-19 ta' Settembru 2013 (seduta tat-18 ta' Settembru 2013), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'185 vot favur, 2 voti kontra u 5 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ifakkar li 50 % tal-popolazzjoni tal-Unjoni Ewropea tgħix fiż-żona kostali. Dan ifisser li l-politiki dwar il-ġestjoni tal-kosta u l-ippjanar spazjali marittimu huma partikolarment importanti għall-Unjoni Ewropea. Għalhekk tintlaqa' b'mod partikolari r-rieda li tiġi organizzata kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti kemm fl-istess Stati Membri kif ukoll bejniethom, u b'mod aktar speċifiku f'dak li jirrigwarda ż-żoni transkonfinali, bil-għan li r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili attivi f'dawn iż-żoni jiġu involuti bis-sħiħ.

1.2

Huwa jinsisti fuq il-bżonn li jiġi implimentat approċċ parteċipattiv li jiġbor fih lil dawk kollha li huma attivi, jaħdmu jew joperaw fiż-żoni kostali u marittimi bil-għan li l-konsultazzjoni twassal għal riżultati konkreti. Fil-fatt minkejja li kulħadd jappoġġja l-għanijiet tal-Kummissjoni, huwa l-metodu tal-implimentazzjoni li jiddetermina s-suċċess tal-applikazzjoni tad-Direttiva. L-attivitajiet żviluppati fiż-żoni marittimi kkonċernati huma diversi ħafna: sajd professjonali, akkwakultura, sajd rikreattiv, trasport marittimu, turiżmu, għadis, attivitajiet militari, użu tas-sorsi tal-enerġija. Dawn jikkompetu ma' xulxin iżda jistgħu wkoll jikkomplementaw lil xulxin.

1.3

Biex tkun effettiva, il-konsultazzjoni trid issir fil-livell lokali. L-implimentazzjoni tad-Direttivi dwar il-Ħabitats (Natura 2000) u dwar l-Istrateġija Marina wriet li hemm bżonn tinħoloq dinamika territorjali. Minkejja d-diversità tal-interessi kkonċernati, huwa fundamentali li dawk li jużaw it-territorju tal-baħar ikunu jistgħu jitkellmu b'lingwaġġ komuni u jikkondividu objettivi ċari u li jistgħu jinkisbu. Il-metodoloġija, għalhekk, hija importanti ħafna sabiex tinħoloq dinamika ta' grupp. Din għandha neċessarjament tibda b'rikonoxximent kunsenswali tas-sitwazzjoni eżistenti abbażi tar-realtà tat-territorji u l-iżviluppi mistennija tal-attivitajiet li jsiru fihom.

1.4

Sabiex ir-regoli jiġu aċċettati, l-objettivi u l-azzjonijiet implimentati jridu jkunu ċari u trasparenti. Ir-regoli jridu qabel kollox jiġu mifhuma sabiex jiġu rispettati. Il-prinċipju ewlieni warajhom irid ikun ċar għall-partijiet ikkonċernati kollha u l-istrutturar tal-ispazju marittimu u kostali għandu jkun gradwali u integrat.

1.5

Apparti l-prinċipju li l-konsultazzjoni tiġi organizzata b'mod sistematiku, hemm bżonn li jiġu definiti prijoritajiet għall-attivitajiet li jistgħu jsiru fl-ispazji marittimi u fiż-żoni kostali. Dawn ma jistgħux jiġu stabbiliti minn qabel u bilfors ivarjaw skont il-kuntest partikolari ta' kull waħda minnhom kemm fil-livell ġeografiku, ekoloġiku, uman kif ukoll ekonomiku. Għaldaqstant, il-prinċipju tas-sussidjarjetà irid jiġi applikat f'dan il-qasam kemm fil-livell tal-UE kif ukoll fi ħdan l-Istati Membri.

1.6

Il-Kumitat jinnota li mhux l-Istati Membri biss huma kkonċernati u li l-konsultazzjoni trid tiġi organizzata wkoll bejn ir-reġjuni u l-awtoritajiet lokali u reġjonali kif ukoll bejn is-setturi ekonomiċi. L-imsieħba soċjali għandhom ukoll jiġu involuti f'din il-konsultazzjoni, b'mod partikolari peress li xi deċiżjonijiet jista' jkollhom impatt fuq l-impjieg (pereżempju fis-setturi tas-sajd jew tat-turiżmu) u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom. Huwa jfakkar li l-implimentazzjoni ta' Natura 2000 diġà qed tistrieħ fuq diversi forom ta' governanza lokali.

1.7

Fil-prattika, id-diffikultajiet tal-implimentazzjoni jinbtu l-aktar mill-fatt li s-sistemi legali huma differenti fuq l-art u fuq il-baħar, għalkemm iż-żewġ spazji jiddependu minn xulxin u jidħlu f'xulxin. Barra minn hekk, l-approċċi għall-problemi faċilment jistgħu jsiru korporatisti. Għalhekk jeħtieġ li jinstab il-bilanċ ġust bejn l-interessi leġittimi u l-bżonnijiet tal-ġid komuni, mingħajr preġudizzji ideoloġiċi.

1.8

Sabiex nibqgħu kemm jista' jkun qrib tar-realtajiet ta' kuljum, il-KESE japprova l-prinċipju li l-programmi tal-ippjanar u tal-istrateġiji ta' ġestjoni jiġu riveduti regolarment, iżda jenfasizza li m'għandniex ningħalqu f'approċċ regolatorju tal-affarijiet. L-għan huwa l-ġestjoni tal-attivitajiet tal-bniedem f'żona li qed tinbidel u li hija fraġli. Għalhekk huwa importanti li naħsbu f'termini ta' fluss, jiġifieri b'mod dinamiku.

1.9

Il-kwistjoni tas-sorsi ta' finanzjament ta' dawn il-politiki hija naturalment importanti ferm. Huma ser jagħmlu użu mill-fondi tal-politika marittima integrata iżda jistgħu jintużaw ukoll fondi oħra, bħal dawk tal-politika tas-sajd, tal-ġestjoni tal-ambjent (Natura 2000), tal-iżvilupp reġjonali jew saħansitra tal-PAK. Għaldaqstant irid jiġi żgurat li d-diversi sorsi ta' finanzjament ma jostakolawx l-implimentazzjoni tal-politiki kkonċernati. L-istrateġiji makroreġjonali jridu jippermettu li tingħata koerenza lid-diversi fondi ta' koeżjoni.

1.10

Il-KESE jenfasizza li dan il-finanzjament hu partikolarment importanti sabiex ikun jista' jsir segwitu uman dinamiku tal-konsultazzjonijiet u tal-azzjonijiet li jseħħu fil-kuntest tad-Direttiva l-ġdida. Mingħajr il-kontribut tal-persuni li jafu kif għandhom jiffokkaw l-attenzjoni u jappoġġjaw din l-implimentazzjoni, l-isforzi li saru jirriskjaw li jkunu saru għalxejn jew ma jkollhomx futur.

1.11

Peress li huwa magħruf li l-parti l-kbira tal-problemi ekoloġiċi tal-baħar ġejjin mill-iskart tal-art, jidher loġiku li l-ippjanar marittimu jiġi akkumpanjat minn pjanar tal-art taż-żoni qrib il-kosta li jkun koordinat jew saħansitra integrat.

1.12

Il-KESE jenfasizza wkoll li xi Stati Membri jinsabu f'sitwazzjonijiet partikolari. B'hekk kważi ż-żoni kostali Pollakki kollha huma klassifikati bħala Natura 2000, li jwassal biex il-konvivenza bejn attivitajiet ekonomiċi ġodda u l-ħarsien tal-ambjent tkun waħda delikata (fil-fatt, bħalma jiġri fuq l-art, l-attivitajiet ekonomiċi attwali jew dawk li għaddejjin bħalissa jiġu inklużi fid-dokumenti mmirati).

1.13

Fil-qasam tal-valutazzjoni, tal-ġbir tad-data u tal-iskambju tal-informazzjoni, il-kriterji jistgħu jvarjaw minn Stat Membru għall-ieħor. Għaldaqstant ikun tajjeb li l-Kummissjoni tkun tista' tistabbilixxi speċi ta' "qafas ta' interpretazzjoni" komuni biex il-valutazzjonijiet u d-data miġbura jkunu koerenti u paragunabbli.

1.14

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jinsisti fuq il-fatt li hemm bżonn li noqogħdu attenti ħafna li l-leġislazzjoni l-ġdida ma tikkontradixxix l-implimentazzjoni tal-leġislazzjonijiet li diġà hemm fis-seħħ, bħad-Direttiva dwar il-Ħabitats (Natura 2000) u d-Direttiva dwar l-Istrateġija Marina, iżda għall-kuntrarju għandha ssaħħaħhom anke meta jkunu jinsabu biss fil-bidu tal-implimentazzjoni tagħhom. Għaldaqstant, din id-Direttiva l-ġdida għandha titqies bħala pilastru ġdid fl-istruttura tal-politika marittima integrata tal-Unjoni Ewropea.

1.15

Fl-aħħar, il-Kumitat jinsisti li l-parteċipazzjoni tal-pubbliku prevista fl-Artikolu 9 tal-proposta għandha tiġi organizzata kemm jista' jkun viċin ir-realtajiet lokali peress li kull żona kkonċernata għandha l-karatteristiċi partikolari tagħha kemm fuq il-pjan ambjentali u dak ġeografiku kif ukoll dak ekonomiku.

2.   Introduzzjoni

2.1

Din il-proposta hija element tal-politika li għandha l-għan li tagħti lill-Unjoni Ewropea dimensjoni marittima b'saħħitha. Din hija ambizzjoni naturali meta wieħed iqis it-tul tal-kosta Ewropea u l-firxa taż-żoni ekonomiċi esklużivi tagħha, fosthom dawk tar-reġjuni ultraperiferiċi, li huma importanti ħafna għal xi Stati Membri bħal Spanja, Franza, ir-Renju Unit, l-Irlanda jew il-Portugall.

2.2

Għall-Kummissjoni, l-isfida hija li jiġu kkonċiljati l-eżiġenzi ekonomiċi, soċjali u ambjentali. Li tidher ħaġa bażika. Din l-aspirazzjoni tirrigwarda kemm l-ippjanar tal-ispazju marittimu kif ukoll il-ġestjoni integrata taż-żoni kostali fejn iseħħu l-interazzjonijiet kumplessi bejn il-baħar u l-art.

2.3

L-għan tal-proposta huwa, fil-kliem tas-soltu, il-promozzjoni ta' tkabbir sostenibbli tal-attivitajiet marittimi u kostali u l-użu sostenibbli tar-riżorsi ta' dawn iż-żoni.

2.4

Il-Kummissjoni Ewropea tixtieq tara ġestjoni ppjanata u kkoordinata ta' dawn l-ispazji biex jiġu evitati l-kunflitti tal-użu u jintużaw b'mod armonjuża. Jirriżulta li l-azzjoni proposta mhix settorjali iżda trasversali. Għaldaqstant, il-kamp ta' applikazzjoni tat-test huwa wiesa' ħafna u dan jista' jqajjem dubji dwar l-implimentazzjoni konkreta tiegħu.

2.5

L-Istati Membri huma mistennija li jikkooperaw flimkien u huma responsabbli għall-ippjanar u l-ġestjoni integrata. Dan jirrikjedi l-koordinazzjoni tal-politiki settorjali nazzjonali jew reġjonali biex tinħoloq koerenza, anke f'dimensjoni transkonfinali. Mandankollu, ta' min wieħed jinnota li din il-proposta għal Direttiva ma tapplikax għal "attivitajiet li l-uniku għan tagħhom hu d-difiża jew is-sigurtà nazzjonali".

3.   Għanijiet mixtieqa

3.1

Il-Kummissjoni tixtieq li l-Istat Membri jistabbilixxu u jimplimentaw programmi ta' ppjanar tal-ispazju marittimu u strateġija waħda jew aktar għall-ġestjoni taż-żoni kostali. Naturalment dawn l-istrumenti jridu jqisu kemm is-sitwazzjonijiet partikolari reġjonali u intrareġjonali kif ukoll l-attivitajiet settorjali.

3.2

B'dawn il-prinċipji ġenerali stabbiliti, fil-konkret dan ifisser:

li jingħata kontribut biex tiġi garantita l-provvista tal-enerġija tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari billi jintużaw l-enerġiji tal-baħar (il-kurrenti, it-tibdil fil-livelli tal-ilma, il-mewġ, ir-riħ, eċċ.);

li t-trasport marittimu jiġi żviluppat b'mod effikaċi;

li jiġi promoss l-iżvilupp sostenibbli tas-sajd u tal-akkwakultura;

li jiġu garantiti l-preservazzjoni u t-titjib tal-ambjent;

li ż-żoni kostali jkunu jistgħu jadattaw ruħhom u jirreżistu l-effetti tat-tibdil fil-klima.

4.   L-esiġenzi tal-Kummissjoni

4.1

Bħalma tagħmel is-soltu, il-Kummissjoni tiddefinixxi għadd ta' obbligi xi ftit jew wisq burokratiċi li għandhom l-għan li jagħmluha possibbli li jintlaħqu dawn l-għanijiet. Dawn l-obbligi jinkludu:

il-koordinazzjoni reċiproka bejn l-Istati Membri;

il-kooperazzjoni transkonfinali;

l-għarfien tal-effetti transkonfinali tal-politiki li jiġu implimentati.

4.2

Għall-programmi tal-ippjanar iridu jiġu kkunsidrati l-attivitajiet marbutin mal-enerġija rinnovabbli, l-esplojtazzjoni tal-bjar tal-gass u taż-żejt, it-trasport marittimu, il-kanali u l-cables ta' taħt il-baħar, is-sajd, l-akkwakultura u s-siti tal-konservazzjoni tan-natura.

4.3

F'dak li jirrigwarda l-istrateġiji tal-ġestjoni taż-żoni kostali jridu jitqiesu l-użu tar-riżorsi naturali, l-aktar fil-qasam tal-enerġija, l-iżvilupp tal-infrastruttura (enerġija, portijiet, xogħlijiet marittimi, eċċ.), l-agrikoltura u l-industrija, is-sajd u l-akkwakultura, il-ġestjoni u l-ħarsien tal-ekosistemi, tas-siti u tal-pajsaġġi kostali, u l-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima.

4.4

It-test jipprevedi li l-Istati Membri jridu jagħmlu l-arranġamenti neċessarji biex il-pubbliku jipparteċipa fit-tfassil tal-pjani u l-istrateġiji tal-ġestjoni taż-żoni kostali, ħaġa li hija ta' interess speċjali għall-KESE.

4.5

Dan kollu jiġi implimentat b'mod effikaċi biss jekk tiġi stabbilita kooperazzjoni ġenwina bejn l-Istati Membri u mal-pajjiżi terzi, anke peress li l-ispazji marittimi huma, min-natura tagħhom, spazji miftuħin f'interazzjoni kontinwa bejniethom.

5.   L-implimentazzjoni fil-prattika

5.1

Hija r-responsabbiltà ta' kull Stat Membru li jaħtar l-awtoritajiet kompetenti biex jimplimentaw d-Direttiva u jgħaddi l-lista tagħhom lill-Kummissjoni. L-Istati Membri għandhom ukoll ir-responsabbiltà li lill-Kummissjoni jibagħtulha r-rapporti dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva. Huwa għaqli li d-deċiżjoni tittieħed kemm jista' jkun qrib il-persuni kkonċernati (dawk li jużaw il-baħar) u tar-realtajiet territorjali.

5.2

It-test jagħti lill-Kummissjoni s-setgħa li tuża atti ta' implimentazzjoni sabiex tiċċara xi data jew rekwiżiti amministrattivi, li huwa perfettament aċċettabbli sakemm dan ma jsirx mezz biex jinħolqu obbligi ġodda mhux previsti fit-test ta' referenza.

6.   Kummenti ġenerali

6.1

Il-qasam kopert minn din il-proposta huwa estiż ħafna u jiżdied mat-testi li diġà jeżistu: id-Direttiva dwar il-Ħabitats, magħrufa aħjar bl-isem Natura 2000, u d-Direttiva dwar l-Istrateġija Marina li tirrigwarda l-ispazji kostali tal-baħar kollha. Dan kollu huwa ġestit minn korpi ġodda ta' governanza lokali, reġjonali jew nazzjonali.

6.2

Għalhekk il-mistoqsija ewlenija hija kif ser tiġi sinkronizzata u kkoordinata l-leġislazzjoni l-ġdida ppjanata mad-Direttivi attwali.

6.3

Il-kamp ta' applikazzjoni tal-proposta l-ġdida jista' jimplika r-riskju li l-effett tagħha jiġi mminimizzat fit-tfassil ta' rapporti li jkunu ta' natura amministrattiva ħafna. Huwa neċessarju ħafna li wieħed iżomm kuntatt mar-realtajiet ta' kuljum.

6.4

L-għan imħabbar huwa li tinkiseb koordinazzjoni aħjar tal-politiki li jirrigwardaw iż-żoni marittimi. Xejn ma jista' jmur kontra dan il-għan iżda wieħed jista' jistaqsi kienx ikun aktar għaqli li l-leġislazzjonijiet attwali jitħallew jilħqu l-effikaċja sħiħa tagħhom qabel ma jiżdied livell regolamentari ieħor. Hemm bżonn ta' ċertu żmien qabel ma l-leġislazzjoni tibda tikseb ir-riżultat mixtieq u huwa importanti li jkun hemm stampa ċara ta' dak li għandu jiġi implimentat. Il-Kardinal ta' Richelieu kien diġà rrimarka li liġi tajba kienet liġi li l-poplu jista' jifhem.

6.5

Din il-koordinazzjoni mtejba hija wkoll meħtieġa fir-rigward tal-allokazzjoni tal-fondi Ewropej intiżi sabiex jappoġġjaw l-implimentazzjoni tad-Direttiva l-ġdida. L-istrateġiji makroreġjonali għandhom jitqiesu bħala qafas li joħloq koerenza bejn id-diversi fondi ta' koeżjoni li jistgħu jiġu mobilizzati.

6.6

L-attivitajiet varji li jseħħu fiż-żoni marittimi u kostali jiddependu minn diversi atturi ekonomiċi, xjentifiċi, politiċi u amministrattivi. Apparti dan, hemm użi li qed jidħlu f'kompetizzjoni ma' xulxin bejn is-setturi ekonomiċi: is-sajd, it-trasport, l-użu tar-riżorsi tal-enerġija, it-turiżmu, eċċ. Barra minn hekk, fiż-żoni kostali, l-influwenza tal-attivitajiet ibbażati fuq l-art hija kruċjali u kumplessa. Din l-interazzjoni tfisser li mhux possibbli li dawn iż-żewġ territorji tal-art u marittimi jitqiesu b'mod indipendenti.

6.7

Għaldaqstant ikun tajjeb li jiġi evitat approċċ amministrattiv wisq li ma jagħmel xejn aktar ħlief iżid il-kumplessità u jtaqqal l-azzjoni li ssir aktar bil-mod. Għall-kuntrarju, hemm bżonn li l-professjonisti li jaħdmu fuq u f'dawn l-oqsma marittimi u kostali jiġu involuti b'mod ġenwin: atturi ekonomiċi, imsieħba soċjali u xjentifiċi, NGOs eċċ. Dan ma jsirx biex jittaqqal il-proċess iżda biex jiġu evitati l-oġġezzjonijiet wara, fosthom dawk fil-qrati, jew it-teħid ta' deċiżjonijiet li huma mbiegħda mir-realtajiet konkreti.

7.   Kummenti speċifiċi

7.1

Ta' min wieħed ifakkar li l-ippjanar tal-ispazji marittimi u l-ġestjoni integrata taż-żoni kostali jridu jkunu koerenti mad-direttivi li diġà ġew adottati, partikolarment dik li tirrigwarda l-Istrateġija Marina (2008) u d-Direttiva dwar il-Ħabitats (Natura 2000, 1992, li wara ġiet applikata għaż-żoni marittimi kostali). Huwa dan il-pakkett li llum jifforma l-politika marittima integrata tal-UE.

7.2

L-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva l-ġdida trid issir ukoll fir-rispett tal-prinċipju tas-sussidjarjetà bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri iżda wkoll fi ħdan l-Istati Membri. Fil-fatt, il-prijoritajiet imħabbra mid-Direttiva jridu jiġu klassifikati skont ċerti prijoritajiet li jvarjaw minn żona għal oħra u minn spazju għal ieħor. Wieħed ma jistax jittratta l-Baltiku u l-Mediterran bl-istess mod, kemm minħabba fil-karatteristiċi ġeografiċi kif ukoll minħabba fil-karatteristiċi ekoloġiċi. Iżda dan it-tip ta' differenzi jeżistu wkoll bejn ir-reġjuni u bejn iż-żoni kostali.

7.3

Wieħed mill-aktar aspetti utli tal-proposta huwa l-organizzazzjoni ta' kooperazzjoni reċiproka bejn l-awtoritajiet ta' tmexxija, bl-appoġġ ta' miżuri ta' informazzjoni u ta' kontroll. Biex dan kollu jkun verament effikaċi, ikun utli li jiġu definiti kriterji ġenerali komuni sabiex l-informazzjoni u d-data jkunu jistgħu jiġu skambjati u kkomunikati b'mod faċli, mhux biss bejn l-awtoritajiet iżda wkoll bejn l-atturi tal-attivitajiet kostali u marittimi. Madankollu jeħtieġ li jiġi enfasizzat li l-effiċjenza tal-proċess tistrieħ fuq metodu adegwat li jippermetti li d-diversi atturi lokali, pubbliċi u privati, jieħdu azzjoni fir-rigward ta' għanijiet komuni abbażi ta' sitwazzjoni inizjali kondiviża. L-isfida kollha tinsab fil-kapaċità li r-responsabbli tal-attivitajiet differenti ħafna li huma attivi fl-istess territorju kostali u marittimu jkunu jitkellmu b'lingwaġġ komuni.

7.4

It-tniġġis fuq l-art (dranaġġ urban jew industrijali u makroskart li jinġarr mill-ilmijiet matul l-għargħar, eċċ.) u l-kostruzzjonijiet li jinbnew fuq il-baħar (portijiet, artijiet reklamati, xogħlijiet kontra l-erożjoni, eċċ.) huma ta' ħsara kbira għall-ambjent tal-baħar, u għalhekk jeħtieġ li l-ippjannar fuq l-art taż-żoni li huma qrib il-kosta jkun ikkoordinat ma' mal-politiki tal-ġestjoni kostali u tal-ippjanar tal-ispazji marittimi jew saħansitra integrat fihom.

Brussell, 18 ta’ Settembru 2013

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


Top