Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CN0159

    Kawża C-159/13 P: Appell ippreżentat fit- 28 ta’ Marzu 2013 minn Fercal — Consultadoria e Serviços, Ld a mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) fl- 24 ta’ Jannar 2013 fil-Kawża T-474/09, Fercal vs UASI — Jacson of Scandinavia (Jackson Shoes)

    ĠU C 171, 15.6.2013, p. 18–19 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    15.6.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 171/18


    Appell ippreżentat fit-28 ta’ Marzu 2013 minn Fercal — Consultadoria e Serviços, Lda mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) fl-24 ta’ Jannar 2013 fil-Kawża T-474/09, Fercal vs UASI — Jacson of Scandinavia (Jackson Shoes)

    (Kawża C-159/13 P)

    2013/C 171/36

    Lingwa tal-kawża: il-Portugiż

    Partijiet

    Appellanti: Fercal — Consultadoria e Serviços, Lda (rappreżentant: A. J. Rodrigues, avukat)

    Parti oħra fil-proċedura: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

    Talbiet tal-appellanti

    tannulla d-deċiżjoni adottata fl-24 ta’ Jannar 2012 u nnotifikata fil-25 ta’ Jannar 2013 mill-Ħames Awla tal-Qorti [Ġenerali] fil-Kawża T-474/09 u, konsegwentement, tannulla d-deċiżjoni adottata mit-Tieni Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (iktar ’il quddiem, l-“UASI”), tat-18 ta’ Awwissu 2009, Każ R 1253/2008-2, fil-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità Nru 2004 C (talba għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja Nru 1 077 858, JACKSON SHOES), li ġiet innotifikata lir-rikorrenti fit-30 ta’ Settembru 2009, anki f’konformità mad-dispożizzjonijiet legali applikabbli tad-dritt Komunitarju;

    barra minn hekk, it-trade mark tal-appellanti tinżamm valida u fis-seħħ;

    tikkundanna lill-appellata għall-ispejjeż tal-kawża.

    Aggravji u argumenti prinċipali

    Filwaqt li huwa minnu li jeżisti xebh viżiv u fonetiku bejn l-ismijiet JACKSON u JACSON, il-paragun bejn is-sinjali inkwistjoni għandu jsir billi dawn jiġu kkunsidrati bl-isem sħiħ tagħhom: JACKSON SHOES/JACSON OF SCANDINAVIA AB.

    Mill-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE (1), tal-21 ta’ Diċembru 1988, jirriżulta li l-perċezzjoni tat-trade marks mill-perspettiva tal-konsumatur medju hija determinanti fl-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni.

    Konsumatur medju li jevalwa globalment is-sinjali inkwistjoni, jifhem faċilment li quddiemu għandu sinjali distintivi ta’ tip differenti: trade mark u isem kummerċjali — f’dan il-każ, permezz tal-inklużjoni tal-akronimu “AB” li kkontribwixxa sabiex ineħħi kull possibbiltà li l-konsumatur medju jiġi konfuż mit-trade mark “JACKSON SHOES”.

    Dan l-aspett, għall-appellanti, huwa rilevanti, ġaladarba l-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva 89/104/KEE jistabbilixxi li l-perċezzjoni tat-trade marks min-naħa tal-konsumatur medju huwa determinanti fl-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni.

    Dawn huma sinjali b’funzjonijiet iddefiniti u distinti ħafna: it-trade mark huwa sinjal adegwat sabiex jiġu distinti prodotti jew servizzi ta’ impriża minn dawk ta’ impriżi oħra (Artikolu 4, in fine tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja), inkwantu l-isem kummerċjali jservi bħala identifikazzjoni ta’ impriża u b’tali mod jiddistingwiha minn impriżi oħra.

    Min-naħa l-oħra, l-użu ta’ ismijiet li jinxtiebhu — li huma ta’ użu komuni f’pajjiżi varji — ma huwiex tali li joħloq probabbiltà ta’ konfużjoni, meta dawn l-ismijiet jingħaqdu ma’ elementi oħra, fejn, ma joħloqx konfużjoni fil-konsumatur medju u konsegwentement ma jagħtix lok għal kompetizzjoni żleali billi joħloq konfużjoni bejn il-prodotti tal-appellanti u dawk tal-appellata.

    Ma jistax jiġi rikonoxxut (bħala bażi f’sempliċi isem kummerċjali fl-Isvezja) dritt ta’ użu esklużiv (fl-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea!) ta’ isem li jintuża b’mod komuni f’bosta pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea, minn eluf ta’ persuni u, ukoll minn impriżi oħra.

    Barra minn hekk ma jistax jiġi rikonoxxut lill-appellata d-dritt li tipprekludi lill-appellanti tirreġistra t-trade mark JACKSON SHOES fil-klassi 25, meta, de facto, diġà jeżistu trade marks Komunitarji oħra b’dan l-isem fil-klassi 25.

    Għandu jingħad ukoll li l-appellata ammettiet il-koeżistenza fis-suq tat-trade marks varji elenkati u deskritti mill-appellanti, u qatt ma qiegħdet inkwistjoni u lanqas ma allegat min-naħa tagħha li wħud minnhom setgħu joħolqu konfużjoni fil-konsumatur medju jew li bejniethom kienu kunfliġġenti.

    Min jadotta bħala sinjal distintiv element b’kapaċità distintiva dgħajfa, jew li jinsab f’ħafna sinjali distintivi oħra ta’ terzi, ma jistax jipprekludi li dan l-istess sinjal (jew li jixxiebah) jintuża mill-ġdid minn terzi, flimkien ma’ elementi oħra.

    Xejn ma jipprekludi l-koeżistenza — li barra minn hekk teżisti diġà — bejn sinjali distintivi b’ismijiet komuni li jixxiebhu, ġaladarba meta dawn jitqiegħdu ħdejn xulxin ikun hemm distinzjoni bejniethom.

    Huwa minnu li l-appellanti, bil-kontra ta’ dak li allegat l-appellata, ipproduċiet bosta provi tal-eżistenza u tal-attività kummerċjali tagħha mhux biss fiż-żona Komunitarja kollha iżda wkoll f’pajjiżi tal-Amerka ta’ Fuq u tal-Afrika ta’ Fuq, mhux fil-katalogu bħal fil-każ tal-appellata ġaladarba huwa redatt esklużivament fil-lingwa materna, li min-naħa tiegħu huwa limitat mill-perspettiva ġeografika, iżda b’mod multilingwi b’rappreżentazzjonijiet fl-iktar fieri mondjali importanti taż-żraben.

    It-trade mark Komunitarja JACKSON SHOES ma tistax tiġi konfuża mal-isem kummerċjali JACSON OF SCANDINAVIA AB, tant li ilhom jikkoeżistu diġà għal ħafna żmien u ebda waħda mill-partijiet ma invokat preġudizzji minħabba l-koeżistenza u lanqas ma qiegħdet inkwistjoni l-kompetizzjoni tal-prodotti, billi huwa minnu li, barra minn hekk, il-konsumatur, permezz tas-sinjali kunfliġġenti, jifhem faċilment li quddiemu għandu trade mark u isem kummerċjali, fejn dan huwa każ, mingħajr dubju, ta’ żewġ sinjali distintivi ta’ tip differenti.

    Barra minn hekk, kif inhu rikonoxxut mis-sentenza u kif inhu paċifiku bejn il-partijiet, meta jitqiegħdu f’paragun ħdejn xulxin quddiem il-konsumatur medju ma teżistix konfużjoni u ma jiġux konfużi waħda b’oħra, u “[…] l-eżami tax-xebh tat-trade marks għandu jieħu inkunsiderazzjoni x-xebh bejniethom” [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Novembru 2009, Spa Monopole vs UASI — De Francesco Import (SpagO), T-438/07, Ġabra p. II-4115, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata].

    Għandu jingħad ukoll, u dan huwa ta’ importanza kbira sabiex il-kawża tingħata deċiżjoni xierqa, li l-appellata, jiġifieri l-UASI, awtorizzat ir-reġistrazzjoni ta’ numru ta’ trade marks bl-espressjoni “JAKSON”, sabiex tindika żraben, fejn għalhekk hija ma tistax teskludi ruħha kompletament minn din ir-realtà meta tiddeċiedi applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja ġdida bl-istess isem (komuni) “JAKSON”.

    Jekk tiġi injorata din ir-realtà jkun qed isir aġir diskrezzjonali fejn jitqiegħed inkwistjoni l-prinċipju ta’ ugwaljanza.

    Id-deċiżjoni appellata tikser l-Artikoli 8(4) u 53(1)(ċ) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 (2), tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja.


    (1)  L-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 92).

    (2)  ĠU L 78, p. 1.


    Top