Questo documento è un estratto del sito web EUR-Lex.
Documento 52012XX0218(03)
Final Report of the Hearing Officer — COMP/39.605 — CRT Glass
Rapport Finali tal-Uffiċjal tas-Seduta – COMP/39.605 – Ħġieġ għat-Tubi tar-Raġġi Katodiċi
Rapport Finali tal-Uffiċjal tas-Seduta – COMP/39.605 – Ħġieġ għat-Tubi tar-Raġġi Katodiċi
ĠU C 48, 18.2.2012, pagg. 16–17
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
18.2.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 48/16 |
Rapport Finali tal-Uffiċjal tas-Seduta (1)
COMP/39.605 – Ħġieġ għat-Tubi tar-Raġġi Katodiċi
2012/C 48/06
Din il-proċedura ta’ riżolviment ta' tilwim tikkonċerna każ ta’ kartell bejn l-erba’ produtturi ta’ ħġieġ għat-Tubi tar-Raġġi Katodiċi (“CRT”): Asahi Glass Co., Ltd, Nippon Electric Glass Co., Ltd, Samsung Corning Precision Materials Co., Ltd. u Schott AG bl-għan li jikkoordinaw il-prezzijiet għas-settur tal-ħġieġ għat-Tubi tar-Raġġi Katodiċi. Il-ksur li sar mill-kartell kien ikopri ż-ŻEE kollha u dam mit-23 ta’ Frar 1999 sas-27 ta’ Diċembru 2004.
SFOND
Waqt li bdiet tiġbor l-informazzjoni dwar is-suq tal-ħġieġ għat-Tubi tar-Raġġi Katodiċi, il-Kummissjoni rċeviet applikazzjoni ta’ immunità ta’ Samsung Corning, li kienet mogħtija b’mod kundizzjonali fl-10 ta’ Frar 2009. F’Marzu 2009 il-Kummissjoni wettqet spezzjonijiet għall-għarrieda fil-bini ta’ Schott. F’Ġunju 2009 Nippon Electric Glass applikat għal immunità jew, alternattivament, għal klemenza. F’Marzu 2010 Schott applikat għal klemenza.
Meta bdiet il-proċedura skont l-Artikolu 11(6) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (2) fid-29 ta’ Ġunju 2010, il-Kummissjoni stiednet lill-erba' kumpaniji sabiex jindikaw l-interess tagħhom għal parteċipazzjoni fid-diskussjonijiet ta’ riżolviment ta’ tilwim (3). Il-kumpaniji kollha aċċettaw l-istedina.
IL-PROĊEDURA TA’ RIŻOLVIMENT TA’ TILWIM
Id-diskussjonijiet ta’ riżolviment ta’ tilwim ġew organizzati fi tliet fażijiet ewlenin bejn Lulju 2010 u Lulju 2011 u matul dan il-perjodu kien hemm tliet sensiliet ta’ laqgħat bilaterali formali li seħħew bejn il-Kummissjoni u kull waħda mill-partijiet.
Matul dawn il-laqgħat, il-partijiet ġew infurmati bil-fomm bl-oġġezzjonijiet li l-Kummissjoni kienet qed tipprevedi li tressaq kontrihom kif ukoll bil-provi li kienu jsostnu dawn l-oġġezzjonijiet. Wara l-ewwel laqgħa ta’ Lulju 2010, il-partijiet ingħataw aċċess għall-provi rilevanti, id-dikjarazzjonijiet orali kollha u l-lista tad-dokumenti kollha fil-fajl tal-Kummissjoni li jinsabu fil-bini tad-DĠ għall-Kompetizzjoni kif ukoll kopja tal-provi li kienet diġà ntweriet lilhom qabel. Fuq talbiet introdotti minn Asahi Glass, Nippon Electric Glass u Schott, u safejn kien iġġustifikat għall-partijiet li jiċċaraw il-pożizzjonijiet tagħhom rigward perijodu ta’ żmien jew kwalunkwe aspett ieħor tal-kartell, il-partijiet kollha ġew mogħtija aċċess għal dokumenti addizzjonali elenkati fil-fajl tal-każ. Il-partijiet ġew provduti wkoll bi stima tas-sensiela ta’ multi li probabbilment kienu se jiġu imposti mill-Kummissjoni fi ħdan il-qafas tal-proċedura ta’ riżolviment ta’ tilwim.
Fl-aħħar tat-tielet sensiela ta’ laqgħat, Asahi Glass, Nippon Electric Glass, Samsung Corning u Schott talbu li jħallsu (4) u għarfu r-responsabbilità rispettiva tagħhom għal ksur tal-Artikolu 101 tat-TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-ŻEE. Barra minn hekk, il-partijiet għarfu li huma responsabbli għall-imġiba tas-sussidjarji tagħhom li kienu involuti fil-kartell. Indikaw ukoll l-ammont massimu tal-multa li kienu ġew infurmati dwaru mill-Kummissjoni u li huma jaċċettaw fil-qafas tal-proċedura ta’ riżolviment ta’ tilwim. Fis-sottomissjonijiet tagħhom ta’ riżolviment ta’ tilwim il-partijiet ikkonfermaw (i) li huma kienu ġew infurmati biżżejjed dwar l-oġġezzjonijiet li l-Kummissjoni kienet qed tipprevedi li tressaq kontrihom u li kienu ngħataw opportunità biżżejjed biex iressqu l-opinjonijiet tagħhom dwarhom, (ii) li ma kinux qed jipprevedu li jitolbu aċċess għall-fajl jew li jinstemgħu matul seduta orali, sakemm id-Dikjarazzjoni ta' Oġġezzjonijiet (“DO”) u d-Deċiżjoni finali tkun tirrifletti s-sottomissjonijiet ta’ riżolviment ta’ tilwim tagħhom u (iii) li kienu qablu li jirċievu d-DO u d-Deċiżjoni finali bl-Ingliż.
Wara l-adozzjoni tad-DO mill-Kummissjoni fid-29 ta’ Lulju 2011, il-partijiet kollha kkonfermaw fit-tweġiba tagħhom li d-DO kienet tikkorrispondi għall-kontenut tas-sottomissjonijiet tagħhom ta’ riżolviment ta’ tilwim. Il-Kummissjoni setgħat għalhekk tipproċedi direttament għal deċiżjoni skont l-Artikoli 7 u 13 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003.
L-ABBOZZ TA' DEĊIŻJONI
L-abbozz ta’ Deċiżjoni jikkonferma l-oġġezzjonijiet imqajma fid-DO. Għaldaqstant jirrigwardja biss l-oġġezzjonijiet li l-partijiet ingħataw l-opportunità li jesprimu l-fehmiet tagħhom fir-rigward tagħhom.
Fid-dawl li l-partijiet ma indirizzaw l-ebda kwistjoni dwar l-aċċess għall-fajl jew id-drittijiet tad-difiża tagħhom lili jew lill-membru tal-Uffiċċju għas-Seduti li attenda l-laqgħat ta’ riżolviment ta’ tilwim, jiena nqis li f’dan il-każ id-dritt tal-partijiet kollha fil-proċeduri li jinstemgħu ġie rispettat.
Brussell, it-18 ta’ Ottubru 2011.
Michael ALBERS
(1) Skont l-Artikolu 15 (Artikoli 15 u 16) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (2001/462/KE, KEFA) tat-23 ta' Mejju 2001 dwar it-termini ta' referenza ta' Uffiċjali tas-Seduta f'ċerti proċeduri tal-kompetizzjoni – ĠU L 162, 19.6.2001, p. 21.
(2) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 dwar l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat – ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1.
(3) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) 622/2008 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 773/2004, fir-rigward ta’ kif jitmexxew il-proċeduri għar-riżolviment f’każi ta’ kartelli, ĠU L 171, 1.7.2008, p. 3, u l-Avviż tal-Kummissjoni dwar il-mod ta' proċedimenti ta' riżolviment ta' tilwim bil-għan li jiġu adottati Deċiżjonijiet skont l-Artikolu 7 u l-Artikolu 23 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 fil-każijiet tal-kartelli, ĠU C 167, 2.7.2008, p. 1.
(4) L-Artikolu 10a(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004 tas-7 ta' April 2004 dwar it-tmexxija ta' proċeduri mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 81 sa 82 tat-Trattat tal-KE, ĠU L 123, 27.4.2004, p. 18.