Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012CA0081

    Kawża C-81/12: Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal- 25 ta’ April 2013 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Curtea de Apel București — ir-Rumanija) — Asociația ACCEPT vs Consiliul Național pentru Combaterea Discriminării (Politika soċjali — Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol — Direttiva 2000/78/KE — Artikoli 2(2)(a), 10(1) u 17 — Projbizzjoni ta’ diskriminazzjonijiet ibbażati fuq l-orjentament sesswali — Kunċett ta’ “fatti li minnhom wieħed jista” jippreżumi li kien hemm diskriminazzjoni’ — Adattament tar-regoli dwar l-oneru tal-prova — Sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi — Persuna li tippreżenta ruħha u li hija pperċepita mill-pubbliku bħala li hija d-direttur ta’ klabb tal-futbol professjonali — Dikjarazzjonijiet pubbliċi li jeskludu r-reklutaġġ ta’ plejer tal-futbol ippreżentat bħala omosesswali)

    ĠU C 171, 15.6.2013, p. 8–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    15.6.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 171/8


    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-25 ta’ April 2013 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Curtea de Apel București — ir-Rumanija) — Asociația ACCEPT vs Consiliul Național pentru Combaterea Discriminării

    (Kawża C-81/12) (1)

    (Politika soċjali - Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol - Direttiva 2000/78/KE - Artikoli 2(2)(a), 10(1) u 17 - Projbizzjoni ta’ diskriminazzjonijiet ibbażati fuq l-orjentament sesswali - Kunċett ta’ “fatti li minnhom wieħed jista” jippreżumi li kien hemm diskriminazzjoni’ - Adattament tar-regoli dwar l-oneru tal-prova - Sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi - Persuna li tippreżenta ruħha u li hija pperċepita mill-pubbliku bħala li hija d-direttur ta’ klabb tal-futbol professjonali - Dikjarazzjonijiet pubbliċi li jeskludu r-reklutaġġ ta’ plejer tal-futbol ippreżentat bħala omosesswali)

    2013/C 171/14

    Lingwa tal-kawża: ir-Rumen

    Qorti tar-rinviju

    Curtea de Apel București

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Rikorrenti: Asociația ACCEPT

    Konvenut: Consiliul Național pentru Combaterea Discriminării

    Suġġett

    Talba għal deċiżjoni preliminari — Curtea de Apel București — Interpretazzjoni tal-Artikoli 2(2)(a), 10(1) u 17 tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79) — Kriterji diskriminatorji fl-għażla tal-persunal ta’ klabb tal-futbol, relatati mal-orjentament sesswali — Applikabbiltà tad-Direttiva fil-każ ta’ dikjarazzjonijiet diskriminatorji lill-istampa, fin-nuqqas ta’ proċess ta’ reklutaġġ effettiv — Fatti li minnhom wieħed jista’ jippreżumi li kien hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta — Oneru tal-prova — Sistema ta’ sanzjonijiet applikabbli fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza ta’ dispożizzjonijiet — Ammissibbiltà ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprekludi l-applikazzjoni ta’ sanzjoni kontravenzjonali wara l-iskadenza ta’ terminu ta’ preskrizzjoni ta’ sitt xhur — Obbligu li tiġi imposta sanzjoni effettiva, proporzjonata u dissważiva

    Dispożittiv

    (1)

    L-Aritkoli 2(2) u 10(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, għandhom jiġu interpretati fis-sens li fatti bħal dawk li wasslu għat-tilwima fil-kawża prinċipali jistgħu jiġu kklassifikati bħala “fatti li minnhom wieħed jista’ jippreżumi li kien hemm diskriminazzjoni” fir-rigward ta’ klabb tal-futbol professjonali f’sitwazzjoni fejn id-dikjarazzjonijiet ikkonċernati jsiru minn persuna li tippreżenta ruħha, u li hija pperċepita mill-mezzi tax-xandir u mis-soċjetà, bħala d-direttur prinċipali ta’ dan il-klabb, mingħajr madankollu ma jkollha neċessarjament il-kapaċità legali li torbot jew li tirrappreżenta lil dan il-klabb fil-qasam tar-reklutaġġ.

    (2)

    L-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2000/78 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fl-eventwalità li fatti bħal dawk li wasslu għat-tilwima fil-kawża prinċipali jiġu kklassifikati bħala “fatti li minnhom wieħed jista’ jippreżumi li kien hemm diskriminazzjoni” bbażata fuq l-orjentament sesswali fil-kuntest tar-reklutaġġ ta’ plejers minn klabb tal-futbol professjonali, l-adattament tar-regoli dwar l-oneru tal-prova previst fl-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2000/78 ma jwassalx sabiex tkun meħtieġa prova li ma tistax tiġi prodotta mingħajr ma jiġi ppreġudikat id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata.

    (3)

    L-Artikolu 17 tad-Direttiva 2000/78 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li, fil-każ li tiġi kkonstatata diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentament sesswali, fis-sens ta’ din id-direttiva, l-unika sanzjoni li tista’ tingħata meta tali konstatazzjoni ssir wara l-iskadenza ta’ terminu ta’ preskrizzjoni ta’ sitt xhur mid-data li fiha jkunu seħħew il-fatti hija twiddiba bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali jekk, skont din l-istess leġiżlazzjoni, tali diskriminazzjoni ma tkunx issanzjonata f’kundizzjonijiet sostantivi u proċedurali li jagħtu lis-sanzjoni natura effettiva, proporzjonata u dissważiva. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk dan huwiex il-każ fir-rigward tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali u, jekk dan ikun il-każ, hija għandha tinterpreta d-dritt nazzjonali, sa fejn ikun possibbli, fid-dawl tat-test u tal-għan tad-direttiva msemmija bil-għan li jintlaħaq ir-riżultat mixtieq minn din id-direttiva.


    (1)  ĠU C 126, 28.4.2012.


    Top