Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CN0133

    Kawża C-133/13: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Raad van State (il-Pajjiżi l-Baxxi) fit- 18 ta’ Marzu 2013 — Staatssecretaris van Economische Zaken, Staatssecretaris van Financië vs Q

    ĠU C 171, 15.6.2013, p. 13–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    15.6.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 171/13


    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Raad van State (il-Pajjiżi l-Baxxi) fit-18 ta’ Marzu 2013 — Staatssecretaris van Economische Zaken, Staatssecretaris van Financië vs Q

    (Kawża C-133/13)

    2013/C 171/25

    Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

    Qorti tar-rinviju

    Raad van State

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Rikorrenti:

     

    Staatssecretaris van Economische Zaken

     

    Staatssecretaris van Financiën

    Konvenut: Q

    Domandi preliminari

    (1)

    L-importanza tal-preżervazzjoni ta’ siti naturali nazzonali u tal-patrimonju kulturali u storiku, fis-sens tan-Natuurschoonwet 1928, tikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tiġġustifika leġiżlazzjoni li permezz tagħha l-applikazzjoni ta’ eżenzjoni mit-taxxa fuq id-donazzjonijiet (vantaġġ fiskali) hija rriżervata għad-dominji rurali li jinsabu fil-Pajjiżi l-Baxxi?

    (2)

    (a)

    Fil-kuntest ta’ investigazzjoni intiża sabiex jiġi ddeterminat jekk proprjetà immobbli li jinsab fi Stat Membru ieħor jistax jiġi kklassifikat bħala dominju rurali fis-sens tan-Natuurschoonwet 1928, l-awtoritajiet ta’ Stat Membru jistgħu, sabiex jiksbu l-assistenza tal-awtoritajiet tal-Istat Membru fejn tinsab il-proprjetà immobbli, jinvokaw id-Direttiva tal-Kunsill 2010/24/UE (1), tas-16 ta’ Marzu 2010, dwar l-assistenza reċiproka għall-irkupru ta’ talbiet relatati ma’ taxxi, dazji u miżuri oħra, meta l-klassifikazzjoni bħala dominju rurali abbażi tal-liġi ċċitata iktar ’il fuq għandha l-effett li tagħti lok għal dritt għal eżenzjoni mill-ġbir tat-taxxa fuq id-donazzjonijiet dovuta fid-data tad-donazzjoni tal-proprjetà immobbli inkwistjoni?

    (b)

    F’każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-mistoqsija 2.a), il-kunċett ta’ “indaġni amministrattiva” li jinsab fl-Artikolu 3(7) tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE (2), tal-15 ta’ Frar 2011, dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni u li tħassar id-direttiva 77/799/KEE għandu jiġi interpretat bħala jista’ jinkorpora investigazzjoni fuq il-post?

    (ċ)

    F’każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-mistoqsija 2.b), il-kunċett ta’ “indaġni amminstrattiva” li jinsab fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2010/24/UE […], jista’ jiġi ppreċiżat fuq il-bażi tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “indaġni amminstrattiva” li jinsab fl-Artikolu 3(7) tad-Direttiva 2011/16/UE […]?

    (3)

    Jekk hemm lok li tingħata risposta fin-negattiv għad-domanda 2.a), għad-domanda 2.b) jew għad-domanda 2.ċ), il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, meħud flimkien mal-Artikolu 167(2) TFUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li jimplika li, meta Stat Membru jitlob l-assistenza lil Stat Membru ieħor fil-kuntest ta’ investigazzjoni intiża sabiex jiġi ddeterminat jekk proprjetà immobbli li jinsab f’dan l-Istat Membru l-ieħor jistax jiġi kklassifikat bħala dominju rurali fis-sens ta’ liġi li għandha bħala għan il-preservazzjoni u l-protezzjoni tas-siti naturali nazzjonali u tal-patrimonju storiku u kulturali ta’ pajjiż, l-Istat Membru rikjest għandu l-obbligu li jipprovdi din l-assistenza?

    (4)

    Restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital tista tiġi ġġustifikata min-neċessità li tiġi ggarantita l-effiċjenza tal-kontrolli fiskali jekk din l-effiċjenza tidher li tista tkun kompromessa biss mill-fatt li l-awtoritajiet nazzjonali huma obbligati li jmorru, matul il-perijodu ta’ 25 sena msemmija mill-Artikolu 7(1) tan-Natuurschoonwet 1928, fi Stat Membru ieħor sabiex iwettqu l-kontrolli neċessarji?


    (1)  ĠU L 84, p. 1.

    (2)  ĠU L 64, p. 1.


    Top