EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013AE3907

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar miżuri li jiffaċilitaw l-eżerċizzju tad-drittijiet konferiti fuq ħaddiema fil-kuntest tal-moviment liberu tal-ħaddiema” COM(2013) 236 final — 2013/0124 (COD)

ĠU C 341, 21.11.2013, p. 54–58 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

21.11.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 341/54


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar miżuri li jiffaċilitaw l-eżerċizzju tad-drittijiet konferiti fuq ħaddiema fil-kuntest tal-moviment liberu tal-ħaddiema”

COM(2013) 236 final — 2013/0124 (COD)

2013/C 341/13

Relatur: is-Sur PARIZA CASTAÑOS

Korelatur: is-Sinjura DRBALOVÁ

Nhar il-21 ta’ Mejju 2013 u nhar it-13 ta’ Mejju 2013, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikoli 46 u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar miżuri li jiffaċilitaw l-eżerċizzju tad-drittijiet konferiti fuq ħaddiema fil-kuntest tal-moviment liberu tal-ħaddiema

COM(2013) 236 final – 2013/0124 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar il-5 ta' Settembru 2013.

Matul l-492 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-18 u d-19 ta' Settembru 2013 (seduta tad-19 ta' Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'133 vot favur u 2 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat jinnota li mill-erba' libertajiet mogħtija mit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-moviment liberu tal-ħaddiema huwa dak li għad għandu l-ikbar ostakli fil-prattika.

1.2

Il-Kumitat jemmen li l-eżerċizzju tal-moviment liberu tal-ħaddiema, mingħajr ostakli u diskriminazzjonijiet, ser jgħin fil-ħarsien tad-drittijiet fundamentali, u ser itejjeb il-kompetittività tal-UE, il-produttività tal-intrapriżi u l-kwalità tal-impjiegi għall-ħaddiema, peress li huwa pilastru tal-Istrateġija Ewropa 2020.

1.3

Il-libertà tal-moviment tal-ħaddiema fl-Ewropa għandu jkompli jkun prijorità politika għall-UE. Il-Kumitat jemmen li d-Direttiva ser tikkontribwixxi għal mobbiltà ġusta u bilanċjata.

1.4

Il-KESE jappoġġja l-proposta għal Direttiva tal-Kummissjoni, li ser tiffaċilita it-trattament indaqs u n-nondiskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità għall-ħaddiema Ewropej li jeżerċitaw id-dritt għall-moviment liberu; madankollu għad fadal ostakli oħra li jxekklu l-mobbiltà, bħal dawk li l-Kumitat semma diġà f'Opinjonijiet oħra.

1.5

Sabiex ikomplu jitneħħew l-ostakli attwali għall-mobbiltà għandhom jiġu adottati miżuri addizzjonali bil-għan li jkun hemm informazzjoni dwar il-liġi tax-xogħol u d-drittijiet soċjali li tkun disponibbli għall-ħaddiema mobbli fil-lingwi nazzjonali rispettivi tagħhom. Barra minn hekk għandu jiġi stabbilit id-dritt għal konsulenza individwali għall-ħaddiema. Dawn l-istrutturi ta' konsulenza għandhom jikkollaboraw u jkunu marbuta mill-qrib mal-imsieħba soċjali u l-EURES, b'tali mod li l-ħaddiema mobbli diġà jkunu informati f'pajjiżhom dwar il-kundizzjonijiet soċjali u legali tal-pajjiż ospitanti.

1.6

Il-KESE jappoġġja l-għanijiet li tixtieq tilħaq il-Kummissjoni permezz tad-Direttiva, bħad-difiża tad-drittijiet imnissla mill-prinċipju tat-trattament indaqs tal-ħaddiema u tal-familji tagħhom fl-impjieg u f'diversi drittijiet soċjali, permezz ta' proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji; l-azzjoni tal-assoċjazzjonijiet, l-organizzazzjonijiet u persuni legali oħra; l-istabbiliment ta' strutturi ta' appoġġ u superviżjoni fil-livell nazzjonali; id-djalogu soċjali; it-titjib tal-informazzjoni għall-intrapriżi u għall-ħaddiema. Il-Kumitat japprezza li t-traspożizzjoni fil-leġislazzjonijiet nazzjonali ser issir fir-rispett tal-proċeduri u l-prattiki ġudizzjarji nazzjonali.

1.7

Il-Kumitat jappoġġja t-twaqqif ta' servizzi ta' informazzjoni u ta' konsultazzjoni dwar l-eżerċizzju tal-moviment liberu u l-mobbiltà, bħala appoġġ għall-ħaddiema. Ser ikun hemm bżonn li anke l-impjegaturi jiġu infurmati b'mod adegwat.

1.8

Il-KESE jappoġġja l-isforzi tal-Kummissjoni Ewropea biex tibdel u twessa' r-rwol tal-EURES biex tiffaċilita l-mobbiltà u biex il-ħiliet u l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol jkunu jikkorrespondu aktar.

2.   Il-proposta għal Direttiva

2.1

Ir-rapport ta' Mario Monti ta' Mejju tal-2010 "A new Strategy for the Single Market" (Strateġija ġdida għas-suq uniku) jenfasizza l-fatt li l-moviment liberu tal-ħaddiema rnexxa mil-lat legali, iżda xorta waħda huwa l-inqas libertà eżerċitata minn fost l-erba' libertajiet tas-suq uniku. Il-lakuna li teżisti bejn it-teorija u l-prattika hija riflessa wkoll fil-linji gwida politiċi 2010-2014 ippreżentati mill-President tal-Kummissjoni Ewropea, is-Sur Barroso.

2.2

Il-Kummissjoni qed tipproponi Direttiva bil-għan li tittejjeb l-applikazzjoni tal-leġislazzjoni tal-UE u jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija lill-ħaddiema b'rabta mal-moviment liberu. It-Trattat u l-leġislazzjoni Ewropea applikabbli jagħtu liċ-ċittadini Ewropej kollha d-dritt li jiċċaqilqu b'mod ħieles lejn Stat Membru ieħor biex jaħdmu u jgħixu, u jħarsuhom kontra d-diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità f'dak li għandu x'jaqsam mal-impjieg u jiggarantixxu t-trattament indaqs.

2.3

Matul dawn l-aħħar snin inbdew tliet pjani ta' azzjoni (1) għall-mobbiltà tal-ħaddiema – fl-1997, l-2002, u l-2007. Madankollu l-ħaddiema Ewropej li jeżerċitaw dan id-dritt għall-mobbiltà fl-UE huma 3 %. Il-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew, il-Kumitat tar-Reġjuni, il-KESE u l-partijiet interessati soċjali indikaw l-ostakli li qed ixekklu l-eżerċizzju ta' dan id-dritt fil-prattika:

awtoritajiet nazzjonali li ma jkunux konformi mal-liġi tal-UE (liġi mhux konformi jew applikazzjoni ħażina), b'effett negattiv fuq il-ħaddiema migranti fl-UE;

impjegaturi u konsulenti legali li ma jkunux konformi mal-liġi tal-UE;

ħaddiema migranti tal-UE li m'għandhomx aċċess għall-informazzjoni jew għal mezzi biex jinfurzaw id-drittijiet tagħhom.

2.4

B'riżultat ta' dawn il-problemi, f'ħafna okkażjonijiet id-diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità għadha ostaklu importanti ħafna għall-ħaddiema migranti tal-UE.

2.5

Il-Kummissjoni wettqet konsultazzjonijiet wesgħin mal-Istati Membri, l-imsieħba soċjali, is-soċjetà ċivili u l-aġenziji speċjalizzati, u kkonkludiet li biex il-ħaddiema jeżerċitaw b'mod aktar faċli d-drittijiet tagħhom għall-moviment liberu, l-istrument legali l-aktar adegwat huwa direttiva sabiex id-drittijiet mogħtija mill-Artikolu 45 tat-TFUE u mill-Artikoli 1 sa 10 tar-Regolament Nru 492/2011 jiġu rispettati b'mod uniformi.

2.6

Il-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva ser jinkludi aspetti li fil-qasam tal-moviment liberu tal-ħaddiema huma inklużi fir-Regolament (UE) Nru 492/2011, li jiggarantixxi t-trattament indaqs u n-nondiskriminazzjoni fl-oqsma li ġejjin:

l-aċċess għall-impjieg;

il-kundizzjonijiet tal-impjieg u tax-xogħol, b'mod partikolari għal dak li għandu x'jaqsam mal-paga u t-tkeċċija;

l-aċċess għal vantaġġi soċjali u fiskali;

sħubija fi trejdjunjins;

l-aċċess għat-taħriġ;

l-aċċess għall-akkomodazzjoni; u

l-aċċess għall-edukazzjoni tat-tfal tal-ħaddiema.

2.7

Id-Direttiva ser tobbliga lill-Istati Membri biex:

joħolqu punti ta' kuntatt nazzjonali biex jinfurmaw, jgħinu u jagħtu pariri lill-ħaddiema migranti dwar id-drittijiet garantiti mil-leġislazzjoni Ewropea, fost oħrajn dwar in-nondiskriminazzjoni u l-libertà tal-moviment;

jipprovdu u jiggarantixxu d-disponibbiltà ta' mezzi amministrattivi u/jew ġudizzjarji ta' rimedju fil-livell nazzjonali;

jippermettu lit-trejdjunjins, lill-NGOs u lil entitajiet legali oħra jibdew proċeduri amministrattivi jew legali għar-rispett tad-drittijiet imnissla mill-Artikolu 45 tat-TFUE u mill-Artikoli 1 sa 10 tar-Regolament (UE) Nru 492/2011, b'rappreżentanza jew appoġġ tal-ħaddiem u tal-membri tal-familja tiegħu, bil-qbil tiegħu, u b'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-liġijiet nazzjonali;

jipprovdu tagħrif aħjar lill-ħaddiema migranti tal-UE u lill-impjegaturi dwar il-leġislazzjoni Ewropea fil-qasam tal-moviment liberu.

3.   Kummenti ġenerali: Iċ-ċittadini Ewropej u l-moviment liberu

3.1

L-Unjoni Ewropea għandha timmobilizza l-kapaċità sħiħa tas-suq tax-xogħol biex tħeġġeġ it-tkabbir u l-impjieg, tiżviluppa b'mod sħiħ il-potenzjal tas-suq uniku u toħloq suq tax-xogħol Ewropew dinamiku u integrat, b'perspettivi aħjar għall-impjieg fuq żmien twil. Għalhekk huwa indispensabbli li jitneħħew l-ostakli għall-moviment liberu tal-ħaddiema u jiġu garantiti d-drittijiet u r-responsabbiltajiet tal-ħaddiema u tal-intrapriżi.

3.2

Il-KESE jinsab sodisfatt li fis-Sena Ewropea taċ-Ċittadini l-Kummissjoni adottat din il-proposta għal Direttiva biex tiffaċilita l-moviment liberu tal-ħaddiema Ewropej. Il-moviment liberu tal-persuni huwa wieħed mill-erba' libertajiet fundamentali (flimkien mal-libertà tal-moviment tal-oġġetti, tal-kapital u tas-servizzi) li fuqhom huwa bbażat is-Suq Uniku, u huwa stabbilit fit-Trattat biex jiżgura d-dritt li ċ-ċittadini tal-UE li jiċċaqilqu lejn Stat Membru ieħor għal raġunijiet ta' xogħol ma jbatux minn diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità.

3.3

Fl-2011 il-Kumitat kien ħareġ Opinjoni esploratorja (2) fuq talba tal-Presidenza Belġjana li fiha ġie analizzat ir-rwol tal-immigrazzjoni fil-kuntest demografiku tal-UE. Il-konklużjoni tal-KESE kienet li, b'konsegwenza tas-sitwazzjoni demografika negattiva u tal-iżbilanċi tas-swieq tax-xogħol, l-Ewropa għandha ttejjeb il-mobbiltà interna tal-ħaddiema Ewropej u tiffaċilita l-immigrazzjoni minn pajjii terzi.

3.4

Fl-2009, il-Presidenza Ċeka wkoll kienet talbet li titfassal opinjoni esploratorja (3) biex jiġu identifikati l-ostakli għall-mobbiltà li għadhom jeżistu fis-suq intern. Il-Kumitat jemmen li, minkejja t-Trattat u l-leġislazzjoni Ewropea, iċ-ċittadini tal-Unjoni li jixtiequ jiċċaqilqu jew li jimxu minn Stat Membru għal ieħor għal raġunijiet ta' xogħol, għadhom isibu għadd ta' problemi li jxekklu bil-kbir l-eżerċizzju tad-dritt tal-moviment liberu. Fost affarijiet oħra, din l-Opinjoni ddikjarat li "il-mobbiltà Ewropea għandha tibqa' prijorità politika għall-UE" u li d-dispożizzjonijiet għandhom jikkontribwixxu għal "mobbiltà ekwa" ("fair mobility") u bilanċjata, u jevitaw id-dumping soċjali u x-xogħol mhux iddikjarat.

3.5

Il-proposta għal Direttiva tal-Kummissjoni ser tiffaċilita t-trattament indaqs u n-nondiskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità għall-ħaddiema Ewropej li jeżerċitaw id-dritt għall-moviment liberu. Iżda għad fadal ostakli oħrajn li qed ixekklu jew jipperikolaw il-mobbiltà tal-ħaddiema, li l-KESE nnota f'diversi opinjonijiet (4) li fihom ippropona diversi soluzzjonijiet, f'oqsma bħal:

il-perjodi tranżitorji li jillimitaw temporanjament il-moviment liberu tal-ħaddiema Ewropej, b'mod ġenerali jew f'oqsma speċifiċi;

il-leġislazzjonijiet dwar ix-xogħol tal-Istati Membri li joħolqu ostakli legali u amministrattivi; barra minn hekk, il-ftehimiet kollettivi għandhom jiffaċilitaw il-moviment liberu tal-ħaddiema;

il-problemi li jiffaċċjaw il-ħaddiema transkonfinali biex jeżerċitaw il-moviment liberu, f'oqsma bħat-tassazzjoni u s-sigurtà soċjali;

in-nuqqas ta' għarfien lingwistiku;

il-koordinazzjoni insuffiċjenti tas-sistemi pubbliċi ta' sigurtà soċjali u l-problemi għat-trasferiment u r-rikonoxximent tal-pensjonijiet komplementarji;

il-problemi kbar li għadhom jippersistu għar-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali u tal-kwalifiki akkademiċi;

id-diffikultajiet għall-aċċess għat-taħriġ kontinwu;

in-nuqqas ta' informazzjoni u ta' pariri dwar il-leġislazzjoni Ewropea u l-proċeduri tal-moviment liberu tal-ħaddiema li huma disponibbli fil-livell nazzjonali għall-ħaddiema, l-intrapriżi, l-imsieħba soċjali u l-NGOs, kif ukoll il-qrati u l-professjonisti legali l-oħrajn;

in-nuqqas ta' informazzjoni u ta' pariri għall-ħaddiema dwar il-kwistjonijiet relatati mal-liġi tax-xogħol u d-drittijiet soċjali, kif ukoll dwar punti ta' kuntatt fil-pajjiż ospitanti, li għandhom jingħataw qabel ma jitilqu mill-pajjiż tal-oriġini;

in-nuqqas ta' opportunitajiet u l-prezz tal-akkomodazzjoni kif ukoll in-nuqqas ta' djar soċjali;

it-taxxi, il-kontribuzzjonijiet u benefiċċji soċjali diskriminatorji;

il-problemi għall-aċċess għas-servizzi tas-saħħa;

l-ostakli fis-sistemi edukattivi tat-tfal.

3.6

Il-KESE fassal ukoll Opinjonijiet (5) dwar il-leġislazzjoni kontra d-diskriminazzjoni abbażi ta' diversi raġunijiet. Il-Kumitat jemmen li kemm ir-Regolament (UE) 492/2011 kif ukoll id-Direttivi kontra d-diskriminazzjoni Nru 2000/43/KE u 2000/78/KE għandhom jiġu rispettati u użati biex tinqered id-diskriminazzjoni tal-leġislazzjonijiet nazzjonali u tal-prattiki amministrattivi, legali u tal-ftehimiet kollettivi, biex jiġi faċilitat il-moviment liberu fl-UE.

3.7

Il-mobbiltà hija meqjusa bħala pożittiva kemm għall-intrapriżi kif ukoll għall-ħaddiema, jekk titmexxa b'mod adegwat, ġust u fuq bażi volontarja. Hekk stqarrew il-BUSINESSEUROPE u l-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trejdjunjins. L-intrapriżi ser ikollhom opportunitajiet akbar għar-reklutaġġ, u l-ħaddiema ser ikunu jistgħu jagħżlu minn fost firxa usa' ta' opportunitajiet ta' xogħol.

3.8

Għandha ssir distinzjoni bejn il-moviment liberu tal-ħaddiema li titkellem dwaru l-proposta għal Direttiva u l-libertà li l-intrapriżi jipprovdu s-servizzi. Dan l-aħħar il-KESE adotta Opinjoni (6) b'rabta mal-aħħar proposta għal Direttiva dwar iċ-ċaqliq tal-ħaddiema fil-qafas tal-prestazzjoni ta' servizzi.

3.9

Il-KESE jappoġġja l-isforzi l-ġodda għat-titjib tal-funzjonament tas-suq intern tal-UE u tal-miżuri li jiffaċilitaw il-mobbiltà, bit-tneħħija tal-ostakli li jeżistu. Il-proposta għal Direttiva ser tobbliga lill-Istati Membri jadattaw il-leġislazzjonijiet u l-istituzzjonijiet tagħhom, ħaġa li l-KESE jappoġġja. Il-Kumitat jixtieq li ma tinħoloqx burokrazija għalxejn għall-intrapriżi.

3.10

L-awtoritajiet nazzjonali u l-korpi ta' appoġġ u superviżjoni ser iħarsu b'mod speċjali għall-protezzjoni tat-trattament indaqs tal-ħaddiema migranti tal-UE li għandhom xi diżabbiltà.

4.   Osservazzjonijiet speċifiċi u rakkomandazzjonijiet

4.1

Minkejja li l-Artikolu 45 tat-Trattat u r-Regolament (UE) Nru 492/2011 jiggarantixxu t-trattament indaqs għall-migranti tal-UE fil-qafas tal-moviment liberu jekk jiġu applikati korrettament fl-Istati Membri, għadhom jippersistu diversi problemi fil-prattika. Għaldaqstant il-Kumitat jemmen li l-proposta għal Direttiva hija l-istrument legali adegwat biex jiġi faċilitat l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-ħaddiema, għax din ser twassal biex jintlaħqu l-għanijiet previsti b'mod uniformi meta tiġi inkorporata fil-leġislazzjonijiet nazzjonali. Il-Kumitat jixtieq li l-Parlament u l-Kunsill ukoll jappoġġjaw din il-proposta għal Direttiva.

4.2

Il-KESE jemmen li jekk inħarsu d-drittijiet tal-moviment liberu tal-ħaddiema Ewropej, billi niggarantixxu t-trattament indaqs, ser tiġi ffaċilitata l-mobbiltà u ser jissaħħaħ is-suq uniku. In-negozji u l-ħaddiema Ewropej ser ikollhom opportunitajiet ġodda biex igawdu b'mod sħiħ mill-potenzjal tas-suq tax-xogħol Ewropew.

4.3

Għaldaqstant il-Kumitat jemmen li t-trattament indaqs u n-nondiskriminazzjoni ser jgħinu l-integrazzjoni tal-ħaddiema migranti u tal-familji tagħhom.

4.4

Fil-kumitat konsultattiv dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema (7), kemm il-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trejdjunjins kif ukoll il-BUSINESSEUROPE kienu favorevoli għall-proposta għal Direttiva. Il-KESE jilqa' bi pjaċir l-isforzi konġunti tal-imsieħba soċjali Ewropej biex jappoġġjaw il-mobbiltà u l-migrazzjoni ekonomika fl-UE (8).

4.5

Barra minn hekk, il-kumitat tekniku (9) għall-moviment liberu tal-ħaddiema ser ikollu jadotta linji gwida ġodda għat-titjib tal-mobbiltà tax-xogħol.

4.6

Sabiex ikomplu jitneħħew l-ostakli attwali għall-mobbiltà għandhom jiġu adottati miżuri addizzjonali bil-għan li jkun hemm informazzjoni dwar il-liġi tax-xogħol u d-drittijiet soċjali li tkun disponibbli għall-ħaddiema mobbli fil-lingwi nazzjonali rispettivi tagħhom. Barra minn hekk għandu jiġi stabbilit id-dritt għal konsulenza individwali għall-ħaddiema. Dawn l-istrutturi ta' konsulenza għandhom jikkollaboraw u jkunu marbuta mill-qrib mal-imsieħba soċjali u l-EURES, b'tali mod li l-ħaddiema mobbli diġà jkunu informati f'pajjiżhom dwar il-kundizzjonijiet soċjali u legali tal-pajjiż ospitanti.

4.7

Meta tiġi trasposta korrettament fil-leġislazzjonijiet nazzjonali, id-Direttiva ser tobbliga lill-awtoritajiet pubbliċi jiggarantixxu l-applikazzjoni tal-leġislazzjoni Ewropea għal-libertà tal-moviment. Ser tiffaċilita wkoll l-attività tal-impjegaturi u tal-konsulenti ġuridiċi li bħalissa għadhom mhux familjari mal-leġislazzjoni Ewropea. Għaldaqstant, il-ħaddiema u l-familji tagħhom ser ikollhom aktar aċċess għall-informazzjoni u għall-protezzjoni tad-drittijiet tagħhom.

4.8

Il-KESE jappoġġja l-erba' għanijiet li identifikat il-Kummissjoni:

it-tnaqqis tad-diskriminazzjoni tal-ħaddiema migranti tal-UE minħabba n-nazzjonalità;

it-tneħħija tad-differenza bejn id-drittijiet fuq il-karta tal-ħaddiema migranti tal-UE u l-eżerċizzju tagħhom fil-prattika billi teħfief l-implimentazzjoni tajba tal-leġislazzjoni;

it-tnaqqis tal-prattiki żleali kontra l-ħaddiema migranti tal-UE;

biex il-ħaddiema migranti tal-UE jiġu mogħnija bil-kapaċitajiet biex jagħmlu hekk li d-drittijiet tagħhom jiġu rispettati.

4.9

Il-Kumitat jaqbel b'mod sħiħ mal-għan tad-Direttiva (Artikolu 1) li jiġu applikati u rispettati b'mod uniformi d-drittijiet mogħtija mill-Artikolu 45 tat-TFUE u l-Artikoli 1 sa 10 tar-Regolament (UE) Nru 492/2011, u jaqbel bis-sħiħ ukoll mal-kamp ta' applikazzjoni (Artikolu 2) li jkopri l-aspetti marbutin mal-moviment liberu tal-ħaddiema li huma inklużi fir-Regolament.

4.10

Il-KESE jemmen li r-Regolament u d-Direttiva jipproteġu d-drittijiet tal-ħaddiema transkonfinali, li huma wkoll ħaddiema Ewropej li jeżerċitaw id-dritt tal-moviment liberu.

4.11

Il-Kumitat jaqbel ukoll li l-garanzija tal-protezzjoni tad-dritt għat-trattament indaqs, il-mezzi ta' rimedju u l-iskadenzi jiġu inkorporati fis-sistemi u l-proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji ta' kull Stat Membru (Artikolu 3). Madankollu huwa jirrakkomanda lill-Istati Membri li jnaqqsu l-proċeduri amministrattivi u legali biex dawn ikunu aktar aċċessibbli għall-ħaddiema u l-membri tal-familji tagħhom.

4.12

Il-KESE jemmen li huwa adegwat ukoll it-test tal-Artikolu 4: "L-Istati Membri għandhom jiżguraw li assoċjazzjonijiet, organizzazzjonijiet jew entitajiet legali oħra, li, skont il-kriterju stabbilit fil-liġi nazzjonali tagħhom, għandhom interess leġittimu li jiżguraw li jkunu konformi mad-dispożizjonijiet ta' din id-Direttiva, ikunu jistgħu jieħdu sehem, f'isem il-ħaddiem u l-membri tal-familja tiegħu jew b'appoġġ għalihom, bl-approvazzjoni tal-ħaddiem, f'kull proċedura ġudizzjarja u/jew amministrattiva provduta għall-infurzar tad-drittijiet skont l-Artikolu 45 tat-Trattat u l-Artikoli 1 sa 10 tar-Regolament (UE) Nru 492/2011" mingħajr preġudizzju għall-proċeduri nazzjonali għar-rappreżentanza u d-difiża quddiem il-qrati. F'dan il-kuntest, huwa fundamentali r-rwol li l-leġislazzjonijiet nazzjonali jagħtu lit-trejdjunjins, li għandu jitqies mid-Direttiva.

4.13

Il-Kumitat jaqbel mal-Artikolu 5 li jobbliga lill-Istati Membri jwaqqfu strutturi u korpi għall-promozzjoni, l-analiżi, is-superviżjoni u l-appoġġ tat-trattament indaqs. Il-KESE jaqbel li, skont il-kuntest tal-pajjiżi individwali, dawn il-ħidmiet prattiċi jkunu jistgħu jingħataw lil aġenziji nazzjonali li jeżistu diġà, jew li għad iridu jinħolqu, li għandhom għanijiet simili fil-qasam tat-trattament indaqs u n-nondiskriminazzjoni. L-imsieħba soċjali għandhom jieħdu sehem f'dawn id-deċiżjonijiet b'mod obbligatorju, fil-qafas tas-sistemi nazzjonali. Fiż-żewġ każijiet dawn l-istrutturi u aġenziji għandhom jinkorporaw b'mod ċar dan il-mandat il-ġdid fost il-kompetenzi tagħhom u jirċievu riżorsi umani u finanzjarji suffiċjenti għat-twettiq ta' dawn il-ħidmiet ġodda. Il-Kumitat jipproponi li dawn l-aġenziji u l-korpi jkunu kompletament indipendenti mill-gvernijiet. Bl-istess mod, l-imsieħba soċjali fil-livell nazzjonali u reġjonali għandhom jieħdu sehem b'mod adegwat f'dawn il-korpi, fil-qafas tas-sistemi nazzjonali.

4.14

Id-Direttiva ma ssemmix ir-rwol tal-ispetturi u tal-awtoritajiet tax-xogħol li, fil-qafas tat-traspożizzjoni tad-Direttiva, ser ikollhom jaraw li r-regoli dwar it-trattament indaqs jiġu rispettati fil-kuntratti tax-xogħol, fil-ftehimiet kollettivi u fis-sistemi ta' protezzjoni soċjali. Il-Kumitat jipproponi li d-Direttiva tinkludi din il-kwistjoni.

4.15

Il-KESE jappoġġja l-erba' kompetenzi li għandu jkollhom dawn il-korpi (Artikolu 5(2)) bħal: assistenza legali jew ta' tip ieħor, stħarriġiet, rapporti u pubblikazzjoni ta' informazzjoni.

4.15.1

Is-sistema ta' "punt ta' kuntatt uniku" tista' tkun importanti ħafna biex tiġi faċilitata l-informazzjoni u biex tingħata direzzjoni lill-ħaddiema migranti dwar kif wieħed jista' jgħix u jaħdem f'kull Stat Membru. L-imsieħba soċjali għandhom ikunu involuti mill-qrib f'din is-sistema iżda jridu jikkollaboraw mal-punti ta' informazzjoni u assistenza u maċ-ċentri ta' taħriġ professjonali li jeżistu diġà fil-livell reġjonali, nazzjonali u Ewropew. Huwa importanti li jinżamm u jiġi appoġġjat ir-rwol essenzjali tal-portal EURES peress li huwa strument importanti tal-UE li jiffoka kemm fuq il-mobbiltà tal-ħaddiema kif ukoll biex il-ħiliet u l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol ikunu jaqblu. U anke hawnhekk, il-parteċipazzjoni tal-imsieħba soċjali għandha tittejjeb u tiġi garantita.

4.16

Il-KESE jemmen li d-djalogu soċjali bejn l-imsieħba soċjali tas-suq tax-xogħol u d-djalogu tripartitiku bejn il-gvern, l-organizzazzjonijiet tat-trejdjunjins u dawk ta' min iħaddem, flimkien mad-djalogu mas-soċjetà ċivili (10), huma strumenti importanti ħafna tal-politiki pubbliċi u għandhom impatt pożittiv fuq iċ-ċittadini. Għaldaqstant huwa jappoġġja l-Artikolu 6 dwar id-djalogu soċjali fil-qafas tal-proċeduri legali nazzjonali.

4.17

It-tixrid tal-informazzjoni fl-Istati Membri (Artikolu 7) huwa importanti ħafna biex il-migrazzjoni tal-ħaddiema tal-UE timxi tajjeb. Huwa vitali li l-ħaddiema u l-impjegaturi jkollhom aċċess għall-informazzjoni, biex is-suq intern u s-suq tax-xogħol Ewropew jaħdmu tajjeb. Informazzjoni adegwata u aċċessibbli tista' tillimita l-abbużi tal-impjegaturi u li l-ħaddiema jaċċettaw id-diskriminazzjoni b'mod passiv.

4.18

Il-KESE jħeġġeġ lill-ħaddiema migranti u lill-familji tagħhom biex jużaw ukoll is-sistemi ta' informazzjoni eżistenti bħall-Your Europe u l-EURES.

4.19

Il-KESE jilqa' bi pjaċir il-fatt li l-imsieħba soċjali Ewropej qed jindirizzaw il-kwistjoni tal-mobbiltà interna fl-UE u l-migrazzjoni ekonomika minn pajjiżi li mhumiex membri tal-UE fil-programm ta' ħidma konġunt tagħhom għall-2012-2014, u jipproponi li l-Kummissjoni Ewropea tniedi programmi ġodda f'kollaborazzjoni mal-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trejdjunjins u l-BUSINESSEUROPE biex tittejjeb l-informazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet tat-trejdjunjins u tal-impjegaturi fil-livell nazzjonali, biex jiġi faċilitat moviment liberu aktar ġust għall-ħaddiema Ewropej u l-familji tagħhom u l-protezzjoni tad-drittijiet tagħhom.

Brussell, 19 ta’ Settembru 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  COM(1997) 586 final, COM(2002) 72 final, COM(2007) 773 final.

(2)  ĠU C 48, 15.2.2011, pp. 6–13.

(3)  ĠU C 228, 22.9.2009, pp. 14–23.

(4)  ĠU C 68, 6.3.2012, pp. 11–14, ĠU C 191, 29.6.2012, pp. 103–107.

(5)  ĠU C 204, 18.7.2000, pp. 82–90, ĠU C 155, 29.5.2001, pp. 65–71, ĠU C 77, 31.3.2009, pp. 102–108.

(6)  ĠU C 351, 15.11.2012, pp. 61-64.

(7)  Laqgħa tat-30 ta' Ottubru tal-2012.

(8)  Programm konġunt tal-imsieħba soċjali Ewropej (2012-2014): mobbiltà, migrazzjoni ekonomika u integrazzjoni tal-ħaddiema immigranti fis-suq tax-xogħol.

(9)  Previst fir-Regolament (UE) Nru 492/2011.

(10)  ĠU C 181, 21.6.2012, pp. 137–142.


Top