EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CN0215

Kawża C-215/13 P: Appell ippreżentat fit- 23 ta’ April 2013 minn Acron OAO, Dorogobuzh OAO mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) fis- 7 ta’ Frar 2013 fil-Kawża T-235/08, Acron OAO u Dorogobuzh OAO vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

ĠU C 171, 15.6.2013, p. 23–24 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

15.6.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 171/23


Appell ippreżentat fit-23 ta’ April 2013 minn Acron OAO, Dorogobuzh OAO mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) fis-7 ta’ Frar 2013 fil-Kawża T-235/08, Acron OAO u Dorogobuzh OAO vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

(Kawża C-215/13 P)

2013/C 171/46

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: Acron OAO, Dorogobuzh OAO (rappreżentanti: B. Evtimov, E. Borovikov, avukati, D. O’Keeffe, solicitor)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, Il-Kummissjoni Ewropea, Fertilizers Europe

Talbiet tal-appellanti

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-7 ta’ Frar 2013 fil-Kawża T-235/08: Acron OAO u Dorogobuzh OAO vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea;

tagħti sentenza finali fuq il-mertu tal-kawża, u tannulla r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 236/2008, tal-10 ta’ Marzu 2008, li jwaqqaf ir-reviżjoni interim parzjali skond l-Artikolu 11(3) tar-Regolament (KE) Nru 384/96 tad-dazju ta’ anti-dumping fuq importazzjonijiet ta’ nitrat ta’ l-ammonju li joriġina fir-Russja (1), sa fejn jaffettwa lill-appellanti;

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll għall-ispejjeż tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, inklużi l-ispejjeż tal-appellanti fiż-żewġ istanzi;

tordna li l-intervenjenti Fertilizers Europe għandha tbati l-ispejjeż tagħha fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, kif ukoll l-ispejjeż tagħha fil-każ tal-eventwali intervent tagħha fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, u li għandha tbati l-ispejjeż kollha sostnuti mill-appellanti marbuta mal-intervent(i) tagħha.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali:

interpretat b’mod żbaljat l-ewwel subparagrafu tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku antidumping, u b’dan il-mod id-dispożizzjoni korrispondenti tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2.2.1.1 tal-Ftehim dwar l-Implementazzjoni tal-Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ 1994 fl-Anness 1A tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (iktar ’il quddiem il-“FAD”);

ikkonfermat interpretazzjoni legali żbaljata u ksur tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku antidumping u b’dan il-mod tad-dispożizzjoni korrispondenti tal-Artikolu 2.2 FAD;

ma wettqitx evalwazzjoni legali korretta tar-relazzjoni bejn, minn naħa, it-tieni sentenza tal-Artikolu 2(5) u, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku antidumping, u konsegwentement ikkonfermat interpretazzjoni legali żbaljata tal-premessi 3 u 4 tal-preambolu tar-Regolament (KE) 1972/2002 u għaldaqstant tal-ewwel subparagrafu tat-tieni sentenza tal-Artikolu 2(5), u ma żguratx il-konsistenza ta’ din l-interpretazzjoni/dispożizzjoni mal-FDA.


(1)  ĠU L 75, p. 1


Top